Brussell, 19.6.2024

COM(2024) 627 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Iżvezja

{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 627 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Iżvezja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)Ir-Regolament REPowerEU 4 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. L-Iżvezja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 5 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 6 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.

(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 7 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih identifikat lill-Iżvezja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.

(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk fih ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u għad-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 8 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 snin jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, il-perkors tan-nefqa netta 9 jenħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inklużi r-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitpoġġa jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u d-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). L-Istati Membri jenħtieġ li jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u tal-partijiet ikkonċernati nazzjonali oħrajn, kif xieraq.

(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)Fit-28 ta’ Mejju 2021, l-Iżvezja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fl-4 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Iżvezja 10 , li ġiet emendata fid-9 ta’ Novembru 2023 għall-konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 għall-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 11 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Iżvezja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)Fis-26 ta’ April 2024, l-Iżvezja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2024, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Iżvezja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Iżvezja 12 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Huwa vvaluta l-progress tal-Iżvezja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-Iżvezja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Iżvezja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(10)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Iżvezja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Iżvezja għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati f’Marzu 2024 13 . Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Iżvezja qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, l-Iżvezja qed tiffaċċja vulnerabbiltajiet relatati mas-suq tal-proprjetà immobbli tagħha u dejn privat għoli, li għadhom rilevanti minkejja korrezzjoni reċenti, u l-azzjoni politika biex tindirizzahom kienet limitata. Wara żidiet sinifikanti għal diversi snin, il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli bdew jonqsu mill-aħħar tal-2022. Id-dejn tas-settur privat naqas meta mqabbel mal-PDG minħabba t-tkabbir għoli tal-PDG nominali, minħabba l-inflazzjoni għolja, filwaqt li l-livelli tad-dejn xorta żdiedu f’termini nominali. Iż-żieda rapida fir-rati tal-imgħax kellha impatt negattiv fuq is-servizz tad-dejn tal-unitajiet domestiċi u tal-kumpaniji tal-proprjetà immobbli kummerċjali, fuq id-domanda, u affettwat il-prezzijiet tal-proprjetà. Il-prevalenza tar-rati tal-imgħax varjabbli u ta’ self ipotekarju b’durata twila ħafna, poġġiet pressjoni fuq il-karti tal-bilanċ tal-unitajiet domestiċi, naqqset il-kapaċità ta’ ħlas lura u wasslet għal tnaqqis fil-konsum u kkontribwiet għar-riċessjoni tal-2023. Fl-istess ħin, il-kostruzzjoni tad-djar ġodda naqset drastikament. Minkejja li reċentement naqsu, il-prezzijiet tad-djar għadhom sopravalutati b’mod sinifikanti; il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli kummerċjali jidhru li għadhom ma aġġustawx kompletament u hemm riskji għas-servizz tad-dejn jekk ir-rati tal-imgħax jibqgħu għoljin u l-valutazzjonijiet jonqsu. Is-settur finanzjarju huwa espost ħafna għas-settur tal-proprjetà immobbli, iżda l-metrika qawwija tiegħu jenħtieġ li sservi bħala murata kontra l-propagazzjoni tal-problemi tal-proprjetà immobbli għall-ekonomija usa’. Il-progress kien limitat f’dak li jikkonċerna l-politiki, u fin-nuqqas ta’ azzjoni aktar soda, il-vulnerabbiltajiet identifikati se jippersistu u jistgħu jwasslu għal żieda mill-ġdid fl-akkwist tad-djar iffinanzjat mid-dejn u s-sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar. Miżuri li jżidu l-provvista tad-djar jistgħu jikkontribwixxu ħafna biex jipprevjenu dawn il-kwistjonijiet. Barra minn hekk, it-tassazzjoni tkompli tistimula l-akkwist tad-djar iffinanzjat mid-dejn permezz tat-tnaqqis sinifikanti mit-taxxa tal-pagamenti tal-imgħax ipotekarju u tiffavorixxi s-sjieda tad-djar. Is-suq tal-kiri ma ġiex riformat.

(11)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 14 , il-bilanċ tal-gvern estiż tal-Iżvezja naqas minn surplus ta’ 1,2 % tal-PDG fl-2022 għal defiċit ta’ 0,6 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 33,2 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 31,2 % fi tmiem l-2023.

