Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fil-11 ta’ Diċembru 2025 (1)
Kawża C-653/24
Presidente del Consiglio dei Ministri
vs
Regione Emilia-Romagna
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte costituzionale (il‑Qorti Kostituzzjonali, l-Italja))
“Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Servizzi fis-suq intern – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE – Konċessjonijiet ta’ impjanti idroelettriċi żgħar u ta’ impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija korrispondenti – Estensjoni awtomatika tal-konċessjonijiet li kienu ngħataw qabel”
1. Il-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) hija adita b’rikors ippreżentat mill-Presidente del Consiglio dei Ministri (il-President tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja) kontra liġi reġjonali li, mingħajr sejħa għal offerti ġdida, tippermetti li jiġi estiż it-tul tal-konċessjonijiet (2) ta’ “impjanti żgħar tal-ilma għal użu idroelettriku” mogħtija lill-konċessjonarji li rċevew ċerta għajnuna.
2. Sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din ir-regola mad-dritt tal-Unjoni, kif titlob il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddetermina jekk id-Direttiva 2006/123/KE (3) tapplikax ratione materiae għal dan it-tip ta’ konċessjonijiet. Hija ser ikollha wkoll tippreċiża l-ġurisprudenza (4) tagħha sabiex tiċċara fejn tinsab il-linja ta’ delimitazzjoni bejn il-“produzzjoni ta’ oġġett” u l-“provvista ta’ servizz”.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2006/123
3. L-Artikolu 2(1) (“Kamp ta’ Applikazzjoni”) jistabbilixxi li:
“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.
4. L-Artikolu 4 (“Definizzjonijiet”) jipprovdi li:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1) ‘servizz’ tfisser attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 50 tat-Trattat;
[…].”
5. L-Artikolu 12 (“Għażla minn fost diversi kandidati”) jipprevedi li:
“1. Fejn in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari hu limitat minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi naturali disponibbli jew kapaċità teknika, l-Istati Membri għandhom japplikaw proċedura ta’ għażla għal kandidati potenzjali li tipprovdi garanziji sħaħ ta’ imparzjalità u trasparenza, inkluż, b’mod partikolari, reklamar adegwat dwar it-tnedija, il-kondotta u t-tlestija tal-proċedura.
2. Fil-każijiet msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu limitat xieraq u ma tistax tkun miftuħa għal tiġdid awtomatiku, lanqas tipprovdi kwalunkwe vantaġġ ieħor lill-fornitur li l-awtorizzazzjoni tiegħu għada kemm skadiet jew kwalunkwe persuna oħra li għandha rabtiet partikolari ma’ dak il-fornitur.
3. Soġġett għall-paragrafu 1 u għall-Artikoli 9 u 10, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont, fl-istabbiliment tar-regoli għall-proċedura ta’ l-għażla, konsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika, objettivi ta’ politika soċjali, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, il-ħarsien ta’ l-ambjent, il-protezzjoni tal-wirt kulturali u raġunijiet aktar importanti oħrajn li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku, skond il-liġi Komunitarja.”
B. Id-dritt Taljan
1. Il-Kostituzzjoni tal-Italja (5)
6. Skont l-Artikolu 117(1), il-poter leġiżlattiv jappartjeni lill-Istat u lir-Reġjuni, li jeżerċitawh skont it-termini stabbiliti mill-Kostituzzjoni stess u f’konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
2. Id-Digriet Irjali Nru 1775 tal‑1933 (6)
7. L-Artikolu 6(2)(a) jiddefinixxi bħala “kbar” dawk l-impjanti tal-ilma li jalimentaw impjanti ta’ produzzjoni ta’ saħħa motriċi li l-qawwa nominali tal-produzzjoni annwali medja tagħhom hija ogħla minn 3 000 kW. Għal qawwiet ugwali jew iktar baxxi, l-impjanti jitqiesu bħala “żgħar”.
8. L-Artikolu 21 jindika li l-konċessjonijiet għal impjanti żgħar għall-użu idroelettriku huma temporanji u li t-tul tagħhom ma jistax jeċċedi t-tletin sena, li wara jistgħu jiġġeddu skont l-Artikolu 28 tad-Digriet Irjali tal‑1933.
3. Il-Liġi Reġjonali ta’ Emilia-Romagna Nru 17/2023 (7)
9. Skont l-Artikolu 3 tagħha, meta l-konċessjonarju ta’ impjanti żgħar tal-ilma għall-użu idroelettriku jkun kiseb għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika, b’rabta mal-impjant, it-tul tal-konċessjoni huwa, fuq talba tal-konċessjonarju, konformi mal-perijodu li matulu tingħata din l-għajnuna. Madankollu, it-tul massimu ta’ tletin sena previst fl-Artikolu 21 tad-Digriet Irjali tal‑1933 għal dan it-tip ta’ konċessjonijiet ma jistax jinqabeż.
II. Il-kawża u d-domandi preliminari
10. Fit‑23 ta’ Frar 2024, il-Presidente del Consiglio dei Ministri (iktar ’il quddiem il-“President tal-Kunsill tal-Ministri”) ikkontesta quddiem il-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) il-kostituzzjonalità tal-Artikolu 3 tal-Liġi Reġjonali Nru 17/2023 tar-Regione Emilia-Romagna (ir-Reġjun ta’ Emilia-Romagna, l-Italja) (8).
11. Fir-rikors tiegħu, il-President tal-Kunsill tal-Ministri ressaq diversi argumenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni Taljana, li jirregola t-tqassim tas-setgħat leġiżlattivi bejn l-Istat u r-Reġjuni. Fir-rigward tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, huwa sostna li:
– Minkejja li l-leġiżlazzjoni Statali lanqas ma tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ sejħiet għal offerti pubbliċi għat-tiġdid ta’ konċessjonijiet ta’ impjanti żgħar tal-ilma, dan l-obbligu huwa impost skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 49 TFUE u d-Direttiva 2006/123.
– L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 japplika għall-konċessjonijiet ta’ impjanti żgħar idroelettriċi, skont diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja (9). Dan l-artikolu jimponi l-obbligu li l-konċessjonijiet jingħataw permezz ta’ sejħa għal offerti pubblika, inkluż fil-każ ta’ possibbiltà ta’ tiġdid.
– Il-Liġi Reġjonali Nru 17/2023, billi tippermetti l-“estensjoni awtomatika” (10) tal-konċessjonijiet inkwistjoni, tipprekludi li dawn ikunu miftuħa għall-kompetizzjoni wara l-iskadenza tagħhom, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-provvista ta’ servizzi.
12. Ir-Reġjun ċaħad ir-rikors billi sostna, fil-qosor, li:
– Id-dispożizzjoni kkontestata ma tipprovdix għal “estensjoni awtomatika” tal-konċessjonijiet diġà skaduti (11).
– Is-sentenza Promoimpresa kienet tikkonċerna konċessjonijiet għall-operat ta’ żoni pubbliċi tal-lagi u marittimi għal finijiet turistiċi u rikreattivi, liema huma bla dubju kklassifikati bħala “provvista ta’ servizz”. Madankollu, l-attività ta’ impjanti idroelettriċi żgħar ma tistax titqies bħala “provvista ta’ servizz”, iżda bħala “produzzjoni ta’ oġġett” (12) eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2006/123.
– Il-leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni ddedikata għar-regolamentazzjoni tas-suq tal-enerġija tikkonferma din l-interpretazzjoni (13).
13. Il-qorti tar-rinviju tillimita r-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha għal aspett partikolari tal-kawża. Fil-fehma tagħha, “[g]ħandha tiġi eżaminata, preliminarjament, id-domanda magħmula fir-rigward tal-Artikolu 117(1) [tal-Kostituzzjoni], moqri flimkien mal-Artikolu 49 TFUE u mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 (14).” L-eżami tal-motivi l-oħra ta’ inkostituzzjonalità ser jitħalla għal stadju ulterjuri.
14. Wara li ddikjarat li “kull miżura nazzjonali relatata ma’ qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti jew komplet fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux ta’ dawk tad-dritt primarju”, il-qorti tar-rinviju:
– Tqis li huwa neċessarju li jiġi ppreċiżat jekk l-attività ta’ produzzjoni ta’ enerġija permezz ta’ impjanti idroelettriċi żgħar għandhiex tiġi kklassifikata bħala “provvista ta’ servizzi” irregolata mid-Direttiva 2006/123.
– Hija tfakkar li, skont is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Almelo (15) u ECO-WIND Construction, l-elettriku huwa oġġett u l-produzzjoni tiegħu ma tistax titqies, inkwantu tali, bħala servizz (16).
– Hija targumenta li diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jikkonfermaw il-klassifikazzjoni tal-elettriku bħala “oġġett tanġibbli” (17) jew “prodott” (18). Madankollu, hija tammetti li elementi regolatorji oħra jistgħu jwasslu għal interpretazzjoni kuntrarja (19).
15. F’dan il-kuntest, il-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva [2006/123] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għall-impjanti tal-enerġija li l-uniku attività tagħhom hija l-produzzjoni tal-elettriku, bħall-impjanti żgħar idroelettriċi?
2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva [2006/123] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferiment għall-kundizzjoni ta’ skarsezza ta’ riżorsi jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li juża, bħala kriterju ġenerali u astratt sabiex jiddetermina jekk l-impjanti idroelettriċi jistgħux irendu skarsa r-riżorsa idroelettrika, id-differenza bejn l-impjanti idroelettriċi kbar u żgħar (li rispettivament jipproduċu saħħa motriċi b’qawwa nominali medja annwali ikbar minn jew, għall-kuntrarju, ugwali għal jew inqas minn 3 000 kW)?
