SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
10 ta’ Settembru 2009 ( *1 )
“Appell — Fond Ewropew għall-iżvilupp reġjonali (FEŻR) — Titjib tal-infrastrutturi għal finijiet ta’ żvilupp tal-attività turistika fir-Regione Campania (l-Italja) — Waqfien tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Entità reġjonali jew lokali — Atti li jikkonċernaw direttament u individwalment lil din l-entità”
Fil-Kawżi magħquda C-445/07 P u C-455/07 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati fit-28 ta’ Settembru 2007 u fil-5 ta’ Ottubru 2007,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Flynn, bħala aġent, assistit minn A. Dal Ferro, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
appellanti fil-Kawża C-445/07 P,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Ente per le Ville Vesuviane, stabbilita f’Napli (l-Italja), irrappreżentata minn E. Soprano, avukat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
u
Ente per le Ville Vesuviane, stabbilita f’Napli (l-Italja), irrappreżentata minn E. Soprano, avukat,
appellanti fil-Kawża C-455/07 P,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Flynn, bħala aġent, assistit minn A. Dal Ferro, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, A. Borg Barthet u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta’ Lulju 2007, Ente per le Ville Vesuviane vs Il-Kummissjoni (T-189/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. |
|
2 |
Permezz tal-appell tagħha, Ente per le Ville Vesuviane (iktar ’il quddiem “Ente”) titlob l-annullament tas-sentenza appellata li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D (2002) 810111, tat-13 ta’ Marzu 2002, li twaqqaf l-għajnuna finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) bħala investiment infrastrutturali f’Campania (l-Italja) fir-rigward ta’ sistema integrata ta’ żvilupp għal finijiet turistiċi ta’ tliet vilel Vesuvjani (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
Il-FEŻR ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 724/75 tat-18 ta’ Mejju 1975 (ĠU L 73, p. 1, u — rettifika — ĠU L 110, p. 44), kif emendat diversi drabi u ssostitwit, mill-1 ta’ Jannar 1985, bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1787/84 tad-19 ta’ Ġunju 1984 (ĠU L 169, p. 1). Fl-1988, is-sistema tal-Fondi Strutturali ġiet irriformata bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 tal-24 ta’ Ġunju 1988 dwar il-ħidmiet tal-Fondi Strutturali u l-effikaċja tagħhom u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra (ĠU L 185, p. 9). |
|
4 |
Fid-19 ta’ Diċembru 1988, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 4254/88 li jipprovdi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 374, p. 15). Ir-Regolament Nru 4254/88 issostitwixxa lir-Regolament Nru 1787/84. Dan ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2083/93 tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 34). |
|
5 |
L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 4254/88, bit-titolu “Dispożizzjonijiet tranżitorji”, jipprovdi: “Dawk il-partijiet tas-somom intiżi sabiex tingħata għajnuna għall-proġetti deċiżi mill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Jannar 1989 taħt il-FEŻR u li ma kinux is-suġġett ta’ talba għal ħlas finali lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 1995 għandhom jiġu rrilaxxati awtomatikament mill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 1995, mingħajr preġudizzju għal dawk il-proġetti li huma s-suġġett ta’ sospensjoni għal raġunijiet ġudizzjarji.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
6 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 4 sa 16 tas-sentenza appellata kif ġej:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
|
7 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Ġunju 2002, Ente ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
8 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Ente invokat numru ta’ motivi bbażati fuq ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 4254/88, ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, kif ukoll fuq nuqqas ta’ investigazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni rispettivament. |
|
9 |
Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni eċċepiet l-inammissibbiltà tar-rikors billi sostniet li Ente ma kinitx, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, “direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata”. |
|
10 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u ddikjarat ir-rikors ammissibbli. |
|
11 |
