SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
13 ta’ Frar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-servizz universali) – Networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Servizz universali u drittijiet tal-utenti – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti konklużi bejn konsumatur u impriża li tipprovdi servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Iffaċilitar tal-bidla ta’ fornitur – Artikolu 30(5) – Perijodu inizjali ta’ impenn – Kunċett”
Fil-Kawża C‑612/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Settembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura
Verbraucherzentrale Berlin eV
vs
Vodafone GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), E. Regan, J. Passer u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Verbraucherzentrale Berlin eV, minn S. Fitzner, Rechtsanwältin, |
|
– |
għal Vodafone GmbH, minn C. Rohnke, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Gariazzo, L. Malferrari u G. Meessen, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizz universali”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Verbraucherzentrale Berlin eV, assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi”), u Vodafone GmbH, fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, inkluż fil-qasam tat-telefonija mobbli, dwar prattika kummerċjali implimentata minn dan il-fornitur fil-konfront tal-konsumaturi. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva dwar is-servizz universali
|
3 |
Il-premessi 2, 30 u 49 tad-Direttiva dwar is-servizz universali kienu jipprovdu:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kuntratti”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jabbonaw għal servizzi li jipprovdu konnessjoni lil network ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u/jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli, konsumaturi, u utenti oħra aħħarin li hekk jitolbu, għandhom dritt għal kuntratt ma’ impriża jew impriżi li jipprovdu tali konnessjoni u/jew servizzi. […]” |
|
5 |
L-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Iffaċilitar ta’ bdil minn fornitur għal ieħor”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 5 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika ma jagħtux mandat għal perijodu iniżjali ta’ impenn li jeċċedi 24 xahar. L-Istati Membri jridu wkoll jiżguraw li l-impriżi joffru lill-utenti l-possibilità li jabbonaw b’kuntratt bi żmien massimu ta’ 12‑il xahar.” |
Id‑Direttiva 2009/136
|
6 |
Skont il-premessa 47 tad-Direttiva 2009/136: “Sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-ambjent kompetittiv, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u jibdlu minn fornitur għal ieħor meta jkun fl-interess tagħhom li jagħmlu dan. Hu essenzjali li jiġi żgurat li dan ikunu jistgħu jagħmluh mingħajr ma jiġu mfixkla minn ostakli legali, tekniċi jew metodi prattiċi, inklużi kondizzjonijiet, proċeduri, ħlasijiet, eċċ. kuntrattwali. [Dan ma jipprekludix l-impożizzjoni ta’ perijodi kuntrattwali minimi raġonevoli fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi]. Il-portabbiltà tan-numri huwa faċilitatur ewlieni tal-għażliet għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi u l-kompetizzjoni effikaċi fis-swieq kompetittivi għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u għandu jiġi implimentat mingħajr dewmien żejjed, hekk li n-numru ikun funzjonalment attivat fi żmien ġurnata waħda tax-xogħol u l-utent ma jesperjenzax telf ta’ servizz li jdum aktar minn ġurnata waħda tax-xogħol. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jippreskrivu l-proċess globali tal-portabbiltà tan-numri, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kuntratti u l-iżviluppi teknoloġiċi. L-esperjenza miksuba f’uħud mill-Istati Membri wriet li hemm riskju li l-konsumaturi jinbidlilhom il-fornitur mingħajr ma jkun ingħata l-kunsens tagħhom. Filwaqt li din hija kwistjoni li għandha tiġi indirizzata l-ewwel nett mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimponu miżuri proporzjonati minimi bħal dawn fir-rigward tal-proċess ta’ kommutazzjoni, inklużi sanzjonijiet xierqa, kif huma meħtieġa biex jitnaqqsu riskji bħal dawn u sabiex jiżguraw li l-konsumaturi jkunu protetti matul il-proċess kollu ta’ kommutazzjoni, mingħajr ma l-proċess isir inqas attraenti għalihom”. |