3) Fl-aħħar nett, jekk ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva [2006/123] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi estensjoni tat-tul ta’ żmien tal-konċessjoni, iġġustifikata mill-ħtieġa li l-konċessjonarju jitħalla juża l-inċentivi kollha miksuba għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, bla ħsara għall-konformità mat-tul massimu (30 sena) li tista’ tingħata mill-bidu għal konċessjoni għall-operat ta’ impjant żgħir idroelettriku?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
16. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2023.
17. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-Reġjun, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ġermaniż u, ukoll, tal-Gvern Franċiż, dehru fis-seduta li nżammet fit‑13 ta’ Ottubru 2025.
IV. Analiżi
A. L-ewwel domanda preliminari
18. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk “l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva [2006/123] japplika[x] [u]koll għall-impjanti tal-enerġija li l-uniku attività tagħhom hija l-produzzjoni tal-elettriku, bħall-impjanti żgħar idroelettriċi”.
19. Għalkemm id-domanda ssir speċifikament b’riferiment għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123, sabiex tingħata risposta għaliha, għandu jiġi eżaminat jekk l-attività mwettqa mill-impjanti żgħar idroelettriċi taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2006/123. Il-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) stess tirrikonoxxi dan (20).
20. Id-Direttiva 2006/123 għandha bħala rekwiżit ġenerali dak li jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 2(1) u tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tagħha. Minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li hija tapplika esklużivament meta attività tista’ tiġi kklassifikata bħala “servizz” ipprovdut minn operaturi stabbiliti fi Stat Membru (Artikolu 2(1)) (21).
21. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, li jispjega d-“definizzjonijiet”, fil-punt 1 tiegħu jipprovdi li t-terminu “servizz” ifisser attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 50 tat-Trattat (22).
22. Minbarra dan l-ewwel stadju loġiku, li jikkonċerna d-Direttiva 2006/123 meħuda fl-intier tagħha, l-applikabbiltà ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha teħtieġ li jiġu ssodisfatti (b’mod simultanju u kumulattiv) rekwiżiti speċifiċi oħra ta’ applikazzjoni (23).
23. Skont l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123, dawn ir-rekwiżiti speċifiċi huma marbuta mal-fatt li n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari jkun limitat minħabba n-nuqqas tar-riżorsi naturali jew tal-kapaċitajiet tekniċi li jistgħu jintużaw. F’dan il-każ, l-awtorizzazzjoni (ippreċeduta minn proċedura ta’ għażla bejn il-kandidati) tingħata għal tul ta’ żmien limitat u ma twassalx għal proċedura ta’ tiġdid awtomatiku u ma twassal għal ebda vantaġġ ieħor għall-fornitur li jkun ser jispiċċa.
24. Għalhekk naqbel mal-approċċ adottat mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li jiġi eżaminat, qabel kollox, jekk l-attività eżerċitata mill-impjanti idroelettriċi żgħar tissodisfax il-kundizzjoni ġenerali għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123. Li kieku din l-attività ma kinitx servizz, sempliċement ma kinitx tkun affettwata mid-Direttiva 2006/123.
25. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan ir-rigward, li “l-impjanti idroelettriċi żgħar jeżerċitaw attività ta’ sempliċi produzzjoni tal-elettriku, intiża f’ċerti każijiet għat-trasferiment tagħhom, permezz ta’ injezzjoni fil-grilja, u f’każijiet oħra, essenzjalment jew esklużivament [(24)] għall-awtokonsum (25).”
1. Is-sempliċi produzzjoni tal-elettriku hija servizz?
26. Skont il-premessa 33 tad-Direttiva 2006/123, il-kunċett ta’ servizz għandu jiġi interpretat b’mod estensiv. Is-“servizzi” jinkludu varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet li qegħdin jevolvu b’mod kostanti, kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi finali.
27. Il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat l-elettriku bħala prodott (26) u, fis-sentenza ECO-WIND Construction, hija żiedet li l-provvista possibbli ta’ servizzi marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku ma tikkontestax din il-klassifikazzjoni, sa fejn dawn is-servizzi huma anċillari għall-attività prinċipali ta’ produzzjoni ta’ enerġija (27).
28. Konsegwentement, bħala prinċipju, is-“sempliċi produzzjoni” jew il-produzzjoni tal-elettriku, irrispettivament mis-sors li tkun ġejja minnu, ma hijiex, fiha nnifisha, servizz li għalih tapplika d-Direttiva 2006/123.
29. Sabiex jirribatti l-effett tas-sentenza ECO-WIND Construction fil-kawża ineżami, il-Gvern Taljan jenfasizza li din is-sentenza ngħatat fil-kuntest ta’ riżorsa (ir-riħ) li ma tistax tkun is-suġġett ta’ proprjetà pubblika jew privata. B’kuntrast ma’ dan, il-konċessjoni tal-ilma għandha bħala għan prinċipali “l-użu ta’ oġġetti ta’ proprjetà pubblika skont il-finijiet previsti mil-liġi [(28)]” u, konsegwentement, “il-produzzjoni tal-elettriku hija [...] biss element sekondarju u hija biss wieħed mill-għanijiet possibbli ta’ użu tar-riżorsi tal-ilma permessi mil-liġi (29)”.
30. Dan l-argument (li huwa kuntradittorju għal argumenti oħra mressqa mill-Gvern Taljan innifsu) (30) ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li d-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda preċiżament l-użu ta’ ilmijiet pubbliċi għall-produzzjoni tal-elettriku. Il-konċessjoni tingħata, prinċipalment, għall-produzzjoni ta’ din l-enerġija.
31. Huwa minnu li, fit-teorija, il-produzzjoni tal-elettriku tista’ tkun akkumpanjata mill-provvista ta’ ċerti servizzi. Madankollu, skont is-sentenza ECO-WIND Construction, għalkemm dawn is-servizzi huma anċillari għall-attività prinċipali (il-produzzjoni tal-enerġija), huma ma għandhomx effett fuq il-klassifikazzjoni tagħha.
32. Il-Kummissjoni u l-Gvern Taljan jaqblu li l-produzzjoni tal-enerġija tista’ tintrabat (eventwalment, skont il-Kummissjoni, u neċessarjament, skont il-Gvern Taljan) ma’ attivitajiet oħra li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “servizzi”. Madankollu, huma ma jaqblux fir-rigward tal-identifikazzjoni konkreta ta’ dawn l-attivitajiet komplementari.
33. Peress li l-ewwel domanda preliminari hija limitata għall-impjanti li jeżerċitaw is-sempliċi attività ta’ produzzjoni tal-elettriku, ma huwiex indispensabbli li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi estiża għal attivitajiet oħra minbarra l-produzzjoni tal-elettriku nnifisha.
34. Madankollu, ser nindirizza l-pożizzjonijiet tal-Gvern Taljan u tal-Kummissjoni dwar dawn l-attivitajiet addizzjonali oħra, billi nibda minn dawk tal-Gvern Taljan u tal-Kummissjoni.
35. Skont il-Gvern Taljan, għalkemm parti mill-attività tal-konċessjonarju hija orjentata lejn il-produzzjoni tal-enerġija, dan l-operatur huwa obbligat jeżerċita sensiela ta’ attivitajiet neċessarjament marbuta mal-ġestjoni tal-impjant. Dan isostni li l-konċessjonarju għandu jillimita l-estrazzjoni tal-ilma għal valuri kompatibbli mal-mili mill-ġdid tal-akwiferu kkonċernat, kif ukoll jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jissalvagwardja l-interess pubbliku marbut mar-riżorsa tal-ilma, filwaqt li jżomm il-bilanċ idroġeoloġiku intatt (31).
36. Minn dan, huwa jiddeduċi li “[...] l-attività [eżerċitata mill-konċessjonarju] ma tistax tiġi kkunsidrata sempliċement bħala l-produzzjoni ta’ oġġett, iżda għandha mingħajr dubju tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ servizz” (32).
37. Jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument. Kull impjant tal-produzzjoni jeħtieġ, naturalment u b’mod ftit jew wisq wiesa’, l-osservanza ta’ obbligi intiżi sabiex jipproteġu s-saħħa pubblika jew l-interess ġenerali (33). Madankollu, dan ma jimplikax li l-produzzjoni ta’ oġġett issir awtomatikament il-provvista ta’ servizz.
38. Fil-kawża ineżami, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni stabbilita bid-Digriet Irjali tal‑1933 tissuġġetta l-eżerċizzju tal-attività ta’ impjant tal-ilma għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet tekniċi, stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (34).
39. Il-fatt li l-konċessjonarju jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, anki jekk, sabiex iwettaqhom, għandu jwettaq attivitajiet addizzjonali, jikkostitwixxi element inerenti għall-konċessjoni u, nirrepeti, ma jittrasformax awtomatikament l-attività tal-konċessjonarju fi provvista ta’ servizzi u lanqas jibdel in-natura tagħha f’“konċessjoni għal servizzi” (35).
40. Jekk jiġi aċċettat, sussidjarjament, li l-attivitajiet addizzjonali msemmija mill-Gvern Taljan jistgħu jiġu kklassifikati bħala “servizzi”, għandu jiġi evalwat jekk dawn jikkostitwixxux servizzi anċillari (fis-sens tas-sentenza ECO-WIND Construction).
