European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2134

20.10.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2134

tat-18 ta’ Settembru 2025

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u mal-Kanada, rispettivament, għal ftehimiet li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet stabbiliti f’tali pajjiżi terzi u prodotti li joriġinaw fit-territorji tagħhom fl-akkwisti appoġġati mill-Istrument SAFE stabbilit bir-Regolament (UE) 2025/1106

IL-KUNSILL TAL-UNJON I EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Mejju 2025 u fit-23 ta’ Ġunju 2025, l-Unjoni kkonkludiet Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u mal-Kanada, rispettivament, bħala eżitu tas-summits tal-mexxejja reċenti maż-żewġ pajjiżi. Dawk il-pajjiżi (il-“Pajjiżi Sħab”) talbu formalment biex jinfetħu negozjati mal-Unjoni għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali, kif previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 (1).

(2)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2025/1106 jipprevedi l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet stabbiliti f’ċerti pajjiżi terzi u prodotti li joriġinaw f’dawk il-pajjiżi fl-akkwisti appoġġati mill-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tal-Istrument għat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (l-“Istrument SAFE”), stabbilit bir-Regolament (UE) 2025/1106, soġġett għal ftehim li jrid jiġi konkluż f’konformità mal-Artikolu 218 tat-Trattat.

(3)

Il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet stabbiliti f’Pajjiżi Sħab u prodotti li joriġinaw fit-territorji tagħhom għandha l-għan li tikkontribwixxi biex tittejjeb id-disponibbiltà ta’ prodotti tad-difiża billi tappoġġa l-kooperazzjoni industrijali eżistenti u tiżgura aċċess reċiproku għal teknoloġiji tal-ogħla livell, kif ukoll biex tħaffef l-aġġustament tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) għal bidliet strutturali li jirriżultaw mid-deterjorament qawwi tal-kuntest ġeopolitiku u tas-sigurtà. Il-ftehimiet mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u mal-Kanada, rispettivament, jistgħu jikkontribwixxu biex tissaħħaħ il-prontezza tad-difiża tal-Unjoni, skont il-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030.

(4)

In-negozjati jenħtieġ li jinfetħu bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet mal-Pajjiżi Sħab fil-ħin, b’kont meħud tal-iskadenza tat-30 ta’ Novembru 2025 għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet ta’ investiment tal-Industrija Ewropea tad-difiża kif stabbilit fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2025/1106, u li jistabbilixxu r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet stabbiliti fil-Pajjiż Sieħeb rispettiv u prodotti li joriġinaw fil-Pajjiż Sieħeb rispettiv fl-akkwisti appoġġati mill-Istrument SAFE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni hija awtorizzata tiftaħ negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u mal-Kanada, rispettivament, għal ftehimiet li jistabbilixxu r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet stabbiliti f’tali pajjiżi terzi u prodotti li joriġinaw fit-territorji tagħhom fl-akkwisti appoġġati mill-Istrument SAFE stabbilit bir-Regolament (UE) 2025/1106, skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament.

2.   In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stabbiliti fl- addendum ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b’dan nnominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Industrija tad-Difiża, li huwa b’dan maħtur bħala l-kumitat speċjali previst fl-Artikolu 218(4) tat-Trattat, u f’konformità mad-direttivi stabbiliti fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni, soġġett għal kwalunkwe direttiva li l-Kunsill jista’ sussegwentement joħroġ għall-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għadha tirraporta regolarment lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Industrija tad-Difiża dwar il-progress tan-negozjati u għandha tibgħatlu d-dokumenti ta’ negozjar rilevanti kollha mingħajr dewmien.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AAGAARD


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2134/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)