Id‑Direttiva (UE) 2018/1972
|
7 |
Id-Direttiva dwar is-servizz universali tħassret bid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164, u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36). Skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness XIII ta’ din tal-aħħar, l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva dwar is-servizz universali jikkorrispondi għall-Artikolu 105(1) tad-Direttiva 2018/1972. Dan l-Artikolu 105, intitolat “It-tul u t-terminazzjoni tal-kuntratt”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ma jkunux diżinċentiv għall-bdil tal-fornitur tas-servizz u li l-kuntratti konklużi bejn konsumaturi u fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għajr servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri u, għajr servizzi ta’ trażmissjoni użati għall-forniment ta’ servizzi minn magna għal magna, ma jagħtux mandat għal perijodu ta’ impenn li jkun itwal minn 24 xahar. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li jitolbu perijodi massimi iqsar ta’ impenn kuntrattwali. […] 3. Fejn kuntratt jew liġi nazzjonali jipprovdu għal prolungament awtomatiku ta’ durata fissa għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għajr servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri u għajr servizzi ta’ trażmissjoni użati għall-forniment ta’ servizzi minn magna għal magna, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, wara tali prolungament, l-utenti finali jkunu intitolati li jtemmu l-kuntratt fi kwalunkwe mument b’perijodu massimu ta’ notifika ta’ xahar, kif determinat mill-Istati Membri u bla ma jġarrbu l-ebda spiża ħlief il-ħlasijiet sabiex jiġi riċevut is-servizz matul il-perijodu ta’ notifika. Qabel ma l-kuntratt jiġi estiż awtomatikament, il-fornituri għandhom jinfurmaw lill-utenti finali, b’mod prominenti u f’waqtu u b’mezz li jservi għal żmien twil, dwar it-tmiem tal-impenn kuntrattwali u dwar il-mezz biex jiġi mitmum il-kuntratt. Barra minn hekk, u fl-istess ħin, il-fornituri għandhom jagħtu lill-utenti finali l-aħjar pariri dwar it-tariffi b’rabta mas-servizzi tagħhom. Il-fornituri għandhom jagħtu lill-utenti finali dawk l-aħjar informazzjoni dwar it-tariffi mill-inqas darba fis-sena. […]” |
|
8 |
Konformement mal-Artikoli 124 u 125, rispettivament, ta’ din id-direttiva, it-terminu għat-traspożizzjoni tagħha fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri kien jiskadi fil‑21 ta’ Diċembru 2020 u d-Direttiva dwar is-servizz universali tħassret b’effett minn din l-istess data. |
Id‑dritt Ġermaniż
|
9 |
Skont l-Artikolu 43b tat-Telekommunikationsgesetz (il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet) tat‑22 ta’ Ġunju 2004 (BGBI. 2004 I, p. 1190), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem it-“TKG”): “Il-perijodu inizjali ta’ impenn ta’ kuntratt bejn konsumatur u fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku ma għandux jeċċedi 24 xahar. […]” |
|
10 |
L-Artikolu 307 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), jipprovdi: “(1) Id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ ma humiex applikabbli meta jiżvantaġġjaw b’mod indebitu u kuntrarjament għall-prinċipji tal-bona fide lill-parti kontraenti tal-persuna li tużahom. Żvantaġġ indebitu jista’ jirriżulta wkoll mill-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex ċara u komprensibbli. (2) Fil-każ ta’ dubju, għandu jiġi rrikonoxxut li jeżisti żvantaġġ indebitu meta dispożizzjoni:
(3) Il-paragrafi 1 u 2 kif ukoll l-Artikoli 308 u 309 japplikaw biss għad-dispożizzjonijiet ta’ kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ li għandhom l-għan li jidderogaw minn dispożizzjonijiet legali jew li jikkompletawhom. Dispożizzjonijiet oħra jistgħu ma jkunux applikabbli skont id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-ewwel u tat-tieni sentenza tal-paragrafu 1”. |
|
11 |
Skont l-Artikolu 309 tal-BGB: “Anki sa fejn huwa permess li ssir deroga mid-dispożizzjonijiet legali, id-dispożizzjonijiet [li ġejjin] li jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali huma mingħajr effett[:] […]
[…]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
12 |
L-assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi ressqet azzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kontra Vodafone, ibbażata fuq allegat ksur, minn din tal-aħħar, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi għad-detriment ta’ klijenti eżistenti bħall-klijenti Nri 1 u 2 imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
13 |
Kull wieħed minn dawn il-klijenti tal-aħħar kien ikkonkluda ma’ Vodafone l-ewwel kuntratt għal żmien determinat. Matul is-sena 2018, qabel l-iskadenza tal-kuntratti tagħhom, kull wieħed minn dawn iż-żewġ klijenti xtaq ibiddel il-formula tal-abbonament tiegħu, sabiex ikun jista’ jixtri, permezz ta’ tariffa mensili ogħla, telefon ċellulari ġdid bi prezz imnaqqas. |
|
14 |
Għal dan l-għan, il-klijent Nru 1 iffirma addendum għall-ewwel kuntratt tiegħu li fih kien indikat li dan kien “kuntratt ġdid”, konkluż “qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ impenn” u li perijodu ġdid ta’ impenn ta’ 24 xahar kellu jibda jiddekorri mill-ewwel jum wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ impenn tal-ewwel kuntratt. Dan il-klijent irċieva immedjatament it-telefon ċellulari miftiehem u Vodafone applikat immedjatament it-tariffa l-ġdida prevista minn dan l-addendum. |
|
15 |
Min-naħa tiegħu, il-klijent Nru 2 iffirma dokument intitolat “Proroga tal-kuntratt” li fih ġie stabbilit perijodu ta’ impenn ta’ 26 xahar. F’dan ir-rigward, Vodafone ippreċiżat lil dan il-klijent li l-perijodu residwu tal-ewwel kuntratt li huwa kien iffirma u li kien għadu ma skadiex, kellu jiżdied mal-perijodu kuntrattwali minimu ta’ 24 xahar. |
|
16 |
Insostenn tal-azzjoni tagħha għal mandat ta’ inibizzjoni, l-assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi sostniet li, minħabba l-prattika kummerċjali deskritta fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza, il-klijenti kienu marbuta għal perijodu ta’ iktar minn 24 xahar, bi ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 43b tat-TKG u, fi kwalunkwe każ, tal-punt 9(a) tal-Artikolu 309 tal-BGB. Vodafone ma qablitx li din il-prattika kummerċjali kienet tikkonċerna biss estensjonijiet ta’ kuntratti miftiehma b’mod reċiproku u li ma jaqgħux taħt dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
17 |
Il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) laqgħet, parzjalment, dik l-azzjoni billi ddeċidiet li, għalkemm il-prattika kummerċjali kkontestata ma kinitx kuntrarja għad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, peress li dawn tal-aħħar kienu jirrigwardaw biss it-tul tal-ewwel kuntratt u mhux dak tal-kuntratti sussegwenti bħal dawk li jirriżultaw mill-iffirmar tal-addendum u tad-dokument imsemmija fil-punti 14 u 15, rispettivament, ta’ din is-sentenza, il-ftehimiet konklużi mal-klijenti Nri 1 u 2 kienu jinkludu, madankollu, kundizzjonijiet ġenerali li jiksru l-Artikolu 307 tal-BGB. |
|
18 |
Kull waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali appellat minn dik is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar laqgħet l-appell tal-assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi u ċaħdet dak ta’ Vodafone, għar-raġuni li l-prattika kummerċjali koperta mill-azzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni kienet effettivament kuntrarja għall-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali, interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. |