Wara li fakkret il-kundizzjonijiet li taħthom persuna fiżika jew ġuridika tista’ tiġi kkunsidrata bħala li hija “direttament ikkonċernata minn deċiżjoni” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li s-sitwazzjoni ġuridika ta’ Ente kienet sostanzjalment differenti minn dik tar-rikorrenti inkwistjoni f’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonkludew li kien hemm nuqqas ta’ interess dirett ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, C-417/04 P, Ġabra p. I-3881, u tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, C-15/06 P, Ġabra p. I-2591). |
|
12 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li, kuntrarjament għad-deċiżjonijiet tal-għoti ta’ għajnuna Komunitarja inkwistjoni fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-2 ta’ Mejju 2006 u tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, fejn dan ir-reġjun ġie msemmi biss bħala awtorità responsabbli mit-talba jew bħala awtorità responsabbli mill-implementazzjoni tal-proġett, id-deċiżjoni tal-għoti ta’ għajnuna inkwistjoni fil-każ ineżami tindika lil Ente, fl-Artikolu 3 tagħha kif ukoll fit-tielet premessa tagħha, kemm bħala awtorità responsabbli mill-implementazzjoni tal-proġett kif ukoll bħala benefiċjarju tal-għajnuna Komunitarja. |
|
13 |
Fit-tieni lok, hija rrilevat fil-punti 44 u 48 tas-sentenza appellata, li l-awtoritajiet Taljani kienu, fil-każ ineżami, indikaw b’mod ċar l-intenzjoni tagħhom li ma jintervjenux insostenn tal-benefiċjarju sabiex inaqqsu l-konsegwenzi finanzjarji ta’ tnaqqis eventwali tal-għajnuna Komunitarja, b’tali mod li l-possibbiltà li r-Repubblika Taljana tassumi mill-baġit tagħha l-ispiża finanzjarja li tikkorrispondi għall-ammont tal-finanzjament Komunitarju kkanċellat kienet biss ipotetika. |
|
14 |
Fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża SLIM Sicilia vs Il-Kummissjoni (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-6 ta’ Ġunju 2002, T-105/01, Ġabra p. II-2697), ir-rikorrenti fil-każ ineżami ġiet, fid-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna, indikata b’isimha bħala l-benefiċjarju tal-għajnuna Komunitarja u ġiet espressament awtorizzata sabiex tissottometti osservazzjonijiet lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni definittiva. In-neċessità li tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja tal-garanziji proċedurali hekk mogħtija tikkonferma d-dritt li r-rikorrenti jkollha locus standi sabiex taġixxi kontra d-deċiżjoni kkontestata. |
|
15 |
Fir-rigward tal-mertu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet bħala infondati t-tliet motivi mressqa minn Ente għar-raġunijiet stipulati fil-punti 62 sa 77, 87 sa 100 u fil-punt 101 tas-sentenza appellata rispettivament. |
It-talbiet tal-partijiet fl-appell
L-appell ippreżentat mill-Kummissjoni (Kawża C-445/07 P)
|
16 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
17 |
Ente titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
L-appell ippreżentat minn Ente (Kawża C-455/07 P)
|
18 |
Ente titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
19 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
20 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Marzu 2008, il-Kawżi C-445/07 P u C-455/07 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq l-appelli
Fuq l-appell Il-Kummissjoni vs Ente (C-445/07 P)
L-argumenti tal-partijiet
|
21 |
B’mod preliminari, il-Kummissjoni tqis li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha d-dritt tippreżenta appell għall-annullament tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza qatgħet kwistjoni ta’ proċedura dwar il-kwistjoni tal-inammissibbiltà tar-rikors, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni rebħet il-kawża, inkwantu s-sentenza appellata ċaħdet bħala infondat ir-rikors ta’ Ente. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispeċifika li s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer (C-23/00 P, Ġabra p. I-1873) u tat-22 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs max.mobil (C-141/02 P, Ġabra p. I-1283) huma applikabbli għaliha minkejja li hija qajmet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-kuntest tar-risposta tagħha u mhux permezz ta’ att separat, kif previst fl-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. |
|
23 |
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta injorat, fil-każ ineżami, il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “persuna direttament ikkonċernata” previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. |
|
