IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.4.2024
COM(2024) 320 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi
{SWD(2024) 320 final}
Werrej
1.
Introduzzjoni
2.
Analiżi tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri
2.1.
Stazzjonar doppju jew f’katina
2.2.
It-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg
2.2.1.
Applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi applikabbli b’mod universali għas-setturi kollha
2.2.2.
Remunerazzjoni
2.2.3.
Elementi ġodda tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-Istat Membru ospitanti
2.3.
Obbligi ta’ informazzjoni
2.4.
Regoli dwar l-istazzjonar fit-tul
2.5.
Trattament ugwali tal-ħaddiema stazzjonati temporanji permezz ta’ aġenzija
2.6.
Allowances għall-istazzjonar
2.7.
Ftehimiet kollettivi
2.8.
Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri
2.9.
Monitoraġġ, kontroll u infurzar
3.
Is-sottokuntrattar u l-istazzjonar tal-ħaddiema.
4.
Stazzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi
5.
Konklużjonijiet ewlenin u azzjonijiet ulterjuri potenzjali
1.Introduzzjoni
Id-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (id-Direttiva) daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Lulju 2018 u bdiet tapplika fit-30 ta’ Lulju 2020. L-Istati Membri kellhom jadottaw u jippubblikaw il-liġi, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva sat-30 ta’ Lulju 2020.
L-emendi introdotti mid-Direttiva għandhom l-għan li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi filwaqt li jipproteġu wkoll id-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati. Dawk l-emendi jinkludu l-bidla fir-referenza għar-“rati minimi ta’ ħlas” b’referenza għar-“remunerazzjoni” tal-ħaddiema stazzjonati; l-istabbiliment ta’ sett estiż ta’ termini u kundizzjonijiet tal-impjieg fl-Istat Membru riċeventi għal stazzjonamenti fit-tul; u l-garanzija lill-ħaddiema stazzjonati temporanji tal-istess termini u kundizzjonijiet bażiċi li japplikaw għall-ħaddiema temporanji lokali mislufa bi ħlas fl-Istat Membru riċeventi.
Dan ir-rapport jirrieżamina l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva (UE) 2018/957 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi, kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tagħha. Dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal li fih analiżi ulterjuri li sservi ta’ bażi għal dan ir-rapport.
.
Kemm dan ir-rapport kif ukoll id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah huma newtrali għas-settur. L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva (UE) 2018/957 jirrikjedi li l-Kummissjoni tinkludi fir-rapport valutazzjoni dwar jekk humiex meħtieġa miżuri ulterjuri biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u jiġu protetti l-ħaddiema dwar l-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq. Din id-dispożizzjoni ġiet inkluża f’każ ta’ nuqqas ta’ adozzjoni tal-leġiżlazzjoni speċifika dwar l-istazzjonar tax-xufiera f’dak is-settur. Peress li d-Direttiva (UE) 2020/1057 ġiet adottata fl-2020, ma għadux meħtieġ li tiġi inkluża valutazzjoni speċifika dwar is-settur tat-trasport bit-triq peress li din se tiġi evalwata fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2020/1057.
Dan ir-rapport u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-ħaddiema stazzjonati fil-ktajjen tas-sottokuntrattar, f’konformità mal-mandat riċevut mill-koleġiżlaturi. Meta wieħed iqis iż-żieda reċenti fl-istazzjonar ta’ ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-espansjoni mistennija tagħha bħala mezz importanti ta’ mobbiltà intra-UE, ir-rapport jiffoka wkoll fuq is-sitwazzjoni tagħhom. Dan ir-rapport jesplora wkoll jekk hijiex meħtieġa xi emenda tad-Direttiva.
Dan ir-rapport, u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah janalizzaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Dawn ma jipprovdux rendikont eżawrjenti tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali kollha u lanqas ma jippreġudikaw kwalunkwe pożizzjoni li l-Kummissjoni tista’ tieħu fi kwalunkwe proċediment legali futur.