|
19 |
Dik is-sentenza ġiet annullata mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) li rrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, billi qieset li kien hemm elementi fattwali tat-tilwima li ma kinux ġew stabbiliti bi preċiżjoni suffiċjenti. |
|
20 |
Adita mill-ġdid b’din it-tilwima, il-qorti tar-rinviju tqis li l-addendum u d-dokument iffirmati mill-klijenti Nri 1 u 2 rispettivament kellhom jidħlu fis-seħħ u jiġu eżegwiti mid-data tal-iffirmar tagħhom. |
|
21 |
Issa, dik il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “perijodu inizjali ta’ impenn” li jinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 43b tat-TKG, li l-portata tagħha hija kontroversjali fil-Ġermanja. |
|
22 |
Skont l-ewwel perspettiva, dan il-kunċett jikkonċerna biss l-ewwel kuntratt konkluż bejn klijent u fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet. Għaldaqstant, il-limitazzjoni ratione temporis prevista fl-Artikolu 30(5) tad-Direttiva dwar is-servizz universali ma tapplikax għall-estensjonijiet ta’ tali kuntratti, kemm taċiti kif ukoll li jirriżultaw minn ftehim ġdid konkluż bejn l-istess partijiet, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-estensjonijiet iwasslux għal bidliet fil-kundizzjonijiet kuntrattwali. |
|
23 |
Skont it-tieni perspettiva, difiża mill-qorti tar-rinviju, b’“perijodu inizjali ta’ impenn” għandu jinftiehem kull perijodu ta’ impenn, filwaqt li huwa mifhum li l-konsumatur għandu fi kwalunkwe każ ikollu l-possibbiltà li jtemm il-kuntratt mal-iskadenza tal-perijodu kuntrattwali li ma jeċċedix 24 xahar imsemmi fid-Direttiva dwar is-servizz universali. F’dan ir-rigward, l-ewwel, tali interpretazzjoni hija koerenti mal-għan imsemmi fil-premessa 47 tad-Direttiva 2009/136, li hija intiża sabiex tagħti lill-konsumatur il-possibbiltà li jtemm kuntratt mal-iskadenza ta’ perijodu kuntrattwali minimu raġonevoli “[s]abiex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-ambjent kompetittiv”. It-tieni, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “perijodu inizjali ta’ impenn”, bħal dik stipulata fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, tkun timplika li ma jeżistux rekwiżiti ċari fir-rigward tat-tul tal-kuntratti sussegwenti konklużi bejn il-partijiet fl-ewwel kuntratt. It-tielet nett, din l-interpretazzjoni tal-aħħar tistabbilixxi distinzjoni bejn is-sempliċi proroga ta’ kuntratt u l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid li jimplika x-xoljiment tal-kuntratt preċedenti, li jagħmel l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizz universali dipendenti fuq kunċetti nazzjonali. |
|
24 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-ommissjoni, fl-Artikolu 105(1) tad-Direttiva 2018/1972, tal-kelma “inizjali” li tinsab fl-Artikolu 30(5) tad-Direttiva dwar is-servizz universali hija spjegata mill-fatt li l-kwistjoni tal-estensjonijiet awtomatiċi tal-kuntratti għal żmien determinat issa hija rregolata mill-Artikolu 105(3) ta’ din id-direttiva. |
|
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Għandu jitqies li ‘perijodu inizjali ta’ impenn’ [fis-sens tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva dwar is-servizz universali] ikopri biss il-perijodu kuntrattwali ta’ kuntratt inizjali jew għandu jitqies li jkopri wkoll il-perijodu ta’ kuntratt ta’ estensjoni bbażat fuq dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni attwali, li jkun ġie konkluż u li jkun daħal fis-seħħ ħafna qabel l-iskadenza tal-kuntratt inizjali, f’sitwazzjoni fejn il-kuntratt ta’ estensjoni jkollu bħala suġġett prestazzjonijiet differenti għall-impriża u għall-klient meta mqabbla ma’ dawk tal-kuntratt inizjali?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