24 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta qajmet ċerti elementi li jiddistingwu s-sitwazzjoni ta’ Ente minn dik tar-rikorrenti fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-2 ta’ Mejju 2006 u tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni. |
|
25 |
Qabelxejn, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li Ente ġiet indikata b’isimha fid-deċiżjoni tal-għoti ta’ għajnuna bħala benefiċjarju finali tal-għajnuna Komunitarja, kuntrarjament għar-rikorrenti fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-2 ta’ Mejju 2006 u tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, li fihom dawn dehru bħala awtorità responsabbli mit-talba u bħala awtorità responsabbli mill-implementazzjoni tal-proġett rispettivament, ma jistax jiġi kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit l-interess “dirett” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. |
|
26 |
Barra minn hekk, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza bejn il-benefiċjarju finali u l-persuna responsabbli mill-proġett hija kuntrarja għal-loġika u għat-terminoloġija tas-sistema tal-Fondi Strutturali, li hija bbażata fuq relazzjoni mill-qrib bejn dawn iż-żewġ funzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija lill-Istat Membru għandu d-dritt jieħu din l-għajnuna mhux fuq il-bażi tad-deċiżjoni Komunitarja, iżda biss bl-effett tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati wara din id-deċiżjoni. |
|
27 |
Imbagħad, il-fatt li, fil-każ ineżami, l-awtoritajiet Taljani indikaw l-intenzjoni tagħhom li l-benefiċjarju finali jassumi l-konsegwenzi finanzjarji tad-deċiżjoni kkontestata huwa irrilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-ammissibbiltà tar-rikors skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, is-sempliċi eżistenza fir-rigward tal-Istati Membri, destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, ta’ setgħa diskrezzjonali dwar l-implementazzjoni tagħha hija biżżejjed sabiex teskludi li l-imsemmija deċiżjoni jista’ jkollha effett dirett fuq persuni li m’humiex id-destinatarji tagħha [ara, b’mod partikolari, id-digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Società Lavori Impianti Metano Sicilia (SLIM Sicilia) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u tat-8 ta’ Lulju 2004, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T-341/02, Ġabra p. II-2877]. |
|
28 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li meta rrikonoxxiet lil Ente, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-locus standi minħabba n-neċessità li din tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-garanziji proċedurali mogħtija mid-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna, il-Qorti tal-Prim’Istanza marret kontra l-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha ma jistax jiġi rrikonoxxut, għan-nom tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, lil persuna fiżika jew ġuridika li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, id-dritt li tressaq rikors għall-annullament ta’ att Komunitarju li tiegħu hija mhijiex destinatarja (ara, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, u tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C-263/02 P, Ġabra p. I-3425). |
|
29 |
Skont din l-istess ġurisprudenza, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jipprevedu sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Konsegwentement, Ente kellha ssostni l-invalidità tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali billi tistiedinhom iressqu domanda preliminari dwar il-validità skont l-Artikolu 234 KE. |
|
30 |
B’mod kuntrarju għal dan, Enti tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ddeċidiet, fir-rigward tagħha, li hija kienet “persuna direttament ikkonċernata” fis-sens tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 230 KE. |
|
31 |
Qabelxejn, fir-rigward tal-kwalità ta’ benefiċjarju ta’ finanzjament Komunitarju, Ente tikkunsidra li mill-qari a contrario senso tal-punt 67 tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, jirriżulta ċar li l-benefiċjarju finali ta’ għajnuna finanzjarja huwa direttament ikkonċernat minn deċiżjoni li tħassar jew tnaqqas l-imsemmija għajnuna. Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li skontha l-benefiċjarji ta’ għajnuna mħassra jew imnaqqsa permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni huma direttament ikkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet u jistgħu jaġixxu għall-annullament tagħhom b’applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, ir-Repubblika Taljana u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I-8855, punti 34 sa 36, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-298/00 P, Ġabra p. I-4087, punt 39). |
