Official Journal L 214 , 06/08/1997 P. 0054 - 0054
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 1997 li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali, bl-esklużjoni tal-prodotti tas-sajd, li joriġinaw fil-Madagaskar (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (97/517/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/675/KEE tal-10 ta’ Diċembru 1990 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazjoni tal-kontrolli veterinarji fuq il-prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi [1], kif l-aħħar emendata permezz tad-Direttiva 96/43/KE [2], u b’mod partikulari l-Artikolu 19 tagħha, Billi l-ispezzjonijiet tal-Komunità fil-Madagaskar urew li hemm nuqqasijiet serji fl-infrastruttura u l-iġjene fl-istabbilimenti tal-laħam u m’hemmx biżżejjed garanziji tal-effiċjenza tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti; billi l-amministrazzjoni tas-saħħa tal-annimali fil-Madakaskar turi nuqqasijiet serji u n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli Komunitarji; billi hemm riskju potenzjali għas-saħħa pubblika fir-rigward tal-produzzjoni u l-ipproċesar tal-prodotti tal-annimali, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd, f’dan il-pajjiż; Billi l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd, mill-Madagaskar m’għandiex titħalla sakemm ikun jista’ jiġi garantit li ma’ jeżisti ebda riskju; Billi din id-Deċiżjoni sa tiġi riveduta qabel it-30 ta’ Novmbru 1997; Billi l-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-prodotti li ġejjin mill-annimali, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd, li joriġinaw fil-Madagaskar. Artikolu 2 Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/516/KE [3], l-Isati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjoni tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali. Iżda, l-kunsinni li jkunu telqu mill-Madagaskar qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, u li jkunu presentati fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-Komunità għall-importazzjoni qabel il-15 ta’ Awwissu 1997, għandhom jiġu sottomessi għall-eżami fiżiku iktar bir-reqqa u jekk ikun hemm bżonn, eżami mikrobioloġiku sabiex jiġu ndividwati, b’mod partikulari, il-Bacillus anthracis u l-Clostridium chauvoei. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni se tiġi riveduta qabel it-30 ta’ November 1997. Artikolu 4 L-Istati Membri għandhom jimmodifikaw il-miżuri li japplikaw fil-kummerċ sabiex iġibuhom konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan minnufih. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fl-1 ta’ August 1997. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU Nru L 373, tal-31.12.1990, p. 1. [2] ĠU Nru L 162, ta’ l-1.7.1996, p. 1. [3] Ara paġna 53 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali. --------------------------------------------------