41. Għal dan il-għan, nemmen li attivitajiet immirati lejn il-ġestjoni tal-fluss u l-preservazzjoni tal-bilanċ idroġeoloġiku, kieku kienu kkunsidrati bħala “servizzi”, kien ikollhom natura intrinsikament anċillari: l-operatur ekonomiku ma jistax iwettaqhom b’mod indipendenti u bħala attività ewlenija, bħala “attività ekonomika ta’ impjieg awtonomu normalment mogħtija bi ħlas.”
42. Barra minn hekk, in-neċessità li jiġu pprovduti tali “servizzi” teoretiċi tirriżulta mill-fatt li l-ilmijiet pubbliċi jiġu ddevjati mill-kanal naturali tagħhom, devjazzjoni li dejjem titwettaq għal skop speċifiku. Il-Gvern Taljan innifsu twassal sabiex jirrikonoxxi fis-seduta li, fil-kuntest ta’ dawn il-konċessjonijiet, id-dritt ta’ devjazzjoni tal-ilma huwa marbut mal-għan speċifiku ta’ produzzjoni tal-enerġija idroelettrika. L-attivitajiet inkwistjoni jiddependu għalhekk mill-funzjonament tal-impjant żgħir għal finijiet idroelettriċi u ma jistgħux jiġu sseparati funzjonalment u legalment minnu.
43. L-argument dwar il-“ġestjoni ta’ impjant tal-enerġija”, li jista’ jiġi kkunsidrat bħala servizz fis-sens tal-Kodiċi 65410000–0 tal-Anness I tar-Regolament Nru 213/2008, argument invokat ukoll mill-Gvern Taljan insostenn tal-argument tiegħu, għandu iktar piż.
44. Madankollu, inqis li l-ġestjoni ta’ impjant tal-enerġija hija legalment separabbli mis-sempliċi produzzjoni tal-elettriku, li ma hijiex neċessarjament identifikata magħha. Fil-fatt, id-dritt li jintużaw impjanti żgħar tal-ilma għal finijiet idroelettriċi jimplika li: 1) id-dritt ta’ devjazzjoni tal-ilmijiet pubbliċi; (2) id-dritt li jinbnew ix-xogħlijiet neċessarji għal dan l-għan (36); u (3) id-dritt li tiġi ġestita l-faċilità proprja u t-tagħmir proprju skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
45. Għaldaqstant, xejn ma jipprekludi li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jkun jista’ jafda l-“ġestjoni” tal-impjant tal-enerġija tiegħu lil terz (jekk ikun il-każ lil fornitur ta’ servizzi), mingħajr ma dan iwassal għat-telf tal-kwalità oriġinali tiegħu u lanqas għall-konfigurazzjoni ta’ konċessjoni reali għal servizzi jew ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi (37).
46. Il-Kummissjoni tafferma l-possibbiltà għall-konċessjonarju ta’ impjant idroelettriku żgħir li jipprovdi tipi ta’ servizzi differenti minn dawk imsemmija sa issa (38). Hija tirreferi, b’mod partikolari, għas-servizzi ta’ regolazzjoni tas-sistema tal-elettriku u ta’ bbilanċjar tal-grilja.
47. Ċertament, din il-possibbiltà ma tistax tiġi miċħuda.
48. Madankollu, f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ regolazzjoni tas-sistema (distinti minn dawk marbuta mal-ġestjoni tal-impjant idroelettriku), il-kriterju ta’ gwida stabbilit fil-punt 59 tas-sentenza ECO-WIND Construction jibqa’ applikabbli: “[is-]servizzi ta’ ġestjoni tal-grilja u [...] ta’ regolazzjoni tal-prezzijiet tal-elettriku […] huma anċillari għall-attività prinċipali ta’ produzzjoni tal-elettriku”.
49. Fir-rigward tas-servizzi ta’ bbilanċjar tal-grilja, dawn huma, skont il-Kummissjoni, karatteristiċi tal-impjanti li għandhom tankijiet, bħall-impjanti idroelettriċi kbar, li l-attività tagħhom tista’ għalhekk tiġi kklassifikata bħala “provvista ta’ servizzi” (39). Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, fil-każ ta’ impjanti idroelettriċi żgħar, is-servizzi ta’ bbilanċjar tal-grilja jkunu biss okkażjonali.
50. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata li tal-inqas uħud mill-impjanti idroelettriċi żgħar jipprovdu effettivament b’mod mhux marġinali dan it-tip ta’ servizzi, id-Direttiva 2006/123 hija applikabbli għal dawn l-impjanti kollha skont il-kriterju stabbilit mis-sentenza X u Visser (40).
51. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan ippreċiża, waqt is-seduta, li kemm l-impjanti idroelettriċi kbar kif ukoll dawk żgħar għandhom bħala għan prinċipali tal-attività tagħhom il-produzzjoni tal-enerġija u li dawn is-“servizzi” teoretiċi ta’ bbilanċjar tal-grilja huma pprovduti permezz ta’ żieda temporanja ta’ din il-produzzjoni sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet eċċezzjonali ta’ dak il-mument.
52. Fl-opinjoni tiegħi, il-provvista (eventwali) ta’ “servizzi” ta’ bbilanċjar tas-sistema ma tbiddilx in-natura tal-attività mwettqa minn impjant idroelettriku, kemm jekk kbir jew żgħir: dik l-attività tibqa’ l-produzzjoni tal-enerġija, u għal dan biss, intenni, tirreferi l-ewwel domanda preliminari.
53. Konsegwentement, il-kriterju stabbilit fis-sentenza X u Visser (41) la huwa applikabbli fil-kawża ineżami u lanqas ma jista’ jqarreb il-produzzjoni tal-elettriku lejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, billi jinjora s-soluzzjoni (kuntrarja) adottata fil-punt 59 tas-sentenza ECO-WIND Construction.
54. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-għoti lill-konċessjonarju tad-dritt li juża impjant żgħir ta’ ilmijiet pubbliċi għall-produzzjoni tal-enerġija ma jagħmlux, ipso facto, fornitur ta’ servizzi li l-attività tiegħu hija rregolata mid-Direttiva 2006/123.
2. Konċessjonijiet ta’ beni ta’ proprjetà pubblika suġġetti għad-Direttiva 2006/123 u s-sentenza Promoimpresa
55. Dak li ġie rrilevat iktar ’il fuq, għandu jiġi kkuntrastat mas-sentenza Promoimpresa, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2006/123 kienet applikabbli għal ċerti konċessjonijiet ta’ beni ta’ proprjetà pubblika.
56. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[l]-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva [2006/123] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali […] li tipprevedi l-estensjoni awtomatika ta’ awtorizzazzjonijiet fis-seħħ ta’ proprjetà pubblika fis-settur marittimu u tal-għadajjar u intiżi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet turistiċi u rikreattivi, fl-assenza ta’ kull proċedura ta’ għażla bejn il-kandidati potenzjali (42).”
57. Diversi argumenti, invokati prinċipalment mill-Gvern Taljan, huma bbażati fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni analizzata mis-sentenza Promoimpresa u dik tal-kawża ineżami:
– Fiż-żewġ każijiet, għandu jiġi evalwat jekk id-dritt tal-Unjoni jawtorizzax sistema li twassal għall-għoti ta’ dritt esklużiv ta’ sfruttament ta’ proprjetà pubblika. Għalhekk teżisti “sitwazzjoni perfettament analoga għal [dik] diġà eżaminata mill-[Qorti tal-Ġustizzja]. Għalhekk, il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza famuża [Promoimpresa] huma għalhekk applikabbli wkoll fil-kawża ineżami (43).”
– Id-deċiżjonijiet tal-qrati u amministrattivi nazzjonali estendew il-motivi tas-sentenza Promoimpresa għal impjanti idroelettriċi żgħar.
– Fi proċedura ta’ ksur mibdija kontra l-Italja u Stati Membri l-oħra, il-Kummissjoni adottat din l-istess premessa (44).
a) L-effett tas-sentenza Promoimpresa fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123
58. Fl-ewwel lok, il-Gvern Taljan jipprova juri, permezz ta’ deskrizzjoni tal-attività ta’ impjanti idroelettriċi żgħar, li “din ma tistax titqies li hija prinċipalment ikkaratterizzata mill-produzzjoni ta’ oġġett, b’mod partikolari tal-elettriku, peress li din ma tikkostitwixxix l-għan prinċipali tagħha (45)”. L-argument espost f’dawn il-kliem, fil-fehma tiegħi, imur kontra dak li d-deċiżjoni tar-rinviju tqis bħala fatt stabbilit dwar is-suġġett tal-konċessjoni.
59. Fit-tieni lok, filwaqt li jirreferi għas-sentenza Promoimpresa, il-Gvern Taljan isostni li s-sitwazzjoni eżaminata fiha hija simili għal dik tal-kawża ineżami (46).
60. Jekk nifhem sew l-argument tal-Gvern Taljan, il-fatt li awtorità kontraenti tagħti, permezz ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni, lil operatur ekonomiku id-dritt esklużiv li jisfrutta oġġett li jaqa’ taħt beni ta’ propjetà pubblika (47), jiġġustifika li ma tittiħidx inkunsiderazzjoni s-soluzzjoni tas-sentenza ECO-WIND Construction u minflok tittieħed dik tas-sentenza Promoimpresa. Konsegwentement, il-konċessjonijiet inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni (tal-Artikolu 12) tad-Direttiva 2006/123.
61. Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ, li jikkorrispondi mal-opinjoni espressa mill-Gvern Franċiż waqt is-seduta, jirriżulta minn qari parzjali tas-sentenza Promoimpresa.
62. Konċessjoni mogħtija sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet ekonomiċi f’żona tad-dominju pubbliku ma tistax sempliċement tiġġustifika l-applikazzjoni awtomatika tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123. Preliminarjament, għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-għanijiet li għalihom ingħatat il-konċessjoni, jekk u sa fejn l-attività eżerċitata mill-użu ta’ proprjetà pubblika tistax tiġi kklassifikata bħala “servizz”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 (48).
63. L-argument tal-Gvern Taljan jimplika li l-konċessjoni ta’ kull impjant żgħir ta’ ilma pubbliku (inkluż għall-awtokonsum), minħabba s-sempliċi fatt li għandu bħala għan l-isfruttament ta’ proprjetà pubblika, ikun jammonta għal provvista ta’ servizz li għalih japplika l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 (49).
64. Ma naħsibx li dan l-argument huwa konvinċenti. B’mod partikolari, jimminimizza l-importanza tal-għan li għalih l-użu tal-proprjetà pubblika tingħata, sal-punt li tiġi ridotta għal element tant sekondarju li jiġi “assorbit” fil-konċessjoni nnifisha. Dan ma jiħux inkunsiderazzjoni, fl-iżvilupp ta’ dan l-argument, l-importanza li għandu l-għan tas-sentenza Promoimpresa.
65. Fis-sitwazzjoni eżaminata mis-sentenza Promoimpresa, il-konċessjonijiet ingħataw preċiżament sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ natura turistika u rikreattiva (50). Dan kien l-element determinanti sabiex dawn jiġu suġġetti għas-sistema tad-Direttiva 2006/123, element li, nirrepeti, huwa assenti f’konċessjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża ineżami.
66. Fir-rigward tat-tiġdid ta’ konċessjonijiet għal impjanti idroelettriċi żgħar (li, fir-realtà, dak li jirregola l-Artikolu 3 tal-Liġi Reġjonali Nru 17/2023), il-problema legali hija jekk operatur ieħor interessat għandux jingħata, fi tmiem il-konċessjoni inizjali, il-possibbiltà li jistabbilixxi ruħu fl-istess post sabiex jeżerċita l-istess attività (produzzjoni ta’ enerġija idroelettrika) (51). F’dan il-proċess ta’ tiġdid ta’ konċessjonijiet, l-għan li għalih ingħatat il-konċessjoni inizjali għandu rwol importanti u mhux biss sekondarju.
b) Deċiżjonijiet tal-korpi Taljani u proċedura ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni
67. Il-Gvern Taljan jinvoka, insostenn tal-argument tiegħu, xi preċedenti (ġudizzjarji u amministrattivi) nazzjonali li jassimilaw il-konċessjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża ma’ dawk li taw drittijiet esklużivi fuq il-proprjetà pubblika fis-settur marittimu. Huwa jsostni wkoll li l-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra l-Italja fir-rigward tal-iskema ta’ konċessjoni inkwistjoni.
68. Is-soluzzjonijiet imfassla fil-livell nazzjonali kif ukoll il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur ma humiex vinkolanti għall-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, huma jistgħu jipprovdu elementi utli ta’ analiżi meta l-argumenti legali li fuqhom jibbażaw ruħhom ikunu konvinċenti.
69. Dan ma jidhirx li huwa l-każ fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami.
70. Fir-rigward tal-proċedura ta’ ksur Nru 2011/2026, dwar l-impjanti idroelettriċi kbar, il-Kummissjoni sostniet li “l-ġestjoni ta’ impjanti idroelettriċi għall-produzzjoni ta’ enerġija idroelettrika tikkostitwixxi servizz ipprovdut bi ħlas fis-sens tad-Direttiva [2006/123] u tat-[Trattat FUE] (52)”.
71. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li din il-proċedura ngħalqet f’Settembru 2021 abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità politika, mingħajr ma dan iwassal sabiex jiġi ammess in-nuqqas ta’ ksur tad-Direttiva 2006/123.
72. Madankollu, sa fejn il-Kummissjoni tidher li torbot l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 ma’ impjanti idroelettriċi kbar flimkien mal-provvista kważi sistematika ta’ servizzi ta’ bbilanċjar tal-grilja, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet li diġà esponejt fir-rigward tas-solidità ta’ dan l-argument, li huwa saħansitra inqas konvinċenti fir-rigward ta’ impjanti idroelettriċi żgħar.
73. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Taljan jinvoka d-deċiżjonijiet tat-Tribunale Superiore delle Acque Pubbliche (il-Qorti tal-Appell għall-Ilmijiet Pubbliċi, l-Italja) (53) u tal-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tas-Suq, l-Italja); iktar ’il quddiem l-“AGCM”), li jimmilitaw favur l-applikabbiltà tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 għall-konċessjonijiet ta’ impjanti idroelettriċi żgħar.
74. Il-qari ta’ dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali jippermetti, madankollu, li jiġi dedott li huma jitilqu mill-premessa (mhux issostanzjata) li l-attività ta’ produzzjoni eżerċitata minn impjant idroelettriku żgħir tista’ tiġi inkluża fil-kunċett ta’ “servizz”. Wara li ġiet stabbilita din il-premessa, huma japplikaw, mutatis mutandis, il-kriterji tas-sentenza Promoimpresa għall-konċessjonijiet ta’ impjanti żgħar tal-ilma għall-użu idroelettriku.
75. Fi kliem ieħor, it-Tribunale Superiore delle Acque Pubbliche (il-Qorti tal-Appell għall-Ilmijiet Pubbliċi, l-Italja) (54) u l-AGCM (55) ma eżaminawx fil-fond, bħala punt preliminari, jekk il-kundizzjoni ġenerali għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 kinitx issodisfatta fil-każ ta’ impjanti idroelettriċi żgħar. Barra minn hekk, lanqas ma ġew irrimedjati d-differenzi fil-konċessjonijiet tal-proprjetà pubblika fis-settur marittimu bl-għan li jiġu pprovduti servizzi turistiċi u rikreattivi.
3. Konklużjoni intermedjarja
76. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwassluni sabiex nipproponi, b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, li l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għall-impjanti idroelettriċi żgħar li jeżerċitaw biss attività ta’ produzzjoni tal-elettriku.
B. It-tieni domanda preliminari
77. Il-qorti tar-rinviju tagħmel t-tieni domanda preliminari tagħha fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda. Peress li ssuġġerejt li tingħata risposta fin-negattiv, ma huwiex meħtieġ li tiġi indirizzata t-tieni domanda. Madankollu, ser nagħmel dan fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi.
78. Fil-każ li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 japplika, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk “li r-riferiment għall-kundizzjoni ta’ skarsezza ta’ riżorsi jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li juża, bħala kriterju ġenerali u astratt sabiex jiddetermina jekk l-impjanti idroelettriċi jistgħux irendu skarsa r-riżorsa idroelettrika, id-differenza bejn l-impjanti idroelettriċi kbar u żgħar.”
79. Din il-leġiżlazzjoni, valida għat-territorju nazzjonali kollu, tinsab fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Digriet Irjali tal‑1933 u tadotta, bħala fattur ta’ distinzjoni, il-kapaċità nominali ta’ produzzjoni annwali medja (iktar minn 3 000 kW għall-impjanti l-kbar u daqs jew inqas minn din iċ-ċifra għaż-żgħar) (56).
80. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/123 fis-sens li:
– Din id-dispożizzjoni “[t]agħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-iskarsezza tar-riżorsi naturali. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jista’ jwassalhom sabiex jippreferu evalwazzjoni astratta u ġenerali, valida għat-territorju nazzjonali kollu, iżda wkoll, għall-kuntrarju, sabiex jiffavorixxu approċċ ta’ każ b’każ li jenfasizza s-sitwazzjoni eżistenti fit-territorju kostali […], jew saħansitra jgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ approċċi (57).”
– “Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li l-kriterji adottati minn Stat Membru sabiex jevalwa l-iskarsezza tar-riżorsi naturali li jistgħu jintużaw għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji, trasparenti u proporzjonati (58)”.
81. Id-differenza fit-trattament legali bejn l-impjanti l-kbar u ż-żgħar (59) hija ġġustifikata mhux biss mill-importanza ekonomika superjuri ta’ impjanti kbar, iżda wkoll mill-impatt ambjentali ikbar tagħhom. Għalkemm iż-żewġ kategoriji jeħtieġu t-twettiq ta’ xogħlijiet għall-funzjonament tagħhom, fil-każ tal-impjanti ż-żgħar l-infrastrutturi tagħhom għandhom unità teknika separata u għandhom impatt ferm iżgħar. Fil-fatt, il-parti l-kbira tal-impjanti ż-żgħar idroelettriċi għandhom installazzjonijiet bażiċi (60), li jippermettulhom jibbenefikaw mis-sistema tal-passaġġi tal-ilma ordinarju (61), kif ukoll minn riżervi li diġà kienu jeżistu qabel jew kanali ta’ tisqija.
82. Ir-Reġjun jiddeduċi minn dawn il-karatteristiċi li s-sitwazzjonijiet li fihom jista’ jiġi installat impjant idroelettriku żgħir ma humiex legalment limitati fin-numru u huma, fir-realtà, numerużi ħafna. Barra minn hekk, dawn jistgħu jiżdiedu permezz ta’ proġetti ġodda “mingħajr ma r-restrizzjonijiet kwantitattivi jkunu rilevanti mill-perspettiva prattika (62).”
