Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ipppreżentati fit‑12 ta’ Marzu 2026 (1)
Kawża C‑191/24 P
Crédit agricole SA,
Crédit agricole Corporate & Investment Bank
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
(Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Rati interbankarji offruti f’Euro – Artikolu 263 TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ġurisdizzjoni assoluta – Appell inċidentali – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni emendatorja – Artikolu 288 TFUE – Oneru tal-prova – Il-prinċipju ne ultra petita)
I. Daħla
1. Permezz tal-appell tagħhom, Crédit agricole SA u Crédit agricole Corporate & Investment Bank (iktar ’il quddiem, flimkien, “CA”) jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (2) li parzjalment ċaħdet u parzjalment laqgħet ir-rikors tagħhom għal annullament. Ir-rikors tagħhom kien intiż, essenzjalment, kontra żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea: (i) id-deċiżjoni li tagħlaq l-investigazzjoni dwar is-settur tad-Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro (EIRD) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (3), u (ii) deċiżjoni emendatorja d-deċiżjoni kkontestata, sussegwentement adottata (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni emendatorja”) (4). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll appell inċidentali, fejn titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla parzjalment is-sentenza appellata.
2. B’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita l-analiżi tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet għal żewġ aspetti tat-tilwima: (i) ir-raba’ aggravju tal-appell prinċipali li jikkonċerna, essenzjalment, l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali ta’ ġurisdizzjoni assoluta fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq CA; u (ii) l-aggravju uniku mressaq fl-appell inċidentali li jikkonċerna, essenzjalment, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni supplimentari li d-deċiżjoni emendatorja kienet żiedet mad-deċiżjoni kkontestata, meta stħarrġet il-motivazzjoni dwar wieħed mill-parametri li l-Kummissjoni kienet użat sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa.
II. Il-fatti u l-kuntest ġuridiku
3. Il-fatti u l-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
4. Fis‑7 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (5). Hija kkonstatat li CA u impriżi oħra kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, mis‑27 ta’ Settembru 2006 sad‑19 ta’ Marzu 2007, fi ksur wieħed u kontinwu intiż għad-distorsjoni tal-kors normali tal-iffissar tal-prezzijiet fis-suq tal-EIRD (Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata) u imponiet fuq dawn l-impriżi multa (Artikolu 2(a), (b) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata). Il-multa imposta fuq CA kienet fl-ammont ta’ EUR 114 654 000.
5. Fir-rigward tal-iffissar tal-multi imposti fuq l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur, inkluża CA, il-Kummissjoni ddikjarat li ma kinitx f’qagħda li tapplika b’mod sħiħ il-metodoloġija stabbilita fil-“Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi” tagħha (6). Dawn il-linji gwida huma mibnija fuq approċċ b’żewġ stadji: l-ewwel, l-iffissar ta’ ammont bażiku għal kull impriża; it-tieni, l-aġġustament ta’ dan l-ammont, kif jixraq, ’il fuq jew ’l isfel. Bħala regola, l-ammont bażiku jiġi kkalkolat b’riferiment għall-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi li magħhom il-ksur jirrelata direttament jew indirettament, fiż-żona ġeografika rilevanti taż-ŻEE.
6. Iżda, minħabba li l-EIRD ma jiġġeneraw ebda bejgħ fit-tifsira abitwali tal-kelma, fid-deċiżjoni kkontestata il-Kummissjoni ddikjarat li il-valur tal-bejgħ kellu jkun stabbilit permezz ta’ valur ta’ sostituzzjoni. Il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li jintużaw bħala valur ta’ sostituzzjoni l-irċevuti ta’ flus kontanti ġġenerati mill-flussi ta’ flus kontanti li kull bank ikun irċieva mill-portafoll tiegħu ta’ EIRD marbuta ma’ kull Euribor u/jew EONIA u konklużi ma’ kontro-partijiet li jkunu jinsabu fiż-ŻEE (7). Il-Kummissjoni qieset ukoll xieraq li jitnaqqsu ċ-ċifri tal-irċevuti ta’ flus kontanti b’fattur uniformi sabiex jitqiesu l-partikolaritajiet tas-suq EIRD. Filwaqt li tqiesu numru ta’ kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni ffissat il-fattur ta’ tnaqqis għal 98.849 % (8).
7. Kull destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata ppreżenta rikors għall-annullament tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.
8. Permezz tas-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (9), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-Kummissjoni kienet naqset milli tagħti motivazzjoni hekk kif meħtieġ mil-liġi dwar ir-raġuni għaliex il-fattur ta’ tnaqqis kien ġie ffissat għal 98.849 % minflok f’livell ogħla, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.
9. Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni għarrfet lil CA u lid-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-intenzjoni tagħha li temenda din id-deċiżjoni fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża HSBC. Permezz tal-istess ittra, u permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ April 2021, il-Kummissjoni tat lid-destinatarji kollha iktar tagħrif u spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għaliex il-fattur ta’ tnaqqis kien ġie ffissat għal 98.849 %. CA issottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn l-ittri fis‑7 ta’ Mejju 2021.
10. Fit‑28 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni emendatorja. Minħabba li l-fattur ta’ tnaqqis applikat fid-deċiżjoni kkontestata kien identiku għad-destinatarji kollha, hija qieset li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza fil-kawża HSBC dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni x’aktarx kien ser japplika ugwalment għall-multi imposti fuq id-destinatarji l-oħra. Għalhekk hija kienet tal-fehma li, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kien xieraq li jiġu kkoreġuti l-iżbalji identifikati minn dik is-sentenza billi tiġi emendata d-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ CA u tad-destinatarji l-oħra, billi tiġi ssupplimentata l-motivazzjoni relatata mal-fattur ta’ tnaqqis.
11. Permezz tas-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (10), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża HSBC, sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet it-talba ewlenija għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, it-talba, għall-annullament tal-Artikolu 1(b) ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn HSBC fil-Kawża T‑105/17, sa fejn dan kien intiż għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tal-Artikolu 1(b) ta’ din id-deċiżjoni.
12. Fis‑27 ta’ Novembru 2024, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn HSBC Holdings et intiż, l-ewwel, għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni emendatorja u tal-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata, kif emendata, u, it-tieni, sussidjarjament, għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta fuqhom fid-deċiżjoni emendatorja (11).
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
13. Fir-rikors tagħha skont l-Artikolu 263 TFUE, CA talbet, essenzjalment, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa imposta permezz ta’ din id-deċiżjoni. Minbarra dan, hija talbet l-annullament tad-deċiżjoni emendatorja jew, sussidjarjament, ordni sabiex ma titteħidx inkunsiderazzjoni din id-deċiżjoni. Fl-aħħar nett, hija talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.
14. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors u tordna lil CA tħallas l-ispejjeż.
15. Fit‑8 ta’ Ġunju 2019 u fit‑30 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tissospendi l-proċedura, sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (12).
16. Fit‑8 ta’ Settembru 2021, CA ippreżentat nota ta’ adattament, u fid‑19 ta’ Novembru 2021 il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din in-nota.
17. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali: (i) ikkonstatat li l-emendi għad-deċiżjoni kkontestata introdotti permezz tad-deċiżjoni emendatorja ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni; (ii) annullat l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni; (iii) fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha, iffissat l-ammont tal-multa imposta fuq CA għal EUR 110 000 000; (iv) ċaħdet il-kumplament tar-rikors; u (v) ordnat lil kull parti tbati l-ispejjeż tagħha stess.
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
18. Fil‑21 ta’ Marzu 2024, CA ippreżentat l-appell tagħha mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha: (i) tannulla s-sentenza appellata; (ii) tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali (iii) tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.
19. Fit‑3 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppreżentat appell inċidentali, fejn talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha: (i) tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tannulla l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata; (ii) tiċħad ir-rikors ta’ CA fil-Kawża T‑113/17 sa fejn dan huwa intiż għall-annullament ta’ din id-dispożizzjoni jew, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali; u (iii) tirriżerva l-ispejjeż, jew tordna lil CA tħallashom.
20. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell prinċipali, u CA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell inċidentali.
21. Il-partijiet instemgħu fis-seduta tal‑14 ta’ Jannar 2026.
V. Evalwazzjoni
22. Fl-appell tagħha CA tressaq erba’ aggravji, li tnejn minnhom huma magħmula minn diversi partijiet. Madankollu, kif ingħad fid-daħla għal dawn il-konklużjonijiet, l-analiżi tiegħi tal-appell prinċipali ser tkun limitata għar-raba’ aggravju, li jikkonċerna l-mod li bih il-Qorti Ġenerali eżerċitat il-ġurisdizzjoni assoluta tagħha fir-rigward tal-ammont tal-multa. F’dawn il-konklużjonijiet, ser inkopri wkoll l-aggravju uniku li jifforma l-bażi tar-rikors inċidentali tal-Kummissjoni, jiġifieri, ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni l-emendi magħmula għad-deċiżjoni kkontestata permezz tad-deċiżjoni emendatorja (iktar ’il quddiem il-“motivazzjoni supplimentari”).
23. Nibda mill-appell inċidentali tal-Kummissjoni, li, jekk fondat, iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, sa fejn din tannulla l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata. F’dak il-każ, ma jkunx hemm ħtieġa li jiġi eżaminat ir-raba aggravju ta’ CA.
A. L-appell inċidentali tal-Kummissjoni
24. L-appell inċidentali tal-Kummissjoni huwa intiż kontra l-punti 515 sa 526 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet – meta stħarrġet l-argumenti ta’ CA dwar motivazzjoni allegatament insuffiċjenti sabiex il-fattur ta’ tnaqqis jiġi ffissat għal 98.849 % – li l-motivazzjoni supplimentari ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni.
1. L-argumenti tal-partijiet
25. Il-Kummissjoni tikkontendi li d-deċiżjoni emendatorja hija “deċiżjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 288 TFUE. Il-fatt li hija ma emendatx il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata ma jaffettwax in-natura tagħha. Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni supplimentari mogħtija f’din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħħdet lill-Kummissjoni mis-setgħa li tadotta, temenda jew tirtira deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, u b’hekk eċċediet il-kompetenza tagħha skont l-Artikolu 263 TFUE.
26. CA tikkontendi, l-ewwel, li l-appell inċidentali huwa inammissibbli, minħabba li l-Kummissjoni introduċiet “motiv ġdid” li ma kienx tressaq fl-ewwel istanza. Hija tiddefendi wkoll il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ma hemmx differenza materjali bejn l-għoti ta’ motivazzjoni supplimentari f’sottomissjoni lil qorti jew permezz ta’ deċiżjoni emendatorja. Fl-aħħar nett, CA issostni li, kwalunkwe każ, id-deċiżjoni emendatorja kienet kontra l-liġi, minħabba li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt temenda d-deċiżjoni kkontestata.
2. Analiżi
27. Jiena tal-fehma li l-appell inċidentali tal-Kummissjoni huwa ammissibbli u fondat.
a) Fuq l-ammissibbiltà
28. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa minn CA għandha tiġi miċħuda sommarjament.
29. Hija ġurisprudenza stabbilita li parti ma tistax, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tressaq motiv li ma jkunx tressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, minħabba li dan il-fatt ikun jestendi l-appell lil hinn mill-kuntest tal-kawża fl-ewwel istanza. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’appell hija, għalhekk, limitata għall-istħarriġ tal-konstatazzjonijiet legali dwar motivi argumentati fl-ewwel istanza. Madankollu, appellant jista’ jinvoka motivi li joriġinaw mis-sentenza appellata sabiex jikkontesta, fid-dritt, kemm din tkun korretta (13).
30. F’din il-kawża ma nafx b’xi regola jew prinċipju li jsostnu l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ CA. CA lanqas ma setgħet tiċċara dan il-punt waqt is-seduta meta kienet mistiedna tagħmel dan.
31. Fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni kienet l-unika konvenuta u ma ressqet ebda motiv sostantiv. L-aggravju uniku li jifforma l-bażi tal-appell inċidentali, li b’mod ċar huwa dirett kontra parti speċifika tas-sentenza appellata, ma jistax, għalhekk, jitqies li huwa “ġdid” b’rabta mal-motivi mressqa fl-ewwel istanza.
32. Fl-appell inċidentali tagħha l-Kummissjoni titlob l-annullament tas-sentenza appellata fir-rigward tal-parti li dwarha t-talba tagħha ġiet miċħuda. Skont l-Artikolu 177(1) u l-Artikolu 178(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, bħala prinċipju, għandha d-dritt tressaq il-motivi u l-argumenti li hija tkun tqis meħtieġa sabiex tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li hija tkun tqis li ma jkunux korretti.
33. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tista, f’appell, tiddiskuti n-natura, il-portata, l-effett u l-għan tad-deċiżjoni emendatorja sabiex tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Dawn il-kwistjonijiet huma, fi kwalunkwe każ, kwistjonijiet ta’ dritt li għalihom japplika l-prinċipju iura novit curias (14). Għaldaqstant, kull differenza fit-termini użati mill-Kummissjoni fl-appell inċidentali tagħha mqabbla mas-sottomissjonijiet tagħha fl-ewwel istanza hija irrilevanti għall-ammissibbiltà tal-appell.
34. Ngħaddi issa għall-fondatezza tal-aggravju tal-Kummissjoni. Saxbex l-affarijiet ikunu ċari, nibda billi niġbor fil-qosor il-passaġġi rilevanti tas-sentenza appellata.
b) Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
35. Il-Qorti Ġenerali sewwa tibda l-analiżi tagħha billi tenfasizza li, b’mod konsistenti ma’ ġurisprudenza stabbilita, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta att partikolari neċessarjament tinkludi wkoll is-setgħa li temenda dan l-att, sakemm id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, inklużi r-rekwiżiti formali u s-salvagwardji proċedurali kollha, jitħarsu b’mod sħiħ (punt 519 tas-sentenza appellata).
36. Madankollu, fil-punti 520 sa 526 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kompliet tispjega għaliex, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, hija qieset li l-motivazzjoni supplimentari ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni. Huma preċiżament dawn il-passaġġi li l-Kummissjoni tikkontesta.
37. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, minħabba li d-deċiżjoni emendatorja ma bidlitx il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, iżda sempliċiment issupplimentat il-motivazzjoni tagħha, din ma setgħetx “titqies bħala li hija deċiżjoni ġdida li temenda d-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 519 [ta’ dik is-sentenza], iżda għandha tiġi mxebbħa ma’ motivazzjoni addizzjonali mogħtija mill-konvenuta fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja”.
38. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, nuqqas ta’ motivazzjoni f’att ikkontestat ma jistax, bħala prinċipju, jiġi rrimedjat bi spjegazzjonijiet addizzjonali mogħtija matul il-kors tal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni. F’din il-kawża, il-Kummissjoni ma kinitx – kif il-Qorti Ġenerali nnotat – allegat li kien impossibbli, dak iż-żmien, li tiġi mmotivata d-deċiżjoni kkontestata hekk kif meħtieġ mil-liġi. Għaldaqstant, hija kkonstatat li suppliment għall-motivazzjoni mogħtija matul il-proċeduri ġudizzjarji ma setax ikun aċċettat, u għalhekk iddeċidiet li “ma tieħux inkunsiderazzjoni” d-deċiżjoni emendatorja.
39. Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il quddiem, insib li ċerti aspetti ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet huma pjuttost konfużi.
c) Il-validità tad-deċiżjoni emendatorja
40. Fl-ewwel lok, huwa stabbilit sewwa li atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, preżunti li jkunu skont il-liġi u, għaldaqstant, huma jkollhom effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (15).
41. Madankollu, is-sentenza appellata ma fiha ebda konstatazzjoni li d-deċiżjoni emendatorja hija nulla jew invalida, għalkemm CA kienet fil-fatt ikkontestat il-validità tagħha (16). Fin-nuqqas ta’ kull konstatazzjoni bħal din, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx sempliċiment “ma tiħux inkunsiderazzjoni” l-bidliet magħmula mid-deċiżjoni emendatorja d-deċiżjoni kkontestata. Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju li jsejjes il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, billi ċaħdet l-effetti legali ta’ deċiżjoni valida.
42. Il-Qorti Ġenerali eċċediet ukoll is-setgħat mogħtija lilha bl-Artikolu 263 TFUE, li jipprovdi l-proċedura sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-qafas ta’ din il-proċedura, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiddetermina jekk att ikunx skont il-liġi jew kontra l-liġi. Tertium non datur: ma jeżistix it-tielet genus ta’ att li jkun validu iżda li l-effetti tiegħu jistgħu, madankollu, ma jittieħdux inkunsiderazzjoni. Sakemm l-att inkwistjoni jkun rilevanti u applikabbli (ratione materiae, temporis, eċċ.), u sakemm l-effetti tiegħu ma jkunux ġew sospiżi skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE, huwa għandu jitqies bħala li għandu effett legali sħiħ, inkluż f’każijiet fejn il-validità tiegħu tkun ġiet ikkontestata (17).
43. Fit-tieni lok, huwa aċċettat, kif innotat fil-punt 35 iktar ’il fuq, li s-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta att partikolari neċessarjament iġġib magħha s-setgħa li temenda dan l-att, sakemm id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, flimkien mar-rekwiżiti formali u mas-salvagwardji proċedurali kollha, jitħarsu b’mod sħiħ. Ħarsien strett kemm tar-regoli sostantivi kif ukoll ta’ dawk proċedurali huwa, għalhekk, essenzjali. Jista’ pereżempju, jkun hemm ċirkustanzi li fihom istituzzjoni ma tkunx iktar tista’ temenda att – bħal meta l-att oriġinali “jkun ġie adottat bħala parti minn proċedura regolata b’mod riġidu li kienet timplika obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li tadotta l-att sussegwenti fil-katina proċedurali sa terminu stabbilita, li warajh l-istituzzjoni tkun tilfet is-setgħa li tieħu deċiżjoni” (18).
44. Madankollu, is-sentenza appellata ma tagħmel ebda riferiment għal xi element li jindika li (i) wieħed jew aktar mir-rekwiżiti sostantivi jew proċedurali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni emendatorja ma kinux, fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, tħarsu, jew li (ii) il-Kummissjoni kienet tilfet is-setgħa li temenda l-att.
45. Isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax titqies li kkonstatat – anki impliċitament – li l-Kummissjoni kienet prekluża milli tadotta d-deċiżjoni emendatorja.
46. Fit-tielet lok, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom, minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali għall-adozzjoni tal-att emendatorju jkunu jidhru, formalment, li jkunu ssodisfatti, l-istituzzjoni tkun, madankollu, eżerċitat is-setgħa tagħha b’mod kontra l-liġi, billi tkun naqset li tkun konformi ma’ regola jew ma’ prinċipju tad-dritt primarju.
47. Għalhekk, att tal-Unjoni jkun invalidu jekk l-awtur tiegħu jkun wettaq “użu skorrett tas-setgħat” (19). Dan isseħħ fejn “jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħdu esklużivament, jew mill-inqas b’mod determinanti, għall-finijiet oħrajn minn dawk li għalihom kien eċċepit jew sabiex tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex jiġu affrontati ċ-ċirkustanzi tal-każ” (20).
48. Minbarra dan, jidher minnu nnifsu li att emendatorju għandu jkun konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, inklużi, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (21). Jista’ jkun hemm, għalhekk, sitwazzjonijiet li fihom persuna affettwata minn att partikolari tkun tista’ b’mod leġittimu topponi l-effetti legali negattivi li jkunu jirriżultaw jekk att eżistenti jiġi rtirat jew emendat. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-att tal-Unjoni inkwistjoni jkun jagħti dritt suġġettiv lid-destinatarju tiegħu (22).
49. Għal darb’oħra, ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma hija msemmija, iktar u iktar stabbilita, fis-sentenza appellata. Għaldaqstant, ma hemm xejn f’dik is-sentenza li jissuġġerixxi li d-deċiżjoni kontestata kienet invalida minħabba użu ħażin ta’ poter jew ksur tat-Trattati, jew ta’ xi dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tagħhom.
d) In-natura tad-deċiżjoni emendatorja u l-komponenti tagħha
50. Fir-raba’ lok, deċiżjonijiet u noti sottomessi fi proċeduri ġudizzjarji huma, naturalment, atti legali distinti. Dawn jiġu adottati konformement ma’ proċeduri differenti u għandhom effetti legali viżibbilment differenti. Sakemm l-att legali kkontestat quddiem il-qrati tal-Unjoni jibqa’ validu, dawn il-qrati ma jistgħux, bħala prinċipju, jikkaratterizzawh mill-ġdid bħala li huwa ta’ natura jew ta’ tip differenti minn dak li jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu.
51. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, “deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha”. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi li tittratta deċiżjoni valida bħallikieku – għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri pendenti – din kellha biss il-valur ta’ sottomissjoni lill-qorti, mingħajr ma tikser l-Artikolu 288 TFUE.
52. Huwa minnu li f’numru limitat ta’ każijiet eċċezzjonali l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li att ikkontestat formalment quddiemha kien, fil-verità, att ieħor ‘bil-moħbi’. F’dawn il-każijiet il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kontenut tal-att u ċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tiegħu sabiex tiddetermina in-natura vera tiegħu(23). Din il-ġurisprudenza toriġina, qabel kollox, mill-ħtieġa li jiġi evitat li l-prinċipju kostituzzjonali li atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom, bħala regola, ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju (24) jiġi mminat b’sempliċi isem ġdid jew “ħabi” tal-att ikkonċernat (25).
53. Din il-ġurisprudenza hija, madankollu, inapplikabbli f’din il-kawża. Id-deċiżjoni emendatorja kienet adottata mill-istituzzjoni kompetenti tagħmel dan skont ir-Regolament Nru 1/2003 u kienet ġenwinament intenzjonata tkun ta’ rimedju għal difett legali potenzjali li jaffettwa l-validità tal-att oriġinali. L-adozzjoni tagħha, għalhekk, taqa’ eżattament taħt il-kompitu tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 105(1) TFUE, li “tissorvelja l-applikazzjoni tal-prinċipji li hemm fl-Artikoli 101 u 102 [TFUE]”. Barra minn dan, ma hemmx dubju li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu l-legalità tad-deċiżjoni emendatorja, kif ikun xieraq, taħt l-Artikoli 263, 267 u 277 TFUE.
54. Fil-ħames lok, is-sentenza appellata tidher li timplika li jkun biss jekk id-deċiżjoni emendatorja tkun bidlet il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata li l-effett tagħha fuq il-proċeduri pendenti seta’ jiġġustifika evalwazzjoni differenti.
55. Dan ma jistax ikun korrett. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod konsistenti li l-parti operattiva ta’ att hija marbuta b’mod inseparabbli mal-motivazzjoni, bir-riżultat li, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni, għandhom jitqiesu r-raġunijiet li jkunu wasslu għall-adozzjoni tiegħu (26). Skont Artikolu 296 TFUE, il-motivazzjoni u l-parti operattiva ta’ kull att tal-Unjoni jikkostitwixxu totalità inseparabbli (27). Għalhekk, ma hemmx lok abbażi ta’ prinċipji sabiex, fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, att emendat biss fir-rigward ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ komponenti essenzjali jiġi ttrattat b’mod differenti minn att li fih huma t-tnejn ikunu ġew emendati.
56. Fis-sitt lok, huwa minnu li, kif osservat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti kkonstatat, l-ewwel, li l-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tkun ikkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt bħad-deċiżjoni li tkun taffettwaha ħażin; u, it-tieni, nuqqas li tingħata motivazzjoni f’att kontestat ma jistax jiġi rrimedjat bi spjegazzjonijiet addizzjonali mogħtija matul il-kors tal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni.
57. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-linji ta’ ġurisprudenza ma hija rilevanti f’dan il-kuntest. Ser nibda mit-tieni linja ta’ ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti.
58. Din il-linja ta’ ġurisprudenza tikkonċerna – u dan għandu jkun enfasizzat – sitwazzjonijiet li fihom tkun ippreżentata motivazzjoni addizzjonali għal att ikkontestat mill-awtur tiegħu matul is-sottomissjonijiet bil-miktub u orali magħmula fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni (28). Fil-fehma tiegħi, din ma tistax tkun trasposta, anki b’analoġija, għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, li jikkonċernaw modifika tal-motivazzjoni li tirriżulta mill-emenda formali tal-att ikkontestat stess.
59. L-obbligu ta’ motivazzjoni jsegwi għan doppju: l-ewwel, sabiex il-persuni kkonċernati jifhmu l-motivi għall-att u, fejn ikun jixraq, sabiex jiddeċiedu jekk jikkontestawx il-validità tiegħu; u, it-tieni, sabiex il-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ stħarriġ ġudizzjarju (29). Il-fatt li l-awtur ta’ att jitħalla jartikola r-raġunijiet għall-adozzjoni tiegħu għall-ewwel darba fl-awla tal-qorti, ladarba l-att ikun ġie kkontestat, iċaħħad b’mod manifest l-Artikolu 296 TFUE minn ħafna mill-effett prattiku tiegħu. L-istess loġika tapplika wkoll għal spjegazzjonijiet addizzjonali mogħtija informalment qabel il-proċedura ġudizzjarja u sussegwentement imtennija fl-istadju kontenzjuż (30).