(12)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 15 li l-Iżvezja tieħu azzjoni biex fl-2023 tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali ġenerali 16 u tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. L-Iżvezja jenħtieġ li tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. L-Iżvezja ngħatat ukoll ir-rakkomandazzjoni li tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, fl-2023 il-pożizzjoni fiskali 17 kienet ġeneralment newtrali, b’0 % tal-PDG. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonali ta’ dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni ġeneralment newtrali ta’ 0,1 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali u kienet konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kontribuzzjoni ġeneralment newtrali tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment kienet dovuta għat-tnaqqis tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti b’rispons għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija (b’0,3 punti perċentwali tal-PGD), b’kumpens parzjali minn sensiela ta’ miżuri iżgħar, fost l-oħrajn tnaqqis tat-taxxa fuq il-fjuwil. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 4,9 % tal-PDG fl-2023, b’żieda ta’ 0,2 punti perċentwali mill-2022. L-Iżvezja ffinanzjat investiment pubbliku għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali kif ukoll għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-Iskemi tal-Qabża Industrijali u tal-Qabża Klimatika, li pprovdew finanzjament għal proġetti klimatiċi u teknoloġija b’emissjonijiet baxxi fl-industriji, u investiment fl-espansjoni tal-broadband. L-Iżvezja għadha ma ssottomettietx talba għall-pagament fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(13)Il-projezzjonijiet ewlenin tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 0,7 % fl-2024 u 2,5 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta inflazzjoni tal-KPIF (inflazzjoni tas-CPI mingħajr kostijiet tal-imgħax) ta’ 2,1 % fl-2024 u 1,7 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 1,2 % tal-PDG fl-2024 u jonqos għal 0,3 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 32,0 % sa tmiem l-2024 u sussegwentement jinżel għal 31,4 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025 il-bilanċ tal-gvern estiż huwa pproġettat li jilħaq surplus ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2026, u 1,7 % fl-2027. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż hu ppjanat li jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG sakemm idum il-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos għal 30,0 % fl-2026 u għal 28,0 % fl-2027.

(14)It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’0,2 % fl-2024 u 2,1 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,0 % fl-2024 u 1,8 % fl-2025.

(15)It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 1,4 % tal-PDG fl-2024, li jirrifletti fost l-oħrajn tkabbir aktar batut fid-dħul mit-taxxi u żieda fin-nefqa b’mod partikolari fuq pensjonijiet marbuta ma’ indiċi fis-sottotaqsima reġjonali u muniċipali, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni li jiżdied għal 32 % fi tmiem l-2024. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun espansjonarja b’0,6 % tal-PDG fl-2024.

(16)In-nefqa li tammonta għal 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. L-infiq iffinanzjat mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq id-defiċit u d-dejn tal-gvern estiż tal-Iżvezja.

(17)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 18 li l-Iżvezja żżomm pożizzjoni fiskali soda fl-2024. Waqt l-eżekuzzjoni tal-baġits tagħhom għall-2023 u t-tħejjija tal-baġits tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali tal-Iżvezja huwa pproġettat li jkun 0,0 % tal-PDG fl-2024, minn 0,1 % fl-2023, u b’hekk ogħla mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tal-pajjiż ta’ bilanċ strutturali ta’ -1 % tal-PDG. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill.

(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Iżvezja tieħu azzjoni biex telimina gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ġodda jew kontinwi ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Iżvezja tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u tippreserva l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 19 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat li jkun inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2023 u pproġettat li jkun inqas minn 0,1 % fl-2024 u 0 % fl-2025. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma proġettati li jiġu eliminati gradwalment malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill.

(19)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Iżvezja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jiżdied għal 5,1 % tal-PDG fl-2024, minn 4,9 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill. Min-naħa l-oħra, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tibqa’ stabbli għal 0,2 % tal-PDG fl-2024.

(20)Fuq il-bażi tal-miżuri ta’ politika magħrufin fid-data limitu tat-tbassir u tal-preżunzjoni li ma kienx hemm bdil fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2024 tal-Kummissjoni jipproġetta, għall-2025, defiċit tal-gvern ta’ 0,9 % tal-PDG u proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG ta’ 31,3 %, bis-saħħa tal-irkupru ekonomiku mistenni.

(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Iżvezja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Sabiex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, hu essenzjali li l-Iżvezja tħaffef b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(22)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Iżvezja hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. L-Iżvezja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi sinifikanti u jippersistu d-disparitajiet bejn ir-reġjun kapitali u l-bqija tal-pajjiż. Huwa importanti li titħaffef l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, u l-prijoritajiet maqbula fil-programmi għadhom rilevanti. Huwa kruċjali li tkompli tiġi sostnuta l-innovazzjoni li tikkontribwixxi għal aktar tħaddir tas-soċjetà bl-ambizzjoni li tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima, filwaqt li jibqgħu jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali soċjoekonomiċi u d-disparitajiet bejn iż-żoni urbani u dawk mhux urbani. Minbarra dan, jibqa’ kruċjali li jiġi promoss it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, b’attenzjoni partikolari mogħtija lil gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari dawk bi sfond ta’ migrazzjoni. L-Iżvezja tista’ tuża wkoll l-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex iżżid l-investimenti f’teknoloġiji li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika. L-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, inkluż it-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur u l-indirizzar tal-iskarsezzi f’termini ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, huma importanti għas-sostenibbiltà fit-tul u l-kompetittività tar-reġjuni Żvediżi u tal-intrapriżi żgħar u medji tagħhom.