83. Il-Kummissjoni u l-Gvern Taljan ma jaqblux ma’ dan l-approċċ u jsostnu li l-possibbiltajiet li jiġi installat impjant idroelettriku żgħir huma, fil-fatt, ikkundizzjonati mill-matriċi ambjentali u mill-iskarsezza tar-riżorsi tal-ilma.
84. Min-naħa tiegħi, naqbel ma’ dan l-aħħar argument. Għalkemm ma jidhirx li l-liġi Taljana (kemm dik nazzjonali kif ukoll dik reġjonali) tistabbilixxi limitu massimu għan-numru ta’ “awtorizzazzjonijiet disponibbli” għall-użu ta’ impjanti żgħar idroelettriċi fil-livell nazzjonali jew reġjonali, dawn l-impjanti jisfruttaw riżorsi naturali (is-sodda tax-xmara, u, b’mod iktar ġenerali, l-ilma) li, min-natura tagħhom stess, huma skarsi u għalhekk ma jippermettux l-istabbiliment ta’ numru mingħajr limitu ta’ impjanti.
85. Huwa preċiżament minħabba li dawn huma riżorsi limitati li l-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli għall-għoti inizjali tal-konċessjonijiet tipprevedi l-possibbiltà li “talbiet teknikament inkompatibbli” min-naħa ta’ kandidati differenti jistgħu jiġu ppreżentati għall-istess sit jew għall-istess parti tas-sodda tax-xmara, li jobbliga li tiġi stabbilita ordni ta’ prijorità bejniethom skont il-kriterji previsti mil-liġi (63).
86. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li, sabiex tiġi evalwata l-iskarsezza tar-riżorsi naturali, il-qawwa medja li tista’ tiġi prodotta minn impjant ma tistax tintuża bħala kriterju “ġenerali u astratt”, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123.
87. Abbażi tal-loġika tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123:
– Il-kriterju (ġenerali u astratt) ibbażat fuq il-kapaċità nominali ma huwiex adattat sabiex jiggarantixxi kompetizzjoni effettiva bejn diversi kandidati, jekk għandu l-konsegwenza li l-impjanti ż-żgħar huma eżentati mill-obbligu li ssir sejħa għal offerti sabiex jiġu estiżi l-konċessjonijiet diġà mogħtija.
– Flimkien, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 jipprovdu li, meta l-iskarsezza tar-riżorsi naturali timponi li jiġi limitat in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli, dawn għandhom jingħataw: a) għal żmien limitat; b) permezz ta’ proċedura ta’ għażla bejn il-kandidati; u c) mingħajr estensjoni awtomatika.
88. Jiena naqbel mar-Reġjun li d-distinzjoni bejn impjanti idroelettriċi “kbar” u “żgħar” hija komuni għall-ordinamenti ġuridiċi ta’ diversi Stati Membri (64). Barra minn hekk, id-distinzjoni tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2019/944, li jadatta l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-produzzjoni ġodda fuq skala żgħira (65).
89. Madankollu, dan l-element ma jistax jintuża sabiex jiġi ċċarat il-kriterju tal-iskarsezza tar-riżorsi previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123, fattur li għalih il-paragrafu 2 tiegħu jorbot il-projbizzjoni ta’ estensjoni awtomatika tal-awtorizzazzjonijiet.
C. It-tielet domanda preliminari
90. It-tielet domanda preliminari saret fl-ipoteżi li l-ewwel tnejn jingħataw risposta pożittiva. Ikun inutli li tiġi indirizzata, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fis-sens li pproponejt. Jekk dan ma jkunx il-każ, ser neżaminaha b’mod sussidjarju.
91. L-Artikolu 3 tal-Liġi Reġjonali Nru 17/2023 jippermetti l-estensjoni (it-tiġdid) tat-tul ta’ konċessjoni li tiskadi meta l-konċessjonarju jkun irċieva ċerta għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku. Il-konċessjoni tiġi estiża sakemm jingħataw dawn l-inċentivi, iżda fl-ebda każ ma tista’ taqbeż it-terminu massimu stabbilit mil-liġi tal-Istat (30 sena).
92. Għalhekk, il-liġi reġjonali tipprevedi l-estensjoni, mingħajr obbligu ta’ sejħa għal offerti minn qabel (66), ta’ konċessjonijiet li, jekk jaqgħu taħt l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2006/123, ma jkunux jistgħu jiġġeddu awtomatikament għall-benefiċċju tal-konċessjonarju li t-terminu ta’ tgawdija tiegħu jkun skada.
93. L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2006/123 jipprojbixxi t-tiġdid awtomatiku tal-awtorizzazzjonijiet li jaqgħu taħt il-portata tiegħu. Ftit jimporta, f’dan ir-rigward, li l-estensjoni tapplika għall-konċessjonarji kollha, preżenti u futuri, u li n-numru massimu ta’ snin previst mil-liġi tal-Istat għandu jiġi osservat. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, dak li huwa determinanti huwa li t-tul ta’ żmien ta’ konċessjoni inizjalment mogħti, jiġi estiż ex post għal perijodu iqsar.
94. Skont il-liġi reġjonali, ir-raġuni għal din l-estensjoni hija marbuta mat-tgawdija (mill-konċessjonarju) tal-inċentivi li huwa kiseb għall-produzzjoni tal-enerġija.
95. Madankollu, nemmen li l-għoti ta’ dawn l-inċentivi (vantaġġi) pubbliċi ma jiġġustifikax li din l-għajnuna tingħata vantaġġ ġdid favur il-konċessjonarju, li issa jikkonsisti fl-estensjoni tal-perijodu ta’ operat tal-istabbiliment tiegħu lil hinn miż-żmien stabbilit fit-titolu ta’ konċessjoni. Dan il-vantaġġ il-ġdid isir għad-detriment tal-kompetituri potenzjali li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fl-istess sit.
D. L-Artikolu 49 TFUE
96. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) tirreferi fil-qosor ħafna għall-Artikolu 49 TFUE, iżda, formalment, tillimita d-domandi preliminari tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 (67).
97. Dan l-approċċ tal-qorti tar-rinviju huwa spjegat mill-fatt li l-eventwali “ksur tal-libertà tal-istabbiliment, prevista fl-Artikolu 49 TFUE, għandu jiġi evalwat permezz ta’ dettalji regolatorji tal-leġiżlazzjoni sekondarja”, fis-sens tad-Direttiva 2006/123 (68). Għaldaqstant, hija tonqos milli titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dritt primarju tal-Unjoni.
98. Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni li, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun fin-negattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet utli dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.
99. Jekk id-Direttiva 2006/123 ma hijiex applikabbli, jew meta s-soluzzjoni għall-problema tat-tiġdid tal-konċessjonijiet idroelettriċi żgħar ma tkunx tinsab f’leġiżlazzjoni sekondarja oħra applikabbli ratione materiae (69), it-tilwima tista’ tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà tal-istabbiliment (70).
100. Il-qorti tar-rinviju tiffoka fuq dispożizzjoni tad-dritt sekondarju (l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123) li l-applikazzjoni tagħha ma hijiex limitata għal sitwazzjonijiet ta’ interess transkonfinali ġenwin. Huwa forsi għal din ir-raġuni li hija ma tipprovdi ebda “elemen[t] konkre[t] li jippermett[i] li tiġi stabbilita rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi ta’ tilwima, li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa l-Istat Membru kkonċernat, u l-Artikol[u] 49 (71).”
101. L-applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE teħtieġ l-eżistenza, fis-suġġett tat-tilwima, ta’ interess transkonfinali ġenwin, speċifiku għall-impriżi li jinsabu fi Stat Membru u li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, l-interess transkonfinali ġenwin jista’ jiġi dedott mill-fatt li l-impjanti idroelettriċi żgħar huma xi kultant amministrati minn operaturi attivi f’diversi Stati Membri u li l-interessi ekonomiċi inkwistjoni jistgħu jkunu sinjifikattivi.
102. Hija l-qorti tar-rinviju, jekk tagħżel l-Artikolu 49 TFUE, li għandha tevalwa dawn id-dikjarazzjonijiet u tivverifika l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ġenwin abbażi tal-fatturi rilevanti kollha. Dawn jinkludu l-importanza ekonomika ta’ dawn it-tipi ta’ impjanti idroelettriċi żgħar, l-aspetti tekniċi tagħhom u s-sitwazzjoni ġeografika abitwali tal-impjanti.
103. Inqis li, jekk tali evalwazzjoni kellha twassal għal riżultat pożittiv, xorta jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati eventwali raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-konċessjonijiet mingħajr ma tintuża proċedura ta’ għażla kompetittiva, raġunijiet li dwarhom it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tipprovdix informazzjoni.
104. Bla ħsara għal dawn ir-riżervi, il-qorti tar-rinviju tista’ ssib gwida, mutatis mutandis, fl-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 49 TFUE, fis-sentenza Promoimpresa: “[…] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali […] li tippermetti estensjoni awtomatika ta’ konċessjonijiet fis-seħħ ta’ proprjetà pubblika u intiżi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet turistiċi u rikreattivi, sa fejn dawn il-konċessjonijiet ikunu ta’ interess transkonfinali ċert (72).”