60. Din il-loġika, madankollu, ma tapplikax meta att ikun ġie emendat b’mod validu u kkomunikat lid-destinatarji tiegħu fil-forma dovuta u tempestivament. Huwa immaterjali jekk din l-emenda sseħħx qabel ma tinbeda l-proċedura ġudizzjarja jew matulha. F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun l-att kif emendat li jsir vinkolanti fir-rigward tad-destinatarji tiegħu u li l-validità tiegħu, jekk ikkontestata, tkun ġiet mistħarrġa mill-qrati tal-Unjoni.
61. B’kuntrast, il-verżjoni oriġinali tal-att ma tibqax teżisti fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni u tista’ ‘terġa’ tieħu s-saħħa’ biss jekk l-att emendatorju jiġi annullat mill-qrati tal-Unjoni (31). Meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni emendatorja, il-Qorti Ġenerali effettivament iddeċidiet dwar il-validità ta’ deċiżjoni li, fil-forma oriġinali tagħha, ma kinitx għadha fis-seħħ.
62. Konsegwentement, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-att emendatorju fil-proċedura pendenti ma jimminax l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 296 TFUE. Għall-kuntrarju, l-aġġustament tal-proċedura jippermetti li jinkisbu dawn l-għanijiet b’mod iktar effettiv u mingħajr dewmien bla bżonn.
63. Huwa għall-istess raġuni li d-dipendenza ta’ CA fuq l-ewwel linja tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq – li skontha il-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt bħad-deċiżjoni li tkun affettwatha ħażin – hija bl-istess mod inutli. Il-motivazzjoni tal-att li issa sar jorbot lil CA, u li l-validità tiegħu l-Qorti Ġenerali setgħet teżamina, hija dik li hemm fid-deċiżjoni kkontestata kif emendata bid-deċiżjoni emendatorja. Din il-motivazzjoni kienet ġiet ikkomunikata meta d-deċiżjoni kienet ġiet emendata — b’mod validu, għandu jkun preżunt — b’att tal-istess forma legali u li għandu l-istess effetti legali.
64. Madankollu, irrid nenfasizza punt importanti: fejn id-deċiżjoni emendatorja tkun immodifikat il-motivazzjoni oriġinali li tkun il-bażi tal-impożizzjoni tal-multa – minħabba li din il-motivazzjoni kienet, jew kienet preżunta li hekk kienet, insuffiċjenti – l-obbligu li l-multa titħallas ma jistax loġikament jitqies li jinħoloq mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan jinħoloq biss mid-data li fiha d-deċiżjoni li temenda tkun ġiet adottata, minħabba li huwa dan l-att biss li issa jipprovdi l-bażi suffiċjenti legali għall-multa.
65. Kif spjegajt, il-motivazzjoni u l-parti operattiva tad-deċiżjoni huma marbuta b’mod inseparabbli. Il-Kummissjoni nnifisha osservat fl-appell inċidentali tagħha li kull “modifika tal-motivazzjoni neċessarjament tinvolvi modifika (tal-kontenut u tal-portata) tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-motivazzjoni u l-parti operattiva jikkostitwixxu totalità li ma tistax tinħall, anki fejn il-parti operattiva, meqjusa waħedha, tibqa’ formalment bla bidla”.
66. B’riżultat tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża HSBC, il-Kummissjoni kellha żewġ għażliet ewlenin, jekk hija kienet tqis li d-deċiżjoni tagħha, b’mod ġenerali, kienet korretta: (i) li tirtira d-deċiżjoni kkontestata u terġa’ toħroġha mill-ġdid, b’ċerti emendi; jew (ii) li temenda d-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ deċiżjoni emendatorja. It-teknika leġiżlattiva magħżula mill-Kummissjoni sabiex hija tkun konformi mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża HSBC kienet taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li minnu tgawdi din l-istituzzjoni (32). Huwa, madankollu, ċar li l-għażla ta’ teknika waħda fuq l-oħra ma setgħetx taffettwa ħażin l-interess finanzjarju tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li jiġi konkluż mod ieħor ikun jirriżulta fi trattament inugwali mhux iġġustifikat fir-rigward tal-impriżi affettwati, li jkun jiddependi unikament fuq jekk l-azzjonijiet tagħhom ikunux instemgħu (bħal fil-Kawża T‑105/17) jew ikunux ġew sospiżi mill-Qorti Ġenerali (bħal fil-Kawżi T‑106/17 u T‑113/17) (33).
67. Għall-mistoqsija waqt is-seduta jekk hija kinitx taqbel ma’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni wieġbet li hija ma kinitx. L-argumenti tagħha dwar dan il-punt, madankollu, jidhru internament inkonsistenti. Minn naħa, meta kkontestat l-approċċ tal-Qorti Ġenerali għad-deċiżjoni emendatorja, il-Kummissjoni tisħaq li l-parti operattiva tad-deċiżjoni oriġinali hija neċessarjament affettwata mill-bidliet sussegwentement magħmula fir-rigward tal-premessi tagħha. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-motivazzjoni addizzjonali tikkostitwixxi xejn iktar minn spjegazzjoni ddettaljata ta’ dak li ddeċidiet il-Kummissjoni meta d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata. Din il-pożizzjoni hija loġikament inammissibbli: jekk il-parti operattiva tkun tassew affettwata, il-motivazzjoni addizzjonali ma tistax tkun sempliċiment spjegattiva, u jekk tkun sempliċiment spjegattiva, din ma tkunx tista’ taffettwa materjalment lill-parti operattiva. Il-Kummissjoni ma tistax ikollha t-tnejn. Barra minn dan, il-fatt li jiġi aċċettat l-argument tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ikun ifisser ukoll l-applikazzjoni tad-deċiżjoni emendatorja retroattivament, bi ksur ċar tal-prinċipju ġenerali stabbilit sewwa tad-dritt tal-Unjoni(34).
68. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, is-setgħa temenda deċiżjoni eżistenti, anki fejn din id-deċiżjoni tkun suġġetta għal proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni. Dan, ovvjament, ikun suġġett għall-kwalifika li l-kors ta’ azzjoni tal-Kummissjoni ma għandux ifisser użu ħażin ta’ poter skont it-tifsira tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn dan, il-Kummissjoni ma tistax, permezz ta’ deċiżjoni emendatorja, “tirrimedja” invalidità potenzjali tal-att oriġinali b’effett retroattiv.
e) Amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ekonomija ġudizzjarja
69. Fis-seba’ lok, fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-Kummissjoni kellha s-setgħa temenda d-deċiżjoni kkontestata kemm qabel il-kontestazzjoni ta’ CA, kif ukoll wara li kienet ingħatat sentenza tal-qrati tal-Unjoni – a fortiori, jekk dik is-sentenza kellha tirriżulta f’annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Għall-mistoqsija waqt is-seduta jekk kinitx taqbel ma’ din il-pożizzjoni, CA ikkonfermat li kienet taqbel.
70. Jekk dan huwa minnu, ma nistax nidentifika ebda bażi raġonevoli sabiex is-setgħa tal-Kummissjoni li temenda l-att tkun ittrattata bħala “ipparalizzata” matul l-interval bejn dawn iż-żewġ ġrajjiet. Tabilħaqq, jekk il-Kummissjoni tasal sabiex tifhem li l-att huwa invalidu, ikun għalkollox konsistenti mal-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba li taġixxi mingħajr dewmien sabiex tirrimedja kull difett. Il-fatt waħdu li l-att seta’ jiġi kkontestat quddiem il-qrati tal-Unjoni huwa, b’mod ġenerali, immaterjali f’dan il-kuntest.
71. Din il-pożizzjoni tista’, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tidher li hija f’kunflitt mal-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti jew mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Riflessjoni iktar eżawrjenti fuq din il-kwistjoni, madankollu, inevitabbilment twassal għal fehma oħra.
72. Dwar id-drittijiet għad-difiża tar-rikorrenti, dan id-dritt ma jinkisirx jekk (i) huma jinstemgħu, mill-awtur tal-att qabel l-adozzjoni tal-att emendatorju (35); u (ii) huma jingħataw, mill-qrati tal-Unjoni, l-opportunità jemendaw is-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħhom fil-kuntest tal-proċedura pendenti (36). Tabilħaqq, l-eżistenza stess ta’ dispożizzjoni speċifika fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – l-Artikolu 86 tagħhom – li tippermetti lil rikorrenti jimmodifikaw ir-rikors tagħhom “[m]eta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett”, tgħallem ħafna dwar il-kapaċità tal-Kummissjoni li temenda att li jkun suġġett għal proċedura ta’ annullament.
73. Barra minn dan, id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ma jbatu ebda konsegwenza finanzjarja ħażina b’riżultat tal-emenda tad-deċiżjoni oriġinali, minħabba li, kif spjegat iktar ’il fuq, l-emenda ma tapplikax retroattivament. L-emenda lanqas ma tqiegħed lil rikorrent fi żvantaġġ proċedurali: jekk rikorrent jiddeċiedi li ma jissoktax bir-rikors tiegħu għal annullament, fid-dawl ta’ din l-emenda, il-Qorti Ġenerali żżomm is-setgħa, skont Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tordna lill-konvenut ibati l-ispejjeż tal-proċedura (37).
74. Sussegwentement, il-fatt li l-Kummissjoni ma titħalliex temenda att li jkun is-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti ikun iwassal, fil-fehma tiegħi, għal riżultat li jkun imur kontra r-rekwiżit ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Dan ikun partikolarment hekk fejn il-Kummissjoni tkun taf li l-att inkwistjoni x’aktarx ikun ser jiġi annullat u tqis li emendi speċifiċi jkunu jistgħu jkunu biżżejjed bħala rimedju għad-difetti li jaffettwaw il-legalità tiegħu. F’ċirkustanzi bħal dawn, kontinwazzjoni “forzata” tal-proċedura ma jkollha ebda sens utli.
75. F’xenarju bħal dan il-proċedura tkun tista’ tilħaq il-quċċata f’dak li jista’ sewwa jiġi deskritt bħala “‘rebħa fiergħa” għar-rikorrenti. Kull benefiċċju li jirriżulta mill-annullament ikun, aktarx, kemm limitat kif ukoll ta’ ftit żmien. Il-Kummissjoni wisq probabbli tkun tadotta att emendat ftit wara li tkun ingħatat is-sentenza, sabiex b’hekk iġġiegħel lir-rikorrenti jibdew it-tieni stadju kontenzjuż sabiex jiksbu stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-att kif emendat. Riżultat bħal dan ma jkunx skont ir-rekwiżiti ta’ ekonomija proċedurali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, filwaqt li jqiegħed piż bla bżonn kemm fuq il-partijiet kif ukoll fuq il-ġudikatura tal-Unjoni.
76. B’kuntrast, il-fatt li r-rikorrenti jitħallew, fil-kuntest tal-proċedura inizjali, jadattaw il-motivi u t-talbiet tagħhom fid-dawl tal-emendi magħmula lill-att ikkontestat, jevita duplikazzjoni bla bżonn ta’ proċeduri u jwassal għal riżoluzzjoni iktar malajr u irħas għat-tilwima (38). Mudell bħal dan huwa ta’ vantaġġ mhux biss għall-partijiet fil-proċedura, iżda ukoll, għalkemm b’mod aktar indirett, għall-ġudikatura stess tal-Unjoni.
77. Fl-aħħar nett, ma ninsabx persważ bl-invokar minn CA ta’ ċerti sentenzi tal-qrati tal-Unjoni li jingħad li jsostnu l-pożizzjoni tagħha.
78. CA l-ewwel tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Culin vs Il‑Kummissjoni (39). Il-kawża kienet dwar iċ-ċaħda mill-Kummissjoni ta’ lment imressaq minn A. Culin, wieħed mill-uffiċjali tagħha, li kien jikkontesta l-ħatra ta’ uffiċjal ieħor għall-kariga li huwa kien applika għaliha wkoll. Kien paċifiku li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kellha motivazzjoni inadegwata. Wara li A. Culin kien beda proċedura quddiem il-qorti, madankollu, il-Kummissjoni żiedet addendum għal dik id-deċiżjoni, bil-ħsieb li ssewwi d-deċiżjoni oriġinali billi tgħid x’kienu “il-motivi veri” li għalihom kienet ġiet miċħuda l-kandidatura tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, kkonstatat li l-addendum ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni, u annullat id-deċiżjoni kkontestata (40).
79. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, is-sentenza fil-kawża Culin tista’ tidher li ssostni l-argumenti ta’ CA. Eżami b’iktar attenzjoni, madankollu, juri li dan ma huwiex minnu.
80. Ir-rikors ippreżentat minn A. Culin ma kienx wieħed ordinarju għal annullament taħt dak li qabel kien l-Artikolu 173 KEE (illum l-Artikolu 263 TFUE), iżda wieħed ippreżentat taħt dak li qabel kien l-Artikolu 179 KEE (illum l-Artikolu 270 TFUE). Skont din id-dispożizzjoni, “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea hi kompetenti tiddeċiedi kull tilwima bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra ta’ l-Unjoni” (41).
81. It-Titolu VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirregola l-“appelli”, jipprovdi fl-Artikolu 90 għal proċedura prekontenzjuża, li għandha titlesta f’terminu ta’ żmien preskritt, qabel ma jkun jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-qrati tal-Unjoni. Il-proċedura prekontenzjuża sservi kemm sabiex tingħata opportunità għal ftehim bonarju, kif ukoll sabiex tingħata definizzjoni tas-suġġett tat-tilwima. Fl-istadju kontenzjuż is-suġġett ma jistax, bħala prinċipju, jiġi mmodifikat minn parti jew minn oħra(42). Att amministrattiv li jkun materjalment differenti mill-att ikkontestat ma jistax jiġi eżaminat fl-istess proċedura u jkun jeħtieġlu rikors ġdid taħt l-Artikolu 270 TFUE (43). Bl-istess mod, ilmenti li ma jitressqux fil-proċedura prekontenzjuża ma jistgħux jitressqu fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (44). Dawn il-karatteristiċi tal-kawża Culin kienu enfasizzati fil-konklużjonijiet tal- Avukat Ġenerali (45).
82. F’dan il-kuntest, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-addendum ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni hija korretta. L-addendum kien intempestiv u lil hinn mill-proċedura prevista fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-kontenut tiegħu kien fundamentalment differenti mill-att oriġinali kkontestat. Il-fatt li dan jiġi aċċettat kien ibiddel is-suġġett tat-tilwima.
83. B’kuntrast, proċedura ta’ annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE ma taqax taħt ir-regoli u l-prinċipji msemmija fil-punti preċedenti. Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Culin ma jistgħux, għalhekk, ikunu trasposti direttament għal sitwazzjonijiet bħal din inkwistjoni f’din il-kawża. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li s-sitwazzjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo (46), iċċitata fis-sentenza appellata, setgħat tiġi pparagunata ma’ dik fil-kawża Culin: rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni relatata mal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, li fih il-Kummissjoni riedet tissupplimenta l-motivazzjoni fi stadju tard tal-proċedura.
84. Id-dipendenza ta’ CA fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Lucchini vs Il‑Kummissjoni (47) bl-istess mod tidher li hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata. Dik il-kawża kienet tirrigwarda rikors ippreżentat minn destinatarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet timponi multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. L-anness mad-deċiżjoni oriġinali, kif ikkomunikat lid-destinatarji tagħha, ma kienx fih ċerti tabelli li kienu intenzjonati li jkunu inklużi. Malli saret taf b’dak in-nuqqas, il-Kummissjoni adottat, f’inqas minn xahar wara l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni oriġinali, deċiżjoni emendatorja li kien fiha t-tabelli li kienu neqsin, li kienet debitament ikkomunikata lid-destinatarji tad-deċiżjoni oriġinali (48).
85. Fir-rikors tagħha Lucchini sostniet li dak il-kors ta’ azzjoni kien ivvizzjat b’diversi żbalji ta’ liġi, li kienu jitolbu annullament tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, hija argumentat li, fin-nuqqas tat-tabelli, id-deċiżjoni oriġinali ma kellhiex motivazzjoni adegwata u li ż-żieda sussegwenti ta’ dawk it-tabelli, permezz ta’ deċiżjoni emendatorja, ma setgħetx tkun ta’ rimedju għal dak id-difett (49).
86. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali qieset li “hemm lok li jiġi vverifikat jekk, indipendentement mill-assenza tat-tabelli [inkwistjoni] fl-anness tal-ewwel deċiżjoni […] il-premessi rilevanti ta’ din id-deċiżjoni, li insostenn tagħhom sar riferiment għall-imsemmija tabelli, jurux b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni u jippermettux lir-rikorrenti ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata”. Hija kkonkludiet li n-nuqqas tat-tabelli ma kinux jolqtu l-adegwatezza tal-motivazzjoni u għaldaqstant ċaħdet l-argumenti ta’ Lucchini (50).
87. Fil-fehma tiegħi, CA interpretat ħażin dik is-sentenza. L-osservazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 80 tas-sentenza, li kien hemm lok li jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni inizjali kinitx motivata biżżejjed, minkejja n-nuqqas tat-tabelli, ma tistax tinftiehem bħala li timplika li ż-żieda sussegwenti tagħhom kienet kontra l-liġi. Bl-argumenti tagħha r-rikorrenti kienet qiegħda tallega li, mingħajr it-tabelli, id-deċiżjoni inizjali ma kinitx ċara biżżejjed għad-destinatarji tagħha sabiex huma jifhmu l-motivazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, minħabba li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-motivazzjoni kienet adegwata minkejja l-ommissjoni fl-anness, il-validità tal-emendi kienet sempliċiment ma ġietx eżaminata (51).
88. Barra minn dan, kull qari differenti tal-ġurisprudenza iktar ’il fuq ma jkunx jaqbel mal-linja konsistenti ta’ sentenzi li fihom il-qrati tal-Unjoni aċċettaw – abbażi tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-ekonomija ġudizzjarja – li rikors għal annullament jista’ jipproċedi minkejja l-emendi magħmula lill-att kkontestat matul il-proċeduri ġudizzjarji. Kif innotat fil-punt 72 iktar ’il fuq, dan l-approċċ għandu bħala kundizzjoni li s-suġġett tar-rikors jibqa’ sostanzjalment mhux mibdul u li r-rikorrenti jingħataw l-opportunità jadattaw il-motivi u t-talbiet tagħhom.
f) Konsegwenzi tal-evalwazzjoni tal-appell inċidentali
89. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-appell inċidentali tal-Kummissjoni huwa fondat. Meta stħarrġet l-adegwatezza tal-motivazzjoni relatata mal-ammont tal-multa imposta fuq CA, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ħaditx inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni supplimentari introdotta bid-deċiżjoni emendatorja.
90. Madankollu CA tallega li l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud minħabba li d-deċiżjoni emendatorja nnifisha hija invalida. Dan l-argument jammonta, sostanzjalment, għal eċċezzjoni ta’ invalidità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE.
91. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li, bħala stat ta’ fatt, l-argumenti invokati insostenn ta’ dan l-aggravju jaqblu ma’ dawk imressqa minn CA fl-ewwel istanza. Sabiex isir eżami tagħhom tkun meħtieġa evalwazzjoni ddettaljata, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, tas-sottomissjonijiet mressqa mill-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-provi prodotti. Iżda ebda evalwazzjoni bħal din ma tinstab fis-sentenza appellata. Barra minn dan, f’din il-proċedura, il-partijiet għamlu riferiment għal dawn l-argumenti biss b’mod sommarju.
92. F’dawk iċ-ċirkustanzi jiena tal-fehma li l-istat tal-proċedura ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv dwar din il-kwistjoni. Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja (i) tilqa’ l- appell inċidentali tal-Kummissjoni u ma tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tannulla l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata; (ii) tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali; u (iii) tirriżerva l-ispejjeż.
93. Fil-proċedura li jmiss il-Qorti Ġenerali jkun jeħtiġilha tindirizza żewġ kwistjonijiet ewlenin. L-ewwel, ikollha tiddeċiedi dwar it-talba ta’ CA li d-deċiżjoni emendatorja hija kontra l-liġi u, għalhekk, għandha tiġi annullata. It-tieni, jekk hija tikkonstata li d-deċiżjoni emendatorja hija valida, hija jkollha mbagħad tiddetermina jekk id-deċiżjoni kkontestata, kif emendata, tinkludix motivazzjoni adegwata.
94. Kif spjegat iktar ’il fuq, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha taqbel mal-konklużjoni tiegħi dwar l-appell inċidentali tal-Kummissjoni, ma jkunx meħtieġ eżami tar-raba’ aggravju ta’ CA. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun ta’ fehma differenti u, fi kwalunkwe każ, għas-saħħa tal-kompletezza, ser nindirizza hawn taħt il-kwistjonijiet ewlenin li dan l-aggravju jqajjem.
B. Ir-raba’ aggravju fl-appell prinċipali
95. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha CA tikkontesta l-punti 454 sa 683 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali eżerċitat il-ġurisdizzjoni assoluta tagħha fir-rigward tal-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta. Wara li eżaminat l-argumenti mressqa mill-partijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ fid-dawl tal-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjoni u ta’ proporzjonalità tagħha jekk l-ammont tal-multa jiġi ffissat għal EUR 110 000 000, multa li għaliha [CA kienet responsabbli]”.
1. L-argumenti tal-partijiet
96. Mill-bidu nett, għandi nesprimi ċerta perplessità dwar il-formulazzjoni ta’ dan l-aggravju minn CA. Dan huwa maqsum f’żewġ partijiet, li kull waħda minnhom hija stess hija magħmula minn diversi komponenti u taħlita ta’ argumenti prinċipali u alternattivi. L-allegati żbalji jinkludu, b’mod partikolari, deċiżjoni ultra petita, eżerċizzju żbaljat ta’ ġurisdizzjoni assoluta, qlib kontra l-liġi tal-oneru tal-prova, nuqqas ta’ motivazzjoni, nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi rilevanti u ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ kontradittorju u ta’ proporzjonalità.
97. Quddiem din il-kumulu ta’ allegati difetti, ma hijiex ħaġa sempliċi li wieħed “jifred il-qamħ mill-karfa” (52), fi kliem ieħor, li jiġu identifikati liema lmenti huma ssostanzjati biżżejjed u liema ma humiex (53). Diversi argumenti jidhru li jissovrapponu, filwaqt li oħrajn jidhru li tressqu iktar sabiex tissaħħaħ il-kritika globali milli sabiex jiġu fformulati aggravji distinti u awtonomi.
98. Madankollu, ilment wieħed jispikka b’mod ċar u jidher li jikkostitwixxi wieħed mill-ilmenti ewlenin imressqa minn CA kontra din il-parti tas-sentenza appellata. CA tfakkar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni iktar ddettaljata tal-motivi li għalihom il-Kummissjoni stabbiliet il-fattur ta’ tnaqqis għal 98.849 %, hija ma “setgħetx twettaq stħarriġ fil-fond, fid-dritt u fil-fatt, dwar fattur tad-deċiżjoni li seta’ kellu effett sinjifikattiv fuq l-ammont tal-multa imposta fuq [CA]” (54).
99. Wara li waslet għal din il-konklużjoni, madankollu, il-Qorti Ġenerali nnifisha adottat l-istess fattur ta’ tnaqqis bħal dak applikat mill-Kummissjoni mingħajr – skont CA – ma tat ebda spjegazzjoni oħra dwar il-bażi tiegħu. CA tissottometti li l-motivazzjoni tas-sentenza hija, għalhekk, ivvizzjata b’dak l-istess nuqqas ta’ motivazzjoni li wassal lill-Qorti Ġenerali tissostitwixxi l-multa imposta fid-deċiżjoni kkontestata.
100. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan. Hija tikkontendi li l-Qorti Ġenerali eżerċitat b’mod korrett il-ġurisdizzjoni assoluta tagħha u, meta għamlet dan, iffissat ammont xieraq tal-multa. B’mod partikolari, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali spjegat b’mod suffiċjenti id-diversi fatturi li hija qieset meta stabbiliet il-fattur ta’ tnaqqis għal 98.849 %, u b’hekk issodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
2. Analiżi
101. Fil-fehma tiegħi, ir-raba’ aggravju ta’ CA huwa fondat. Sabiex nispjega għaliex ser nibda b’xi rimarki ġenerali, dwar (a) il-kunċett ta’ “ġurisdizzjoni assoluta”, u (b) dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali meta teżerċita din il-ġurisdizzjoni. Imbagħad ngħaddi għal (c) l-ilment speċifiku identifikat fil-punti 98 u 99 iktar ’il fuq, qabel ma nindirizza, iktar fil-qosor, (d) l-argumenti li jkun baqa’ mressqa taħt dan l-aggravju.
a) Rimarki ġenerali I: ġurisdizzjoni assoluta
102. L-Artikolu 261 TFUE jipprovdi li “[r]egolamenti adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill flimkien, u mill-Kunsill […] jistgħu jagħtu kompetenza assoluta lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea rigward is-sanzjonijiet li jkunu previsti f'dawn ir-regolamenti”. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet [adottati taħt dan ir-regolament] fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti”.