L-informazzjoni f’dan ir-rapport u fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah hija bbażata fuq il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva li l-Istati Membri kkomunikaw lill-Kummissjoni, kif meħtieġ skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva. Il-Kummissjoni ġabret ukoll informazzjoni dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva permezz ta’ diversi sorsi, bħan-network ta’ esperti legali MoveS, il-Kumitat ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (l-ECPW) u studju li jappoġġa l-monitoraġġ tad-Direttiva (UE) 2018/957 dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u tad-Direttiva 2014/67/UE dwar l-Infurzar. Il-Kummissjoni ġabret ukoll il-fehmiet tal-Istati Membri u tas-sħab soċjali permezz ta’ kwestjonarju mqassam mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA).
2.Analiżi tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri
2.1.Stazzjonar doppju jew f’katina
Id-Direttiva tindirizza s-sitwazzjoni fejn ħaddiem jiġi ingaġġat minn impriża ta’ impjieg temporanju jew aġenzija ta’ stazzjonament (aġenzija ta’ impjieg temporanju) u jiġi misluf bi ħlas biex iwettaq xogħol għal impriża utenti. Stazzjonar doppju jew f’katina jseħħ metal-impriża utenti tibgħat lill-ħaddiem biex temporanjament iwettaq attivitajiet fi Stat Membru minbarra l-Istat Membru fejn il-ħaddiem normalment jaħdem għall-aġenzija ta’ impjieg temporanju jew għall-impriża utenti lejn Stat Membru ieħor.
Id-Direttiva tiċċara li f’din is-sitwazzjoni l-aġenzija ta’ impjieg temporanju titqies bħala l-impriża li twettaq l-istazzjonar u għalhekk trid tissodisfa l-obbligi rilevanti kollha. Barra minn hekk, l-impriża utenti hija obbligata tinforma lill-aġenzija ta’ impjieg temporanju fi żmien xieraq jekk tkun qed tippjana li tibgħat lill-ħaddiem stazzjonat mill-aġenzija ta’ impjieg temporanju biex iwettaq attivitajiet fi Stat Membru ieħor.
Kważi l-Istati Membri kollha inkludew id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-aġenziji tal-impjiegi temporanji f’sitwazzjoni ta’ stazzjonar doppju jew f’katina fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Xi Stati Membri (l-Ungerija, is-Slovakkja) ma jippermettux lill-impriżi utenti jassenjaw ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija lil impjegatur ieħor. L-Ungerija ma tippermettix stazzjonar doppju jew f’katina meta tkun l-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-aġenzija ta’ impjieg temporanju. Is-Slovakkja tippermetti biss stazzjonar doppju jew f’katina fis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 1(3)(a) (stazzjonar taħt kuntratt ta’ servizzi) u 1(3)(b) (stazzjonar intrakumpanija) tad-Direttiva 96/71/KE.
Maġġoranza kbira tal-Istati Membri jidentifikaw l-aġenziji ta’ impjieg temporanju bħala l-impriża li tagħmel l-istazzjonar, b’mod espliċitu jew impliċitu. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membrijirreferu b’mod espliċitu għall-obbligu tal-impriża utenti li tinforma lill-aġenzija ta’ impjieg temporanju dwar l-istazzjonar doppju jew f’katina. L-Irlanda, il-Kroazja, l-Ungerija u s-Slovenja ma inkludewx dan ir-rekwiżit ta’ għoti ta’ informazzjoni fil-leġiżlazzjoni tagħhom.
Il-perjodu ta’ żmien biex l-impriża utenti tinforma lill-aġenzija ta’ impjieg temporanju dwar is-sitwazzjoni ta’ stazzjonar doppju jew f’katina (kif rifless fil-kunċett “fi żmien debitu” fid-Direttiva) ivarja bejn l-Istati Membri. Xi Stati Membri jirrikjedu li tali informazzjoni tiġi pprovduta qabel il-bidu tax-xogħol, fi żmien raġonevoli qabel l-istazzjonar jew mingħajr dewmien.
2.2.It-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg
Id-Direttiva tintroduċi l-bidliet li ġejjin fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE rigward it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati:
-l-applikazzjoni fis-setturi kollha tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg minn ftehimiet kollettivi jew deċiżjonijiet arbitrali applikabbli b’mod universali jew li japplikaw skont l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71/KE;
-il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” jissostitwixxi l-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas”;
-żewġ elementi ġodda huma miżjuda mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg: il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni tal-ħaddiema, meta din tkun ipprovduta mill-impjegaturi lill-ħaddiema ’l bogħod mill-post tax-xogħol regolari tagħhom, u l-allowances jew ir-rimborż tan-nefqa għall-ħaddiema ’l bogħod mid-dar għal raġunijiet professjonali;
-l-obbligi ta’ informazzjoni huma msaħħa.
2.2.1.Applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi applikabbli b’mod universali għas-setturi kollha
Id-Direttiva testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet kollettivi li ġew iddikjarati applikabbli b’mod universali fi kwalunkwe settur (u mhux biss fis-settur tal-kostruzzjoni). Fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, 18-il Stat Membru japplikaw it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg li jirriżultaw minn ftehimiet kollettivi applikabbli b’mod universali fis-setturi kollha. Disa’ Stati Membri ma għandhomx ftehimiet kollettivi applikabbli b’mod universali iżda japplikaw ftehimiet kollettivi settorjali u/jew ftehimiet kollettivi nazzjonali.
2.2.2.Remunerazzjoni
Id-Direttiva tissostitwixxi l-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” b’ “remunerazzjoni”. Il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” jinkludi iżda jmur lil hinn mill-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas”.
L-Istati Membri jridu għalhekk jiżguraw li l-ħaddiema stazzjonati fit-territorju tagħhom jibbenefikaw minn “remunerazzjoni”, li hija definita bħala l-elementi kollha tar-remunerazzjoni magħmula obbligatorji mil-liġi nazzjonali jew minn ftehimiet kollettivi li ġew iddikjarati applikabbli b’mod universali jew li japplikaw skont l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71/KE.
Kważi l-Istati Membri kollha inkludew id-dispożizzjoni dwar ir-remunerazzjoni stabbilita mid-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Xi Stati Membri għażlu dik li tista’ titqies bħala definizzjoni ġenerali jew wiesgħa ta’ remunerazzjoni, filwaqt li Stati Membri oħra jenumeraw l-elementi obbligatorji tar-remunerazzjoni. Żewġ Stati Membri (l-Irlanda u l-Portugall) ma ssostitwewx il-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” b’ “remunerazzjoni”.
F’termini ġenerali, il-maġġoranza tal-Istati Membri jqisu li l-bidla minn “rati minimi ta’ ħlas” għal “remunerazzjoni” tejbet id-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li s-sħab soċjali u b’mod partikolari l-impjegaturi jindikaw xi diffikultajiet fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati bl-elementi obbligatorji kollha tagħha. Dawn id-diffikultajiet huma prinċipalment relatati mal-kumplessità tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni fil-prattika, pereżempju rigward il-ftehimiet kollettivi (b’mod partikolari r-remunerazzjoni u l-elementi obbligatorji tagħha). L-impjegaturi jsibuha diffiċli biex jifhmu liema huma l-elementi obbligatorji ta’ remunerazzjoni li għandhom iqisu.
2.2.3.Elementi ġodda tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-Istat Membru ospitanti
Id-Direttiva żżid żewġ elementi ġodda mal-lista tat-termini u l-kundizzjonijiet ewlenin tal-impjieg tal-Istat Membru riċeventi li għandhom jingħataw lil ħaddiem stazzjonat f’dak l-Istat Membru: il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni tal-ħaddiema, meta pprovduta mill-impjegatur lill-ħaddiema lil hinn mill-post tax-xogħol regolari tagħhom; u l-allowances jew ir-rimborż tan-nefqa biex ikopru l-ivvjaġġar, l-ikel u l-alloġġ għall-ħaddiema ’l bogħod mid-dar għal raġunijiet professjonali.
Fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, id-dispożizzjonijiet applikabbli dwar dawn iż-żewġ elementi ta’ hawn fuq ivarjaw bejn l-Istati Membri, kif spjegat hawn taħt. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-ħaddiema stazzjonati sa fejn dawn jeżistu għall-ħaddiema nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti.
Tnax-il Stat Membru ma jistipulawx fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni meta l-ħaddiema jkunu ’l bogħod mill-post tax-xogħol regolari tagħhom. Madankollu, tali kundizzjonijiet jistgħu jkunu inklużi fi ftehimiet kollettivi jew f’kuntratti individwali ta’ impjieg, kif previst mill-ftehimiet kollettivi applikabbli, u jkopru ħaddiema stazzjonati (ħaddiema stazzjonati temporanji permezz ta’ aġenzija fil-każ tal-Polonja), ħlief fil-Belġju u fl-Irlanda.
Barra minn hekk, 18-il Stat Membru jinkludu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rimborż jew il-kumpens tan-nefqa relatata mal-ivvjaġġar, l-ikel u l-alloġġ għall-ħaddiema ’l bogħod mid-dar għal raġunijiet professjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli wkoll għall-ħaddiema stazzjonati. Is-Slovenja ma għandhiex dispożizzjonijiet speċifiċi biex tkopri r-rimborż tal-ispejjeż għall-ivvjaġġar, l-ikel u l-alloġġ għall-ħaddiema stazzjonati barra mid-dar għal raġunijiet professjonali.
Il-Kummissjoni tinnota li hemm xi tħassib relatat ma’ kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni inferjuri li jistgħu jaffettwaw lill-ħaddiema stazzjonati.
2.3.Obbligi ta’ informazzjoni
Id-Direttiva tipprovdi li l-Istati Membri jridu (mingħajr dewmien żejjed u b’mod trasparenti) jippubblikaw l-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE, inklużi l-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati fit-tul. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta fuq is-sit web nazzjonali uffiċjali uniku tkun preċiża u aġġornata.
Jekk din l-informazzjoni ma tindikax liema termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg għandhom jiġu applikati, dan se jitqies meta jiġu ddeterminati l-penali, skont il-liġi nazzjonali u/jew il-prattika, fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva, sa fejn hu meħtieġ biex tiġi żgurata l-proporzjonalità tagħhom.
L-Istati Membri stabbilixxew siti web nazzjonali dwar l-istazzjonar sabiex jikkonformaw mal-obbligi ta’ informazzjoni msaħħa tad-Direttiva.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri adattaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex jistabbilixxu l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet jekk l-informazzjoni pprovduta fuq dawk is-siti web nazzjonali ma tkunx tindika liema termini u kundizzjonijiet tal-impjieg għandhom jiġu applikati.
L-Irlanda, Spanja, Franza, Ċipru, is-Slovenja u s-Slovakkja ma għandhomx speċifikament tali proporzjonalità tas-sanzjonijiet. Madankollu, f’xi wħud minn dawn l-Istati Membri, il-proporzjonalità tiġi applikata fil-prattika permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi tax-xogħol (Franza) jew mill-ispetturi tax-xogħol (is-Slovakkja).
Il-Kummissjoni tinnota nuqqasijiet fil-kontenut tal-informazzjoni ppubblikata mill-Istati Membri, bħal diffikultajiet biex tinstab informazzjoni dwar il-ftehimiet kollettivi u informazzjoni mhux kompluta jew skaduta fuq siti web nazzjonali. Madankollu, huwa kruċjali għall-impjegaturi li l-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg (b’mod partikolari r-remunerazzjoni u l-elementi obbligatorji kollha tagħha) applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati (inkluż dwar il-ftehimiet kollettivi u dwar is-sitwazzjonijiet ta’ stazzjonar fit-tul) tkun kompluta u aġġornata.