|
32 |
Ente tqis li l-loġika tas-sistema tal-Fondi Strutturali invokati mill-Kummissjoni mhijiex applikabbli fil-kuntest tal-eżami ta’ din l-azzjoni, peress li r-regoli li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ fużjoni tal-funzjonijiet ta’ awtorità responsabbli u ta’ benefiċjarju finali huma applikabbli għal perijodi ta’ programmazzjoni li jiġu wara dak inkwistjoni fil-każ ineżami. F’dan il-kuntest, huwa wkoll inutli li wieħed jirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati wara d-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja, peress li tali miżuri ma jista’ jkollhom l-ebda effett fuq id-dritt mogħti mill-Kummissjoni lil Ente, bħala benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni. |
|
33 |
Imbagħad Ente tiċħad l-argument tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet Taljani. F’dan ir-rigward, hija ssostni prinċipalment li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa fondat inkwantu d-deċiżjoni kkontestata tinvolvi, minbarra l-obbligu tal-ħlas lura tas-somom indebitament irċevuti, ir-rilaxx ta’ somma inizjalment mogħtija iżda mhux imħallsa. Issa, tali rilaxx jipproduċi effetti diretti fir-rigward ta’ Ente, bħala benefiċjarju tal-finanzjament, mingħajr ma jkun meħtieġ intervent f’dan ir-rigward mill-awtoritajiet Taljani jew tad-dritt intern. |
|
34 |
Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta kemm mid-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, kif ukoll mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawża C-417/04 P, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, meta s-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali hija ta’ natura ipotetika, mill-mument li ma jkun hemm ebda dubju dwar l-intenzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-implementazzjoni tad-deċiżjoni Komunitarja, ir-rikorrenti tkun direttament interessata. Issa, dan huwa l-każ fil-każ ineżami, peress li l-awtoritajiet Taljani informaw formalment lill-Kummissjoni, fl-ittra tagħhom tal-21 ta’ Novembru 2001, bl-intenzjoni tagħhom li jirkupraw mingħand Ente is-somom li għandhom jitħallsu lura lill-Kummissjoni fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ waqfien tal-għajnuna. Konsegwentement, ebda volontà awtonoma tal-imsemmija awtoritajiet ma tidħol bejn id-deċiżjoni kkontestata u r-riperkussjonijiet tagħha fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna finanzjarja. |
|
35 |
F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, Ente tfakkar li, skont id-deċiżjoni tal-għoti ta’ għajnuna, hija bbenefikat mid-dritt li tinstema’ u li dan id-dritt inkiser mill-Kummissjoni waqt li din kienet qed tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dan id-dritt jikkontribwixxi sabiex jintwera l-istabbiliment ta’ rabta ġuridika diretta bejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-pożizzjoni ta’ Ente. |
|
36 |
B’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni tafferma, bl-aċċettazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kienet bl-ebda mod qed tintendi li toħloq rimedju ġudizzjarju straordinarju, iżda applikat korrettament l-Artikolu 230 KE. |
|
37 |
Ente tenfasizza li r-rimedju ssuġġerit mill-Kummissjoni, li Ente ssostni l-invalidità tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-qrati Taljani billi tistidinhom jagħmlu domanda preliminari skont l-Artikolu 234 KE, iwassal, fil-fatt, għall-inammissibbiltà ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, skont ġurisprudenza kostanti (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits et légumes et vs Il-Kunsill, Kawżi magħquda 16/62 u 17/62, Ġabra p. 901, u tal-1 ta’ April 2004, Unión de Pequeños Agricultores, iċċitata iktar ’il fuq), il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-punt b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 234 KE hija limitata biss għall-atti ta’ portata normattiva jew ġenerali. Id-deċiżjoni kkontestata, inkwantu hija att b’portata individwali, ma tistax tkun is-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
|
38 |
Barra minn hekk, jekk wieħed jaċċetta l-fatt li r-rikorrenti tista’ topponi, quddiem il-qrati nazzjonali, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi tinvoka l-illegalità tagħha dan ikun ifisser li r-rikorrenti jkollha l-fakultà li tevita n-natura definittiva li din id-deċiżjoni għandha fir-rigward tagħha wara l-iskadenza tat-termini ta’ azzjoni pprovduti fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
39 |
