30.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1409

tas-27 ta’ Awwissu 2021

dwar l-awtorizzazzjoni tal-fitomenadjon bħala addittiv tal-għalf għaż-żwiemel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-fitomenadjon (2). Flimkien ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

L-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-fitomenadjon bħala addittiv tal-għalf għaż-żwiemel L-applikant talab biex dan l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrittivi”.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tas-17 ta’ Marzu 2021 (3) l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti, il-fitomenadjon ma għandux effetti avversi fuq is-saħħa tal-annimali, fuq is-sikurezza tal-konsumaturi u fuq l-ambjent. L-awtorità kkonkludiet li l-utenti mhux se jiġu esposti għal riskju mill-inalazzjoni meta l-addittiv jiġi ppreżentat f’forma solida jew f’likwidu viskuż. Id-data mill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur tindika li l-vitamina K1 tista’ tiġi kategorizzata bħala sensitizzatur tal-ġilda. Għall-preparazzjonijiet, l-Awtorità ma setgħetx tikkonkludi dwar il-potenzjal tagħhom li jkunu tossiċi għall-inalazzjoni jew dwar il-potenzjal tagħhom ta’ irritant tal-ġilda/tal-għajnejn. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-utenti tal-addittiv u tal-preparazzjonijiet tiegħu. L-Awtorità kkonkludiet li l-fitomenadjon huwa kkunsidrat bħala sors effikaċi ta’ vitamina K1 għaż-żwiemel, meta jiżdied mal-għalf. L-Awtorità ma tqisx li hemm bżonn ta’ rekwiżiti speċifiċi għas-sorveljanza ta’ wara t-tqegħid fis-suq. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittivi tal-għalf fl-għalf li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni tal-fitomenadjon turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu tal-fitomenadjon jiġi awtorizzat. Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi nutrittiv” u mill-grupp funzjonali “vitamini, provitamini u sustanzi definiti tajjeb kimikament li jkollhom effett simili”, hija awtorizzata bħala addittiv tal-għalf fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Magħruf ukoll bħala vitamina K1.

(3)  EFSA Journal 2021;19(4):6538


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimali

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

mg ta’ sustanza attiva għal kull kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija ta’ addittivi nutrittivi. Grupp funzjonali: vitamini, provitamini u sustanzi definiti tajjeb kimikament li jkollhom effett simili

3a712

“Fitomenadjon” jew “Vitamina K1”

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparazzjoni li fiha ≥ 4,2 % ta’ fitomenadjon.

Forma solida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

2-metil-3-[(E,7R,11R)-3,7,11,15-tetrametileżadek-2-enil] nafthalen-1,4-djon

Formula kimika: C31H46O2

Numru CAS: 84-80-0

Purità: ≥ 97 % għas-somma tal-isomeri ta’ E-fitomenadjon, E-epossifitomenadjon u Z-fitomenadjon

Kriterji tal-purità:

—

≥ 75 % E-fitomenadjon;

—

≤ 4 % E-epossifitomenadjon

Prodott b’sinteżi kimika

Metodu analitiku  (1)

Għad-determinazzjoni tal-fitomenadjon fl-addittiv tal-għalf: – Kromatografija Likwida bi Prestazzjoni Għolja - Farmakopea Ewropea (8.0, 01/2014:1036).

Għad-determinazzjoni tal-fitomenadjon fil-preparazzjoni tal-addittiv u fl-għalf għall-bhejjem supplimentari: –Kromatografija Likwida bi Prestazzjoni Għolja b’detezzjoni Fluworexxenti (HPLC-FLD)

Żwiemel

-

-

-

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, il-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà għat-trattament bis-sħana għandhom jiġu indikati.

2.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali mill-inalazzjoni, l-irritazzjoni tal-ġilda jew tal-għajnejn u s-sensitizzazzjoni tal-ġilda, li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jistgħux jiġu eliminati jew jitnaqqsu għal livell minimu permezz ta’ tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali xieraq, inkluż bi protezzjoni għall-ġilda, għall-għajnejn u għan-nifs.

19.9.2031


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports