Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

8 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rikors għal annullament – Servizzi diġitali – Regolament (UE) 2022/1925 – Deżinjazzjoni ta’ gwardjan – Ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq – Għeluq ta’ investigazzjoni tas-suq – Interoperabbiltà – Servizzi ewlenin ta’ pjattaforma – Servizz ta’ intermedjazzjoni online – Ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software – Servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Att li ma jistax jiġi kkontestat”

Fil-Kawżi T‑1079/23, T‑1080/23 u T‑214/24,

Apple Inc., stabbilita f’Cupertino, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn D. Beard, S. Love, J. Bourke, barristers, W. Knibbeler u T. van Helfteren, avukati,

rikorrenti fil-Kawżi T‑1079/23 u T‑1080/23,

Apple Inc., stabbilita f’Cupertino,

Apple Distribution International Ltd, stabbilita f’Cork (l-Irlanda), irrappreżentati minn D. Beard, S. Love, J. Bourke, barristers, W. Knibbeler, T. van Helfteren u M. Lawton, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑214/24,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, fil-Kawża T‑1079/23, minn P.‑J. Loewenthal, L. Malferrari u I. Rogalski, bħala aġenti, fil-Kawża T‑1080/23, minn P.‑J. Loewenthal, L. Malferrari, I. Rogalski u E. Rousseva, bħala aġenti, u, fil-Kawża T‑214/24, minn G. Conte, P.‑J. Loewenthal u I. Rogalski, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn T. Lechevallier, bħala aġent,

minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Menegatti, L. Stefani u L. Taïeb, bħala aġenti,

minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A.‑L. Meyer u N. Rouam, bħala aġenti,

minn

Free Software Foundation Europe eV, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Husovec, avukat,

minn

Coalition for App Fairness, stabbilita f’Washington, DC (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn D. Geradin u K. Bania, avukati,

intervenjenti fil-Kawża T‑1080/23,

u minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawża T‑214/24,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

komposta minn M. van der Woude, President, G. De Baere, K Kecsmár (Relatur) u S. Kingston u D. Petrlík, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Jannar 2024 fil-Kawża T‑1079/23 u fid‑19 ta’ Awwissu 2024 fil-Kawża T‑214/24,

–        id-deċiżjonijiet tal‑11 ta’ Marzu u tat‑2 ta’ Ottubru 2024 li jgħaqqdu l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mal-mertu,

–        il-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet fil-Kawża T‑1080/23 u t-tweġibiet tagħhom għal dawn id-domandi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 u fit‑30 ta’ Lulju kif ukoll fil‑11 u fit‑22 ta’ Awwissu 2025,

wara s-seduta tal‑21 ta’ Ottubru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikorsi tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑1079/23, Apple Inc., titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 6077 final tal‑5 ta’ Settembru 2023 li tiftaħ investigazzjoni tas-suq dwar is-servizz iMessage ta’ Apple skont l-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU 2022, L 265, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2025/90024, iktar ’il quddiem id-“DMA”) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq”), ir-rikorrenti fil-Kawża T‑1080/23, Apple Inc., titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 6100 final tal‑5 ta’ Settembru 2023 li tiddeżinja lil Apple bħala gwardjan skont l-Artikolu 3 tad-DMA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni”), u r-rikorrenti fil-Kawża T‑214/24, Apple Inc. u Apple Distribution International Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Apple”), jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2024) 785 final tat‑12 ta’ Frar 2024 li tagħlaq l-investigazzjoni tas-suq miftuħa permezz tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq, skont l-Artikolu 17 tad-DMA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ għeluq tal-investigazzjoni tas-suq”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fit‑3 ta’ Lulju 2023, Apple nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-DMA, li hija kienet tilħaq il-livelli stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament għas-servizzi li ġejjin:

–        is-servizz ta’ intermedjazzjoni online iOS App Store tagħha;

–        is-sistema operatorja iOS tagħha;

–        il-brawżer tal-internet Safari tagħha, u

–        is-servizz ta’ messaġġi istantanji iMessage tagħha.

3        Fir-rigward tas-servizz iMessage, Apple sostniet li, minn naħa, dan ma setax jiġi kklassifikat bħala servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri (number-independent interpersonal communications service, iktar ’il quddiem “NIICS”) u, għaldaqstant, ma kienx jikkostitwixxi servizz ewlieni ta’ pjattaforma (iktar ’il quddiem “SEP”) fis-sens tad-DMA. Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-Kummissjoni tqis li iMessage huwa NIICS, Apple ppreżentat mal-komunikazzjoni tagħha, konformement mal-Artikolu 3(5) tad-DMA, argumenti intiżi li juru li, eċċezzjonalment, minkejja li tilħaq il-livelli stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, minħabba ċ-ċirkustanzi li fihom kien jopera l-imsemmi servizz, hija ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament għal dan is-servizz.

4        Fil‑5 ta’ Settembru 2023, skont l-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 17(3) tad-DMA, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq. L-imsemmija investigazzjoni kienet intiża li teżamina l-argumenti ta’ Apple li jikkontestaw il-preżunzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament dwar iMessage, li l-Kummissjoni kklassifikat bħala NIICS.

5        Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll id-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, li permezz tagħha hija ddeżinjat, skont l-Artikolu 3 tad-DMA, lil Apple bħala gwardjan għal tliet SEP, jiġifieri s-servizz ta’ intermedjazzjoni online App Store, is-sistema operatorja tat-telefowns mobbli iPhone iOS u l-brawżer tal-internet Safari.

6        Id-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni ġiet ikkomunikata lil Apple fis‑6 ta’ Settembru 2023. Għaldaqstant, l-obbligi rilevanti tad-DMA bdew japplikaw għaliha mis‑7 ta’ Marzu 2024, konformement mal-Artikolu 3(10) tad-DMA.

7        Fit‑12 ta’ Frar 2024, skont l-Artikolu 17 tad-DMA, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ għeluq tal-investigazzjoni tas-suq. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, għalkemm il-Kummissjoni qieset li Apple ma kellhiex tiġi kklassifikata bħala gwardjan għal iMessage, hija madankollu sostniet li dan is-servizz kellu jiġi kklassifikat bħala NIICS.

 It-talbiet tal-partijiet

 Kawża T-1079/23

8        Apple titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

9        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lil Apple għall-ispejjeż.

 Kawża T-1080/23

10      Apple titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla fl-intier tiegħu jew parzjalment l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, li jikklassifika s-sistema operatorja iOS tagħha bħala gateway importanti li jippermetti lill-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali tagħhom, sa fejn jimponi fuqha l-obbligu li tikkonforma ruħha mal-obbligi ta’ interoperabbiltà previsti fl-Artikolu 6(7) tad-DMA;

–        tannulla fl-intier tiegħu jew parzjalment l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, li jikklassifika s-servizz ta’ intermedjazzjoni online App Store tagħha bħala gateway importanti li jippermetti lill-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali tagħhom;

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, sa fejn din tikkonkludi li iMessage huwa NIICS;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Apple għall-ispejjeż.

12      Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma skont l-Artikolu 277 TFUE;

–        tikkundanna lil Apple għall-ispejjeż.

13      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma skont l-Artikolu 277 TFUE.

14      Ir-Repubblika Franċiża u Free Software Foundation Europe eV jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

15      Coalition for App Fairness titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Apple għall-ispejjeż.

 Kawża T-214/24

16      Apple titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ għeluq tal-investigazzjoni tas-suq, sa fejn hija bbażata fuq il-konstatazzjoni żbaljata li s-servizz iMessage huwa NIICS;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lil Apple għall-ispejjeż.

18      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Apple għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Wara li semgħet lill-partijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

20      Fil-Kawża T‑1079/23, insostenn tar-rikors tagħha, Apple tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat u applikat b’mod żbaljat id-DMA u d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36, iktar ’il quddiem il-“KEKE”), u fuq il-fatt li hija bbażat ruħha fuq fatti materjali ineżatti sabiex tikkonkludi li iMessage kien NIICS.

