European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3912

1.9.2026

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Lulju 2026

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta' terminu medju tan-Netherlands

(C/2026/3912)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Il-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE (1) għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Jippromwovi wkoll sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. L-għan tal-pjanijiet huwa li jintlaħqu żewġ objettivi: i) li jiġi żgurat li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) li jiġi żgurat li jitwettqu riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak l-għan, kull pjan irid jippreżenta impenn fuq terminu medju għar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta (2), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi, (MIP)), u kif l-Istat Membru beħsiebu jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri erba' snin, li jista' jiġi estiż b'massimu ta' tliet snin jekk l-Istat Membru jikkommetti ruħu li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfaw il-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)

Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk dan jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)

Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi r-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta fuq it-terminu medju tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali.

PROĊESSI RELATATI, INKLUŻ IL-PERKORS TAN-NEFQA NETTA RRAKKOMANDAT QABEL U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU

(5)

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tan-Netherlands (3). Biex tiġi vvalutata l-konformità fl-2025, ir-rata massima ta' tkabbir tan-nefqa netta stabbilita mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 tibqa' rilevanti.

(6)

Fit-3 ta' Ġunju 2026, bħala parti mill-pakkett tas-Semestru Ewropew tar-Rebbiegħa 2026, il-Kummissjoni ppubblikat il-valutazzjoni l-aktar reċenti tagħha tal-konformità tan-Netherlands mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta. Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, ir-rata ta' tkabbir tan-nefqa netta tan-Netherlands fl-2025 kienet ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata mill-Kunsill f'Jannar 2025, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 1,5 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiva tan-nefqa netta kienet ukoll ogħla mir-rata massima ta' tkabbir kumulattiva rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 1,0 % tal-PDG.

(7)

Fit-8 ta' Lulju 2025, il-Kunsill indirizza lin-Netherlands serje ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (4).

(8)

Fit-3 ta' Ġunju 2026, bħala parti mill-pakkett tas-Semestru Ewropew tar-Rebbiegħa 2026, u skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-Netherlands ma għadhomx qed jesperjenzaw żbilanċi. B'mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati ma' livelli għoljin ta' dejn tal-unitajiet domestiċi, is-suq tal-akkomodazzjoni, u s-surplus kbir fil-kont kurrenti ilhom preżenti matul is-snin iżda naqsu reċentement (5).

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAN-NETHERLANDS

(9)

F'konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2024/1263, meta jkun hemm gvern maħtur ġdid, Stat Membru jista' jippreżenta pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju rivedut. Wara l-elezzjonijiet ġenerali f'Ottubru 2025, ġie stabbilit gvern ġdid fit-23 ta' Frar 2026. Fl-14 ta' April 2026, in-Netherlands ippreżentaw pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut (minn hawn 'il quddiem “il-pjan” jew “il-pjan ta' April 2026”) lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-pjan ikopri orizzont ta' ħames snin (2026–2030) minflok ta' erba' snin bħas-soltu fid-dawl tal-fatt li l-formazzjoni tal-gvern seħħet eċċezzjonalment fi Frar 2026. B'riżultat ta' dan, il-gvern attwali ser ikun responsabbli għat-tħejjija ta' ħames baġits minflok ta' erbgħa.

Proċess qabel il-preżentazzjoni tal-pjan ta' April 2026

(10)

Qabel il-preżentazzjoni tal-pjan tagħhom, in-Netherlands talbu informazzjoni teknika (6). Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni teknika, fis-26 ta' Frar 2026 skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2024/1263, u ppubblikatha fil-21 ta' April 2026 (7). L-informazzjoni teknika tindika l-livell tal-bilanċ primarju strutturali fl-2029 li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li d-defiċit tal-gvern estiż jinżamm taħt 3 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-dejn tal-gvern estiż jibqa' taħt 60 % tal-PDG fuq terminu medju, fin-nuqqas ta' miżuri baġitarji ulterjuri lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament ta' erba' snin. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. L-informazzjoni teknika tħejjiet u ntbagħtet lill-Istat Membru permezz ta' żewġ xenarji: xenarju li jinkludi l-konsistenza mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit (8), f'konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, u xenarju mingħajr din is-salvagwardja.