105. Fil-qosor, il-qorti tar-rinviju tista’ tevalwa jekk l-impjanti idroelettriċi żgħar li, minħabba l-għan u l-karatteristiċi tagħhom, iservu biss sabiex jipproduċu l-elettriku permezz ta’ awtokonsum lill-proprjetarji tal-artijiet viċin għandhomx ikunu suġġetti għall-istess proċedura kompetittiva, għall-finijiet tal-estensjoni ratione temporis tagħhom, bħall-impjanti idroelettriċi żgħar l-oħra. Jista’ jkun hemm raġunijiet leġittimi sabiex tinżamm il-konċessjoni favur residenti li jgħixu qrib is-sodda tax-xmara għal dawn l-“impjanti żgħar ħafna (73)”.
106. Fir-rigward tal-“leġiżlazzjoni sekondarja”, sabiex nuża l-espressjoni tal-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tista’ wkoll tirrikorri għad-Direttiva 2019/944 (74). Skont il-punt 8 tal-Artikolu 2 tal-Artikolu 15(1) u (2) tagħha, “klijent attiv” ma huwiex limitat “li jikkunsma jew jaħżen jew ibiegħ elettriku li jiġġenera fuq il-proprjetà tiegħu [...] jew li jiġġenera huwa stess”, iżda jista’ wkoll ibigħ “l-elettriku li jiġġenera huwa stess jew jieħu sehem fi skemi ta’ flessibbiltà jew tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bil-kondizzjoni li dawk l-attivitajiet ma jkunux jikkostitwixxu l-attività kummerċjali jew professjonali primarja tiegħu.” Sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta’ dawn il-“klijenti attivi” fis-suq intern tal-elettriku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkunux suġġetti għal “rekwiżiti tekniċi u rekwiżiti, proċeduri u tariffi amministrattivi li jkunu sproporzjonati jew diskriminatorji.”
107. Id-Direttiva 2019/944 għalhekk tippermetti li jiġu adottati l-proċeduri ta’ tiġdid ta’ impjanti idroelettriċi żgħar għall-awtokonsum (mogħtija lill-“klijenti attivi”) mingħajr ma jiġu suġġetti għal rekwiżiti amministrattivi sproporzjonati jew diskriminatorji.
108. Għal darba oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk ir-regoli speċifiċi tad-Direttiva 2019/944 humiex applikabbli fil-kawża ineżami. Jekk dan huwa l-każ, huwa fid-dawl ta’ din id-direttiva u mhux tal-Artikolu 49 TFUE li għandha tiġi evalwata d-dispożizzjoni inkwistjoni.
V. Konklużjoni
109. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) tirrispondi kif ġej:
“1. L-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern,
għandu jiġu interpretati fis-sens li:
ma japplikax għall-impjanti li jwettqu biss l-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku, bħall-impjanti idroelettriċi żgħar.
2. L-Artikolu 49 TFUE
għandu jiġu interpretati fis-sens li:
jipprekludi, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, mingħajr ma jkun neċessarju li tinfetaħ proċedura ta’ sejħa għal offerti, il-konċessjonijiet tal-ilma għall-użu tiegħu fil-produzzjoni tal-enerġija permezz ta’ impjant idroelettrika żgħir jiġu estiżi, mal-iskadenza tat-terminu tagħhom, għaż-żmien neċessarju sabiex il-konċessjonarju jkun jista’ jibbenefika mill-inċentivi għall-produzzjoni tal-elettriku;
madankollu, huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha tali karatteristiċi, sa fejn hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali jew tippermetti li tiġi stabbilita sistema xierqa, mhux sproporzjonata u diskriminatorja, għall-impjanti idroelettriċi żgħar maħsubin għall-konsum proprju tas-sidien tagħhom”.
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 F’dawn il-konklużjonijiet, ser nuża, bħall-qorti tar-rinviju, it-terminu “konċessjoni” sabiex nirreferi għar-relazzjoni ġuridika sottostanti meta r-riżorsi li jaqgħu taħt proprjetà pubblika jintużaw sabiex jitħaddem impjant idroelettriku u sabiex tiġi ġġenerata l-enerġija. Madankollu, kollox jidher li jindika li, għall-inqas f’ċerti każijiet, dawn jistgħu ma jkunux “kuntratti ta’ konċessjoni” proprja, iżda pjuttost skema ta’ awtorizzazzjoni: kull min jixtieq juża l-ilmijiet pubbliċi għandu jressaq talba għal dan quddiem l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti sabiex jikseb deċiżjoni uffiċjali f’dan ir-rigward.
3 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).
4 Sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558); iktar ’il quddiem is-“sentenza Promoimpresa”); u tat‑28 ta’ Mejju 2020, ECO-WIND Construction (C‑727/17, EU:C:2020:393; iktar ’il quddiem is-“sentenza ECO-WIND Construction”).
5 Fil-verżjoni tagħha emendata bil-legge costituzionale n. 3 – Modifiche al titolo V della parte seconda della Costituzione (Liġi kostituzzjonali nru 3 – Modifikazzjonijiet tat-titolu V tat-tieni parti tal-Kostituzzjoni), tat‑18 ta’ Ottubru 2001 (GURI nru 28, tal‑24 ta’ Ottubru 2001).
6 Regio Decreto n. 1775 – Approvazione del testo unico delle disposizioni di legge sulle acque e sugli impianti elettrici (Digriet Irjali Nru 1775 li jistabbilixxi test uniku ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi fil-qasam tal-ilma u tal-impjanti elettriċi), tal‑11 ta’ Diċembru 1933 (GURI Nru 5, tat‑8 ta’ Jannar 1934; iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tal‑1933”).
7 Legge della Regione Emilia-Romagna n. 17 — Disposizioni collegate alla legge regionale di stabilità per il 2024 (Liġi nru 17 – Dispożizzjonijiet relatati mal-Liġi reġjonali ta’ stabbiltà għall‑2021), tat‑28 ta’ Diċembru 2023, parti I; iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 17/2023”).
8 Iktar ’il quddiem ir-“Reġjun”.
9 Sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (il-Komun ta’ Ginosa) (C‑348/22, EU:C:2023:301), u s-sentenza Promoimpresa.
10 Din hija l-espressjoni użata mill-President tal-Kunsill tal-Ministri, skont it-tielet paragrafu tal-punt 2.1, “Il-fatti”, tad-deċiżjoni tar-rinviju.
11 Deċiżjoni tar-rinviju, “Il-fatti”, punti 4.1 u 4.3.2.
12 Deċiżjoni tar-rinviju, “Il-fatti”, punti 4.3.2 u 6.
13 Ir-Reġjun jirreferi, b’mod partikolari, għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12 Vol. 2, p. 3), u għad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125), fil-verżjoni tagħha emendata fl-aħħar lok bid-Direttiva (UE) 2024/1711 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2024 li temenda d-Direttivi (UE) 2018/2001 u (UE) 2019/944 fir-rigward tat-titjib tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni (ĠU 2024, L 1711).
14 Punt 3, “Id-dritt”, tad-deċiżjoni tar-rinviju (enfasi miżjuda minni). L-Artikolu 117(1) tal-Kostituzzjoni jobbliga lil-leġiżlatur reġjonali jeżerċita l-poter leġiżlattiv tiegħu fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u jippermetti li tiġi evalwata l-kostituzzjonalità tad-dispożizzjoni kkontestata mill-perspettiva tal-kompatibbiltà tagħha mat-Trattati u mad-dritt sekondarju.
15 Sentenza tas‑27 ta’ April 1994, Almelo (C‑393/92, EU:C:1994:171) punt 28.
16 Deċiżjoni tar-rinviju, “Id-dritt”, punti 7, in fine, u 7.1.
17 Deċiżjoni tar-rinviju, “Id-dritt”, it-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 7.2, li jirreferu għall-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), u għall-Anness I, Kodiċi 09310000–5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 213/2008 tat‑28 ta’ Novembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Vokabolarju Komuni ta’ l-Akkwist (CPV) u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17/KE u 2004/18/KE dwar il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, fir-rigward tar-reviżjoni tas-CPV (ĠU 2008, L 74, p. 1).
18 Deċiżjoni tar-rinviju, “Id-dritt”, it-tieni paragrafu tal-punt 7.2. Għal dan il-għan, hija tiċċita l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257).
19 B’mod partikolari, hija tirreferi għall-Anness I, kodiċi 65410000–0 tar-Regolament Nru 213/2008, li jikkunsidra l-operat ta’ impjant elettriku bħala “servizz”.
20 L-ewwel paragrafu tal-punt 7 tad-deċiżjoni tar-rinviju, “Id-dritt”.
21 L-Artikolu 2(2) jistabbilixxi lista ta’ attivitajiet li, filwaqt li jistgħu jiġu kklassifikati bħala provvisti ta’ servizzi, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2006/123. Madankollu, dawn l-esklużjonijiet ma ġewx invokati fil-kawża ineżami.
22 Li kien l-Artikolu 50 TKE. Skont din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “servizz” huwa ta’ natura residwa u jinkludi “servizzi normalment mogħtija bi ħlas, sa fejn ma jkunux regolati minn dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tal-persuni” (korsiv miżjud minni).
23 Il-formulazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Promoimpresa hija “rekwiżiti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123” (enfasi miżjud minni).
24 Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan insista fuq il-fatt li l-liġi reġjonali kkontestata tissuġġetta l-possibbiltà li tinkiseb l-“estensjoni” tal-konċessjoni għar-riċeviment ta’ inċentivi li, min-natura tagħha stess, tippreżupponi li l-impjant idroelettriku żgħir benefiċjarju ma jkunx impjant iżolat, li l-produzzjoni tiegħu hija esklużivament intiża għall-konsum proprju, iżda impjant konness mal-grilja nazzjonali li jinjetta fiha, mill-inqas, parti mill-enerġija prodotta. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tirriżultax mill-fatti u mill-kuntest leġiżlattiv nazzjonali li jiddeskrivi d-deċiżjoni tar-rinviju. Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiċċara l-kontenut tad-dritt nazzjonali tagħha u l-karatteristiċi fattwali tal-impjanti żgħar inkwistjoni.