21      Fil-Kawża T‑1080/23, insostenn tar-rikors tagħha, Apple tqajjem tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 6(7) tad-DMA fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u, għaldaqstant, fuq l-illegalità tal-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, sa fejn din l-aħħar dispożizzjoni timponi fuq Apple l-obbligi previsti fl-Artikolu 6(7) tad-DMA. It-tieni motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tad-DMA u fuq żbalji ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni, sa fejn id-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni tikkonkludi li l-ħames ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software App Store jikkostitwixxu SEP uniku. It-tielet motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tad-DMA u tal-KEKE, kif ukoll fuq żbalji fattwali mwettqa mill-Kummissjoni, sa fejn id-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni tikkonkludi li iMessage huwa NIICS.

22      Fil-Kawża T‑214/24, insostenn tar-rikors tagħha, Apple tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat u applikat b’mod żbaljat id-DMA u l-KEKE u li hija bbażat ruħha fuq fatti materjali ineżatti sabiex tikkonkludi li iMessage kienet NIICS.

23      Hemm lok li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑1080/23 u, fit-tieni lok, ir-rikorsi ppreżentati fil-Kawżi T‑1079/23 u T‑214/24.

 Fuq ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T-1080/23

 Fuq l-ewwel motiv invokat fil-Kawża T-1080/23

24      Permezz tal-ewwel motiv li hija tinvoka fil-Kawża T‑1080/23, Apple ssostni li d-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni timponi fuqha l-obbligi previsti fl-Artikolu 6(7) tad-DMA, sa fejn l-imsemmija deċiżjoni tiddeżinjaha bħala gwardjan fir-rigward ta’ iOS, is-sistema operatorja tat-telefowns mobbli iPhone. Issa, l-imsemmija dispożizzjoni la tiggarantixxi applikazzjoni adegwata tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, u lanqas ir-rispett ta’ ċerti drittijiet fundamentali, fosthom prinċipalment id-dritt għall-proprjetà. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha tiġi ddikjarata inapplikabbli, konformement mal-Artikolu 277 TFUE. Konsegwentement, l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni għandu jiġi annullat, tal-inqas sa fejn dan l-artikolu jimponi fuq Apple l-obbligi previsti fl-Artikolu 6(7) tad-DMA.

25      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel motiv, Apple ssostni li hija tkun imċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, kieku ma tkunx tista’ tikkontesta l-legalità tal-Artikolu 6(7) tad-DMA, filwaqt li d-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni tapplika din id-dispożizzjoni fil-konfront tagħha. Hija ssostni li hija ma għandhiex tkun obbligata tistenna li tiġi kkonfrontata b’konstatazzjoni ta’ ksur ta’ obbligu li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni sabiex tkun tista’ tikkontesta l-legalità tagħha quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-Artikolu 277 TFUE għandu jingħata interpretazzjoni suffiċjentement wiesgħa sabiex jiġi żgurat stħarriġ effettiv tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ta’ natura ġenerali favur persuni li ma jistgħux jippreżentaw rikors għal annullament kontra tali atti. Barra minn hekk, ir-regoli ta’ sistema unika, bħalma hija dik tad-DMA, ma jistgħux jiġu artifiċjalment isseparati għall-finijiet tal-eżami ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità. L-Artikolu 6(7) tad-DMA għandu rabta ġuridika diretta mad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, peress li din tiskatta l-obbligi previsti fih.

26      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel motiv fil-Kawża T‑1080/23 huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

27      Il-Parlament, il-Kunsill u r-Repubblika Franċiża jsostnu wkoll li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 277 TFUE, kull parti tista’, fil-kuntest ta’ tilwima li tqiegħed inkwistjoni att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tibbaża ruħha fuq il-motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att.

29      L-Artikolu 277 TFUE jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, b’mod inċidentali, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni indirizzata lilha, il-validità tal-atti ta’ portata ġenerali li jifformaw il-bażi ta’ tali deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Peress li l-Artikolu 277 TFUE ma huwiex intiż li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ portata ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, l-att li l-illegalità tiegħu titqajjem għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li jkun is-suġġett tar-rikors (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Għalhekk, fil-kuntest ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati kontra deċiżjonijiet individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li setgħu validament ikunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità d-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li kienu jikkostitwixxu l-bażi tal-imsemmija deċiżjonijiet jew li kellhom rabta ġuridika diretta ma’ tali deċiżjonijiet (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Rabta ġuridika diretta tista’ b’mod partikolari tirriżulta mill-fatt li d-dispożizzjoni li l-illegalità tagħha titqajjem permezz ta’ eċċezzjoni tipparteċipa fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata, inkluż jekk din ma tkunx imsemmija fil-motivazzjoni formali ta’ dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Calhau Correia de Paiva, C‑511/21 P, EU:C:2023:208, punt 52).

33      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija inammissibbli eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra att ta’ portata ġenerali li fir-rigward tiegħu d-deċiżjoni individwali kkontestata ma tikkostitwixxix miżura ta’ implimentazzjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, huwa paċifiku li d-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 3 tad-DMA u li l-Artikolu 6(7) tal-imsemmi regolament, li l-illegalità tiegħu hija eċċepita minn Apple, ma jikkostitwixxix il-bażi legali tagħha.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li kemm mit-titolu tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni kif ukoll mit-tieni kunsiderazzjoni tagħha jirriżulta li l-bażi legali tal-imsemmija deċiżjoni hija l-Artikolu 3 tad-DMA. Barra minn hekk, fl-Artikoli 1 u 2 ta’ din id-deċiżjoni, huwa previst, essenzjalment, li Apple hija ddeżinjata bħala gwardjan, skont l-Artikolu 3 tad-DMA, u li s-SEP elenkati minn din l-istess deċiżjoni, fosthom is-sistema operatorja iOS, huma identifikati bħala gateways importanti li jippermettu lill-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tad-DMA.

36      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 iktar ’il fuq, l-Artikolu 6(7) tad-DMA għandux rabta ġuridika diretta mad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx parti mill-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

37      Minn naħa, l-Artikolu 6(7) tad-DMA ma huwiex formalment imsemmi fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni.

38      Min-naħa l-oħra, lanqas ma jirriżulta mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, b’mod partikolari mill-premessi 72 sa 100, iddedikati għas-sistema operatorja iOS, li l-imsemmija deċiżjoni hija intiża li timplimenta l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(7) tad-DMA dwar, b’mod partikolari, dan is-SEP.

39      Fit-tielet lok, il-fatt li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, Apple hija obbligata tikkonforma ruħha mal-obbligi previsti mill-Artikolu 6(7) tad-DMA ma jirriżultax mill-imsemmija deċiżjoni fiha nnifisha, iżda mill-Artikolu 3(10) tad-DMA, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-gwardjan għandu jikkonforma ruħu mal-obbligi kollha stabbiliti fl-imsemmi artikolu għal kull wieħed mis-SEP tiegħu elenkati fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni konformement mal-Artikolu 3(9) tad-DMA.

40      Huwa minnu li d-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għall-applikazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(7) tad-DMA, peress li, f’dan il-każ, li kieku Apple ma kinitx ġiet iddeżinjata bħala gwardjan, hija ma kienx ikollha tikkonforma ruħha mal-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.

41      Madankollu, il-fatt li d-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni tirrendi applikabbli obbligi previsti mid-DMA, b’mod partikolari billi jibda jiddekorri t-terminu ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 3(10) tad-DMA, li fih il-gwardjan għandu jkun ħa l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 tad-DMA, ma għandux bħala konsegwenza li l-imsemmija deċiżjoni tikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-Artikolu 6(7) tad-DMA ma jirregolax il-kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni ta’ impriża bħala gwardjan, li l-evalwazzjoni tagħha hija s-suġġett prinċipali tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, iżda sempliċement jiddefinixxi l-obbligi ta’ interoperabbiltà li għalihom din hija suġġetta biss ladarba sseħħ din id-deżinjazzjoni.

42      Fir-raba’ lok, għandha ssir distinzjoni bejn din il-kawża u l-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676), li fuqha Apple tibbaża ruħha billi tqis li r-regoli tad-DMA ma jistgħux jiġu artifiċjalment isseparati għall-finijiet tal-eżami ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’din l-aħħar kawża, id-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu bbażati fuq dispożizzjoni tranżitorja tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea li torganizza l-bidla progressiva lejn sistema definittiva ta’ leave annwali, fejn din is-sistema tal-aħħar kienet is-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-eċċezzjoni kienet ammissibbli, għar-raġuni li l-perijodu tranżitorju kien iġġustifikat biss bl-adozzjoni tas-sistema definittiva u li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jikkostitwixxu għalhekk miżuri ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema, li kellhom rabta ġuridika diretta magħha, peress li kull interpretazzjoni kuntrarja kienet twassal għal separazzjoni artifiċjali tal-perijodu definittiv u tal-perijodi tranżitorji ta’ din l-“istess sistema waħda”.