(23)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, l-Iżvezja tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati ma’: (i) riżultati fl-edukazzjoni li sejrin għall-agħar, b’mod partikolari mill-istudenti bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat jew ta’ migrazzjoni; (ii) diskrepanza fil-ħiliet, li hi l-akbar fost nies bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat u ta’ migrazzjoni; u (iii) it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

(24)Fuq il-bażi tar-riżultati tal-2022 tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA), il-ħiliet bażiċi tal-istudenti Żvediżi ddeterjoraw mill-2018 ’l hawn. L-akbar deterjorament seħħ fil-matematika, fejn is-sehem ta’ studenti bi prestazzjoni agħar milli mistennija kien ferm ogħla mill-mira tal-UE. Ir-rata ta’ prestazzjoni agħar minn dik mistennija żdiedet saħansitra aktar għal studenti minn sfond soċjoekonomiku żvantaġġat, u d-distakk bejn studenti nattivi u dawk bi sfond ta’ migrazzjoni huwa għoli ħafna. Barra minn hekk, in-nuqqas persistenti ta’ għalliema kwalifikati jirriskja li jimpatta b’mod negattiv il-kwalità tas-sistema edukattiva u l-prestazzjoni tal-istudenti.

(25)Fl-2022, 15 % tal-istudenti kollha li temmew l-iskola sekondarja kellhom marki li kienu baxxi wisq jew mhux kompluti, li kien jeskludihom milli jattendu skola sekondarja ogħla. Dan jaffettwa partikolarment l-istudenti bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat u ta’ migrazzjoni, billi ħafna ma jirnexxilhomx jikkwalifikaw għal edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell. Dan il-grupp huwa sottorappreżentat ukoll fl-iskejjel privati, li l-istudenti tagħhom għandhom bħala medja ċansijiet aħjar li jikkwalifikaw għal studji ulterjuri. Billi l-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet fl-Iżvezja jirrikjedu kwalifika ta’ edukazzjoni ogħla, id-distakk li qed jinħoloq fil-livell edukattiv milħuq iżid ukoll ir-riskju li ma jinstabx impjieg, b’konsegwenzi negattivi għall-integrazzjoni.

(26)Hemm distakki kbar bejn gruppi differenti f’termini ta’ livelli ta’ ħiliet u livell edukattiv milħuq. Dawn id-distakki huma l-akbar fost iż-żgħażagħ imwielda barra mill-UE, li huma inqas probabbli li lestew edukazzjoni ogħla u b’hekk huma inqas probabbli li jinsabu f’impjieg, f’edukazzjoni jew f’taħriġ minn dawk imwielda l-Iżvezja. Dan inaqqas iċ-ċansijiet tagħhom ta’ impjieg u jirrappreżenta riskju għall-abbiltà tal-Iżvezja li tkompli ttejjeb il-kompetittività sostenibbli tagħha. Barra minn hekk, dawn id-diskrepanzi fil-ħiliet ikomplu jaggravaw in-nuqqasijiet ta’ ħaddiema, li huma speċjalment evidenti fis-settur industrijali u tas-servizzi, u jirrappreżentaw sfida ewlenija għall-iżvilupp u għat-tranżizzjoni industrijali ekoloġika tar-reġjuni l-aktar fit-Tramuntana tal-pajjiż.

(27)Bil-politiki attwali, ma jidhirx probabbli li l-Iżvezja se tilħaq il-miri tal-2030 tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-qafas tal-politika tal-UE. Għad ma hemmx xenarji komprensivi aġġornati għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirrifletti l-bidliet politiċi fl-2023 u fl-2024, billi l-pjan ta’ azzjoni klimatika attwali disponibbli tal-gvern jiffoka fuq orizzont itwal sal-2045, mingħajr xenarji kwantitattivi dwar it-trajettorji tal-emissjonijiet għall-perjodu sal-2030. Madankollu, diversi studji minn korpi uffiċjali u indipendenti jidher li jikkonfermaw li l-politiki attwali tal-Iżvezja se jwasslu għal riżultati ’l bogħod sew mill-miri ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE għall-2030. It-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport bit-triq hu kruċjali jekk l-Iżvezja trid tilħaq il-miri tal-2030 tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-qafas tal-politika tal-UE. It-trasport bit-triq jammonta għal tliet kwarti tad-domanda tal-enerġija għal prodotti taż-żejt u tal-petroleum, li huma s-sors ewlieni ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn fjuwils fossili fl-Iżvezja.