103. Fi kliem sempliċi, il-kunċett ta’ ‘ġurisdizzjoni assoluta’ jindika s-setgħa tal-qrati tal-Unjoni li jistħarrġu b’mod sħiħ l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni f’deċiżjonijiet adottati skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Dan il-kunċett ma għandux, madankollu, jitqabbel ma’ setgħa “illimitata” ta’ stħarriġ. Kif ser ikun spjegat iktar ’il quddiem, l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni assoluta huwa ċirkoskritt minn numru ta’ prinċipji proċedurali u sostantivi. Dak li jfisser dan it-terminu huwa li, meta jeżerċitaw din il-ġurisdizzjoni, il-qrati tal-Unjoni ma jkunux marbuta mal-limiti inerenti f’rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, iżda jkunu jistgħu huma stess jikkonfermaw jew iħassru multa, kif ukoll ivarjaw l-ammont tagħha, ’il fuq jew ’l isfel.
104. Skont l-Artikolu 263 TFUE il-qrati tal-Unjoni huma msejħa jistħarrġu l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet kkontestati quddiemhom. Bħala prinċipju, dan l-istħarriġ jestendi għall-elementi kollha ta’ fatt u liġi li fuqhom ikun ibbażat l-att kontestat (55). Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni, jew ikun jeħtiġilhom jwettqu evalwazzjonijiet kumplessi u tekniċi, il-qrati tal-Unjoni għandhom jeżerċitaw stħarriġ ġudizzjarju f’livell xieraq ta’ kontroll (56).
105. B’mod partikolari, meta l-qrati tal-Unjoni jintalbu jistħarrġu l-eżitu ta’ evalwazzjoni ta’ politika diskrezzjonarja jew ta’ evalwazzjoni teknika kumplessa, huma jkunu jistgħu jannullaw l-att ikkontestat biss jekk din l-evalwazzjoni tkun ivvizzjata bi żball “manifest”. Żball jista’ jitqies li jkun manifest meta r-rikorrent juri li din l-evalwazzjoni mwettqa mill-istituzzjoni kkonċernata ma tkunx raġonevoli, jew li l-konklużjonijiet milħuqa ma jkunux plawżibbli. Għall-kuntrarju, sakemm id-deċiżjoni adottata minn din l-istituzzjoni tkun raġonevolment iġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u probatorji li jkunu jeżistu fiż-żmien meta din tkun ġiet adottata, din ma tkunx tista’ titqies li hija kontra l-liġi.
106. Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 263 TFUE, il-qrati tal-Unjoni ma għandhomx is-setgħa jagħmlu evalwazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni li tkun wasslet lill-istituzzjoni kkonċernata tadotta l-att ikkontestat, lanqas li jissostitwixxu l-evalwazzjoni tal-istituzzjoni b’dik tagħhom stess dwar x’kien jikkostitwixxi, fil-fehma tagħhom stess, il-kors ta’ azzjoni l-iktar xieraq fiċ-ċirkustanzi. L-irwol tagħhom huwa limitat għall-istħarriġ tal-legalità tal-att u, fejn jixraq, jiddikjarawh null jew invalidu (57).
107. B’kuntrast, meta jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni assoluta mogħtija bl-Artikolu 261 TFUE, u minkejja d-diskrezzjoni wiesgħa li tgawdi minnha l-Kummissjoni meta tiddefinixxi u timplimenta l-politika tagħha dwar l-impożizzjoni ta’ multi, il-qrati tal-Unjoni jistgħu: l-ewwel, jikkanċellaw jew ivarjaw l-ammont ta’ multa anki fin-nuqqas ta’ żball ta’ liġi, iktar u iktar wieħed manifest; it-tieni, jagħmlu hekk billi jissostitwixxu l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħhom stess dwar il-livell xieraq tal-multa (58); u t-tielet, jieħdu inkunsiderazzjoni kwalunkwe element legali jew fattwali rilevanti, inklużi fatturi li fuqhom il-Kummissjoni ma tkunx ibbażat ruħha jew li ma jkunux tqajmu mill-impriżi matul il-proċedura amministrattiva, kif ukoll avvenimenti sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (59), mingħajr ma jkunu marbuta bil-metodoloġija stabbilita fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi (60). Fi kliem ieħor, evalwazzjoni mill-ġdid hija permissibbli.
108. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 261 TFUE, il-qrati tal-Unjoni ma jkunux qegħdin, fis-sens strett tal-kelma, jistħarrġu l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, jew il-motivazzjoni li fuqha tkun ibbażata, iżda pjuttost ikunu qed jistħarrġu l-adegwatezza ta’ komponent speċifiku wieħed (biss) tagħha, jiġifieri l-multa (61), Ġurisdizzjoni assoluta, għalhekk, tikkostitwixxi forma kumplementarja ta’ setgħa ġudizzjarja jew, meqjusa minn perspettiva oħra, kap addizzjonali ta’ ġurisdizzjoni mogħti lill-qrati tal-Unjoni (62). Filwaqt li l-istħarriġ ġudizzjarju skont l-Artikolu 263 TFUE huwa ggwidat mir-regoli applikabbli ta’ livell ogħla, in casu, l-Artikoli 101 u 102 TFUE, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni assoluta skont l-Artikolu 261 TFUE huwa ggwidat, qabel kollox, minn kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità (63).
109. Dan il-kunċett ta’ “ekwità” għandu jinftiehem f’sens wiesa’. Filwaqt li bla dubju dan jinkludi l-proporzjonalità, l-ekwità u n-nondiskriminazzjoni, dan imur lil hinn minn dawk ir-rekwiżiti (64). Dan jippermetti lill-ġudikatura tal-Unjoni twettaq evalwazzjoni komprensiva u, sa ċertu punt, evalwazzjoni iktar suġġettiva tal-multa u tal-ammont tagħha (65). Għaldaqstant, anki jekk il-Kummissjoni ma tkun wettqet ebda ksur tar-regoli applikabbli, u l-iffissar tagħha tal-multa jkun, f’termini ġenerali, raġonevoli, il-qrati tal-Unjoni jibqgħu jkollhom id-dritt ivarjaw l-ammonti tagħha jekk ikun jidhrilhom li livell differenti ta’ multa jkun iktar xieraq, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ (66).
110. Huma, madankollu, ir-rikorrenti u, fejn jixraq, il-Kummissjoni, jekk tkun trid iżżid il-multa, li għandhom iressqu l-argumenti li jiġġustifikaw l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni assoluta u, fejn ikun meħtieġ, jipproduċu l-provi rilevanti. Il-qrati tal-Unjoni ma jeżerċitawx din il-ġurisdizzjoni ex officio (67).
111. Iżda għandu jkun ċar li dan ma jfissirx li, meta huma jeżerċitaw ġurisdizzjoni assoluta, il-qrati tal-Unjoni huma marbuta sa l-istess livell bil-prinċipju ne ultra petita bħal fl-istħarriġ tal-validità (68). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati tal-Unjoni għandhom is-setgħa li jagħmlu użu sħiħ minn din il-ġurisdizzjoni sa fejn l-iffissar tal-ammont ta’ multa jintbagħat għall-kunsiderazzjoni tagħhom (69). Tali kwistjoni tista’ titressaq quddiemhom jew direttament, permezz ta’ talba espliċita li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-ġurisdizzjoni assoluta tagħha, jew indirettament, fejn parti titlob tnaqqis tal-multa bħala konsegwenza loġika ta’ annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.
112. Din il-konklużjoni toriġina minn-natura doppja tal-ġurisdizzjoni assoluta tal-qrati tal-Unjoni. L-għan ewlieni tagħha huwa li l-impriżi li fuqhom il-Kummissjoni – waqt li taġixxi fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità amministrattiva – tkun imponiet multa, ikunu jistgħu jkollhom salvagwardja addizzjonali ta’ protezzjoni ġudizzjarja (70). Fl-istess waqt, il-ġurisprudenza assoluta tfittex għan sekondarju u kumplementari, jiġifieri, li tiżgura l-koerenza u l-effettività tas-sistema globali ta’ infurzar.
113. Malli s-setgħa li tistabbilixxi, b’mod komprensiv, l-ammont tal-multa, tgħaddi mingħand l-awtorità amministrattiva għal għand il-qrati, dawn tal-aħħar għandhom ukoll jiżguraw li s-sanzjoni tikseb l-għan intiż tagħha. Il-multa għandha, għaldaqstant, tkun suffiċjentement dissważiva fir-rigward tal-impriżi li l-aġir tagħhom ikun jista’ jippreġudika l-istruttura jew il-funzjonament tas-suq intern, u, konsegwentement, inaqqas l-effiċjenza ekonomika sħiħa tiegħu, partikolarment għad-detriment tal-konsumaturi (71). Huwa għal din ir-raġuni li, meta jiffissaw l-ammont tal-multa, il-qrati tal-Unjoni għandhom iqisu, b’mod partikolari, l-effett ta’ deterrent tiegħu (72) u jistgħu, fejn ikun jixraq, jimponu multa li tkun taqbeż dik iffissata mill-Kummissjoni (73).
b) Rimarki ġenerali II: l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali
114. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-mistoqsija li jmiss tkun indirizzata tikkonċerna l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali meta hija teżerċita l-ġurisdizzjoni assoluta tagħha fl-istħarriġ ta’ multa.
115. It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija, bħala prinċipju, sempliċi. Id-diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lill-qrati tal-UE skont l-Artikolu 261 TFUE bl-ebda mod ma tnaqqas l-obbligu tagħhom li tingħata motivazzjoni adegwata, skont l-Artikolu 296 TFUE, l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 47 tal-Karta (74).
116. Il-prinċipji ewlenin li jirregolaw din il-kwistjoni huma stabbiliti sewwa. Skont ġurisprudenza stabbilita l-motivazzjoni li fuqha tkun ibbażata sentenza għandha tiżvela b’mod ċar u inekwivoku l-linja ta’ raġunament tal-Qorti Ġenerali, sabiex b’hekk il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu il-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni adottata u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita s-setgħa tagħha ta’ stħarriġ (75). Minbarra dan, l-obbligu ta’ motivazzjoni jservi għan usa’: dan jikkostitwixxi salvagwardja kontra l-arbitrarjetà, billi jiżgura li l-partijiet fit-tilwima jkunu jistgħu jaċċertaw lilhom innifishom li l-argumenti tagħhom ikunu nstemgħu kif imiss, filwaqt li l-qrati jkunu mġiegħla jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq bażi oġġettiva u verifikabbli (76).
117. Il-portata ta’ dan l-obbligu tista’, madankollu, tvarja skont in-natura tas-sentenza, u għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-proċedura fl-intier tagħha, u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji proċedurali marbuta magħha (77). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali ma jeħtiġilhiex tindirizza b’mod eżawrjenti u f’sekwenza kull argument imressaq mill-partijiet. Il-motivazzjoni tagħha tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun impliċita, sakemm din tkun tippermetti lill-persuni kkonċernati jagħrfu r-raġunijiet li għalihom it-talbiet tagħhom ma jkunux intlaqgħu, u sakemm din tkun tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja materjal suffiċjenti sabiex tistħarreġ il-legalità tas-sentenza appellata (78).
118. F’dan il-kuntest, u b’mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tinftiehem fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet proċedurali u sostantivi inerenti fl-eżerċizzju ta’ tali ġurisdizzjoni. F’dak ir-rigward, jistgħu jitqiesu, fil-fehma tiegħi, tliet fatturi bħala partikolarment rilevanti.
119. L-ewwel, filwaqt li l-Qorti Ġenerali tista’, iżda ma hijiex obbligata, tieħu konjizzjoni ta’ elementi, ta’ argumenti u ta’ kwistjonijiet li ma jkunux tressqu direttament għall-attenzjoni tagħha mill-partijiet, (79) hija għandha, bħala prinċipju, tqis dak kollu li jkun debitament tqajjem quddiemha mill-partijiet (80). Dan għandu naturalment ikun rifless fil-motivazzjoni li fuqha tkun ibbażata s-sentenza. Il-kwistjoni dwar jekk tali argumenti għandhomx ikunu indirizzati espliċitament, u l-livell ta’ dettall li bih kull argument għandu jkun eżaminat, tkun tiddependi, ovvjament, mir-rilevanza, miċ-ċarezza u mis-sinjifikat probattiv tagħhom.