44      Minn dan isegwi li s-soluzzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676), kienet iġġustifikata miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, li, madankollu, ma jinsabux f’din il-kawża.

45      Id-DMA ma tipprevedix l-istabbiliment suċċessiv ta’ sistema tranżitorja u ta’ sistema definittiva, iżda tistabbilixxi sistema unika ta’ obbligi applikabbli għall-impriżi ddeżinjati bħala gwardjani. Ċertament, din is-sistema hija strutturata f’żewġ fażijiet distinti, jiġifieri, minn naħa, id-deżinjazzjoni ta’ impriża bħala gwardjan u, min-naħa l-oħra, l-issuġġettar ta’ din l-impriża għall-obbligi previsti mid-DMA. Madankollu, is-separazzjoni bejn dawn iż-żewġ fażijiet tirriżulta direttament mill-arkitettura stess tad-DMA u, għalhekk, għandha natura inerenti għas-sistema hekk stabbilita, mingħajr ma din is-separazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala artifiċjali.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjonijiet misluta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676), ma jistgħux jiġu trasposti għal din il-kawża.

47      Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31 sa 33 iktar ’il fuq, sa fejn l-Artikolu 6(7) tad-DMA ma jikkostitwixxix il-bażi legali tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni u ma għandux rabta ġuridika diretta magħha, għandu jitqies li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra din id-dispożizzjoni ma hijiex ammissibbli.

48      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument ta’ Apple li jgħid li, f’tali każ, hija tkun imċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta.

49      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprevedi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu.

50      Skont l-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-artikolu, li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo”, C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 60), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency, C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni huwa kkostitwit minn diversi elementi, fosthom, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għall-qrati kif ukoll id-dritt li persuna tieħu parir, li jkollha difiża u li tkun irrappreżentata (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48).

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għal qorti ma huwiex dritt assolut u li, minħabba f’hekk, jista’ jinkludi restrizzjonijiet proporzjonati li jsegwu għan leġittimu u ma jippreġudikawx dan id-dritt fis-sustanza tiegħu stess (ara d-digriet tas‑6 ta’ April 2017, PITEE vs Il‑Kummissjoni, C‑464/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:291, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 2006, V.M. vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2006:0608JUD004572399, punti 41 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv hija ġġustifikata biss jekk din tkun prevista mil-liġi, jekk din tosserva l-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt u jekk, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 160, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 49).

53      Qabelxejn, fir-rigward tal-kundizzjoni li tgħid li limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv għandha tkun prevista mil-liġi, mill-punti 28 sa 33 iktar ’il fuq jirriżulta li l-possibbiltà li tiġi invokata l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija, skont l-Artikolu 277 TFUE, limitata għad-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxu l-bażi ta’ deċiżjoni kkontestata jew li għandhom rabta ġuridika diretta ma’ tali deċiżjoni.

54      Sussegwentement, din il-limitazzjoni tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 47 tal-Karta ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-Artikolu 47, li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha. Għalhekk, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma jiġu esklużi dawn il-kundizzjonijiet, li huma espressament previsti mit-Trattat FUE (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 43  44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali limitazzjoni tissodisfax effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali, għandu jitfakkar ukoll li t-Trattat, permezz tal-Artikoli 263 u 277 TFUE tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 TFUE, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji u ta’ proċeduri intiżi li jiżguraw l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, billi ħalla dan l-istħarriġ f’idejn il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Issa, li jkun permess li tiġi invokata l-eċċezzjoni ta’ illegalità prevista fl-Artikolu 277 TFUE fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li ma għandhomx rabta ġuridika diretta mad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni jista’ jikser is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattat, billi jimmodifika l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tal-imsemmija eċċezzjoni, irriżervata, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq, għall-atti ta’ portata ġenerali applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li huwa s-suġġett tar-rikors.

57      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li tali restrizzjoni ma taffettwax b’mod sproporzjonat id-dritt għal rimedju effettiv, sa fejn Apple żżomm il-possibbiltà li tinvoka eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tad-dispożizzjoni li hija tikkontesta f’dan il-każ fil-kuntest ta’ proċeduri oħra.

58      Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 6(7) tad-DMA jista’, skont iċ-ċirkustanzi, jiġi applikat permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikoli 8, 13, 24, 29, 30 jew 31 tad-DMA.

59      Issa, sabiex tingħata tweġiba għall-argument ta’ Apple bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta kif speċifikat fil-punt 25 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 tad-DMA ma timplikax neċessarjament li din tal-aħħar tikkonstata sitwazzjoni ta’ ksur imputabbli lill-gwardjan fid-dawl tal-obbligi previsti mill-Artikoli 5, 6 jew 7 tad-DMA, u lanqas li dan tal-aħħar iqiegħed ruħu volontarjament f’tali sitwazzjoni sabiex ikun jista’ jeċċepixxi l-illegalità ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, skont l-Artikolu 277 TFUE, fl-okkażjoni ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE kontra tali att tal-Kummissjoni.

60      Għalhekk, skont l-Artikolu 8(3) tad-DMA, gwardjan jista’ jitlob lill-Kummissjoni tibda proċess sabiex tiddetermina jekk il-miżuri li huwa jkollu l-intenzjoni li jimplimenta jew li jkun implimenta sabiex jikkonforma ruħu, b’mod partikolari, mal-Artikolu 6 tad-DMA jilħqux effettivament l-għan tal-obbligu rilevanti fis-sitwazzjoni speċifika tiegħu.

61      Fil-każ li l-Kummissjoni tqis li dawn il-miżuri huma insuffiċjenti, hija tista’, konformement mal-Artikolu 8(2) tad-DMA, wara li tkun fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 20 tad-DMA, tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jista’ jispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat ikun obbligat jimplimenta sabiex jikkonforma ruħu b’mod effettiv mal-obbligi tal-Artikolu 6(7) tad-DMA, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi kkonstatat ksur ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Il-gwardjan inkwistjoni jkun jista’ mbagħad, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra l-imsemmi att u bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 6(7) tad-DMA.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn Apple kontra l-Artikolu 6(7) tad-DMA ma hijiex ammissibbli, l-ewwel motiv fil-Kawża T‑1080/23 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk talba għall-annullament parzjali tal-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni hijiex ammissibbli.

 Fuq it-tieni motiv invokat fil-Kawża T-1080/23

63      Permezz tat-tieni motiv li hija tinvoka fil-Kawża T‑1080/23, Apple tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, li tgħid li l-ħames ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software tagħha, jiġifieri iOS App Store (għat-telefowns mobbli iPhone), iPadOS App Store (għat-tablets elettroniċi iPad), watchOS App Store (għall-arloġġi Apple Watch), macOS App Store (għall-kompjuters Mac) u tvOS App Store (għall-consoles tat-televiżjoni Apple TV) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“ħwienet App Store”), jikkostitwixxu SEP uniku.

64      F’dan il-każ, preliminarjament, għandu jitfakkar li, fit‑3 ta’ Lulju 2023, konformement mal-Artikolu 3(3) tad-DMA, Apple pprovdiet lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti msemmija fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu permezz tal-formola (iktar ’il quddiem il-“formola GD”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/814 tal‑14 ta’ April 2023 dwar arranġamenti dettaljati għat-tmexxija ta’ ċerti proċedimenti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2023, L 102, p. 6). B’dan il-mod, matul il-proċedura ta’ deżinjazzjoni, Apple sostniet b’mod partikolari li hija kienet topera l-ħwienet App Store, li l-imsemmija ħwienet kellhom jiġu kklassifikati bħala servizzi ta’ intermedjazzjoni online, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-DMA, u li kull wieħed minn dawn il-ħwienet kien jikkostitwixxi SEP distint, b’tali mod li huwa biss il-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software iOS App Store li kien jaqbeż il-livelli previsti fl-Artikolu 3(2) tad-DMA.

65      L-ewwel nett, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 37 tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, li s-servizz offrut mill-ħwienet App Store (iktar ’il quddiem is-“servizz App Store”) kien jissodisfa kemm id-definizzjoni ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni online, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU 2019, L 186, p. 57), li għalih jirreferi l-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-DMA, kif ukoll id-definizzjoni ta’ ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software, konformement mal-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-DMA.

66      It-tieni nett, fil-premessi 38 sa 41 tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, il-Kummissjoni qieset li, minkejja l-apparat li fuqu kien disponibbli, kull wieħed mill-ħwienet App Store kien jintuża għall-istess finijiet, jiġifieri bħala intermedjarju bejn l-utenti finali u l-impriżi utenti fid-distribuzzjoni ta’ applikazzjonijiet u ta’ kontenut diġitali integrati fl-applikazzjoni. Il-Kummissjoni qieset ukoll li, minkejja d-differenzi bejn kull wieħed mill-ħwienet App Store, kif invokati minn Apple sabiex tiġġustifika li kull wieħed minnhom għandu għan differenti, dawn id-differenzi kienu pjuttost relatati man-natura, mal-funzjoni u mal-użu tad-diversi apparati li fuqhom kull wieħed mill-ħwienet App Store kien aċċessibbli kif ukoll mal-esperjenza tal-utent assoċjat miegħu, b’tali mod li ma kienx iġġustifikat li kull wieħed mill-ħwienet App Store jiġi ttrattat bħala SEP distint.

67      It-tielet nett, fil-premessi 43 sa 47 tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, il-Kummissjoni enfasizzat li l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet online u l-utenti finali kienu suġġetti għal regoli, politiki, linji gwida u speċifikazzjonijiet tekniċi identiċi jew simili ħafna meta kienu jużaw kull wieħed mill-ħwienet App Store fuq il-ħames apparati inkwistjoni.

68      Ir-raba’ nett, fil-premessi 48 sa 56 tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, il-Kummissjoni rrilevat li, fir-rigward tal-applikazzjonijiet iddistribwiti permezz ta’ kull wieħed mill-ħwienet App Store, Apple kienet tipprovdi lill-impriżi utenti u lill-utenti finali għodod jew servizzi identiċi jew simili ħafna, inklużi servizzi ta’ assistenza.

69      Fil-ħames u fl-aħħar nett, fil-premessi 57 sa 59 tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, il-Kummissjoni indikat li, f’uħud mill-komunikazzjonijiet tagħha, Apple kienet tippreżenta l-ħwienet App Store bħala servizz uniku, irrispettivament mill-apparat użat sabiex taċċedi għalihom.

70      Konsegwentement, fid-dawl tal-fatt li l-livelli previsti fl-Artikolu 3(2) tad-DMA kienu ntlaħqu, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 71 tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, li Apple kellha tiġi ddeżinjata bħala gwardjan, konformement mal-Artikolu 3(4) tad-DMA, fir-rigward tas-servizz App Store bħala SEP.

71      It-tieni motiv invokat fil-Kawża T‑1080/23 huwa maqsum f’erba’ lmenti, li għandhom jiġu eżaminati flimkien. L-ewwel nett, Apple ssostni li l-ħwienet App Store għandhom skopijiet prinċipali differenti, jiġifieri li jaġixxu bħala intermedjarji għall-provvista ta’ applikazzjonijiet fuq kull tip ta’ apparat inkwistjoni. It-tieni nett, hija ssostni li kull wieħed mill-imsemmija ħwienet huwa użat, mill-utenti finali u mill-impriżi utenti, b’mod differenti. It-tielet nett, Apple tqis li l-argumenti supplimentari mressqa fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni huma legalment irrilevanti, peress li ma jikkonċernawx l-iskop tal-ħwienet App Store. Ir-raba’ nett, Apple ssostni li l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħwienet futuri ta’ applikazzjonijiet tas-software juri l-iżball ta’ din tal-aħħar fid-deżinjazzjoni tal-ħwienet App Store bħala SEP uniku.

72      Il-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika Franċiża, Coalition for App Fairness u Free Software Foundation Europe jikkontestaw l-argumenti ta’ Apple. Il-Kummissjoni tqajjem ukoll l-inammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet fil-Kawża T‑1080/23.

73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, l-ewwel nett, il-punt 2(a) tal-Artikolu 2 tad-DMA jistabbilixxi li s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online huma SEP għall-finijiet tal-imsemmi regolament.

74      It-tieni nett, fir-rigward tad-definizzjoni tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online, il-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-DMA jirreferi għall-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/1150. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, dawn huma servizzi li, qabelxejn, jikkostitwixxu servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1), sussegwentement, jippermettu lill-utenti kummerċjali joffru oġġetti jew servizzi lill-konsumaturi, sabiex jiġi ffaċilitat il-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn dawn l-impriżi u l-konsumaturi, irrispettivament minn jekk dawk it-tranżazzjonijiet finalment jiġux konklużi jew le, u, fl-aħħar nett, jiġu pprovduti lill-utenti kummerċjali abbażi ta’ relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-fornitur ta’ dawk is-servizzi u l-utenti kummerċjali li joffru oġġetti jew servizzi lill-konsumaturi.

75      It-tielet nett, il-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-DMA jippreċiża li ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software huwa tip ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni online li jiffoka fuq l-applikazzjonijiet tas-software bħala prodott jew servizz intermedjat.

76      Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet tal-punti 2, 5 u 14 tal-Artikolu 2 tad-DMA, moqrija flimkien, jirriżulta li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software huwa SEP, sa fejn, bħala servizz ta’ intermedjazzjoni online, dan jippermetti lill-utenti kummerċjali joffru applikazzjonijiet tas-software lill-utenti finali, sabiex jiġi ffaċilitat il-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti bejniethom, irrispettivament minn jekk dawk it-tranżazzjonijiet finalment jiġux konklużi jew le, peress li l-imsemmi servizz huwa offrut minn impriża li toffri SEP abbażi ta’ relazzjonijiet kuntrattwali konklużi mal-utenti kummerċjali inkwistjoni.

77      Apple ma tikkontestax l-evalwazzjoni li tgħid li kull wieħed mill-ħwienet App Store jikkostitwixxi ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software, u għalhekk servizz ta’ intermedjazzjoni online, fis-sens tad-DMA.

78      Madankollu, Apple ssostni li l-ħwienet App Store kollha ma kellhomx jitqiesu mill-Kummissjoni bħala SEP uniku, fid-dawl tal-fatt li kull wieħed mill-imsemmija ħwienet għandu għan speċifiku, li huwa li jipprovdi servizz ta’ intermedjazzjoni online bejn utenti kummerċjali u utenti finali skont l-apparat li fuqu dan jopera. Apple ssostni wkoll li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni il-punt 15 tal-Artikolu 2 tad-DMA, li jiddefinixxi applikazzjoni tas-software bħala kull prodott jew servizz diġitali li jopera fuq sistema operatorja.

79      Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-definizzjoni ta’ ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software għall-finijiet tad-DMA, kif esposta fil-punt 76 iktar ’il fuq, la tissuġġetta l-klassifikazzjoni ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni online għall-apparat li fuqu jopera dan il-ħanut u lanqas għas-sistema operatorja li fuqha joperaw l-applikazzjonijiet tas-software offruti fi ħdan dan il-ħanut.

80      Minn naħa, din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 14 tad-DMA, li minnha jirriżulta b’mod partikolari li, għall-finijiet tal-imsemmi regolament, id-definizzjoni tas-SEP għandha tkun newtrali fuq il-livell teknoloġiku u li għandha tinftiehem bħala li tinkludi dawk li huma offruti permezz ta’ mezzi differenti jew fuq apparati differenti. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprevjeni li l-klassifikazzjoni ta’ servizz fir-rigward tad-DMA tista’ tvarja skont l-għażliet teknoloġiċi magħmula mill-gwardjan u li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software għandha titwettaq, fid-dawl tad-definizzjoni li jagħti d-DMA, indipendentement mis-sistema operatorja li biha joperaw l-applikazzjonijiet tas-software inkwistjoni jew mill-mezz materjali li fuqu hija bbażata d-distribuzzjoni tagħhom.

81      Min-naħa l-oħra, mill-punt 14 tal-Artikolu 2 tad-DMA jirriżulta li l-applikazzjonijiet tas-software huma biss is-suġġett tat-tranżazzjoni li ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software huwa intiż li jippermetti, kif tindika l-frażi “bħala prodott jew servizz intermedjat”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni, li tagħmel distinzjoni bejn il-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software bħala servizz ta’ intermedjazzjoni online u l-applikazzjonijiet tas-software li dan jippermetti li jiġu ddistribwiti, ma tissuġġettax il-klassifikazzjoni tal-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software għas-sistema operatorja li fuqha dawn l-applikazzjonijiet huma intiżi li joperaw.

82      Sa fejn Apple ssostni li, b’mod inkoerenti mal-approċċ adottat għall-ħwienet App Store, il-Kummissjoni ammettiet li s-sistemi operatorji tagħha, fosthom iOS li għaliha hija ġiet iddeżinjata gwardjan, kienu jikkostitwixxu servizzi distinti skont l-apparat li fuqu kienet topera kull sistema operatorja, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-punt 10 tal-Artikolu 2 tad-DMA jiddefinixxi sistema operatorja bħala “software tas-sistema li jikkontrolla l-funzjonijiet bażiċi tal-hardware jew tas-software u li jippermetti li l-applikazzjonijiet tas-software jaħdmu fuqu” u li, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 83 tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, kien meħtieġ li l-għan ta’ sistema operatorja jiġi evalwat minn perspettiva teknoloġika, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kunċett ta’ “sistema operatorja” kien marbut intrinsikament mal-apparat jew mas-software li għalihom is-sistema operatorja kienet ġiet iddisinjata speċifikament sabiex tikkontrolla l-funzjonijiet bażiċi u li fuqhom kienet intiża li tippermetti l-funzjonament tal-applikazzjonijiet. Issa, bħala prinċipju, dan ma huwiex il-każ ta’ ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software, li l-klassifikazzjoni tiegħu la tiddependi mill-apparat li fuqu jopera dan il-ħanut u lanqas mis-sistema operatorja li fuqha joperaw l-applikazzjonijiet tas-software proposti fi ħdan dan il-ħanut, kif indikat fil-punt 79 iktar ’il fuq.

83      Fit-tieni lok, sa fejn Apple tinvoka l-anness tad-DMA, li minnu jirriżulta li kull wieħed mill-ħwienet App Store għandu jitqies bħala SEP distint, għandu jitfakkar li l-anness tad-DMA għandu l-istess valur legali bħad-DMA nnifsu u jagħmel parti integrali minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑40/10, EU:C:2010:713, punt 61). Konsegwentement, huwa jista’ jipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-portata ta’ definizzjoni stabbilita f’dispożizzjoni oħra ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, A et, C‑347/17, EU:C:2019:720, punti 39 sa 41 u 49).

84      Skont il-paragrafu 1 tat-Taqsima A tal-Anness tad-DMA, l-għan ta’ dan l-anness huwa li “jispeċifika l-metodoloġija għall-identifikazzjoni u l-kalkolu tal-‘utenti finali attivi’ u l-‘utenti kummerċjali attivi’ għal kull [SEP] elenkat fl-Artikolu 2, punt (2) [tad-DMA]”, sabiex l-impriżi jkunu jistgħu jevalwaw jekk is-SEP tagħhom josservawx il-livelli kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(b) tad-DMA u għalhekk huma preżunti li jissodisfaw ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1)(b) tad-DMA.

85      Issa, peress li l-anness tad-DMA huwa intiż li jippermetti lill-impriżi jidentifikaw l-utenti finali attivi u l-utenti kummerċjali attivi ta’ kull SEP elenkat fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-DMA, għandu jiġi kkonstatat li dan jinkludi indikazzjonijiet rilevanti għad-delimitazzjoni tas-SEP proposti minn impriża. Li kieku l-Kummissjoni kellha tapplika kriterji oħra għad-delimitazzjoni tas-SEP minbarra dawk applikati mill-impriżi għall-kalkolu tal-utenti finali attivi u tal-utenti kummerċjali attivi tas-SEP tagħhom, sabiex jiġi evalwat jekk jintlaħqux il-livelli previsti fl-Artikolu 3(2)(b) tad-DMA, l-imsemmija impriżi ma jkunux jistgħu jibbenefikaw miċ-ċertezza legali li għandu jagħtihom l-anness tad-DMA, kif previst fil-premessa 20 ta’ dan ir-regolament.

86      Barra minn hekk, huwa minnu, kif issostni Apple, li meta SEP wieħed jew iktar ikunu jappartjenu għall-istess kategorija fost dawk elenkati fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-DMA, bħalma huwa l-każ tal-ħwienet App Store, li jappartjenu għall-istess kategorija ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, it-Taqsima D tal-Anness tad-DMA, intitolata “Preżentazzjoni ta’ informazzjoni”, tippreċiża, fil-paragrafu 2(b) tagħha, li l-impriża li tipprovdi SEP wieħed jew iktar għandha tqis bħala distinti s-SEP li jintużaw għal finijiet differenti mill-utenti finali tagħhom jew mill-utenti kummerċjali tagħhom, jew mit-tnejn, anki jekk l-utenti finali jew l-utenti kummerċjali tagħhom jistgħu jkunu l-istess.

87      Madankollu, Apple ma ssemmix elementi li juru li kull wieħed mill-ħwienet App Store, skont l-apparat li fuqu jintuża, huwa s-suġġett ta’ użu differenti mill-ħwienet App Store l-oħra, kemm mill-utenti finali kif ukoll mill-utenti kummerċjali. Għalkemm Apple invokat elementi li relatati b’mod partikolari mal-frekwenza tal-użu ta’ kull wieħed mill-ħwienet App Store matul l-istess perijodu, mat-tip ta’ applikazzjonijiet imniżżla, mal-firxa tal-katalgu tal-applikazzjonijiet proposti jew inkella mal-preżentazzjoni ta’ kull ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software fuq kull apparat inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi ma jbiddlux il-fatt li l-imsemmija utenti u l-imsemmija impriżi jirrikorru għall-ħwienet App Store kollha għall-istess għan, jiġifieri, essenzjalment, sabiex jikkonkludu tranżazzjoni diretta fir-rigward tal-applikazzjonijiet tas-software inkwistjoni, konformement mad-definizzjoni ta’ ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software għall-finijiet tad-DMA, kif esposta fil-punt 76 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset ġustament li kull wieħed mill-ħwienet App Store kien użat għall-istess finijiet u li għalhekk setgħu jitqiesu bħala SEP wieħed.

88      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punti 66 sa 69 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, il-Kummissjoni wieġbet għall-argument ta’ Apple li jgħid li l-ħwienet App Store tagħha kellhom skopijiet differenti skont l-apparat li fuqu kienu joperaw. Apple ma tikkritikax lill-Kummissjoni talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni wħud minn dawn l-elementi, iżda li adottat evalwazzjoni differenti minn dik li hija kienet qiegħda tiddefendi fil-komunikazzjoni tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni qieset ġustament li l-elementi prodotti minn Apple kienu jirrigwardaw in-natura, il-funzjoni u l-użu tad-diversi apparati li fuqhom kienu disponibbli l-ħwienet App Store, b’tali mod li dawn l-elementi ma kinux jippermettu li jiġi kkonstatat li l-utenti finali u l-utenti kummerċjali kienu jużaw il-ħwienet App Store għal finijiet differenti.

89      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kritika magħmula minn Apple kontra l-Kummissjoni, li, skont Apple, ma kellhiex tibbaża ruħha fuq it-tliet sensiliet ta’ kunsiderazzjonijiet addizzjonali żviluppati fil-premessi 43 sa 59 tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni sabiex tqis li l-ħwienet App Store kienu jikkostitwixxu SEP uniku, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata qabelxejn fuq il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-premessi 37 u 39 tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, jiġifieri, essenzjalment, il-fatt li l-ħwienet App Store jissodisfaw id-definizzjonijiet previsti fil-punti 2, 5 u 14 tal-Artikolu 2 tad-DMA sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala SEP għall-finijiet tad-DMA u li jintużaw għall-istess għan, kemm mill-perspettiva tal-utent finali kif ukoll minn dik tal-utent professjonali, fuq l-apparati kollha li fuqhom huma disponibbli, f’dan il-każ sabiex tiġi żgurata d-distribuzzjoni ta’ applikazzjonijiet tas-software. Issa, mill-punti 71 sa 88 iktar ’il fuq jirriżulta li l-imsemmija kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu suffiċjenti sabiex jitqies li s-servizz App Store kien jikkostitwixxi SEP wieħed fis-sens tad-DMA.