(11)

L-informazzjoni teknika għan-Netherlands tistabbilixxi li, sabiex tikkonforma mar-regoli fiskali applikabbli fuq perjodu ta' aġġustament ta' erba' snin, u abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-bilanċ primarju strutturali jammonta għal mill-inqas 0,1 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2029; fix-xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit), skont it-Tabella 1. Għall-informazzjoni, meta titqies ukoll is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, il-bilanċ primarju strutturali jenħtieġ li jkun l-istess, li jammonta għal mill-inqas 0,1 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2029). Madankollu, is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, li tapplika għal trajettorji referenzjarji, mhijiex meħtieġa għan-Netherlands, li hija eliġibbli li tirċievi biss informazzjoni teknika.

Tabella 1: Informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni lin-Netherlands

L-aħħar sena tal-perjodu ta' aġġustament

2029

Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

0,1  %

Għall-informazzjoni biss: Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju bis-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

0,1  %

Sors: il-kalkoli tal-Kummissjoni.

(12)

F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, in-Netherlands u l-Kummissjoni daħlu fi djalogu tekniku f'Marzu 2026. Id-djalogu tekniku ffoka fuq ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta previsti min-Netherlands u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha, b'mod partikolari rigward id-deflatur tal-PDG, kif ukoll dwar it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.

(13)

F'April 2026, f'konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands fil-pjan tagħhom, l-awtoritajiet kienu involuti fi proċess ta' konsultazzjoni mas-sħab soċjali u mat-Taqsima Konsultattiva tal-Kunsill tal-Istat, li hija waħda mill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti tan-Netherlands inkarigati mill-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli baġitarji.

(14)

It-Taqsima Konsultattiva tal-Kunsill tal-Istat (CoS) tat opinjoni dwar it-tbassir makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta fil-pjan. Is-CoS ma ħaditx pożizzjoni dwar il-plawżibbiltà ġenerali ta' dan it-tbassir u s-suppożizzjonijiet iżda nnotat li huma differenti minn dawk tal-Uffiċċju tan-Netherlands għall-Analiżi tal-Politika Ekonomika (CPB), li għandhom jirfdu l-istimi tal-bilanċ u d-dejn tal-gvern skont il-qafas baġitarju nazzjonali. Is-CoS innotat ukoll li, skont il-projezzjonijiet fuq terminu medju tas-CPB sal-2039, il-valuri referenzjarji għall-proporzjonijiet tad-defiċit u tad-dejn tal-gvern ser jinqabżu b'marġni żgħir (defiċit ta' 3,1 % tal-PDG mill-2034 u dejn ta' 62 % tal-PDG fl-2039), filwaqt li dan mhux ser ikun il-każ skont il-projezzjonijiet fil-pjan fuq terminu medju. Is-CoS indikat li r-raġuni ewlenija bil-bosta għal din id-differenza hija relatata mal-fatt li l-projezzjonijiet tas-CPB jinkludu stima tal-impatt tal-politiki mħabbra fis-snin li ġejjin (inkluż l-impatt tagħhom wara l-2029 u sal-2034), filwaqt li l-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tal-pjanijiet fuq terminu medju, tuża suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika wara l-perjodu ta' aġġustament.

(15)

Il-pjan ġie ppreżentat lill-parlament nazzjonali fit-13 ta' April 2026.

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(16)

F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan ta' April 2026 kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(17)

Il-PDG reali fin-Netherlands kiber b'1,8 % fl-2025 minħabba domanda domestika soda u minkejja l-inċertezzi globali li jaffettwaw il-kummerċ. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tikber b'1,0 % fl-2026, peress li l-inċertezzi globali elevati, aggravati mill-kunflitt fil-Lvant Nofsani, qed inaqqsu l-konsum, l-investiment u l-kummerċ. Fl-2027, il-PDG reali huwa projettat li jiżdied b'1,1 %, filwaqt li l-ekonomija tittratta mal-effetti persistenti tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Il-kontribut tal-konsum u l-investiment tal-unitajiet domestiċi huwa previst li jkun limitat, filwaqt li l-importazzjonijiet huma mbassra li jisbqu l-esportazzjonijiet, u dan jirriżulta f'kontribut nett negattiv għat-tkabbir. Matul il-perjodu ta' tbassir (jiġifieri, 2026–2027), it-tkabbir potenzjali tal-PDG fin-Netherlands huwa mistenni li jkompli x-xejra ta' tnaqqis tiegħu minn 2,0 % fl-2023 għal 1,3 % sal-2027, xprunat primarjament minn tkabbir aktar baxx tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol kif ukoll proporzjon ta' investiment li qed jonqos. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 3,9 % fl-2025, u hija projettata mill-Kummissjoni li tkun ta' 4,2 % fl-2026 u 4,4 % fl-2027. L-inflazzjoni (id-deflatur tal-PDG) hija projettata li tiżdied minn 3,3 % fl-2025 għal 3,2 % fl-2026 u li tilħaq 2,5 % fl-2027.

(18)

Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, id-defiċit tal-gvern estiż ammonta għal 1,6 % tal-PDG fl-2025. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni Ewropea, dan huwa projettat li jilħaq 2,5 % tal-PDG fl-2026 u li jonqos għal 1,9 % tal-PDG fl-2027. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni Ewropea jqis l-abbozz tal-baġit tan-Netherlands għall-2026. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 44,4 % tal-PDG fi tmiem l-2025. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn mistenni jiżdied għal 46,9 % tal-PDG fi tmiem l-2026. Huwa projettat li b'mod ġenerali jistabbilizza għal 47,0 % tal-PDG fi tmiem l-2027. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju bħala tali sakemm dawn ma jiġux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan ta' April 2026

(19)

Il-pjan ikopri l-perjodu 2026-2030 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq erba' snin.

(20)

Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(21)

Il-pjan jipprevedi l-impenn li jirrispetta r-rati massimi ta' tkabbir fin-nefqa netta indikati fit-Tabella 2 hawn taħt, li jikkorrispondu għal tkabbir medju fin-nefqa netta ta' 3,7 %, kemm matul il-perjodu ta' aġġustament (2026–2029) u kemm matul il-perjodu kopert mill-pjan (2026–2030). L-informazzjoni teknika (jekk wieħed jassumi perkors ta' aġġustament lineari) hija konsistenti ma' tkabbir medju fin-nefqa netta ta' 3,3 %, kemm matul il-perjodu ta' aġġustament (2026–2029) u kemm matul is-snin 2026–2030.

Tabella 2: Tkabbir massimu fin-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tan-Netherlands

 

2026

2027

2028

2029

2030

Medja matul il-perjodu ta' validità tal-pjan 2026–2030

Medja matul il-perjodu ta' aġġustament 2026–2029

Tkabbir fin-nefqa netta (annwali, %)

4,7

3,5

3,1

3,5

3,7

3,7

3,7

Tkabbir fin-nefqa netta (kumulattiv, mis-sena bażi 2025, %)

4,7

8,4

11,7

15,6

19,9

m.a.

m.a.

Tkabbir tal-PDG potenzjali (%)

1,4

1,3

1,2

1,1

1,1

1,2

1,2

Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

3,3

2,5

2,4

2,4

2,4

2,6

2,6

Sors: Il-pjan fiskali strutturali ta' terminu medju tan-Netherlands (April 2026) u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

(22)

Il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan huwa rrapportat li jwassal għal bilanċ primarju strutturali ta' 0,0 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2029). Dan huwa inqas mil-livell minimu tal-bilanċ primarju strutturali ta' 0,1 % tal-PDG fl-2029 ipprovdut mill-Kummissjoni fl-informazzjoni teknika fis-26 ta' Frar 2026 (9). Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali ser jonqos għal 1,4 % fl-2026 (minn 1,7 % fl-2025), u jonqos aktar għal 1,1 % fl-2030. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos għal 2,5 % fl-2027 (minn 3,2 % fl-2025), u tonqos aktar għal 2,4 % fl-2030.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(23)

Abbażi tar-rati massimi ta' tkabbir fin-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż l-ewwel għandu jiżdied fl-2026 għal 2,4 % tal-PDG u progressivament jonqos għal 1,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2029). Barra minn hekk, fl-għaxar snin wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2039), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx 3 % tal-PDG.

Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa kompatibbli mar-rekwiżit għad-defiċit kif stipulat fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(24)

Jekk jimmaterjalizzaw ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta impenjati fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jonqos gradwalment minn 46,8 % fl-2026 għal 45,6 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2029), skont it-Tabella 3. Fl-għaxar snin wara l-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż huwa mistenni li jibqa' fuq perkors ta' tnaqqis sal-2032 biex imbagħad jiżdied gradwalment għal 51,2 % tal-PDG fl-2039. Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa' taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG fuq terminu medju.

Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta mressqa fil-pjan huma konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stipulat fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 3: Dejn tal-gvern estiż u żviluppi fil-bilanċ fil-pjan tan-Netherlands

 

2026

2027

2028

2029

2030

2039

Dejn tal-gvern (% tal-PDG)

46,8

46,5

46,1

45,6

45,2

51,2

Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG)

-2,4

-1,5

-1,3

-1,2

-1,2

-3,0

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tan-Netherlands (April 2026).

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(25)

Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, li kienu trażmessi lin-Netherlands fis-26 ta' Frar 2026. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għall-punt tat-tluq tal-bilanċ primarju strutturali u t-tkabbir tad-deflatur tal-PDG. Id-dejn tal-gvern u t-tkabbir tal-PDG għall-2025 ġew aġġornati skont id-data tal-eżitu minn Statistics Netherlands.

Hija meħtieġa valutazzjoni bir-reqqa ta' dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet, speċjalment peress li t-tkabbir medju massimu fin-nefqa netta fil-pjan huwa ogħla minn dak implikat mill-informazzjoni teknika.

Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju massimu fin-nefqa netta huma elenkati u vvalutati hawn taħt.

—

Il-pjan jassumi li l-punt tat-tluq tal-bilanċ primarju strutturali huwa -0,4 % tal-PDG, minflok -0,6 % tal-PDG preżunt mill-informazzjoni teknika tal-Kummissjoni, li kienet ibbażata fuq it-tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju massimu fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-valur tal-bilanċ primarju strutturali fil-pjan huwa bbażat fuq l-aħħar tbassir mill-Uffiċċju tan-Netherlands għall-Analiżi tal-Politika Ekonomika (CPB) f'Marzu 2026 u huwa konsistenti mad-data tal-eżitu dwar id-defiċit. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

—

Il-pjan jassumi li d-deflatur tal-PDG ikun ta' 2,5 % fl-2027, minflok 2,1 % preżunt mill-informazzjoni teknika tal-Kummissjoni. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju massimu fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. It-tbassir tad-deflatur ogħla huwa spjegat mill-effetti ekonomiċi tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani, li huwa mistenni li jżid id-deflatur minħabba t-trasferiment ta' prezzijiet ogħla tal-enerġija importata fil-prezzijiet domestiċi. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq. Wara l-2027, id-deflatur tal-PDG huwa preżunt li jikkonverġi b'mod lineari għal 2,3 % fl-2035, b'mod konsistenti mal-metodoloġija tad-DSA.

Id-differenzi li jifdal fis-suppożizzjonijiet ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju massimu fin-nefqa netta meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea.

Dan jimplika li d-differenza bejn ir-rati massimi ta' tkabbir fin-nefqa netta fil-pjan u l-informazzjoni teknika hija spjegata minn differenzi fis-suppożizzjonijiet li b'mod ġenerali jistgħu jiġu aċċettati, f'konformità mal-Artikolu 13, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263. B'mod ġenerali, id-differenzi fis-suppożizzjonijiet meqjusa flimkien iwasslu għal tkabbir medju massimu fin-nefqa netta li huwa ogħla mit-tkabbir medju massimu fin-nefqa netta implikat mill-informazzjoni teknika.

Il-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan fil-valutazzjonijiet futuri tal-konformità mar-rati massimi ta' tkabbir fin-nefqa netta.

Strateġija fiskali tal-pjan

(26)

Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta ser jitwettqu prinċipalment permezz ta' żidiet diskrezzjonali fid-dħul li huma konsistenti ma' żidiet ulterjuri fin-nefqa tal-gvern. Il-pjan jassumi żieda fit-tassazzjoni fuq l-introjtu tal-unitajiet domestiċi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegaturi, fost miżuri oħra ta' dħul, kif ukoll żieda fl-infiq fid-difiża, minn 1,7 % tal-PDG fl-2025 għal 2,7 % tal-PDG fl-2030.

(27)

L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta' politika li ser jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Meta tagħmel dan, jenħtieġ li n-Netherlands iqisu l-impatt tal-politiki mħabbra fuq il-projezzjonijiet fuq terminu medju kif stmati mill-Uffiċċju tan-Netherlands għall-Analiżi tal-Politika Ekonomika (CBP).

Intenzjonijiet ta' riformi u investimenti fil-pjan li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(28)

Il-pjan jiddeskrivi intenzjonijiet ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, kif stipulati b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 (CSRs) (10), inkluż dawk li jappartjenu għall-MIP, u f'konformità mal-prijoritajiet tal-Komunikazzjoni “Boxxla għall-Kompetittività tal-UE” (11). Il-pjan jinkludi madwar 85 riforma u investiment, li minnhom għaxra huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Ir-riformi u l-investimenti tal-pjan huma bbażati fuq il-ftehim ta' koalizzjoni kif ukoll fuq inizjattivi oħra li għaddejjin bħalissa.

(29)

Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluż l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi aktar minn 20 riforma u investiment, bħall-pakkett ta' investiment għall-agrikoltura sostenibbli u l-ġestjoni tan-nitroġenu, il-Fond għall-Enerġija u l-Klima, u l-Programm għall-Aċċellerazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Ambjent Mibni. Il-pjan jiddeskrivi wkoll miżuri skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP) biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili bħall-kontinwazzjoni tas-sussidju għall-investiment għall-enerġija sostenibbli u l-iffrankar tal-enerġija (ISDE +++). Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs maħruġa fl-2025 biex jiżdied l-infiq fuq ir-R&Ż, biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-finanzjament għall-istartups u l-iscaleups, biex titnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili, biex titnaqqas il-konġestjoni tal-grilja tal-elettriku u biex tiġi indirizzata d-depożizzjoni eċċessiva tan-nitroġenu u d-deterjorament tal-kwalità tal-ilma.

(30)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi lista estensiva ta' aktar minn 50 riforma u investiment miġbura taħt diversi oqsma ta' politika bħas-suq tal-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, is-suq tax-xogħol u t-tassazzjoni. Xi wħud minn dawn l-investimenti u r-riformi huma inklużi fl-RRP, bħall-azzjonijiet biex jindirizzaw l-impjieg indipendenti falz, l-appoġġ għal akkomodazzjoni affordabbli u l-estensjoni tal-kura intensiva. Dawn il-50 riforma u investiment inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs maħruġa fl-2025 biex jindirizzaw iż-żieda mistennija fin-nefqa relatata mal-età fil-kura fit-tul, biex inaqqsu l-inċentivi għall-użu ta' kuntratti flessibbli jew temporanji, jindirizzaw in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, itejbu l-ħiliet bażiċi, u jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni fil-programmi STEM. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi riformi u investimenti fis-suq tal-akkomodazzjoni li huma rilevanti għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi u li għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs li jallinjaw it-tassazzjoni ta' tipi differenti ta' introjtu mill-ġid, jappoġġaw l-iżvilupp ta' settur tal-kiri privat affordabbli, u jneħħu l-ostakli għall-kostruzzjoni residenzjali.

(31)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi l-pakkett ta' riforma tas-suq tal-enerġija (inkluż fl-RRP) biex jippermetti l-użu flessibbli tal-grilja meta l-grilja tkun konġestjonata, jistabbilixxi l-qafas għall-investimenti fil-grilja tal-elettriku mill-operaturi tas-sistema, biex jistabbilixxi proġetti ta' infrastruttura relatati mal-espansjoni tal-grilja tal-elettriku u jintroduċi bidliet fil-proċessi għall-għoti ta' permessi għall-grilja tal-elettriku. Il-pjan jinkludi wkoll l-Att dwar il-kriżi tal-konġestjoni tal-Grilja biex jiġu aċċellerati l-proċeduri għall-proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi leġiżlazzjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet tal-gass, ir-reviżjoni tar-rekwiżiti tal-kumulazzjoni ta' riżerva taż-żejt, it-tisħiħ tar-reżiljenza ċibernetika u fiżika tal-infrastruttura tal-enerġija permezz ta' direttivi tal-UE, u l-investiment fil-produzzjoni tal-idroġenu u strateġiji diversifikati ta' importazzjoni biex jitnaqqsu r-riskji ta' dipendenza.

(32)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan jinkludi sett ta' investimenti li għandhom jiġu implimentati bejn l-2024 u l-2028 li jikkonsistu fl-akkwist ta' tagħmir, it-tiġdid tal-infrastruttura tal-proprjetà immobbli, inkluż biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha, u l-modernizzazzjoni u s-sostituzzjoni ta' infrastruttura tal-IT tattika. Il-pjan jinkludi referenza għaż-żieda ġenerali fl-infiq fid-difiża, minn 1,7 % tal-PDG fl-2025 għal 2,7 % tal-PDG fl-2030.

