Brussell, 20.10.2021

COM(2021) 638 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati kkonferita lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2013/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati kkonferita lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

1. INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku ( 1 ) (id-Direttiva WEEE) tistabbilixxi regoli dwar il-ġestjoni tal-WEEE bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli permezz ta’, bħala prijorità ewlenija, il-prevenzjoni tal-WEEE u, barra minn hekk, permezz tal-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u forom oħrajn ta’ rkupru ta’ dan l-iskart sabiex jitnaqqas ir-rimi tal-iskart u sabiex tikkontribwixxi għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u għall-irkupru ta’ materja prima sekondarja ta’ valur.

Id-Direttiva WEEE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, kif imsemmi fl-Artikolu 20, bil-ħsieb li:

·jiġi stabbilit kwalunkwe aġġustament tranżizzjonali sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri biex iżommu mar-rati tal-ġbir tal-WEEE stabbiliti fid-Direttiva, kif previst fl-Artikolu 7(4);

·tkun possibbli l-emenda fl-Anness VII dwar ir-rekwiżiti tat-trattament selettiv, sabiex jiġu introdotti teknoloġiji oħrajn tat-trattament, kif previst fl-Artikolu 8(4);

·jiġu stabbiliti l-kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għat-trattament tal-WEEE li jsir barra mill-UE, kif previst fl-Artikolu 10(3);

·iseħħ l-adattament tal-Annessi IV, VII, VIII u IX għall-progress xjentifiku u tekniku, kif previst fl-Artikolu 19 tagħha.

2. BAŻI ĠURIDIKA

Skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva WEEE, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta għadd ta’ atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin, li jibda mit-13 ta’ Awwissu 2012.

Fit-18 ta’ April 2017, il-Kummissjoni ressqet quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ir-Rapport tagħha 2 dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati skont id-Direttiva WEEE. F’konformità mat-tielet sentenza tal-Artikolu 20(2), id-delega tas-setgħa ġiet estiża taċitament għal perjodu ieħor ta’ ħames snin, li jintemm fit-13 ta’ Awwissu 2022. Dan ir-rapport jitressaq mill-Kummissjoni quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kif meħtieġ mit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2), biex jippreżenta l-attivitajiet tagħha fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati matul dan il-perjodu.

F’konformità mal-Artikolu 20(2), id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonaw għal tali l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3. EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma għamlet użu mill-ebda setgħa delegata kkonferita lilha skont id-Direttiva WEEE, għar-raġunijiet spjegati hawn taħt.

3.1. Aġġustamenti tranżizzjonali sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri biex jaderixxu mar-rati tal-ġbir stabbiliti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva

Ir-rapport preċedenti tal-Kummissjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħat delegati tagħha, fost l-oħrajn, innota li r-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja għamlu użu mill-possibbiltà ta’ deroga prevista fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva WEEE, biex tiġi posposta l-kisba tar-rata tal-ġbir li għandha tinkiseb mill-2019 sad-data tal-għażla tagħhom stess li ma għandhiex tkun aktar tard mill-14 ta’ Awwissu 2021. Barra minn hekk, il-Bulgarija, il-Litwanja u Malta għamlu użu minn din il-possibbiltà ta’ deroga.

Ir-rapport preċedenti kien ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni, fil-forma ta’ ċirkostanzi speċifiċi, li kienet teħtieġ l-adozzjoni ta’ att delegat b’arranġamenti tranżizzjonali ulterjuri.

Kif tħabbar ukoll, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ u gwida lill-Istati Membri billi assistiethom fl-indirizzar tad-diffikultajiet possibbli fl-ilħuq tal-miri tagħhom, permezz ta’ inizjattiva mmirata dwar il-promozzjoni tal-konformità, appoġġata minn studju mwettaq fl-2016-2017 3 . B’mod partikolari, l-objettiv kien li tinkiseb ħarsa ġenerali lejn il-prattiki nazzjonali fir-rigward tal-ġestjoni tal-WEEE u li jiġu vvalutati l-implimentazzjoni u l-prestazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tad-Direttiva WEEE. Ġew identifikati fatturi u ostakli kritiċi fl-ilħuq tal-miri kif ukoll prattiki tajbin, sabiex jiġi ffaċilitat l-apprendiment reċiproku u jiġu żviluppati aktar il-politiki u l-prattiki tal-WEEE fil-livell tal-Istati Membri.