90      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li t-tliet sensiliet ta’ kunsiderazzjonijiet addizzjonali inkwistjoni jirrigwardaw, l-ewwel nett, regoli, direttivi u dispożizzjonijiet kuntrattwali implimentati minn Apple fir-rigward tal-utenti finali u tal-utenti kummerċjali tal-ħwienet App Store, it-tieni nett, servizzi ta’ assistenza lill-utenti finali u servizzi ta’ żvilupp lill-utenti kummerċjali pprovduti minn Apple fir-rigward tal-ħwienet App Store, kif ukoll il-possibbiltà li jintuża l-istess kont sabiex wieħed jaċċedi għad-diversi ħwienet App Store jew li tintuża fuq l-apparati kollha applikazzjoni akkwistata permezz ta’ wieħed minn dawn il-ħwienet App Store u, it-tielet nett, elementi ta’ komunikazzjonijiet ta’ Apple dwar l-użu tal-istess trade mark App Store sabiex tindika l-ħwienet App Store kollha.

91      Issa, għandu jiġi enfasizzat li t-tliet sensiliet ta’ kunsiderazzjonijiet addizzjonali inkwistjoni jirrigwardaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn Apple għall-użu tal-ħwienet App Store kemm mill-utenti finali kif ukoll mill-utenti kummerċjali. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni Apple, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet addizzjonali huma rilevanti sabiex jintwera li l-ħwienet App Store għandhom l-istess skop, jiġifieri li jiffaċilitaw il-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet bejn l-imsemmija utenti u l-imsemmija impriżi fir-rigward ta’ applikazzjonijiet tas-software.

92      Għandu jiġi rrilevat ukoll li għalkemm Apple tikkontesta l-użu mill-Kummissjoni tal-kunsiderazzjonijiet addizzjonali inkwistjoni, hija ma ssostnix li l-Kummissjoni wettqet żball materjali fir-rigward tagħhom.

93      Barra minn hekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ SEP fid-dawl b’mod partikolari tad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-DMA u sabiex jiġi żgurat li impriża ma tkunx qiegħda tipprova tevita d-dispożizzjonijiet tad-DMA, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tiegħu, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jistgħu juru li diversi servizzi jikkostitwixxu, fir-realtà, SEP wieħed għall-kalkolu tal-livelli stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-DMA. Din il-possibbiltà tapplika iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tadotta l-preżentazzjoni ta’ dawn is-servizzi proposta mill-impriża kkonċernata fil-formola GD.

94      Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-ilment ta’ Apple li jgħid li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni għandu l-konsegwenza li l-ħwienet futuri kollha ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ Apple ser ikunu awtomatikament koperti mill-imsemmija deċiżjoni, irrispettivament mill-apparat li għalih huma maħsuba, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-DMA u tal-anness tiegħu li tgħid li l-Kummissjoni kellha, sabiex tikklassifika l-ħwienet App Store bħala SEP għall-finijiet tad-DMA, tieħu inkunsiderazzjoni l-apparat li fuqu jintuża kull wieħed mill-ħwienet App Store. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 79 sa 82 iktar ’il fuq, dan l-argument huwa żbaljat u għandu jiġi miċħud.

95      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha l-att ikun ġie adottat (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, García Fernández et vs Il‑Kummissjoni u SRB, C‑541/22 P, EU:C:2024:820, punt 327 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Issa, l-informazzjoni mogħtija minn Apple, matul il-proċedura ta’ deżinjazzjoni, dwar it-tqegħid fis-suq imminenti ta’ apparat Vision Pro ġdid li għandu l-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software tiegħu stess ma setgħetx tbiddel l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-servizz App Store, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 79 sa 82 iktar ’il fuq.

97      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni tirrigwarda d-deżinjazzjoni ta’ Apple bħala gwardjan biss għas-SEP ippreżentati minn din tal-aħħar fil-formola GD tagħha, li, f’dan il-każ, kienet limitata, għal dak li jirrigwarda l-kategorija tal-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software, għall-ħwienet App Store biss. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fuq talba b’mod partikolari tal-gwardjan, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi, temenda jew tħassar fi kwalunkwe mument deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni adottata skont l-Artikolu 3 tad-DMA jekk ikun hemm bidla sinjifikattiva f’wieħed mill-fatti li fuqhom tkun ibbażata dik id-deċiżjoni jew jekk dik id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni inkompleta, ineżatta jew żnaturata, skont l-Artikolu 4(1) tad-DMA.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tqis, fil-premessa 38 tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, li s-servizz App Store kien jikkostitwixxi servizz ta’ intermedjazzjoni online uniku, irrispettivament mill-apparat li minnu dan is-servizz huwa aċċessibbli.

99      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni motiv fil-Kawża T‑1080/23 għandu jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk talba għall-annullament, fl-intier tagħha, tal-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni hijiex ammissibbli.

 Fuq it-tielet motiv invokat fil-Kawża T-1080/23

100    Permezz tat-tielet motiv li hija tinvoka fil-Kawża T‑1080/23, Apple tikkritika lill-Kummissjoni talli interpretat u applikat b’mod żbaljat id-DMA u l-KEKE u talli wettqet żbalji fattwali, sa fejn id-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni tikkonkludi li iMessage jikkostitwixxi NIICS.

101    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-tielet motiv.

102    Minn naħa, il-Kummissjoni tqis li l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-premessi tad-deċiżjoni ta’ identifikazzjoni jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament biss sa fejn dawn jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tagħha. Issa, dan ma huwiex il-każ tal-konstatazzjoni kontenzjuża li tgħid li iMessage huwa NIICS.

103    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li huma biss il-miżuri li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ Apple, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Apple ma spjegatx u lanqas uriet kif l-evalwazzjoni, li tinsab fil-premessi tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, li tgħid li iMessage huwa NIICS li jikkostitwixxi SEP (iktar ’il quddiem “NIICS SEP”) tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha.

104    Minn naħa, Apple ssostni li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni li tgħid li rikors għal annullament ma jistax jiġi ppreżentat biss kontra l-premessi tal-preambolu ta’ att tal-Unjoni hija irrilevanti.

105    Min-naħa l-oħra, Apple tqis, essenzjalment, li l-klassifikazzjoni bħala NIICS mill-Kummissjoni għandha bħala konsegwenza legali l-ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq abbażi tal-Artikolu 17(3) tad-DMA. Għalhekk, dan jissuġġetta lil Apple għall-proċeduri regolatorji previsti mid-DMA. Barra minn hekk, li kieku l-Qorti Ġenerali kellha tqis li Apple għandha biss id-dritt li tikkontesta deċiżjoni li għandha l-effett li tikklassifika lil iMessage bħala gateway importanti, dan ikun ifisser li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq l-investigazzjoni tas-suq lanqas ma tkun att li jista’ jiġi kkontestat, b’tali mod li Apple tkun fl-impossibbiltà li tikkontesta l-klassifikazzjoni bħala NIICS.

106    Ir-Repubblika Franċiża tqis ukoll li t-tielet motiv huwa inammissibbli, sa fejn id-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni ma biddlitx b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali ta’ Apple fir-rigward ta’ iMessage.

107    Hija ġurisprudenza stabbilita li r-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE jista’ jiġi ppreżentat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, indipendentement mill-forma, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolant (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament biss il-miżuri li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 29; tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 51, u tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il‑Parlament, C‑261/13 P, EU:C:2014:2423, punt 13).

109    Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jew deċiżjoni tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu, għandu jsir riferiment għas-sustanza tiegħu (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑147/96, EU:C:2000:335, punt 27, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 27).