25 Punt 7.3 “Id-dritt” tad-deċiżjoni tar-rinviju. Mingħajr korsiv fl-oriġinal.
26 Sentenza tas‑27 ta’ April 1994, Almelo (C‑393/92, EU:C:1994:171, punt 28). “fid-dritt [tal-Unjoni], u anki fid-drittijiet nazzjonali, huwa komunement aċċettat li l-elettriku jikkostitwixxi merkanzija […].” Sentenza ECO-WIND Construction, punt 57: “l-attività ta’ produzzjoni ta’ prodott ma tistax titqies, bħala tali, li hija servizz.” Korsiv miżjud minni.
27 Sentenza ECO-WIND Construction, punt 59, dwar is-servizzi ta’ ġestjoni tal-grilja u tar-regolazzjoni tal-prezzijiet.
28 Stabbiliti b’mod sħiħ fl-Artikolu 6(2) tad-Digriet Irjali tal‑1933: il-produzzjoni ta’ qawwa motriċi (il-punt (a)); l-ilma tax-xorb (il-punt (b)); l-irrigazzjoni (il-punt (c)); il-mili bis-sedimenti (il-punt (d)); l-użu industrijali, mifhuma b’riferiment għall-użu li ma huwiex dak imsemmi espressament fl-Artikolu 6(e); l-użu relatat mat-tkabbir tal-ħut (il-punt (f)); il-kostituzzjoni ta’ riżervi tal-ilma li għandhom jintużaw kontra n-nirien u l-elevazzjoni bl-għan ta’ riklassifikazzjoni tal-enerġija (ara (g)).
29 Il-punti 43 u 44 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan.
30 Il-Gvern Taljan jafferma, fil-punt 22 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li “[l]-għan tal-konċessjoni mogħtija lill-operatur huwa, fil-fatt, dritt sabiex jiġi ddevjat il-kanal tal-ilmijiet pubbliċi u li jintużaw għall-produzzjoni tal-elettriku, permezz tal-kostruzzjoni ta’ impjant u ta’ serje ta’ xogħlijiet, li għandhom, barra minn hekk, jintużaw fl-osservanza tar-rekwiżiti kollha li jinsabu fil-konċessjoni nnifisha” (enfasi miżjuda minni). Għaldaqstant, dan l-operatur ma jingħatax “konċessjoni għal impjant (żgħir) tal-ilma” ta’ natura ġenerali, iżda speċifikament “konċessjoni għal impjant (żgħir) tal-ilma għall-użu idroelettriku”.
31 Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan adotta approċċ differenti, ibbażat fuq in-natura tal-inċentiv finanzjarju li l-kisba tiegħu tiġġustifika l-estensjoni temporanja tal-għoti skont il-liġi reġjonali. Il-ġbir ta’ din l-għajnuna jippresupponi li l-impjanti jkunu konnessi “mal-grilja ta’ distribuzzjoni nazzjonali.” Huwa żied jgħid li, “fir-rigward ta’ dawn l-impjanti, ma huwiex neċessarju li tiġi evalwata n-natura anċillari jew le tal-provvista ta’ servizzi fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku, peress li din l-attività ta’ provvista ta’ servizzi hija inerenti għall-attività eżerċitata” mill-impjant idroelettriku żgħir. Dan l-argument ibati minn ċerta ċirkolarità u għadu ma jippreċiżax liema huwa s-“servizz” li l-impjant idroelettriku żgħir jipprovdi, minħabba s-sempliċi fatt li huwa konness mal-grilja nazzjonali tal-elettriku.
32 Punti 29 u 30 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan.
33 Bħall-ġestjoni tal-iskart, il-monitoraġġ tal-emissjonijiet jew ir-rimi ta’ skart speċjali li jinvolvu l-obbligu ta’ tindif tal-art.
34 L-Artikoli 11 u 12bis tad-Digriet Irjali tal‑1933.
35 Il-konċessjoni tas-servizzi hija kkaratterizzata mill-fatt li awtorità pubblika tafda l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz, li l-provvista tagħha normalment tikkorrispondi għal dik l-awtorità, lill-konċessjonarju, u b’hekk tobbligah jipprovdi s-servizz u tipprevjenih milli jirrinunzja liberament għal dik il-provvista: konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar, ippreżentati fil-kawżi magħquda Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:122), punt 62.
36 Fir-rigward tal-impjanti żgħar, id-dritt Taljan jiddistingwi bejn “xogħlijiet niexfa” (li ma jinsabux fis-sodda tax-xmara) u “xogħlijiet umdi” (mibnija fuq ġewwa jew qrib is-sodda tax-xmara). Tal-ewwel huma miżmuma mill-konċessjonarju, anki wara li jiskadi t-titolu ta’ konċessjoni.
37 Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li din l-interpretazzjoni tal-Anness I tar-Regolament Nru 213/2008 hija korretta u li l-ġestjoni ta’ impjant tal-enerġija, bħala servizz, tista’ tiġi sseparata legalment mill-attività mwettqa mill-installazzjoni bħala tali.
38 Punti 31 sa 36 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.
39 Waqt is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat li l-karatteristika prinċipali ta’ impjanti idroelettriċi kbar tinsab fil-kapaċità tagħhom li jiġu attivati malajr, sabiex tiġi ġġenerata kwantità għolja ta’ enerġija fi żmien qasir, li tippermetti li jiġu ssodisfatti ħtiġijiet speċifiċi ta’ żieda fid-domanda għall-enerġija, u b’hekk jiġu żgurati l-bilanċ u l-istabbiltà tal-grilja elettrika.
40 Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018 (C‑360/165 u C‑31/16, EU:C:2018:44), il-punt 94. “[…] l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 ma tiddependix minn analiżi minn qabel tal-importanza tal-aspett dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ […].”
41 Loc. ult. cit.
42 Sentenza Promoimpresa, dispożittiv, il-punt 1.
43 Punti 46 u 47 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan.
44 Proċedura ta’ ksur Nru 2011/2026.
45 Punti 21 sa 30 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan. Huma jsostnu, essenzjalment, li l-konċessjonarju ma jillimitax ruħu li jipproduċi l-enerġija, iżda għandu jeżerċita diversi attivitajiet oħra marbuta mal-funzjonament tal-impjant, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-konċessjoni.
46 Punti 46 u 47 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan: “il-produzzjoni tal-elettriku taqa’ għalhekk fil-kuntest tal-konċessjoni ta’ proprjetà pubblika, u b’hekk tinħoloq sitwazzjoni perfettament simili għal dik ta’ awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika f’żona tad-dominju pubbliku, diġà eżaminata mill-[Qorti tal-Ġustizzja]. Il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza famuża [Promoimpresa] huma għalhekk applikabbli wkoll fil-kawża ineżami […]” (enfasi miżjuda minni).
47 Ara l-punti 42, 44 u, b’mod partikolari, 45: “[f]ir-rigward tal-konċessjoni ta’ dominju pubbliku, dak li huwa iktar importanti huwa l-għoti lil persuna privata ta’ dritt esklużiv fuq dominju pubbliku, li għandu jiġi eżerċitat b’osservanza tal-interess pubbliku ġenerali”. Il-Gvern Taljan tenna dan l-argument waqt is-seduta billi sostna li, fl-applikazzjoni tas-sentenza ECO-WIND Construction, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tar-riżorsi naturali użati għall-produzzjoni tal-enerġija (riżorsi limitati jew illimitati), kif ukoll l-istatus ġuridiku tagħhom (beni pubbliċi jew beni li jaqgħu taħt id-dritt privat). Il-Gvern Franċiż, min-naħa tiegħu, enfasizza li l-“prodott finali” (l-elettriku) jibqa’ l-istess, irrispettivament mit-tip ta’ sorsi li huwa ġġenerat minnhom.
48 Għalkemm is-sentenza Promoimpresa ma indirizzatx b’mod espliċitu l-kwistjoni dwar jekk il-konċessjonijiet inkwistjoni kinux jinvolvu l-eżerċizzju ta’ attività li tista’ tiġi kklassifikata bħala “servizz”, hija b’mod impliċitu rrikonoxxiethom hekk. F’dawn il-kawżi, il-proprjetà pubblika fis-settur marittimu u tal-lagi kienu intiżi għal attivitajiet (kjosk, veranda, żona tal-għawm, mollijiet u pontun fiż-żona tal-Lag ta’ Garda u ta’ spas f’Sardegna) li l-klassifikazzjoni tagħhom bħala servizzi ma kinitx qajmet dubji.
49 Barra minn hekk, tali soluzzjoni tidher li tista’ tiġi kkontestata fid-dawl ta’ ċerti għanijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Digriet Irjali tal‑1933. Skont din id-dispożizzjoni, ir-riżorsi tal-ilma jistgħu jintużaw kemm għall-produzzjoni ta’ “oġġett” kif ukoll għall-provvista ta’ “servizz”. Pereżempju, l-“akwakultura” jista’ jkollha kemm għanijiet kummerċjali (pereżempju, l-industrija tal-ikel) kif ukoll skopijiet ekoloġiċi jew ta’ konservazzjoni tal-habitat.