Fir-rigward tal-miri tal-ġbir tal-2019, jeħtieġ li jitqies li skont l-Artikolu 16(6) tad-Direttiva WEEE, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data għal dik is-sena fi żmien 18-il xahar mit-tmiem tas-sena ta’ rapportar, jiġifieri sal-aħħar ta’ Ġunju 2021. Sa żmien it-tfassil ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni għadha ma rċevietx sett sħiħ ta’ data rrapportata uffiċjalment mill-Istati Membri rigward ir-rati tal-ġbir tal-WEEE għas-sena 2019.

Il-Kummissjoni tosserva li anke għall-perjodu attwali kopert minn dan ir-rapport, ma kien hemm l-ebda ċirkostanza speċifika li kienet teħtieġ l-adozzjoni ta’ att delegat b’aġġustamenti tranżizzjonali biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri biex iżommu mar-rati tal-ġbir stabbiliti fid-Direttiva WEEE, u b’mod partikolari mar-rati tal-ġbir applikabbli mill-2019 ’il quddiem.

3.2. Emenda fl-Artikolu 8(4) tal-Anness VII

L-Anness VII jirreferi għat-trattament selettiv għal materjali u komponenti tal-WEEE.

L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva WEEE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li temenda l-Anness VII sabiex tintroduċi teknoloġiji oħrajn tat-trattament li jiżguraw mill-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma kkonkludietx li hija meħtieġa xi azzjoni li kienet twassal għall-emendar tal-Anness VII.

B’rilevanza għall-kwistjoni koperta minn dak l-Anness, bejn Diċembru 2018 u Novembru 2020, il-Kummissjoni wettqet studju bl-isem “Study on quality standards for the treatment of WEEE” 4 , inkluż konsultazzjonijiet fil-fond mal-partijiet ikkonċernati. Dak l-istudju, fost l-oħrajn, ippropona emendi fl-entrati tal-lista ta’ sustanzi, taħlitiet u komponenti li għandhom jitneħħew mill-WEEE miġbur separatament, kif stabbilit fl-Anness VII, fid-dawl ta’ evidenza xjentifika ġdida fir-rigward ta’ komponenti, materjali jew sustanzi perikolużi fil-WEEE 5 filwaqt li qies it-teknoloġiji attwali tat-trattament. L-istudju sar fil-kuntest usa’ ta’ żvilupp u armonizzazzjoni ulterjuri possibbli tar-rekwiżiti tat-trattament tal-WEEE, ibbażat ukoll fuq il-mandat skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva WEEE. Bħalissa għaddejja valutazzjoni ulterjuri 6 fir-rigward tal-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali relatati u azzjoni ulterjuri fuq dik il-bażi tista’ tinkludi emenda fl-Anness VII, li madankollu bħalissa ma tistax tittieħed deċiżjoni dwarha b’mod iżolat.

3.3. Kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għat-trattament tal-WEEE li jsir barra mill-UE, l-Artikolu 10(3)

Skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva WEEE, il-WEEE esportat mill-UE jgħodd biss għall-issodisfar tal-obbligi u l-miri stabbiliti fl-Artikolu 11 jekk, f’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 1013/2006 u (KE) Nru 1418/2007 dwar vjeġġi ta’ skart, l-esportatur ikun jista’ jagħti prova li t-trattament ikun seħħ skont kundizzjonijiet li jkunu ekwivalenti għar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. L-Artikolu 10(3) jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta atti delegati li jistabbilixxu regoli dettaljati li jissupplimentaw dawk fl-Artikolu 10(2), b’mod partikolari dwar il-kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għat-trattament tal-WEEE barra mill-UE.