B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jitressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn kull parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox it-talbiet tagħha. |
|
40 |
Skont ġurisprudenza kostanti, appell minn sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa ammissibbli sa fejn din is-sentenza tkun ċaħdet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn waħda mill-partijiet fil-konfront ta’ azzjoni, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun sussegwentement ċaħdet, fl-istess sentenza, l-appell bħala infondat (sentenzi: Il-Kunsill vs Boehringer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; Il-Kummissjoni vs max.mobil, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 51, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenberger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, Ġabra p. I-4333, punt 37). |
|
41 |
Fil-kawża ineżami, huwa paċifiku li l-Kummissjoni qajmet, kif jirriżulta mill-punt 23 tas-sentenza appellata, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li din l-eċċezzjoni ġiet miċħuda fil-punt 53 ta’ din is-sentenza u li, sussegwentement fl-imsemmija sentenza, ir-rikors ta’ Ente ġie miċħud bħala infondat. |
|
42 |
Sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-appell ippreżentat mill-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li, fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, entità reġjonali jew lokali tista’, sa fejn din ikollha personalità ġuridika taħt id-dritt nazzjonali, tressaq azzjoni fil-konfront tad-deċiżjonijiet indirizzati lilha u fil-konfront tad-deċiżjonijiet li, minkejja li jkunu ttieħdu fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, jikkonċernawha direttament u individwalment (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2001, Nederlandse Antillen vs Il-Kunsill, C-452/98, Ġabra p. I-8973, punt 51, u tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Nederlandse Antillen, C-142/00 P, Ġabra p. I-3483, punt 59). |
|
43 |
Ladarba d-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata mill-Kummissjoni lir-Repubblika Taljana, għandu jiġi vverifikat jekk Ente għandhiex dritt tippreżenta rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni u, b’mod partikolari, jekk hijiex direttament u individwalment ikkonċernata minnha. |
|
44 |
Peress li ma ġiex ikkontestat li Ente kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, l-eżami tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġie llimitat għall-kwistjoni tal-interess dirett. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, hekk kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, titlob li jkunu sodisfatti ż-żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li, fl-ewwel lok, l-miżura Komunitarja kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna individwali u, fit-tieni lok, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Glencore Grain vs Il-Kummissjoni, C-404/96 P, Ġabra p. I-2435, punt 41; tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il-Parlament, C-486/01 P, Ġabra p. I-6289, punt 34; tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il-fuq, punt 28, u tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31). |
|
46 |
Dan huwa l-każ ukoll meta l-possibbiltà tad-destinatarji li ma jsegwux l-att inkwistjoni tkun biss ipotetika, peress li ma jkun hemm ebda dubju dwar l-intenzjoni tagħhom li jaġixxu b’mod konformi għal dan l-att (sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C-386/96 P, Ġabra p. I-2309, punt 44; ara ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punti 8 sa 10). |
|
47 |
Fir-rigward tal-ewwel kriterju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-nominazzjoni, f’deċiżjoni tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja, ta’ entità reġjonali jew lokali bħala awtorità responsabbli mill-implementazzjoni ta’ proġett FEŻR ma timplikax li din l-entità jkollha hi stess id-dritt għall-imsemmija għajnuna (sentenzi tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 sa 30, u tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). |
|
48 |
Barra minn hekk, il-fatt li din l-entità ġiet imsemmija bħala awtorità responsabbli mit-talba għall-għajnuna finanzjarja lanqas ma għandu l-effett li jpoġġiha f’relazzjoni diretta mal-għajnuna Komunitarja, li d-deċiżjoni tal-għoti tagħha tippreċiża li ntalbet minn u ngħatat lill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). |
|
49 |
