Brussell, 22.11.2023

COM(2023) 722 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni Ewropea fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll biex jiġi Eliminat ial-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk


ANNESS

Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-punti 7.6 tal-aġenda “emendi possibbli għar-regoli ta’ proċedura” u 7.7 “ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni”, li għandhom jiġu diskussi fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet (“MOP”) għall-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk (“il-Protokoll”), fil-Panama mis-27 sat-30 ta’ Novembru 2023.

I. Emendi possibbli għar-regoli ta’ proċedura tal-Laqgħa tal-Partijiet (dokument FCTC/MOP/3/13)

L-Unjoni għandha:

1.Tappoġġja l-emendi proposti biex il-ħidma tal-MOP tiġi ssimplifikata u razzjonalizzata, bħall-aċċettazzjoni tal-approvazzjoni tar-rekords verbatim wara l-għeluq tas-sessjoni (l-Artikolu 60 tar-Regoli ta’ Proċedura) jew l-introduzzjoni tal-possibbiltà ġenerali ta’ webcasting dirett tal-punti tal-aġenda tas-sessjonijiet tal-MOP, soġġett għal approvazzjoni mill-MOP fil-bidu ta’ kull sessjoni (Artikolu 15, ġdid b).

2. Taqbel li tiċċara, mingħajr ma temenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP, li r-rekords verbatim tal-laqgħat plenarji huma mifhuma li jinkludu files awdjo (Artikolu 60).

3. Tappoġġja l-emenda relatata mal-arranġament għal sessjonijiet virtwali tal-MOP (Artikolu 15, ġdid c); madankollu, jenħtieġ li s-sessjonijiet virtwali ma jkunux strettament limitati għal ċirkostanzi eċċezzjonali, u b’hekk titqies ukoll il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-kostijiet ambjentali tas-sessjonijiet fil-preżenza kull meta jkun possibbli.

4.Tappoġġja l-emenda biex tiġi definita b’mod aktar ċar il-parteċipazzjoni tal-membri tal-Bureau tal-MOP fil-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat, kif ukoll l-emenda li tipprevedi l-possibbiltà li jinħatar aġent Kap tas-Segretarjat, meta jkun meħtieġ (l-Artikolu 24 ter).

5. Tappoġġja l-emenda relatata mal-preżenza ta’ midja akkreditata f’sessjonijiet pubbliċi (Artikolu 2, paragrafu 13), peress li din l-emenda twassal għal konsistenza aħjar bejn l-Artikoli 2 u 32.

6. Tappoġġja l-korrezzjoni tal-inkonsistenzi, inkluż it-tħassir tal-kelma “riżoluzzjoni” (l-Artikolu 60) u l-allinjament tad-dispożizzjonijiet dwar “organizzazzjonijiet ekonomiċi reġjonali” (l-Artikoli 2 u 29).

7. Tipproponi emenda għall-Artikolu 8 li attwalment jobbliga lis-Segretarjat iqassam l-aġenda proviżorja, flimkien ma’ dokumenti oħra tal-konferenzi, lill-Partijiet mill-inqas sittin jum qabel il-jum tal-ftuħ tas-sessjoni. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż sa 120 jum qabel il-ftuħ tas-sessjoni sabiex l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika u l-pajjiżi federali jkunu jistgħu jħejju u jistabbilixxu l-pożizzjonijiet tagħhom b’mod xieraq. Mill-inqas għandu jiġi żgurat perjodu ta’ 90 jum għal dokumenti tal-konferenzi għal deċiżjonijiet MOP li huma legalment vinkolanti fuq il-Partijiet jew li għandhom implikazzjonijiet politiċi jew legali importanti.

[pożizzjoni ta’ riżerva: L-Unjoni Ewropea tista’ taqbel ma’ kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta’ distribuzzjoni lil hinn minn 60 jum attwali qabel il-ftuħ tas-sessjoni, u mill-inqas għal dokumenti tal-konferenza għal deċiżjonijiet MOP li huma legalment vinkolanti fuq il-Partijiet jew li għandhom implikazzjonijiet politiċi jew legali importanti.]

II. Ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni: rapport tal-Bureau (dokument FCTC/MOP/3/14)

L-Unjoni għandha:

(1)Tirringrazzja lill-Bureau għar-rapport, li fih rakkomandazzjonijiet konġunti tal-Bureau tal-COP u tal-Bureau tal-MOP biex jittejjeb il-proċess tal-għażla u l-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat u l-kriterji għall-għażla tal-kandidati għall-kariga ta’ Kap tas-Segretarjat.

(2)Tappoġġja t-titjib propost tal-proċess għall-għażla u l-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat, stabbilit bid-deċiżjonijiet FCTC/COP8 (8) u FCTC/MOP1 (12), inklużi modifiki biex jiġi ssimplifikat tiġdid wieħed tal-mandat tal-Kap tas-Segretarjat għal erba’ snin oħra, dment li l-prestazzjoni tiegħu/tagħha tiġi evalwata minn qabel u vvalutata b’mod pożittiv.

(3)Tappoġġja l-kriterji mtejba għall-għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni tal-Kap tas-Segretarjat; madankollu, jenħtieġ li l-Unjoni titlob li aspetti relatati mal-Protokoll tal-FCTC jiżdiedu mal-kriterji tal-għażla. B’mod partikolari, il-kriterji dokumentarji 1 għandhom jinkludu sfond b’saħħtu, għarfien u esperjenza sostantiva fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, u l-kriterji dokumentarji 2 għandhom jinkludu esperjenza fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u rabtiet b’saħħithom mal-komunità internazzjonali kontra l-frodi.

* * *