Minbarra l-iżviluppi adottati fir-rapport preċedenti, il-Kummissjoni, bħala parti mill-istudju bl-isem “Study on quality standards for the treatment of WEEE”, 7 wettqet aġġornament ta’ studju preċedenti mwettaq fl-2013 bil-għan li tidentifika u tqabbel l-għażliet potenzjali għall-valutazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti tat-trattament, u tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar għażla/għażliet ta’ politika possibbli. Dan kien jinkludi konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tirrieżamina r-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart 8 , u f’dan il-kuntest qed jitqiesu l-kriterji relatati mal-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għat-trattament tal-iskart barra mill-UE.

Filwaqt li qieset, fost l-oħrajn, din il-ħidma kontinwa, il-Kummissjoni ma adottatx att delegat skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva WEEE. Madankollu, fil-kuntest tal-politiki tal-UE dwar l-ambjent, il-materja prima u l-ekonomija ċirkolari, l-azzjoni relatata tibqa’ prijorità u se tkompli tiġi vvalutata flimkien ma’ proposti bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart.

3.4. Adattament tal-Annessi IV, VII, VIII u IX għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Artikolu 19

L-Anness IV jirreferi għal lista mhux eżawrjenti ta’ EEE li jaqa’ fil-kategoriji ta’ EEE; L-Anness VII jirreferi għat-trattament selettiv għal materjal u komponenti tal-WEEE; L-Anness VIII jispeċifika r-rekwiżiti tekniċi għal siti għall-ħżin u t-trattament tal-WEEE u l-Anness IX jippreżenta s-simbolu għall-immarkar tal-EEE.

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma adottatx atti delegati rilevanti biex tadatta l-Annessi msemmija hawn fuq għall-progress xjentifiku u tekniku.

Fir-rigward tal-Annessi VII u VIII, kif imsemmi hawn fuq, l-istudju bl-isem “Study on quality standards for the treatment of WEEE” imwettaq għall-Kummissjoni jidentifika, fost l-għażliet proposti, rekwiżiti speċifiċi li jistgħu jiġu inklużi f’dawn iż-żewġ Annessi, biex jiġu adattati għall-progress xjentifiku u tekniku. Dawn jinkludu rekwiżiti għat-trattament ta’ diversi tipi ta’ WEEE, li seħħew f’volumi dejjem jiżdiedu f’dawn l-aħħar snin, bħal pannelli fotovoltajċi, tagħmir tal-arja kundizzjonata, unitajiet tal-wiri b’pannell ċatt, friġġijiet li jużaw pannelli iżolanti bil-vakwu, jew il-WEEE li jkun fih l-akkumulaturi tal-litju, iżda li huma neqsin mill-annessi msemmija hawn fuq minħabba li dan it-tip ta’ skart ma kienx jinħoloq fil-passat.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tkompli tivvaluta dawn l-għażliet, flimkien ma’ oħrajn, fil-kuntest ta’ żvilupp u armonizzazzjoni ulterjuri possibbli tal-istandards tat-trattament tal-WEEE, bħala parti mill-valutazzjoni ta’ segwitu identifikata hawn fuq.

4. KONKLUŻJONI

Matul dawn l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħat delegati kkonferiti lilha skont id-Direttiva 2012/19/UE għar-raġunijiet deskritti f’dan ir-rapport. Din tista’ tagħmel dan fil-futur, għar-raġunijiet mogħtija.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

 ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38.

(2)

 COM/2017/0172 final

(3)

 “WEEE compliance promotion exercise”: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/09c7215a-49c5-11e8-be1d-01aa75ed71a1  

(4)

  https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/2004b067-726a-11eb-9ac9-01aa75ed71a1  

(5)

Din l-evidenza xjentifika tista’ tinkludi s-sejbiet u l-iżviluppi fil-qasam tas-sustanzi niġġiesa organiċi persistenti (POPs) u tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (SVHCs) skont il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi matul dawn l-aħħar 20 sena

(6)

 Fi żmien it-tfassil ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni kienet qed tħejji t-tnedija ta’ studju biex tivvaluta l-impatti probabbli u l-fattibbiltà ta’ miżuri għall-armonizzazzjoni ulterjuri tar-rekwiżiti għat-trattament tal-WEEE, li huwa mistenni li jibda fi żmien is-sottomissjoni ta’ dan ir-rapport quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

(7)

  https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/2004b067-726a-11eb-9ac9-01aa75ed71a1  

(8)

 Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart, ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1–98