110    Dwar dan il-punt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li tingħata importanza lis-sustanza ta’ att jimplika li jiġu evalwati l-effetti tiegħu fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-att inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest li fih dan ikun ġie adottat kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li jkun l-awtur tiegħu, fejn dawn is-setgħat għandhom jinftiehmu mhux b’mod astratt, iżda bħala elementi li jistgħu jiċċaraw l-analiżi konkreta tal-kontenut tal-imsemmi att, liema analiżi għandha natura ċentrali u indispensabbli (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 41).

111    Fl-ewwel lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huwa biss id-dispożittiv ta’ deċiżjoni li jista’ jipproduċi effetti legali u, konsegwentement, jikkawża preġudizzju, irrispettivament mill-motivi li fuqhom tkun ibbażata dik id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet magħmula fil-motivi ta’ deċiżjoni ma jistgħux, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament u jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità mill-qorti tal-Unjoni biss sa fejn, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, huma jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv ta’ dan l-att, jew jekk, tal-inqas, dawn il-motivi jkunu jistgħu jbiddlu s-sustanza ta’ dak li jkun ġie deċiż fid-dispożittiv tal-att inkwistjoni (digriet tat‑28 ta’ Jannar 2004, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑164/02, EU:C:2004:54, punt 21, u s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117, punt 70). F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, id-dispożittiv ta’ att ma jistax jiġi sseparat mill-motivazzjoni tiegħu, b’tali mod li għandu jiġi interpretat, jekk ikun meħtieġ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu. (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il‑Kummissjoni, T‑346/02 u T‑347/02, EU:T:2003:256, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Issa, fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, il-Kummissjoni qieset li iMessage kienet NIICS SEP u li Apple kienet tilħaq il-livelli stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-DMA għal dan is-SEP, li wassalha sabiex tippreżumi li dan kien jikkostitwixxi gateway importanti li jippermetti lill-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi regolament. Madankollu, peress li Apple kienet ippreżentat argumenti suffiċjentement issostanzjati li jikkontestaw manifestament il-preżunzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-DMA fir-rigward ta’ iMessage, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni tas-suq fir-rigward ta’ dan is-servizz, konformement mal-Artikolu 17(3) tal-imsemmi regolament, sabiex tiddetermina jekk kienx hemm lok li dan is-SEP jiġi elenkat fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni. Konsegwentement, iMessage ma jidhirx fid-dispożittiv tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni bħala SEP li jikkostitwixxi gateway importanti.

113    Għaldaqstant, il-premessi 138 sa 148 tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni li jenfasizzaw ir-raġunijiet li għalihom iMessage għandu jitqies bħala NIICS SEP ma jikkostitwixxux is-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni.

114    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-effetti legali prodotti mid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni fil-kuntest tad-DMA, Apple ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tiftaħ investigazzjoni tas-suq abbażi tal-Artikolu 17(3) tad-DMA mingħajr ma tikklassifika minn qabel lil iMessage bħala NIICS SEP. Issa, din il-klassifikazzjoni tissuġġettaha għall-proċeduri previsti fid-DMA. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tidentifikax effetti legali vinkolanti u konkreti, marbuta mal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq, li huma ta’ natura li jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha.

115    Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, id-DMA ma tipprevedi ebda obbligu u ma twassal għal ebda konsegwenza legali abbażi biss tal-klassifikazzjoni ta’ servizz, sakemm is-servizz inkwistjoni ma jkunx issemma fid-dispożittiv ta’ deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni bħala gateway importanti li jippermetti lill-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi regolament.

116    Fil-fatt, fir-rigward tal-obbligu impost fuq il-gwardjani fil-qasam tal-interoperabbiltà tan-NIICS, l-Artikolu 7 tad-DMA japplika biss għan-“[NIICS] li huma elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) [ta’ dan ir-regolament]”. L-istess japplika għall-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 tad-DMA, li jipprevedu, fil-paragrafu 1 tagħhom, li “[i]l-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi kollha stabbiliti f’dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kull wieħed mis-[SEP] tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) [ta’ dan ir-regolament]”. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(10) tad-DMA jipprovdi li “[i]l-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 fi żmien 6 xhur wara li [SEP] jkun ġie elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu”.

117    Konsegwentement, għandu jitqies li Apple ma hija suġġetta għal ebda wieħed mill-obbligi previsti mid-DMA fir-rigward tas-servizz iMessage tagħha minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, minkejja li l-imsemmi servizz huwa kklassifikat fiha bħala NIICS SEP.

118    Apple ssostni wkoll li terzi jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-konstatazzjoni kontenzjuża sabiex jitolbu lill-Kummissjoni tidentifika fil-futur lil iMessage fost il-gateways importanti, sakemm il-kundizzjonijiet rilevanti jkunu ssodisfatti. Apple żżid li l-Kummissjoni ma tkunx obbligata tevalwa jekk is-servizz iMessage jibqax NIICS SEP fil-kuntest ta’ eżamijiet futuri eventwali tal-kwistjoni dwar jekk dan is-servizz jikkostitwixxix gateway importanti, sa fejn din il-klassifikazzjoni tkun ġiet adottata definittivament.

119    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 53 tad-DMA jipprovdi li, sa mhux iktar tard mit‑3 ta’ Mejju 2026 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tevalwa d-DMA u, b’mod partikolari, jekk huwiex meħtieġ li tiġi emendata l-lista tas-SEP stabbilita il-punt 2 tal-Artikolu 2 tiegħu, li minnha jagħmlu parti n-NIICS. Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(2) tad-DMA, moqri flimkien mal-premessa 30 tiegħu, jirriżulta li n-natura teknoloġika kumplessa u li tinbidel malajr ħafna tas-SEP teħtieġ eżami mill-ġdid regolari tal-istatus tal-gwardjani kif ukoll tal-lista tas-SEP li jikkostitwixxu, individwalment, gateways importanti. Madankollu, xejn fid-DMA ma jippermetti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, waqt eżami mill-ġdid eventwali ta’ SEP bħala gateway importanti, tista’ tibbaża ruħha fuq l-analiżi tagħha mwettqa fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni preċedenti u mingħajr ma twettaq evalwazzjoni ġdida taċ-ċirkustanzi li jkunu s-suġġett tal-imsemmi eżami mill-ġdid.

120    Għalhekk, mill-Artikolu 4(2) tad-DMA jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala NIICS SEP tas-servizz iMessage ma tistax titqies bħala definittivament miksuba għall-futur.

121    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-DMA jiddefinixxi n-NIICS b’riferiment għall-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-KEKE.

122    Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, il-partijiet ġew mistoqsija dwar jekk il-konstatazzjoni kontenzjuża magħmula fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni setgħetx tipproduċi effetti legali vinkolanti u tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali ta’ Apple fir-rigward tal-applikazzjoni tal-KEKE fi proċeduri nazzjonali.

123    Apple qieset li l-klassifikazzjoni bħala NIICS SEP ta’ iMessage magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni seta’ jkollha u diġà kellha konsegwenzi fuq l-implimentazzjoni tal-KEKE mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti, minn awtoritajiet kompetenti oħra u mill-qrati nazzjonali.

124    Dwar dan il-punt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-implimentazzjoni tal-KEKE, ladarba t-traspożizzjoni tiegħu titwettaq fid-dritt nazzjonali, taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali li l-Istati Membri jkunu għażlu bħala kompetenti. Fil-fatt, l-obbligu ta’ Stat Membru li jadotta l-miżuri neċessarji kollha sabiex jikseb ir-riżultat stabbilit minn direttiva huwa obbligu vinkolanti impost mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u mid-direttiva stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, dan l-obbligu ta’ traspożizzjoni huwa previst fl-Artikolu 124 tal-KEKE.

125    It-tieni nett, għandu jitfakkar li, minn naħa, is-sistemi leġiżlattivi u regolatorji stabbiliti mill-Istati Membri sabiex jikkonformaw ruħhom mal-KEKE u, min-naħa l-oħra, id-DMA huma sistemi legali distinti. Fil-fatt, il-KEKE ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tipprevedi li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra huma marbuta, meta jimplimentaw is-setgħat u r-responsabbiltajiet fdati lilhom minnu, bil-klassifikazzjoni eventwali mill-Kummissjoni bħala NIICS għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-DMA.