Fil-każ ineżami, mill-punt 4 tas-sentenza appellata jirriżulta li Ente ġiet ikkostitwita permezz ta’ liġi Taljana bil-għan li tiżgura l-protezzjoni u t-tisbiħ ta’ ċertu bini arkitettorali fir-Regione Campania, li din tirrapreżenta għaqda ta’ entitajiet pubbliċi Taljani, fosthom l-istat Taljan, u li l-Kummissjoni mhija bl-ebda mod marbuta magħha. |
|
50 |
Barra minn hekk, mill-punt 5 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li t-talba għall-għajnuna FEŻR, bil-għan li Ente twettaq il-miżuri infrastrutturali previsti, ġiet imressqa mill-Istat Taljan quddiem il-Kummissjoni u li l-għajnuna ngħatat mill-Kummissjoni li dan l-Istat Membru. |
|
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrilevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, hija r-Repubblika Taljana, bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha tiġi kkunsidrata bħala l-persuna li għandha d-dritt ghall-għajnuna inkwistjoni. |
|
52 |
Barra minn hekk, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li Ente kienet obbligata, skont id-deċiżjoni kkontestata stess jew skont kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju intiża sabiex tirregola l-effetti ta’ din id-deċiżjoni, li tirrimborża s-somma li tikkorrispondi għall-ammont tal-bilanċ tal-għajnuna Komunitarja rrilaxxata. |
|
53 |
Min-naħa l-oħra, mill-punt 7 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni rriżervat espressament, fid-deċiżjoni kkontestata, il-fakultà għar-Repubblika Taljana li ma tipproċedix għall-irkupru tas-somom diġà mħallsa fuq l-inizjattiva tagħha lill-benefiċjarju tal-għajnuna finanzjarja. |
|
54 |
Minn dan jirriżulta li, b’mod kuntrarju għal dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-fatt biss li Ente ġiet indikata b’isimha, fit-tielet premessa u fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-għoti ta’ għajnuna, bħala benefiċjarju tal-għajnuna Komunitarja, mhuwiex ta’ natura li jiddistingwi s-sitwazzjoni ġuridika ta’ Ente minn dik tal-entitajiet inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-2 ta’ Mejju 2006 u tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, u ma jimplikax għalhekk li Ente għandha hi stess d-dritt għall-imsemmija għajnuna. |
|
55 |
Fir-rigward tat-tieni kriterju tal-interess dirett, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan il-kriterju jkun sodisfatt meta l-miżura Komunitarja tkun ta’ natura awtomatika u l-implementazzjoni tagħha toħroġ biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra. |
|
56 |
Fil-każ ineżami, il-fatt stess li l-awtoritajiet Taljani indikaw l-intenzjoni tagħhom li jirkupraw is-somom indebitament irċevuti minn Ente, jesprimi l-eżistenza ta’ volontà awtonoma min-naħa tagħhom, fin-nuqqas ta’ obbligi f’dan ir-rigward taħt id-dritt Komunitarju. |
|
57 |
Minn dan isegwi li, b’mod kuntrarju għal dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 46 sa 48 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-awtoritajiet Taljani esprimew, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni, l-intenzjoni tagħhom li jgħaddu lil Ente l-konsegwenzi finanzjarji ta’ deċiżjoni eventwali tal-Kummissjoni li twaqqaf l-għajnuna Komunitarja mhuwiex biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-interess dirett meħtieġ mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. |
|
58 |
Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod eċċezzjonali, li, minkejja n-nuqqas ta’ miżuri implementattivi adottati fil-livell nazzjonali, ir-rikorrent jista’ jkun “direttament interessat” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, meta fatturi oħra, fosthom il-fakultà purament ipotetika li ma jingħatax effett lid-deċiżjoni kkontestata, jippermettu li jiġi konkluż li hemm interess dirett min-naħa tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, punti 47 u 52, u Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, punti 7 u 9 sa 10). |
|
59 |
Madankollu għandu jiġi kkonstatat li din il-ġurisprudenza mhijiex applikabbli għall-każ ineżami. |
|
60 |
Fil-fatt, kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhumiex suffiċjenti sabiex ikun hemm konklużjonijiet fir-rigward tal-aġir suċċessiv tad-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata. L-interess dirett ta’ Ente ma jistax jiġi konkluż mis-sempliċi dikjarazzjoni, li ġuridikament mhijiex vinkolanti, tal-awtoritajiet Taljani tal-intenzjoni tagħhom li jirkupraw l-għajnuna mingħandha, peress li, b’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż li ċirkustanzi partikolari jistgħu jwasslu lir-Repubblika Taljana, inkwantu din hija azzjonarja f’Ente, sabiex tirrinunzja milli titlob mingħand din tal-aħħar ir-rimborż tal-għajnuna inkwistjoni. |
|
61 |