120. It-tieni, il-Qorti Ġenerali għandha marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni meta tiġi sabiex tiffissa l-ammont ta’ multa xierqa f’każ partikolari. Din id-diskrezzjoni għandha, madankollu, tkun eżerċitata f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, u b’mod partikolari, mal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u ta’ ugwaljanza fit-trattament (81). Barra minn dan, il-multa għandha tikkorrispondi prinċipalment mal-gravità u mat-tul tal-ksur, filwaqt ukoll li tiżgura wkoll l-effett deterrenti tagħha (82). Konsegwentement, kull meta waħda jew iktar minn dawk il-kwistjonijiet iqumu b’mod ġenwin, ikun raġonevolment mistenni li l-motivazzjoni tindirizzahom f’dettall suffiċjenti. Tabilħaqq, kif il-Qorti Ġenerali nnifisha osservat, fil-punt 661 tas-sentenza appellata, “fil-kuntest tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħham, hija [għandha] tistabbilixxi fid-dettall il-fatturi li hija tkun ħadet inkunsiderazzjoni meta tkun iffissat l-ammont tal-multa” (83).
121. It-tielet, kif diġà ġie spjegat, meta tiffissa l-ammont ta’ multa skont l-Artikolu 261 TFUE, il-Qorti Ġenerali la hija marbuta bil-metodoloġija stabbilita mil-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi u lanqas, loġikament, b’xi metodoloġija alternattiva li setgħet kienet applikata fid-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma jeħtiġilhiex tħares formula matematika partikolari jew kalkolu ekonomiku (84). Madankollu, xejn ma jipprekludiha milli tagħmel hekk meta hija tqis li tali approċċ ikun xieraq. Dan jista’, pereżempju, ikun il-każ meta diversi impriżi jiġu mmultati taħt l-istess deċiżjoni, u konformità ma’ metodoloġija speċifika– bħal dik użata mill-Kummissjoni – tkun tista’ sservi sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejniethom (85).
122. Għall-kuntrarju, meta l-Qorti Ġenerali tqis li jkun xieraq li ma ssegwix, totalment jew parzjalment, dawn il-metodoloġiji, hija għandha toqgħod partikolarment attenta li tindika d-diversi elementi li hija tkun ħadet inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont xieraq tal-multa u, fejn ikun rilevanti, tagħti spjegazzjoni indikattiva tal-importanza relattiva tagħhom (86). Madankollu, dan ma jitlobx li l-motivazzjoni tisfa wirja ta’ ortodossija aritmetika sofistikata u metikoluża (87). Huwa ċar li, skont l-Artikolu 261 TFUE, ċerti evalwazzjonijijiet ex bono et aequo jkunu perfettament leġittimi. Barra minn dan, f’xi każijiet motivazzjoni konċiża – ibbażata fuq evalwazzjoni globali tal-fatturi rilevanti kollha, jew b’riferiment għal konstatazzjonijiet imwettqa diġà x’imkien ieħor fis-sentenza – tista’ tkun biżżejjed (88).
123. Essenzjalment, dak li raġonevolment jista’ jkun mistenni mill-Qorti Ġenerali huwa li hija tistabbilixxi, b’ċarezza, bi preċiżjoni u b’koerenza interna suffiċjenti, l-istadji essenzjali tal-motivazzjoni tagħha, u n-natura u s-sinjifikat tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni (89).
124. Allegat nuqqas ta’ motivazzjoni huwa, tabilħaqq, suġġett għal stħarriġ f’appell. Madankollu, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ żball ġuridiku mwettaq mill-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma teżerċitax il-ġurisdizzjoni assoluta tagħha stess sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’dik tagħha stess. Għaldaqstant, ma jkunx biżżejjed għal rikorrent sempliċiment li jikkontendi li l-multa imposta mill-Qorti Ġenerali ma tkunx xierqa jew tkun inġusta. Tali multa tkun tista’ titħassar biss jekk jintwera li l-livell tagħha jkun “eċċessiv, tant li [jkun] sproporzjonat” (90).
125. Huwa b’riferiment għal dawn il-prinċipji li issa ser neżamina l-argumenti mressqa minn CA dwar dan.
c) In-nuqqas ta’ motivazzjoni f’din il-kawża
126. Fil-punti 659 sa 683 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali speċifikat il-fatturi li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha, meta ffissat l-ammont tal-multa. Hija eżaminat tliet kategoriji ta’ elementi: il-gravità u t-tul tal-ksur (punti 663 sa 679), l-eżistenza ta’ ċirkustanzi mitiganti (punti 680 u 681) u l-effett ta’ deterrent tal-multa (punt 682). Wara li wettqet dak li hija ddeskriviet bħala “evalwazzjoni ġusta ” taċ-ċirkustanzi rilevanti, il-Qorti Ġenerali ffissat il-multa fl-ammont ta’ EUR 110 000 000 (punt 683), somma ftit inqas minn dik imposta skont l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata (91).
127. Fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fit-taqsima preċedenti, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha tidher, mal-ewwel daqqa t’għajn, li hija ddettaljata u metodika. Din hija ċarament mibnija b’mod li jgħin lill-qarrej isegwi l-iżvilupp loġiku tal-motivazzjoni tas-sentenza, tidentifika l-elementi meqjusa li huma rilevanti għall-evalwazzjoni, billi tindika l-importanza relattiva tagħhom, u hija tagħmel dan skont ġurisprudenza stabbilita.
128. Madankollu, meta jsir eżami iktar fil-fond – u skont l-argumenti mressqa minn CA – ċerti aspetti ta’ dik il-motivazzjoni jidhru li huma suġġetti għal kritika. Xi siltiet jidhru li ma għandhomx konsistenza interna meta pparagunati ma’ konstatazzjonijiet magħmula f’partijiet oħra tal-istess sentenza.
129. Għalhekk, fil-punt 664 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “huwa opportun li tintuża l-metodoloġija li, bħal dik segwita f’din il-kawża mill-Kummissjoni, tidentifika, għall-ewwel, l-ammont bażiku tal-multa, li jista’, wara dan, jiġi aġġustat fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża”. F’dak il-kuntest, hija qieset xieraq tuża rċevuti ta’ flus kontanti mnaqqsa bħala valur ta’ sostituzzjoni għall-valur tal-bejgħ bħala data inizjali, filwaqt li qieset li metodi oħra disponibbli ta’ flus kontanti ta’ kalkolu bħala mhux adatti jew mhux iġġustifikati. Il-valur ta’ rċevuti ta’ flus kontanti applikat mill-Kummissjoni għal CA kien għalhekk aċċettat (punti 665 sa 668 tas-sentenza appellata).
130. Sussegwentement, fil-punti 669 sa 673 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat, mill-bidu nett, li ż-żewġ partijiet kienu ftiehmu li “l-fatt li bħala bażi għall-kalkolu tal-multa jiġi adottat biss id-dħul tal-flus iwassal għal impożizzjoni ta’ multa dissważiva wisq”. Hija, għalhekk, ikkonstatat li kellu jkun applikat fattur ta’ tnaqqis sabiex dawk l-irċevuti jitnaqqsu. Imbagħad, il-Qorti Ġenerali nnotat, essenzjalment, ħames punti. L-ewwel, il-Kummissjoni kienet applikat fattur ta’ tnaqqis uniformi ta’ 98.849 %. It-tieni, dan il-fattur ta’ tnaqqis kien “[i]r-riżultat ta’ eżerċizzju kumpless li jirrifletti diversi elementi” , u kien “approssimazzjoni ta’ valur maħdum [u, għalhekk,] mid-definizzjoni tiegħu stess, ma [kienx] jeżist[i] fattur wieħed ta’ tnaqqis possibbli”. It-tielet, il-fatturi alternattivi ta’ tnaqqis proposti minn CA kienu tqiesu mhux xierqa. Ir-raba’, il-partijiet kienu ftehmu li “l-fattur ta’ tnaqqis għandu jkun jammonta għall ta mill-inqas 98.849 %”. Il-ħames, “l-istabbiliment ta’ multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż”.
131. Għalkemm it-test tas-sentenza appellata ma huwiex għalkollox ċar dwar dan il-punt, jidher li huwa raġonevoli li minn dan li ntqal iktar ’il fuq jiġi dedott li l-Qorti Ġenerali fl-aħħar applikat l-istess fattur ta’ tnaqqis bħal dak użat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dak ta’ 98.849 %. Tabilħaqq, l-ammont tal-multa stabbilit mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni assoluta huwa tassew qrib dak impost mill-Kummissjoni (92). Din l-interpretazzjoni hija sostnuta ulterjorment mis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2023, JPMorgan Chase et vs Il‑Kummissjoni (93), mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl-istess jum li, billi użat raġunament kważi identiku dwar din il-kwistjoni, stabbiliet il-multa fl-istess ammont eżatt bħal dak indikat fid-deċiżjoni kkontestata (94).
132. Madankollu, fil-punti 494 sa 512 tal-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li l-motivazzjoni fid-deċiżjoni kontestata kienet inadegwata sa fejn din kienet tikkonċerna l-iffissar tal-fattur ta’ tnaqqis ta’ 98.849 %. Hija nnotat li kienu biss ftit, u x’aktarx vagi, is-siltiet fid-deċiżjoni kkontestata li pprovdew intuwizzjoni fil-loġika tal-Kummissjoni meta din iffissat il-fattur ta’ tnaqqis f’dak il-livell speċifiku. Dak in-nuqqas tqies partikolarment problematiku, meqjusa l-importanza ċentrali tal-fattur ta’ tnaqqis fil-metodoloġija użata mill-Kummissjoni għall-iffissar tal-multa.
133. F’dan il-kuntest, huwa kemmxejn ta’ sorpriża li l-Qorti Ġenerali fl-aħħarnett approvat dan l-istess fattur ta’ tnaqqis. Sabiex inkun ċar, ma jistax ikun eskluż li, meta għamlet l-evalwazzjoni tagħha stess, il-Qorti Ġenerali setgħet ikkonkludiet li dan il-fattur kien, fil-fatt, l-iktar wieħed xieraq. Il-fatt waħdu li l-Kummissjoni kienet naqset tfisser b’mod adegwat il-kalkolu tagħha, ma jimplikax bilfors li l-valur bażiku kien żbaljat (95).
134. Madankollu, jekk din tabilħaqq kienet il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, hija kien imissha qalet hekk espressament, billi tiċċara li, fl-evalwazzjoni tagħha stess, il-fattur ta’ tnaqqis ta’ 98.849 % kien jirrappreżenta il-koeffiċjenti li l-iktar kien jixraq, u tispjega – almenu fil-qosor – ir-raġunijiet għaliex waslet għal din il-konklużjoni.
135. Is-sentenza appellata, madankollu, ma fiha l-ebda waħda minn dawk iż-żewġ elementi. L-ewwel, kif innotat fil-punt 131 iktar ’il fuq, hija lanqas ma tgħid espliċitament li l-fattur ta’ tnaqqis applikat mill-Qorti Ġenerali kien ġie ffissat għal 98.849 %. It-tieni, is-sentenza appellata ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar għaliex dan il-valur partikolari kien tqies li kien l-iktar xieraq.
136. Kien, ovvjament, għal CA li tressaq argumenti sabiex issostni dak li kienet qiegħda tgħid li l-metodoloġija u l-figuri speċifiċi użati mill-Kummissjoni rriżultaw f’multa li kienet sproporzjonata, diskriminatorja jew xort’oħra inġusta. Madankollu, il-fatt li l-fattur alternattiv ta’ tnaqqis propost minn CA tqies eċċessiv ma jfissirx, fih innifsu, li l-Qorti Ġenerali kien jeħtiġilha tapprova l-valur adottat fid-deċiżjoni kkontestata.
137. Din kienet b’mod ċar mhux sitwazzjoni li fiha kien hemm biss sett żgħir u stabbilit minn qabel ta’ alternattivi. Il-Qorti Ġenerali nnifisha rrikonoxxiet li l-valur użat mill-Kummissjoni kien sempliċiment approssimazzjoni ta’ valur kostrutt u li, konsegwentement, ebda fattur ta’ tnaqqis waħdu ma seta’ jitqies li kien unikament korrett.
138. Madankollu, minkejja n-nuqqas ta’ xi spjegazzjoni distingwibbli fid-deċiżjoni kkontestata dwar għaliex fattur ta’ tnaqqis ta’ 98.849 % għandu jitqies xieraq, il-Qorti Ġenerali xorta waħda approvat dan il-valur, essenzjalment minħabba li l-alternattivi proposti minn CA ma kinux ippreferuti. Fil-qari tas-sentenza appellata wieħed jibqa’ bl-impressjoni li l-Qorti Ġenerali għażlet dak li hija ħasbet li kien “l-inqas ħażin” fost il-valuri sottomessi mill-partijiet.
139. Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ ma jirriflettix it-tip ta’ evalwazzjoni mitluba mill-Qorti Ġenerali meta teżerċita l-ġurisdizzjoni assoluta tagħha skont l-Artikolu 261 TFUE. Meta tiddeċiedi tannulla multa imposta permezz ta’ deċiżjoni u tibdilha b’oħra, il-Qorti Ġenerali għandha hija stess tistabbilixxi l-ammont li hija tkun tqis l-iktar xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali setgħet adottat kull valur li hija tkun qieset adattat sabiex jissostitwixxi dak użat mill-Kummissjoni, filwaqt li tkompli – kieku hekk xtaqet – issegwi qafas metodoloġiku ftit jew wisq simili.
140. Alternattivament, kieku l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li hija ma setgħetx tidentifika fattur ta’ tnaqqis xieraq, hija kien imissha rrikorriet għal metodoloġija differenti, minflok ma qagħdet fuq waħda li l-applikazzjoni tagħha hija nnifisha għarfet li kienet inċerta jew mhux l-aħjar waħda. Id-deċiżjoni tagħha li tagħmel mod ieħor hija, għalhekk, diffiċli li tiġi rrikonċiljata mal-loġika tal-ġurisdizzjoni assoluta mogħtija lilha.
141. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali naqset meta ma tatx motivazzjoni adegwata dwar il-mod li bih hija eżerċitat is-setgħat mogħtija liha skont l-Artikolu 261 TFUE (96). Anki jekk wieħed jassumi li l-partijiet kienu ftehmu li “l-fattur ta’ tnaqqis għandu jkun jammonta għall ta mill-inqas 98.849 %” – proposta kkontestat bil-qawwa minn CA u li, barra minn dan, ma tidhirx li hija kkorroborata mill-fajl tal-kawża – din iċ-ċirkustanza tkun, fi kwalunkwe każ, immaterjali f’dan il-kuntest. Tali konstatazzjoni ma tkunx tindirizza dak li CA essenzjalment qiegħda tisħaq, li dak il-valur kien eċċessivament baxx, u b’hekk irriżulta f’multa inġusta.
142. Minbarra dan, il-fatt biss li ebda waħda mill-appellanti ma pproponiet fattur ta’ tnaqqis b’valur iktar baxx minn dak tal-Kummissjoni ma jistax ikun ittrattat, mill-Qorti Ġenerali, bħala prova li tikkonferma l-adegwatezza ta’ din il-figura. Jekk tippermettuli nkun ftit ironiku, nixtieq nosserva li ebda impriża li tkun weħlet multa mill-Kummissjoni, sa fejn naf jien, xi darba kkontestat deċiżjoni minħabba li s-sanzjoni imposta kienet baxxa wisq. Naturalment, il-qrati tal-UE qatt ma qiesu n-nuqqas ta’ tali kontestazzjonijiet bħala indikazzjoni li l-multa imposta mill-Kummissjoni kienet neċessarjament raġonevoli.
143. In-nuqqas ta’ spjegazzjoni ċara dwar għaliex il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-istess fattur ta’ tnaqqis bħal dak użat mill-Kummissjoni – minkejja l-konstatazzjoni tagħha stess li l-Kummissjoni kienet naqset milli tiġġustifika b’mod adegwat dak il-fattur – huwa partikolarment problematiku fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża. Kif bilkemm għandu jitfakkar, il-valur ta’ sostituzzjoni adottat mill-Kummissjoni sabiex tissostitwixxi l-valur tal-bejgħ tal-impriżi – jiġifieri, rċevuti ta’ flus kontanti – jikkostitwixxi novità f’dan il-qasam. Minħabba l-karattru ġdid ta’ dan l-approċċ u l-kwistjonijiet metodoloġiċi li dan iqajjem dwar il-kalkolu tiegħu, wieħed kien jistenna motivazzjoni iktar komprensiva dwar dan il-punt. Dan manifestament ma kienx każ li fih, dwar kwistjoni daqshekk ċentrali, motivazzjoni konċiża ħafna jew sempliċiment impliċita setgħet titqies bħala suffiċjenti.
144. Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li l-motivazzjoni hija inadegwata u inkonsistenti internament fir-rigward tal-kalkolu tal-multa imposta mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha. Ir-raba’ aggravju ta’ CA għandu, konsegwentement, jiġi milqugħ u s-sentenza appellata għandha parzjalment tiġi annullata.
d) Il-partijiet u l-argumenti l-oħra fir-raba’ aggravju
145. Minħabba li kkonkludejt li l-appell inċidentali għandu jiġi milqugħ u li, sussidjarjament, ir-raba’ aggravju ta’ CA għandu wkoll jiġi milqugħ, bilkemm jeħtieġ li jiġu eżaminati fid-dettall il-kumplament tal-argumenti mressqa minn CA insostenn ta’ dan l-aggravju. Għalhekk, ser nindirizzahom fil-qasir ħafna.
146. L-ewwel, CA tikkontendi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod ultra petita meta hija eżerċitat il-ġurisdizzjoni assoluta tagħha. Skont CA l-Qorti Ġenerali kienet prekluża milli timponi multa fil-kuntest ta’ din il-ġurisdizzjoni, minħabba li hija kienet laqgħet it-talba ewlenija tagħha għall-annullament tal-multa imposta mill-Kummissjoni, filwaqt li t-talba għat-tnaqqis tal-multa kienet tressqet biss b’mod sussidjarju.
147. Ma naqbilx ma’ din l-evalwazzjoni. Kif diġà spjegajt, il-prinċipju ne ultra petita għandu biss funzjoni limitata meta l-Qorti Ġenerali tistħarreġ multa fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha. Il-qrati tal-UE għandhom is-setgħa jeżerċitaw ġurisdizzjoni assoluta kull meta l-kwistjoni tal-ammont tal-multa tkun quddiemhom. Dak li jimporta, għalhekk, huwa jekk parti tkunx talbet lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ dik il-multa. Dak kien biċ-ċar hekk fil-proċedura fl-ewwel istanza, minħabba li CA għamlet hekk kemm direttament kif ukoll indirettament. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-fatt li rikorrent ikun talab. Sussidjarjament, li multa titnaqqas ma jipprekludix l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni assoluta (97).
148. It-tieni, ma jienx persważ bl-allegazzjoni ta’ CA li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx teżerċita l-ġurisdizzjoni assoluta tagħha mingħajr ma l-ewwel tadotta miżura istruttorja, għar-raġuni li ċerti dettalji dwar il-metodoloġija ta’ kalkolu tal-Kummissjoni kienu nieqsa. Il-Qorti Ġenerali ma kinitx marbuta bil-metodoloġija adottata fid-deċiżjoni kkontestata u għażlet li tapplika metodoloġija li kienet simili, għalkemm mhux identika għalkollox (98). Dik l-għażla, fiha nnifisha, ma hijiex oġġezzjonabbli. F’din il-kawża il-problema tinsab fin-nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata li tispjega din l-għażla.
149. It-tielet, bl-istess mod jiena ma jienx persważ b’dak li tikkontendi CA li, meta eżerċitat il-ġurisdizzjoni assoluta tagħha, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti elementi rilevanti invokati minn CA. L-argument li CA kellha allegatament rwol minuri fil-ksur kien eżaminat kif imiss fil-punti 635 sa 639 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, applikat l-Artikolu 101 TFUE għal għamliet ta’ aġir li ma pproduċewx effetti fuq is-suq, jew li minnhom CA ma ħadet ebda benefiċċju, huma b’mod ċar irrilevanti. Huwa stabbilit sewwa li ma hijiex meħtieġa prova ta’ effetti fil-każ ta’ restrizzjoni minħabba l-għan. Lanqas, fil-fehma tiegħi, ma għandu l-fatt li impriża ma tkunx għamlet qliegħ minn ftehim antikompetittiv jirriżulta fl-impożizzjoni ta’ sanzjoni inqas.
150. Fl-aħħar nett, nittendi naqbel ma’ CA li jista’ jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew, għall-inqas, applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-oneru tal-prova, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-metodi differenti użati minn ċerti banek sabiex jikkalkolaw rċevuti ta’ flus kontanti.
151. Ikolli ninnota, mill-ewwel, li l-eżistenza ta’ metodi diverġenti f’dan ir-rigward kienet irrikonoxxuta fid-deċiżjoni kkontestata u ma hemmx tilwima dwar dan bejn il-partijiet(99). Il-Kummissjoni madankollu sostniet, kemm fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-effett ta’ dawn id-differenzi fuq il-kalkolu tal-multi kien insinjifikattiv (100). CA min-naħa tagħha, tikkontendi li, minħabba l-irwol ċentrali tal-fattur ta’ tnaqqis, anki varjazzjonijiet żgħar fid-data ta’ ħlas bi flus kontanti użata fil-kalkolu tal-multi setgħu potenzjalment jipproduċu differenzi fl-ammonti finali li ċertament ikunu mhux negliġibbli.
152. Fin-nuqqas ta’ data affidabbli dwar din il-kwistjoni fil-fajl tal-kawża, inqis li jkun impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk id-data użata, minkejja xi eteroġeneità, ipproduċitx riżultati paragunabbli.
153. B’rabta ma’ dan, ta’ min jinnota li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet naqset milli tadotta miżuri investigattivi ulterjuri sabiex tiċċara l-metodi differenti minn xulxin użati mid-diversi banek, għalkemm xi wħud minnhom kienu debitament avżaw lill-Kummissjoni dwar id-diffikultajiet li huma kienu ltaqgħu magħhom meta pprovdew id-data mitluba dwar rċevuti ta’ flus kontanti(101). Huwa wkoll paċifiku li l-banek involuti qatt ma ngħataw aċċess sħiħ għall-kalkoli ddettaljati mwettqa mill-Kummissjoni (102). Il-Qorti Ġenerali lanqas ma talbet lill-Kummissjoni tipproduċi dawk il-kalkoli matul il-proċedura fl-ewwel istanza, minkejja li l-kwistjoni kienet ġiet diskussa b’mod eżawrjenti bejn il-partijiet.
154. Huwa tassew minnu, kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, li anki meta tapplika l-metodoloġija iktar tradizzjonali stabbilita fil-Linji Gwida tagħha għall-kalkolu tal-multi, il-kalkoli għandhom neċessarjament ikunu bbażati fuq id-data dwar il-bejgħ mogħtija mill-impriżi nnifishom. Tali data tista’ naturalment tirrifletti l-istrutturi organizzattivi differenti, l-istrateġiji kummerċjali differenti u l-prattiċi ta’ kontabbiltà differenti fost id-diversi impriżi.
155. Madankollu, jidhirli li huwa evidenti li, f’dawn is-sitwazzjonijiet, ir-riskju li l-kalkoli relatati mad-data dwar il-bejgħ ma jkunux jaqblu huwa, almenu jekk ikun hemm, ħafna iktar limitat milli f’każ bħal dan preżenti. Kif imsemmi iktar ’il fuq, f’din il-kawża il-metodoloġija stabbilita fil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi kienet applikata b’mod innovattiv, bl-użu ta’ valur ta’ sostituzzjoni maħdum mill-ġdid, li l-adegwatezza tiegħu kienet ikkontestata mill-partijiet, u li l-implimentazzjoni tiegħu wassal għal aproċċi diverġenti fost id-diversi impriżi involuti.
156. Fi kwalunkwe każ, filwaqt li l-Kummissjoni ma tistax raġonevolment tkun mistennija tivverifika kull dettall żgħir tad-data sottomessa minn kull impriża suġġetta għal proċedura skont ir-Regolament Nru 1/2003, hija madankollu tibqa’ obbligata tiżgura l-osservanza għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dak jinvolvi, l-ewwel, il-verifika tal-paragunabbiltà tad-data fejn jinqalgħu dubji f’dan ir-rigward, u t-tieni, l-użu ta’ totalità ta’ data l-iktar xierqa għal kull impriża, fejn is-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ kull waħda minnhom ma jkunux kompletament paragunabbli(103).
157. F’dan il-kuntest, insibha diffiċli nifhem għaliex il-Qorti Ġenerali (i) ibbażat ruħha fuq asserzjoni mhux issostanzjata tal-Kummissjoni li l-eteroġeneità tal-data użata ma kellhiex effett fuq ir-riżultat, u (ii) ikkonkludiet li CA kienet naqset mili turi, hekk kif meħtieġ mil-liġi, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx korretta. Fil-fehma tiegħi, raġunament bħal dan effettivament impona fuq CA probatio diabolica jew, b’mod iktar prożajku, oneru tal-prova mhux dovut, li għalhekk, kien jirrifletti applikazzjoni mhux korretta tar-regoli dwar l-oneru tal-prova. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika sewwa jekk il-motiv ta’ CA bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ugwali kienx fondat.