50 Dan huwa enfasizzat mis-sentenzi Nru 17 u Nru 18, tad‑9 ta’ Novembru 2021, tas-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), iċċitati mill-Gvern Taljan quddiem il-qorti tar-rinviju (punt 5, “Il-fatti”, tad-deċiżjoni tar-rinviju). Fihom ġie rrikonoxxut li, fil-kuntest ta’ konċessjoni għal stabbiliment balneari, operatur ekonomiku huwa awtorizzat juża, b’mod esklużiv, żona pubblika marittima “bħala assi kummerċjali u biex jeżerċita, bis-saħħa ta’ dan, attività kummerċjali li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi turistiċi u rikreattivi” (loc. ult. cit.).
51 Mill-elementi tal-proċess ma jirriżultax li d-dritt (statali) Taljan jirregola l-fażi ta’ tiġdid ta’ konċessjonijiet ta’ impjanti idroelettriċi żgħar.
52 Punt IV tal-ittra ta’ intimazzjoni C(2019) 1292 final, tas‑7 ta’ Marzu 2019, li fih hemm diversi riferimenti għas-sentenza Promoimpresa.
53 Sentenza Nru 201, tat‑13 ta’ Diċembru 2018, iċċitata fil-punt 2.2.2, “Il-fatti”, tad-deċiżjoni tar-rinviju u fil-punti 37 u 38 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan.
54 Fis-sentenza Nru 201, tat‑13 ta’ Diċembru 2018, hija tiddikjara li: “[…] Il-fatt li l-kunċett ta’ awtorizzazzjoni, rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 12, jista’ jinkludi l-konċessjoni ta’ beni pubbliċi ġie ċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza [Promoimpresa]”. Is-sentenza Nru 58 tat‑23 ta’ Mejju 2024 tal-istess qorti ġenerali tirreferi għas-sentenza Nru 201, tat‑13 ta’ Diċembru 2018, u għad-diversi opinjonijiet tal-AGCM.
55 La Segnalazione del 3 marzo 2021 n. AS1722 “Rinnovi automatici di concessioni per piccole derivazioni d’acqua scopo idroelettrico” (ir-Rapport tat‑3 ta’ Marzu 2021 Nru AS1722 “Tiġdid awtomatiku ta’ konċessjonijiet għal impjanti żgħar tal-ilma għall-użu idroelettriku”, ippubblikat fil-Bulettin tal-AGCM Nru 10 tat‑8 ta’ Marzu 2021), jiddikjara li “[i]l-ġestjoni ta’ impjanti idroelettriċi għall-produzzjoni tal-enerġija tikkostitwixxi attività ekonomika ta’ provvista ta’ servizz, fis-sens tal-Artikolu 57 [TFUE], li għalih japplikaw ukoll b’mod ġenerali l-prinċipju ta’ libertà ta’ stabbiliment stabbilit fl-Artikolu 49 TFUE u, b’mod iktar partikolari, il-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 2006/123/KE.” L-opinjonijiet l-oħra tal-AGCM, iċċitati fil-punt 2.2.2 “Il-fatti” tad-deċiżjoni tar-rinviju, jirreferu jew għas-sentenza tat-Tribunale Superiore delle Acque Pubbliche (il-Qorti tal-Appell għall-Ilmijiet Pubbliċi, l-Italja), jew għar-Rapport Nru AS1722 tat‑3 ta’ Marzu 2021, mingħajr ma jipprovdu ġustifikazzjoni addizzjonali.
56 Il-potenza ta’ impjant idroelettriku hija proporzjonali għall-għoli tal-waqgħa tal-ilma u r-rata tal-fluss tat-turbina.
57 Sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (il-Komun ta’ Ginosa) (C‑348/22, EU:C:2023:301), punt 46.
58 Ibidem, punt 48.
59 Skont il-liġi nazzjonali, għal dak li huwa importanti fil-kawża ineżami, din id-differenza timplika li t-tiġdid ta’ impjanti idroelettriċi kbar huwa suġġett għal proċedura ta’ sejħa għal offerti minn qabel.
60 Anki fil-forma l-iktar elementari tiegħu, impjant idroelettriku żgħir għandu jkollu infrastruttura sabiex: 1) tiġi ddevjata parti mill-fluss tax-xmara mis-sodda tax-xmara naturali tagħha (digi u bokok tal-ilma); 2) jiġi mgħoddi l-ilma (permezz ta’ kanali jew pajpijiet) sat-tagħmir elettromekkaniku (turbini u ġeneraturi), li jinsabu fil-punt l-iktar baxx tal-impjant; 3) jiġi rritornat l-ilma fil-passaġġ naturali tiegħu wara l-użu (kanal tar-ritorn).
61 Fl-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bl-ilma tax-xmara, il-produzzjoni tal-elettriku hija direttament relatata mal-fluss tax-xmara: l-impjant jipproduċi l-enerġija sakemm il-fluss jaqbeż il-livell tekniku minimu meħtieġ biex jattiva t-turbini, u b’kuntrast ma’ dan, il-produzzjoni tieqaf jekk il-livell tal-ilma jinżel taħt dak il-livell: ara l-punti 40 u 41 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Reġjun.
62 Punt 41 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Reġjun.
63 Għall-fażi inizjali tal-għoti, l-Artikoli 7, 8, 9 u 12a tad-Digriet Irjali tal‑1933 jistabbilixxu proċedura ta’ offerti li l-għan tagħhom huwa li: (a) jiġi evalwat l-impatt ta’ proġett partikolari fuq sit partikolari; u (b) jiġu mqabbla, fejn xieraq, l-applikazzjonijiet multipli li jipproponu proġetti “teknikament inkompatibbli”, bl-għan li tintgħażel dik li tiżgura użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma jew, sussidjarjament, dik li toffri l-ikbar garanziji ekonomiċi u finanzjarji għall-eżekuzzjoni immedjata tagħhom.
64 Punt 44 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Reġjun.
65 “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni speċifiċi, simplifikati u razzjonalizzati għal produzzjoni żgħira deċentralizzata u/jew distribwita, li jieħdu kont tad-daqs limitat u l-impatt potenzjali tagħhom.”
66 Waqt is-seduta, ir-Reġjun spjega li, bħala regola ġenerali, wara l-iskadenza ta’ konċessjoni ta’ impjanti żgħar tal-ilma, tiġi adottata de facto, b’mod purament kawtelatorju (u mingħajr ma dan ir-rekwiżit ikun espressament previst mil-liġi), prattika li tikkonsisti fil-pubblikazzjoni tat-talba għat-tiġdid permezz ta’ mezzi uffiċjali u jistabbilixxi terminu li fih il-persuni kkonċernati jistgħu jippreżentaw l-oġġezzjonijiet possibbli. Madankollu, huwa kkonferma wkoll li din il-prattika ma tiġix implimentata meta tingħata estensjoni, sabiex it-tul tal-għotja jiġi allinjat mal-perijodu li matulu tingħata l-għajnuna.
67 Din il-limitazzjoni tkun neċessarja jekk il-miżura nazzjonali taqa’ taħt qasam armonizzat b’mod eżawrjenti fid-dritt tal-Unjoni, li jobbliga l-evalwazzjoni tagħha mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, iżda fid-dawl tar-regoli ta’ armonizzazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 iwettqu armonizzazzjoni eżawrjenti tas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Sentenza Promoimpresa, punti 59 u 61.
68 Punt 5(3), “Id-dritt” tad-deċiżjoni tar-rinviju.
69 Id-Direttiva 2006/123 ma hijiex l-unika regola tad-dritt (sekondarju) tal-Unjoni li tirregola l-għoti ta’ drittijiet esklużivi ta’ sfruttament ta’ proprjetà pubblika. Dispożizzjonijiet oħra relatati mal-ħolqien tas-suq uniku tal-elettriku, bħad-Direttiva 2019/944, huma bbażati fuq premessi simili, mingħajr ma jikklassifikaw is-sempliċi produzzjoni tal-enerġija bħala “servizz”.
70 Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Società Italiana Imprese Balneari (C‑598/22, EU:C:2024:597), punti 44 u 46.
71 Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874), punti 54 u 55.
72 Sentenza Promoimpresa, punt 74 u d-dispożittiv, punt 2. L-applikazzjoni għall-kawża ineżami tal-parti tas-sentenza Promoimpresa relatata mal-Artikolu 49 TFUE ma hijiex kontradittorja maċ-ċaħda li l-ġurisprudenza ta’ din l-istess sentenza dwar l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/123 tista’ tiġi estiża għas-sempliċi produzzjoni tal-elettriku.
73 Waqt is-seduta, ġie mistoqsi jekk is-sistema legali għal impjanti idroelettriċi żgħar li huma intiżi għall-konsum proprju jistax ikollha karatteristiċi proprji. Il-Gvern Taljan u r-Reġjun jaqblu li ma jeżistux, fil-fatt, impjanti intiżi esklużivament għall-konsum proprju mingħajr konnessjoni mal-grilja nazzjonali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
74 Skont il-Gvern Taljan, ir-riċeviment tal-għajnuna li għaliha hija suġġetta l-estensjoni tal-konċessjonijiet fil-liġi reġjonali huwa intiż sabiex jiffaċilita t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli. F’dak il-każ, dan l-għan għandu rwol fundamentali fid-Direttiva 2019/944, fl-implimentazzjoni tagħha l-konsumaturi jipparteċipaw b’mod attiv (ara, b’mod partikolari, l-premessi 6, 10 u 42 tagħha).