(33)

Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-RRP tan-Netherlands. Ir-riformi u l-investimenti deskritti fil-pjan jikkomplementaw diversi azzjonijiet imwettqa skont l-RRP li jikkontribwixxu wkoll għall-prijoritajiet komuni tal-UE. Ir-riformi u l-investimenti l-ġodda fil-pjan huma konsistenti mal-miżuri skont l-RRP.

(34)

Il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tan-Netherlands relatati mal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, huwa jidentifika investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli, fil-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u fl-innovazzjoni. Rigward ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, jenfasizza l-ħtieġa għal investiment fl-edukazzjoni, għal ħiliet fis-suq tax-xogħol, u żieda fil-provvista ta' akkomodazzjoni. Il-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-enerġija jiffukaw fuq l-espansjoni tal-kapaċità tal-grilja tal-enerġija u tal-infrastruttura tal-idroġenu. Fil-mezzi tad-difiża, huwa jissottolinja l-ħtieġa ta' nfiq militari msaħħaħ u jipprevedi żieda fil-baġit tad-difiża bil-ħsieb li jintlaħaq 2,7 % tal-PDG sal-2030.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(35)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tan-Netherlands ta' April 2026 jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL

(36)

Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tan-Netherlands u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(37)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-pjan mill-Kummissjoni. Madankollu, il-Kunsill itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex hi tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

(38)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi istanzi jvarjaw mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, b'mod ġenerali huma debitament ġustifikati u msejsa fuq argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jilqa' l-fatt li l-pjan ġie ppreżentat lill-Parlament nazzjonali.

(39)

Il-Kunsill jistenna li n-Netherlands ikunu lesti jaġġustaw l-istrateġija fiskali tagħhom kif meħtieġ biex jiżguraw it-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħhom. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan.

(40)

Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment, b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(41)

Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali min-Netherlands li għandu jkun fihom, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(42)

Din ir-rakkomandazzjoni tieħu post ir-Rakkomandazzjoni tal-21 ta' Jannar 2025.

(43)

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jenħtieġ li r-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta impenjati fil-pjan ta' April 2026 jiġu rrakkomandati mill-Kunsill lin-Netherlands.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li n-Netherlands:

1.

Jiżguraw li t-tkabbir tan-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HARRIS


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj), flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/2024-04-30) u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/2024-04-30).

(2)  In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern, netta (i) min-nefqa fuq l-imgħax, (ii) mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tan-Netherlands (ĠU C, C/2025/648, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/648/oj).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2025 dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tan-Netherlands (ĠU C, C/2025/3993, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3993/oj).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, COM(2026)200 final.

(6)  Il-gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi informazzjoni teknika i) mingħajr estensjoni u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri erba' u seba' snin, rispettivament), u ii) bis-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit u mingħajrha. Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tal-Kummissjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju. L-informazzjoni teknika ġiet ikkalkulata abbażi tal-metodoloġija deskritta fil-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-2023 tal-Kummissjoni (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en), u l-irfinar sussegwenti tagħha maqbul fil-Grupp ta' Ħidma tad-DSA. Hija bbażata fuq it-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2035, u t-tkabbir tal-PDG u l-kostijiet tat-tixjiħ fit-tul huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2024 (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).

(7)   https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-surveillance-eu-member-states/country-pages/netherlands/fiscal-surveillance-netherlands_en#medium-term-fiscal-structural-plans.

(8)  Is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 tistabbilixxi li t-titjib annwali fil-bilanċ primarju strutturali huwa ta' 0,4 punti perċentwali (jew 0,25 punti perċentwali f'każ ta' estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament) sakemm id-defiċit strutturali jkun inqas minn 1,5 % tal-PDG.

(9)   https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-surveillance-eu-member-states/country-pages/netherlands/fiscal-surveillance-netherlands_en#medium-term-fiscal-structural-plans.

(10)  Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2025 dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tan-Netherlands (ĠU C, C/2025/3993, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3993/oj).

(11)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Boxxla għall-Kompetittività tal-UE” tad-29 ta' Jannar 2025, COM(2025) 30 final.


ANNESS

Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta (rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)

In-Netherlands

Snin

2026

2027

2028

2029

2030

Rati ta' tkabbir (%)

Annwali

4,7

3,5

3,1

3,5

3,7

Kumulattivi (*1)

4,7

8,4

11,7

15,6

19,9

(*1)  Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2025. Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3912/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)