VI. Konklużjoni
158. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni, jew, sussidjarjament, ir-raba’ aggravju mressaq minn Crédit agricole SA u minn Crédit agricole Corporate & Investment Bank.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Crédit agricole u Crédit agricole Corporate and Investment Bank vs Il‑Kummissjoni (T‑113/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2023:847).
3 Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 8530 finali tas‑7 ta’ Diċembru 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro (EIRD)).
4 Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 4610 finali tat‑28 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-deċiżjoni kkontestata.
5 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
6 Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi”).
7 L-akronimu “Euribor”’ huwa l-abbrevjazzjoni għal Euro Interbank Offered Rate (Rata interbankarja offruta f’Euro), u l-akronimu“EONIA” hija l-abbrevjazzjoni għal Euro Overnight Index Average (Indiċi medju minn jum għal ieħor f’Euro).
8 Ara l-premessi 639 sa 648 tad-deċiżjoni kkontestata.
9 T‑105/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża HSBC”, EU:T:2019:675.
10 Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2023:11). F’dawk il-proċeduri, b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Lulju 2020, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2020:601), CA ingħatat permess tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-appellanti.
11 Sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2024, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (T‑561/21, EU:T:2024:869).
12 Ara. iktar ’il fuq, il-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
13 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (Lajters tal-but) (C‑494/22 P, EU:C:2024:684, punti 129 u 130, u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 Ara, b’analoġija is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2024, Illumina u Grail vs Il‑Kummissjoni (C‑611/22 P u C‑625/22 P, EU:C:2024:677, punt 134).
15 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 Ara, iktar ’il fuq, il-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
17 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punti 81 sa 86).
18 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑27/04, EU:C:2004:313, punt 135).
19 Ara, b’mod partikolari, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
20 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Tilly‑Sabco vs Il‑Kummissjoni (C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 1991, Cargill vs Il‑Kummissjoni (C‑248/89, EU:C:1991:264, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 1983, Verli‑Wallace vs Il‑Kummissjoni (159/82, EU:C:1983:242, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 14).
24 Jiġifieri, bla ħsara għal eċċezzjonijiet, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 24(1) TUE u fl-Artikolu 275 TFUE.
25 Din hija kwistjoni li dawk stess li abbozzaw it-Trattati kellhom f’moħħhom sa mill-bidu nett. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lagrange fil-kawża Assider vs L‑Awtorità Għolja (3/54, EU:C:1954:6, p. 171). Ara wkoll Arena, A., “La tutela giurisdizionale dinanzi alla Corte di giustizia: origini, evoluzione e tratti distintiv”’, f’Mastroianni, R., Il diritto processuale dell’Unione europea, Giappichelli, 2025, p. 10 sa 16.
26 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et (C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑13 Diċembru 2013, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni (T‑240/10, EU:T:2013:645, punti 89 u 90).
28 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament (195/80, EU:C:1981:284, punt 20 sa 22); tad‑19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International and Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 77); tal‑20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs EIB (T‑461/08, EU:T:2011:494, punti 109 u 115); u tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Nabipour et vs Il‑Kunsill (T‑58/12, EU:T:2013:640, punti 36 sa 39).
29 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Icap et (C‑39/18 P, EU:C:2019:584, punti 39 sa 41).
31 F’dan ir-rigward, ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers (C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 88).
32 Ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE.
33 Ara, iktar ’il fuq, il-punti 7, 8, 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
34 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 1979, Racke (98/78, EU:C:1979:14, punt 19); tal‑21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C‑143/88 u C‑92/89, EU:C:1991:65, punt 49); u tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND (C‑181/20, EU:C:2022:51, punti 47 sa 49).
35 Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
36 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 1982, Alphasteel vs Il‑Kummissjoni (14/81, EU:C:1982:76, punti 7 u 8); tat‑2 ta’ Frar 2012, Dow Chemical vs Il‑Kummissjoni (T‑77/08, EU:T:2012:47, punt 35); tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Nabipour et vs Il‑Kunsill (T‑58/12, EU:T:2013:640, punt 20); u tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑72/09, EU:T:2014:1094, punt 46).
37 Fil-każ ta’ appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali, l-istess prinċipju japplika fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 141 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
38 Ara, mutatis mutandis, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 1982, Alphasteel vs Il‑Kummissjoni (14/81, EU:C:1982:76, punt 8).
39 Sentenza tas‑7 ta’ Frar 1990 (C‑343/87, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Culin”, EU:C:1990:49).
40 Ibid., punt 11.
41 Enfasi miżjuda minni. Ara r-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEAE) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1385), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).
42 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2002, Campogrande vs Il‑Kummissjoni (C‑62/01 P, EU:C:2002:248, punt 33), u tat‑8 ta’ Marzu 2023, SE vs Il‑Kummissjoni (T‑763/21, EU:T:2023:113, punt 14).
43 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2002, Campogrande vs Il‑Kummissjoni (C‑62/01 P, EU:C:2002:248, punt 34), u tal‑11 ta’ Novembru 2020, AD v ECHA (T‑25/19, EU:T:2020:536, punt 32).
44 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2002, Campogrande vs Il‑Kummissjoni (C‑62/01 P, EU:C:2002:248, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Culin vs Il‑Kummissjoni (343/87, EU:C:1989:342, punti 6 sa 17).
46 Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo (C‑114/19 P, EU:C:2020:457).
47 Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014 (T‑91/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Lucchini”, EU:T:2014:1033,).
48 Ibid., punti 42 sa 45.
49 Ibid., punti 74 u 75.
50 Ibid., punti 76 sa 102.
51 Jista’ jingħad ukoll li, fil-punt 107 sa 110 tas-sentenza fil-kawża Lucchini, il-Qorti Ġenerali eżaminat espressament, u ċaħdet, l-argumenti tar-rikorrenti li jallegaw li l-adozzjoni tad-deċiżjoni emendatorja kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.
52 Din l-espressjoni ġeneralment titqies li ġejja mill-Bibbja, Mattew 3:12.
53 Ara, mutatis mutandis, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2013:619, punti 7 sa 9). B’rabta ma’ dan, irid inżid, jiena u għaddej, li naqbel mal-opinjoni espressa mill-għaref kollega tiegħi l-Avukat Ġenerali Wahl li preċedentement kien stieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, meta kienet qegħda tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż, tqis it-tul bla ħtieġa u l-kumplessità tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, u n-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tagħhom. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Feralpi et vs Il‑Kummissjoni (C‑85/15 P, C‑86/15 P u C‑87/15 P, C‑88/15 P u C‑89/15 P, EU:C:2016:940, punti 134 sa 139).
54 B’riferiment għall-punt 511 tas-sentenza appellata.
55 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 67).
56 Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża BĊE vs Crédit lyonnais (C‑389/21 P, EU:C:2022:844, punti 49 u 50).
57 Ara, f’iktar dettall u b’iktar referenzi, ibid., il-punti 41 sa 74.
58 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni (C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, ara wkoll is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Westfälische Drahtindustrie u Pampus Industriebeteiligungen vs Il‑Kummissjoni (C‑70/23 P, EU:C:2024:580, punt 47).
59 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni (C‑297/98 P, EU:C:2000:633, punt 55) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2012:499, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Quanta Storage vs Il‑Kummissjoni (C‑699/19 P, EU:C:2022:483, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).
61 Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punti 76 u 77).
62 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 130), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni (C‑101/15 P, EU:C:2016:258, punt 116). Ara wkoll Bernardeau, L., u Christienne, J.‑P., Les amendes en droit de la concurrence: pratique décisionnelle et contrôle juridictionnel du droit de l’Union, Larcier, 2013, p 800 sa 801.
63 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1984, Officine Bertoli vs Il‑Kummissjoni (8/83, EU:C:1984:129, punt 29).
64 Dwar l-importanza ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, EU:C:2004:415, punti 129 sa 133). F’dan il-kuntest, ara wkoll Arabadjiev, A., “Unlimited Jurisdiction: What Does It Mean Today?”, minn Cardonnel, P. et (edituri), Constitutionalising the EU Judicial System - Essays in Honour of Pernilla Lindh, Hart, 2012, p. 400.
65 Ara, Wahl, N., “Enjeu et limites actuelles de la jurisprudence relative à la compétence de pleine juridiction conférée au juge de l’Union en matière de concurrence”’, f’Tizzano, A. et., La Cour de justice de l’Union européenne sous la présidence de Vassilios Skouris - Liber amicorum, Bruylant, 2017, p. 735.
66 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2025, Intel Corporation vs Il‑Kummissjoni (T‑1129/23, EU:T:2025:1091, punt 107).
67 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64), u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il‑Kummissjoni (C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 32).
68 B’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni (C‑3/06 P, EU:C:2006:720, punt 49); tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2012:499, punt 37) ; u tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Total vs Il‑Kummissjoni (C‑597/13 P, EU:C:2015:207, punt 58).
69 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni (C‑679/11 P, EU:C:2013:606, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).
70 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 445).
71 Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 36).
72 Ara, iktar ’il quddiem, il-punt 120 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
73 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni (T‑101/05 u ‑111/05, EU:T:2007:380, punt 222).
74 F’dan ir-rigward, ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs Il‑Kummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker‑Hannifin (C‑434/13 P, EU:C:2014:2456 punti 81 sa 85).
75 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 81).
76 Ara Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2022, Rutar u Rutar Marketing d.o.o. vs Is‑Slovenja (CE:ECHR:2022:1215JUD002116420, punt 62).
77 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 52).
78 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Dow Chemical et vs Il‑Kummissjoni (C‑499/11 P, EU:C:2013:482, punt 57).
79 Ara, iktar ’il fuq, il-punt 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
80 Ara, dwar dan, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica and Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 57); tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni (C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punt 108); u tad‑9 ta’ Novembru 2023, Altice Group Lux vs Il‑Kummissjoni (C‑746/21 P, EU:C:2023:836, punti 221 sa 223 u 229).
81 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Quanta Storage vs Il‑Kummissjoni (C‑699/19 P, EU:C:2022:483, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).
82 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Altice Group Lux vs Il‑Kummissjoni (C‑746/21 P, EU:C:2023:836, punt 246). Fatturi oħra li jistgħu jitqiesu jinkludu, b’mod partikolari, “l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-ftehimiet u tal-prattiki miftiehma, il-qligħ li dawn setgħu jagħmlu minn dawn il-ftehimiet jew prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punti 53 u 91). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:375, punti 113 sa 115).
83 Enfasi miżjuda minni.
84 Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il‑Kummissjoni (C‑298/98 P, EU:C:2000:634, punt 87).
85 Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni (C‑338/00 P, EU:C:2003:473, punti 146 u 147), u tal‑4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il‑Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 98).
86 Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tad‑9 ta’ Marzu 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni (C‑291/98 P, EU:C:2000:112, punt 98).
87 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il‑Kummissjoni (C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 55).
88 Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 82), u tad‑9 ta’ Ottubru 2014, ICF vs Il‑Kummissjoni (C‑467/13 P, EU:C:2014:2274, punt 64).
89 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 151).
90 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs Il‑Kummissjoni (C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).
91 Ara, iktar ’il fuq, il-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dan kien dovut għall-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata il-Kummissjoni kienet attribwiet b’mod żbaljat ċertu aġir lil CA. Ara l-punti 413 sa 428, 451 sa 453, u 679 tas-sentenza appellata.
92 Dwar ir-raġuni għal dan, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 89 hawn fuq.
93 T‑106/17, EU:T:2023:832.
94 Ara l-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża JPMorgan Chase u JPMorgan Chase Bank, National Association vs Il‑Kummissjoni, C‑160/24 P, mogħtija wkoll illum.
95 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il‑Kummissjoni (C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 99), u tad‑9 ta’ Ġunju2016, PROAS vs Il‑Kummissjoni (C‑616/13 P, EU:C:2016:415, punt 51).
96 Ara, mutatis mutandis, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Servier et vs Il‑Kummissjoni (C‑201/19 P, EU:C:2022:577, punt 257).
97 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni (C‑679/11 P, EU:C:2013:606, punt 105 sa 107).
98 Paragrafu 664 tas-sentenza appellata.
99 Ara, b’mod partikolari, il-punti 539 sa 556 tas-sentenza appellata.
100 Ara, b’mod partikolari, il-punti 531, 549, 551, 554, 572, 574, 575, 577, 579 sa 581, u 587 tas-sentenza appellata.
101 Punti 560 sa 569 tas-sentenza appellata.
102 Ibid., punt 576.
103 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 51 sa 66).