(28)Minkejja li l-Iżvezja għandha l-ogħla sehem fl-UE ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija totali, xorta għad għandha potenzjal mhux sfruttat ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Dan il-potenzjal jista’ jiġi sfruttat biex tiġi akkomodata l-elettrifikazzjoni li għaddejja tal-industriji fin-Nofsinhar tal-Iżvezja, u l-iżviluppi industrijali innovattivi u ekoloġiċi u d-dekarbonizzazzjoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja, li jeħtieġu produzzjoni tal-elettriku saħansitra ikbar. Għadhom jeżistu diversi ostakli għall-espansjoni tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli tal-pajjiż. Dan jista’ jwassal biex l-Iżvezja ma tilħaqx l-espansjoni prevista tal-kapaċità eolika bi 13-il GW u tal-enerġija solari b’madwar 5 GW bejn l-2021 u l-2030. Wieħed minn dawn l-ostakli ġej mid-diffikultà biex jinkisbu permessi għall-enerġija mir-riħ fuq l-art u fuq il-baħar. Dawn l-ostakli huma dovuti għal proċessi ineffiċjenti tal-għoti tal-permessi u drittijiet ta’ veto tal-komuni u tal-awtoritajiet tad-difiża, fost oħrajn.

(29)Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. Il-politiki msemmijin fir-rakkomandazzjoni (1) jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet marbutin mad-dejn għoli tal-unitajiet domestiċi u mal-proprjetà immobbli b’valur għoli.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Iżvezja fl-2024 u fl-2025 tieħu azzjoni biex:

1.Tissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. Tnaqqas ir-riskji relatati ma’ dejn għoli tal-unitajiet domestiċi u żbilanċi fis-suq tad-djar billi tnaqqas it-tnaqqis tat-taxxa tal-pagamenti tal-imgħax fuq l-ipoteki u żżid it-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, filwaqt li tiżviluppa għodod xierqa għal valutazzjoni u mmirar aħjar tal-politika. Tistimula investiment fil-kostruzzjoni residenzjali biex ittaffi n-nuqqasijiet l-aktar urġenti, b’mod partikolari billi tneħħi l-ostakli strutturali għall-kostruzzjoni. Ittejjeb l-effiċjenza tas-suq tal-akkomodazzjoni, inkluż billi tintroduċi riformi fis-suq tal-kiri.

2.Fid-dawl tad-dewmien li nħoloq, taċċellera b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.

3.Ittejjeb il-prestazzjoni edukattiva, inkluż tal-istudenti bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat u ta’ migrazzjoni, billi tindirizza n-nuqqas persistenti ta’ għalliema kwalifikati, billi tiżgura opportunitajiet ta’ aċċess ugwali għas-sistema skolastika u billi tkompli ssostni t-tranżizzjoni tal-istudenti fil-miġja tagħhom lejn skola sekondarja tat-tieni livell. Tiżviluppa l-ħiliet tal-forza tax-xogħol, partikolarment dawk bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat u ta’ migrazzjoni, permezz ta’ miżuri ta’ politika u riżorsi mmirati, biex ittejjeb l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

4.Tiżgura li jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra billi jitnaqqsu b’mod partikolari l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq, u tħaffef u tissimplifika l-proċessi tal-għoti tal-permessi għall-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari għall-enerġija mir-riħ fil-baħar u fuq l-art.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17) ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj
(4)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj
(5)    COM(2023) 168 final.
(6)    COM(2024) 77 final.
(7)    COM(2023) 901 final.
(8)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).
(9)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024/1263, 30.4.2024. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj). Nefqa netta tfisser in-nefqa tal-gvern, netta (i) min-nefqa fuq l-imgħax, (ii) mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Mejju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Iżvezja (ST 7772/2022; ST7772/2022 ADD1).
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-4 ta’ Mejju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Iżvezja (ST 14474 2023).
(12)    SWD(2024) 627 final.
(13)    SWD(2024) 85 final.
(14)    Il-Eurostat, indikaturi tal-euro, 22.4.2024.
(15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Iżvezja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Iżvezja, ĠU C 334, 1.9.2022, p. 1. 
(16)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Iżvezja fl-2023 huwa stmat fil-livell ta’ 7,7 % f’termini nominali, fuq il-bażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(17)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-amministrazzjoni pubblika. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta’ żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul (u esklużi l-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni. Sinjal negattiv (pożittiv) tal-indikatur jindika politika fiskali espansjonarja (restrittiva).
(18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Iżvezja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 tal-Iżvezja, ĠU C 312, 1.9.2023, p. 252.
(19)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.