26 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva dwar is-servizz universali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “perijodu inizjali ta’ impenn” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jkopri kemm it-tul tal-ewwel kuntratt konkluż bejn konsumatur u fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll dak ta’ kuntratt sussegwenti konkluż bejn l-istess partijiet, b’tali mod li dan il-kuntratt sussegwenti ma jistax jimponi perijodu ta’ impenn li jeċċedi 24 xahar, inkluż meta dan ikun ġie ffirmat u eżegwit qabel l-iskadenza tal-ewwel kuntratt. |
|
27 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tqis li d-Direttiva dwar is-servizz universali, li issa tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2018/1972, hija applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali. Hija tindika b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli għal din it-tilwima, azzjoni bħal dik imressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tintlaqa’ biss jekk il-prattika kummerċjali kkontestata kienet illegali fiż-żmien tal-fatti li fuqhom hija bbażata tali azzjoni. Issa, f’dan il-każ, dawn il-fatti seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2018/1972, b’tali mod li huwa fid-dawl tad-Direttiva dwar is-servizz universali li għandha tiġi evalwata l-prattika kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jiddefinixxu l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnhom (digriet tal‑25 ta’ Marzu 2022, IP et (Stabbiliment tal-materjalità tal-fatti fil-kawża prinċipali), C‑609/21, EU:C:2022:232, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija bħala prinċipju meħtieġa li tibbaża ruħha fuq il-kwalifikazzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen, C‑807/21, EU:C:2023:950, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi interpretat l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva dwar is-servizz universali. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li mill-verżjonijiet tagħha bil-lingwa Spanjola, Ġermaniża, Griega, Ingliża u dik Franċiża jista’ jiġi dedott li l-aġġettiv “inizjali”, ifformat fil-femminil f’dawn il-lingwi, ma huwiex intiż sabiex jikklassifika l-“kuntratti” jew l-“impenn”, iżda l-“perijodu ta’ impenn”, li jfisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jistabbilixxi distinzjoni bejn l-ewwel kuntratt u l-kuntratti sussegwenti konklużi bejn l-istess partijiet. Madankollu, verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, bħal dawk bil-lingwa Taljana u Portugiża, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li huma intiżi li jimponu rekwiżit ta’ perijodu ta’ impenn li ma jeċċedix 24 xahar biss fir-rigward tal-“impenn inizjali”, jiġifieri, essenzjalment, l-ewwel kuntratt iffirmat mill-partijiet ikkonċernati. |
|
31 |
Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jsegwi li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni u, fil-każ ta’ diverġenzi bejn dawn id-diversi verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li interpretazzjoni tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva dwar is-servizz universali li ma jistax ikun hemm distinzjoni bejn l-ewwel kuntratt u l-kuntratt sussegwenti konkluż bejn l-istess partijiet hija konformi mal-għan ta’ din id-direttiva. |
|
33 |
Fil-fatt, bħalma jsegwi mit-titolu stess tal-Artikolu 30 tad-Direttiva dwar is-servizz universali u mill-premessa 47 tad-Direttiva 2019/136, l-għan prinċipali ta’ dan l-Artikolu 30 huwa li jiffaċilita lill-konsumaturi l-bidla, b’għarfien sħiħ tal-fatti, ta’ fornitur, meta dan ikun fl-interess tagħhom, sabiex dawn il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-ambjent kompetittiv. Issa, interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 30 fis-sens li l-espressjoni “perijodu inizjali ta’ impenn” tkopri biss dak tal-ewwel kuntratt konkluż bejn il-partijiet ikkonċernati u mhux dak tal-kuntratti sussegwenti konklużi bejn l-istess partijiet ikollha l-konsegwenza li tirrendi iktar diffiċli, potenzjalment għal perijodi twal, il-bidla ta’ fornitur mill-imsemmija konsumaturi u, għalhekk, jekk ikun il-każ, li ċċaħħadhom mill-possibbiltà li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-kompetizzjoni fil-qasam ikkonċernat. |