Hija wkoll nieqsa mir-rilevanza l-ġurisprudenza fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat iċċitata minn Ente fil-kuntest tal-appell tagħha. Fil-fatt, b’mod differenti mill-prassi ġeneralment segwita mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, li d-deċiżjonijiet ikollhom dispożizzjonijiet li jordnaw lill-Istati Membri sabiex jipproċedu bl-irkupru tas-somom indebiti mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna, id-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma imponiet fuq l-Istat Membru kkonċernat, kif diġà ġie rrimarkat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li jirkupra s-somom ta’ flus mingħand il-benefiċjarji finali. |
|
62 |
F’dan ir-rigward, b’mod kuntrarju għal dak li Ente ssostni, lanqas l-obbligu li l-benefiċjarju finali jiġi informat ma jista’ jitqies bħala tali ordni. |
|
63 |
Mill-premess jirriżulta li Ente ma kinitx “direttament kkonċernata”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mid-deċiżjoni kkontestata u li r-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kien għalhekk inammissibbli. |
|
64 |
Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 52 tas-sentenza appellata li n-neċessità li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja tal-garanziji proċedurali mogħtija lil Ente, partikolarment dik li tkun espressament awtorizzata tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni, tikkonferma li din għandu jkollha locus standi sabiex taġixxi kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. |
|
65 |
Fil-fatt, minkejja li l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma għandhom taħt l-ordinament ġuridiku Komunitarju (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, punt 39; Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, punt 29, u tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, punt 39), l-invokazzjoni tad-dritt għal tali protezzjoni ma tistax, mandakollu, taffettwa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 230 KE. |
|
66 |
Skont ġurisprudenza kostanti, il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux jikkontestaw direttament atti Komunitarji tat-tip tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, għandha tiġi żgurata b’mod effettiv permezz tal-proċeduri ġudizzjarji quddiem il-qrati nazzjonali. Dawn huma, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit mill-Artikolu 10 KE, marbuta li jinterpretaw u li japplikaw, sa fejn huwa possibbli, ir-regoli tal-proċedura interni li jirregolaw l-eżerċizzju tal-kawżi b’mod li jippermettu lill-persuni msemmija jikkontestaw, quddiem il-qrati, il-legalità ta’ kull miżura nazzjonali oħra li tirrigwarda l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att Komunitarju bħal dak fil-kawża preżenti, billi dawn iqajmu l-invalidità ta’ dan tal-aħħar u b’hekk iwasslu lil dawn il-qrati sabiex jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward permezz tad-domandi preliminari (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, punti 40 sa 42; Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, punti 30 sa 32 u tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, punt 39). |
|
67 |
Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li Ente hija direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata. |
Fuq l-ammissibbiltà tal-appell ta’ Ente
|
68 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-Qorti tista’ fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, taqta’ definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċidiha. |
|
69 |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi hija stess fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn Ente quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. |
|
70 |
Għar-raġunijiet esposti fil-punti 49 sa 66 ta’ din is-sentenza, Ente ma tistax titqies li hija direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata. |
|
71 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors ippreżentat minn Ente quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq l-appell Ente vs Il-Kummissjoni (Kawża C-455/07 P)
|
72 |
Fid-dawl tal-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza minn Ente, l-appell tagħha, fir-rigward tas-sentenza appellata u sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fuq il-mertu ta’ dan ir-rikors, sar issa mingħajr bażi, b’mod li m’hemmx lok li dan jiġi eżaminat. |
Fuq l-ispejjeż
|
73 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna ta’ Ente, u peress li din tal-aħħar tilfet il-kawża, hemm lok li Ente tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.