European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2910

26.11.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2910

tat-28 ta’ Mejju 2024

dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi l-ħatt l-art tal-qabdiet kollha ta’ speċijiet li huma soġġetti għal limiti ta’ qbid u, fil-Mediterran, anki l-ħatt l-art ta’ qabdiet ta’ ċerti speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi (“l-obbligu ta’ ħatt l-art”). L-Artikolu 15(1) ta’ dak ir-Regolament ikopri l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni f’ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi.

(2)

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati għall-għan tal-implimentazzjoni ta’ obbligi internazzjonali fid-dritt tal-Unjoni, inkluż, b’mod partikolari, derogi mill-obbligu ta’ ħatt l-art.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/46/2023/2 tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (“GFCM”) tipprojbixxi ż-żamma abbord u l-ħatt l-art tal-gamblu aħmar kbir u tal-gamblu blu u aħmar fil-Fliegu ta’ Sqallija b’tul tal-karapaċi ta’ inqas minn 25 mm.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/46/2023/3 tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (“GFCM”) tipprojbixxi ż-żamma abbord u l-ħatt l-art tal-gamblu aħmar kbir u tal-gamblu blu u aħmar fil-Baħar Jonju b’tul tal-karapaċi ta’ inqas minn 25 mm.

(5)

Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/46/2023/4 tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (“GFCM”) tipprojbixxi ż-żamma abbord u l-ħatt l-art tal-gamblu aħmar kbir u tal-gamblu blu u aħmar fil-Baħar Levantin b’tul tal-karapaċi ta’ inqas minn 25 mm.

(6)

Il-paragrafu 4 ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet jagħti l-possibbiltà ta’ marġni ta’ tolleranza ta’ 5 % għall-qabdiet inċidentali tal-gamblu aħmar kbir u tal-gamblu blu u aħmar iżgħar mid-daqs minimu.

(7)

Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/46/2023/14 tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (“GFCM”) tipprojbixxi ż-żamma abbord u l-ħatt l-art tal-lampuka fil-Baħar Mediterran ta’ tul totali ta’ inqas minn 35 cm. Barra minn hekk, il-paragrafu 16 tar-Rakkomandazzjoni jagħti l-possibbiltà ta’ marġni ta’ tolleranza ta’ 5 % għall-qabdiet inċidentali tal-lampuka taħt id-daqs minimu.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn dawk ir-Rakkomandazzjonijiet u d-dritt tal-Unjoni, l-obbligu ta’ ħatt l-art fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jenħtieġ li ma japplikax għall-bastimenti tal-Unjoni li jipparteċipaw fis-sajd kopert minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

(9)

Peress li din il-projbizzjoni bħalissa tapplika fiż-żona ta’ applikazzjoni tal-Ftehim tal-GFCM, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi derogi mill-obbligu ta’ ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-għan tal-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni skont il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran. Dan japplika għall-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni f’ilmijiet li ma jaqgħux taħt is-sovranità jew l-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“is-Subżoni Ġeografiċi tal-GFCM” (“GSAs”) tfisser is-Subżoni Ġeografiċi tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (“GFCM”) kif inhuma definiti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

2.

“il-Baħar Mediterran” tfisser l-ilmijiet fis-subżoni ġeografiċi minn 1 sa 27 tal-GFCM, kif definiti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124;

3.

“il-Fliegu ta’ Sqallija” tfisser l-ilmijiet fis-subżoni ġeografiċi 12, 13, 14, 15 u 16 tal-GFCM, kif definiti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124;

4.

“il-Baħar Jonju” tfisser l-ilmijiet fis-subżoni ġeografiċi 19, 20 u 21 tal-GFCM, kif definiti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124;

5.

“il-Baħar Levantin” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 24, 25, 26 u 27 tal-GFCM, kif definiti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124.

Artikolu 3

Gamblu aħmar kbir u gamblu blu u aħmar

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-gamblu aħmar kbir (Aristaeomorpha foliacea) u għall-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) fil-Fliegu ta’ Sqallija, fil-Baħar Jonju u fil-Baħar Levantin.

2.   B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ipprojbit li l-gamblu aħmar kbir (Aristaeomorpha foliacea) u l-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) jiġu mmirati, jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati, ittrasferiti, jinħattu l-art, jiġu ttrasportati, jinħażnu, jintwerew jew jiġu offruti għall-bejgħ taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni stabbilit għat-tul tal-karapaċi ta’ 25 mm.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, qabdiet inċidentali ta’ massimu ta’ 5 % tal-gamblu aħmar kbir (Aristaeomorpha foliacea) u tal-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) ta’ tul tal-karapaċi ta’ inqas minn 25 mm jistgħu jinżammu abbord, jiġu ttrasbordati, ittrasferiti, jinħattu l-art, jiġu ttrasportati, jinħażnu, jinbiegħu, jintwerew jew jiġu offruti għall-bejgħ.

4.   Il-perċentwal ta’ 5 % imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-piż tal-gamblu aħmar kbir u tal-gamblu blu u aħmar tal-qabda totali tal-bastiment għal kull ħatt l-art.

Artikolu 4

Lampuka

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal-lampuka (Coryphaena hippurus) fil-Baħar Mediterran mistada permezz ta’ rkaptu biex jinġema’ l-ħut (Fish Aggregating Devices, FADs).

2.   B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ipprojbit li l-lampuka (Coryphaena hippurus) tiġi mmirata, tinżamm abbord, tiġi ttrażbordata, tiġi ttrasferita, tinħatt l-art, tiġi ttrasportata, tinħażen, tintwera jew tiġi offruta għall-bejgħ taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni stabbilit għat-tul totali ta’ 35 cm.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, qabdiet inċidentali ta’ massimu ta’ 5 % tal-lampuka (Coryphaena hippurus) tat-tul totali ta’ inqas minn 35 cm tista’ tinżamm abbord, tiġi ttrażbordata, tiġi ttrasferita, tinħatt l-art, tiġi ttrasportata, tinħażen, tintwera jew tiġi offruta għall-bejgħ.

4.   Il-perċentwal ta’ 5 % imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-piż jew/u l-għadd ta’ ħut għal kull ħatt l-art tal-qabda totali tal-lampuka tal-bastimenti.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1380/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2023/2124 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2023 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (GFCM) (ĠU L, 2023/2124, 12.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2124/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2910/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)