|
34 |
B’mod partikolari, minn naħa, għalkemm jista’, ċertament, jitqies li, billi jiddeċiedi li jimpenja ruħu mill-ġdid mal-istess fornitur, il-konsumatur juri fiduċja fil-konfront ta’ dan tal-aħħar, dan ma għandux madankollu, fir-rigward ta’ dan l-għan, ikollu l-konsegwenza li jipprekludi lil dan il-konsumatur milli jbiddel il-fornitur jekk tiġi ppreżentata lilu offerta iktar interessanti. |
|
35 |
Min-naħa l-oħra, mill-premessi 2 u 30 tad-Direttiva dwar is-servizz universali jsegwi, essenzjalment, li l-protezzjoni tal-konsumaturi tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva. Issa, għalkemm, meta jiddeċiedi li jimpenja ruħu mill-ġdid mal-istess fornitur fi tmiem l-ewwel perijodu kuntrattwali, il-konsumatur ikollu, ċertament, ċerta esperjenza tal-prattiki kummerċjali tal-parti kontraenti tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li din l-esperjenza tista’ tirriżulta irrilevanti jekk l-impenn il-ġdid meħud ikun jimplika, fuq iż-żewġ naħat, servizzi ta’ natura differenti minn dawk ikkonċernati mill-ewwel kuntratt. Għalhekk, il-livell ta’ protezzjoni li għandu jibbenefika minnu l-konsumatur ma jistax ikun inqas għoli meta dan jagħti l-kunsens tiegħu għal bidliet f’kuntratt li jorbtu ma’ fornitur milli meta jintrabat permezz ta’ tali kuntratt għall-ewwel darba ma’ fornitur ġdid. |
|
36 |
Dan huwa a fortiori l-każ f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kuntratt sussegwenti konkluż bejn il-partijiet ikkonċernati jinkludi modifiki li jikkonċernaw klawżoli essenzjali meta mqabbla mal-ewwel kuntratt konkluż bejn dawn il-partijiet, bħal dawk li jirrigwardaw it-tariffi, il-kontenut jew in-natura tas-servizzi kkonċernati. |
|
37 |
Ċertament, bħalma jsegwi mill-premessa 47 tad-Direttiva 2009/136, it-tneħħija ta’ kull ostakolu legali, tekniku jew prattiku li jista’ jirrendi diffiċli għall-konsumaturi li jbiddlu l-fornitur ma tasalx sal-punt li tipprekludi l-impożizzjoni ta’ perijodi kuntrattwali minimi raġonevoli fil-kuntratti konklużi ma’ dawn tal-aħħar. Madankollu, interpretazzjoni tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2002/22 li tippermetti lil fornitur jimponi, għal impenn ġdid meħud ma’ wieħed mill-abbonati tiegħu, perijodu itwal mill-perijodu ta’ impenn massimu impost minn din id-dispożizzjoni ma tistax titqies li hija konformi mal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni li stabbilixxa, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, limitu ta’ żmien li ma għandux jinqabeż. |
|
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva dwar is-servizz universali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “perijodu inizjali ta’ impenn” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jkopri kemm il-perijodu tal-ewwel kuntratt konkluż bejn konsumatur u fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll dak ta’ kuntratt sussegwenti konkluż bejn l-istess partijiet, b’tali mod li dan il-kuntratt sussegwenti ma jistax jimponi perijodu ta’ impenn li jeċċedi 24 xahar, inkluż meta dan ikun ġie ffirmat u eżegwit qabel l-iskadenza tal-ewwel kuntratt. |
Fuq l‑ispejjeż
|
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
il-kunċett ta’ “perijodu inizjali ta’ impenn” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jkopri kemm il-perijodu tal-ewwel kuntratt konkluż bejn konsumatur u fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll dak ta’ kuntratt sussegwenti konkluż bejn l-istess partijiet, b’tali mod li dan il-kuntratt sussegwenti ma jistax jimponi perijodu ta’ impenn li jeċċedi 24 xahar, inkluż meta dan ikun ġie ffirmat u eżegwit qabel l-iskadenza tal-ewwel kuntratt. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.