126    Għall-kuntrarju, l-Artikolu 1(4) tad-DMA, moqri flimkien mal-premessa 64 tiegħu, jippreċiża li, fir-rigward tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tal-KEKE, “[id-DMA] hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat u r-responsabbiltajiet mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lil awtoritajiet kompetenti oħra permezz tal-Artikolu 61 [tal-KEKE]”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti skont il-KEKE, meta jeżerċitaw is-setgħat u r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ servizzi, ma humiex marbuta bid-dispożizzjonijiet tad-DMA.

127    Barra minn hekk, il-KEKE ma jagħti l-ebda rwol konsultattiv jew ta’ koordinazzjoni espliċitu lill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk servizz partikolari jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

128    Minn dan jirriżulta li l-implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tas-setgħat u tar-responsabbiltajiet li huma jisiltu mill-KEKE fir-rigward ta’ NIICS ma tistax tiddependi mill-klassifikazzjoni li setgħet issir minn qabel mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-DMA.

129    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-klassifikazzjoni bħala NIICS SEP mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni ma tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ Apple, billi tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 108 u 109 iktar ’il fuq.

130    Din l-evalwazzjoni ma hijiex invalidata mill-argument ta’ Apple li jgħid li, jekk hija tkun tista’ tikkontesta deċiżjoni finali tal-Kummissjoni biss bil-kundizzjoni li dik id-deċiżjoni twassal sabiex tiġi ddeżinjata bħala gwardjan, hija ma jkollha ebda mezz sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li iMessage huwa NIICS, u dan ikun kuntrarju għad-dritt tagħha għal rimedju effettiv u għall-aċċess għal qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

131    F’dan ir-rigward, mill-punti 49 sa 52 iktar ’il fuq jirriżulta li, minn naħa, id-dritt ta’ aċċess għal qorti ma huwiex assolut u li, minħabba f’hekk, jista’ jinkludi restrizzjonijiet proporzjonati li jsegwu għan leġittimu u ma jippreġudikawx dan id-dritt fis-sustanza stess tiegħu.

132    Min-naħa l-oħra, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament, għalkemm il-kundizzjoni dwar l-effetti legali vinkolanti għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif iggarantit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan id-dritt ma huwiex intiż li jibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-Artikolu 47, li għandhom, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tagħha. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat fid-dawl tal-imsemmi Artikolu 47 ma tistax twassal biex twarrab din il-kundizzjoni mingħajr ma wieħed jeċċedi l-kompetenzi attribwiti mit-Trattat lill-qrati tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni, C‑593/15 P u C‑594/15 P, EU:C:2017:800, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punti 52 u 53).

133    Minn dan isegwi li l-klassifikazzjoni bħala NIICS SEP ta’ iMessage fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni ma tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ Apple u, għaldaqstant, ma tbiddilx b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

134    Peress li l-motivi kollha fil-Kawża T‑1080/23 ġew miċħuda, ir-rikors ippreżentat fl-imsemmija kawża għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-rikorsi ppreżentati fil-Kawżi T-1079/23 u T-214/24

135    Permezz tar-rikors li hija ppreżentat fil-kuntest tal-Kawża T‑1079/23, Apple titlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq imsemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq, sa fejn din hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li s-servizz iMessage jikkostitwixxi NIICS fis-sens tad-DMA u tal-KEKE.

136    Permezz ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma abbażi tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura fil-Kawża T‑1079/23, il-Kummissjoni tqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. Essenzjalment, hija ssostni, minn naħa, li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq tikkostitwixxi att preparatorju u għalhekk ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat u, min-naħa l-oħra, li, peress li l-imsemmija deċiżjoni ma tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ Apple, hija ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

137    Permezz tar-rikors tagħha fil-Kawża T‑214/24, Apple titlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għeluq tal-investigazzjoni tas-suq imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, sa fejn fiha l-Kummissjoni kkonkludiet li iMessage kien NIICS SEP.

138    Permezz ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma abbażi tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura fil-Kawża T‑214/24, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni ta’ għeluq tal-investigazzjoni tas-suq ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, sa fejn din id-deċiżjoni, li permezz tagħha hija tikkonkludi li Apple ma għandhiex tiġi ddeżinjata bħala gwardjan għan-NIICS SEP iMessage tagħha, ma tbiddilx b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha.

139    F’dawn iż-żewġ kawżi, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat biss kontra miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ Apple, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha.

140    F’dan ir-rigward, id-DMA ma jinkludi ebda obbligu jew regola applikabbli għal servizz ikklassifikat bħala SEP, sakemm dan is-servizz ma jkunx issemma fid-dispożittiv ta’ deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni bħala gateway importanti li jippermetti lill-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi regolament.

141    Minn dan jirriżulta li r-rikorsi għal annullament ta’ Apple kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq u d-deċiżjoni ta’ għeluq tal-investigazzjoni tas-suq għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, peress li l-imsemmija deċiżjonijiet ma jwasslux għal bidla sinjifikattiva tas-sitwazzjoni legali ta’ Apple.

142    Apple ssostni li l-Kummissjoni tqis b’mod żbaljat li l-klassifikazzjoni bħala NIICS fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq u fid-deċiżjoni ta’ għeluq tal-investigazzjoni tas-suq ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-interessi tagħha billi tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. Fil-fatt, permezz ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni siltet konklużjoni legali definittiva li toħloq obbligi taħt id-DMA, li huma ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha.

143    B’mod partikolari, terzi jistgħu jibbażaw ruħhom fuq din il-konstatazzjoni sabiex jitolbu lill-Kummissjoni tinkludi lil iMessage f’deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni. Barra minn hekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-DMA, il-Kummissjoni ma jkollhiex għalfejn tevalwa iktar jekk iMessage fil-futur jikkostitwixxix effettivament NIICS SEP, peress li din il-kundizzjoni tkun issodisfatta.

144    Fl-aħħar nett, jekk Apple ma tkunx tista’ tikkontesta l-imsemmija konstatazzjoni fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq jew fid-deċiżjoni ta’ għeluq tal-investigazzjoni tas-suq, dan iwassal għal ksur tad-dritt tagħha għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti li hija tislet mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-Artikolu 6 tal-KEDB.

145    F’dan il-każ, kif issostni Apple u mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq u d-deċiżjoni ta’ għeluq tal-investigazzjoni tas-suq jirriproduċu l-evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni li tgħid li iMessage għandu jiġi kklassifikat bħala NIICS. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tiftaħ investigazzjoni sabiex teżamina jekk l-elementi prodotti minn Apple jippermettux li jiġu kkontestati l-preżunzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-DMA u, permezz tat-tieni waħda, hija tikkonkludi li Apple ma għandhiex titqies bħala gwardjan għal iMessage.

146    Għaldaqstant, il-konstatazzjoni kontenzjuża li tinsab f’dawn id-deċiżjonijiet ma tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali ta’ Apple, konformement mal-evalwazzjoni magħmula fil-punti 114 sa 133 iktar ’il fuq.

147    Għalhekk għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq u d-deċiżjoni ta’ għeluq tal-investigazzjoni tas-suq, l-istess bħad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni, sa fejn dawn jikklassifikaw lil iMessage bħala NIICS SEP, ma humiex ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ Apple billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha.

148    Għaldaqstant u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq tikkostitwixxix att preparatorju, hemm lok li l-motivi uniċi invokati fil-Kawżi T‑1079/23 u T‑214/24 jiġu ddikjarati inammissibbli u, għaldaqstant, li r-rikorsi fl-imsemmija kawżi jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

149    Fid-dawl ta’ dak kollu premess, ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

150    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

151    Peress li Apple tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni u minn Coalition for App Fairness, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

152    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

153    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, Free Software Foundation għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑1079/23, T‑1080/23 u T‑214/24 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Apple Inc. uApple Distribution International Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawżi T‑1079/23, T‑1080/23 u T‑214/24.

4)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess fil-Kawża T‑1080/23.

5)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess fil-Kawża T‑1080/23.

6)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess fil-Kawża T‑1080/23.

7)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess fil-Kawża T‑214/24.

8)      Apple Inc. għandha tbati l-ispejjeż sostnuti minn Coalition for App Fairness fil-Kawża T‑1080/23.

9)      Free Software Foundation Europe eV għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess fil-Kawża T‑1080/23.

van der Woude

De Baere

Petrlík

Kecsmár

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Lulju 2026.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.