Id-Direttiva (UE) 2019/1152 dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli introduċiet rekwiżiti ġodda ta’ informazzjoni għall-impjegaturi biex jiġi żgurat li l-ħaddiema stazzjonati jkunu infurmati kif xieraq dwar il-kundizzjonijiet ewlenin tax-xogħol u tal-impjieg tal-inkarigu tax-xogħol tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. L-informazzjoni fuq is-siti web nazzjonali hija disponibbli permezz tas-“sit web Your Europe”.
2.4.Regoli dwar l-istazzjonar fit-tul
Id-Direttiva tintroduċi regoli ġodda li jindirizzaw l-istazzjonar fit-tul, fejn it-tul effettiv tal-istazzjonar jaqbeż it-12-il xahar, jew it-18-il xahar jekk l-impriża tippreżenta notifika motivata. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli kollha tal-impjieg tal-Istat Membru ospitanti, li huma stabbiliti bil-liġi jew bi ftehim kollettiv skont it-tifsira tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71/KE iridu jiġu ggarantiti, b’żewġ eċċezzjonijiet.
Kważi l-Istati Membri kollha jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati fit-tul it-termini u l-kundizzjonijiet addizzjonali kollha tal-impjieg applikabbli bil-liġi u/jew bi ftehimiet kollettivi jew deċiżjonijiet arbitrali li ġew iddikjarati applikabbli b’mod universali. Fl-Irlanda, l-istess termini u kundizzjonijiet japplikaw għal ħaddiem stazzjonat irrispettivament mit-tul ta’ żmien tal-istazzjonar. Barra minn hekk, l-Istati Membri l-oħra kollha jirrikjedu li kumpanija tissottometti notifika motivata biex testendi perjodu ta’ stazzjonar fit-tul minn 12-il xahar għal 18-il xahar.
Il-Kummissjoni tinnota li kemm l-ispeċifikazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet addizzjonali tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati f’sitwazzjonijiet ta’ stazzjonar fit-tul; u l-perjodu ta’ żmien għas-sottomissjoni tan-notifika motivata jvarjaw bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li huwa meħtieġ li jiġi żgurat li s-siti web nazzjonali jinkludu informazzjoni dwar stazzjonamenti fit-tul, li mhux dejjem kien il-każ sa issa. L-impjegaturi jistgħu jifhmu b’mod xieraq it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli tal-impjieg biss permezz ta’ informazzjoni kompluta.
2.5.Trattament ugwali tal-ħaddiema stazzjonati temporanji permezz ta’ aġenzija
Id-Direttiva tipprovdi li l-ħaddiema stazzjonati temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija bħall-ħaddiema mislufa bi ħlas minn aġenziji ta’ impjieg temporanju stabbiliti fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol.
Kważi l-Istati Membri kollha (minbarra l-Irlanda u s-Slovenja) ippromulgaw obbligu li jiggarantixxi lill-ħaddiema stazzjonati t-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg li japplikaw skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE.
Fl-Estonja, l-obbligu tal-impriża utenti li tinforma lill-aġenzija ta’ impjieg temporanju bit-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg li japplikaw għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija japplika biss għall-istazzjonar fit-tul u l-istazzjonar f’katina, filwaqt li Malta timponi dak l-obbligu ta’ informazzjoni biss għal perjodi ta’ stazzjonar li jaqbżu l-4 ġimgħat konsekuttivi. L-Iżvezja timponi dan l-obbligu biss meta l-aġenzija ta’ impjieg temporanju titlob dan. Il-Kroazja teħtieġ li l-aġenzija ta’ impjieg temporanju tikkonferma bil-miktub li ġiet infurmata bit-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg.
Il-Kummissjoni tinnota wkoll xi tħassib serju li l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva relatati mal-ħaddiema stazzjonati temporanji permezz ta’ aġenzija tista’ tirriżulta f’sitwazzjonijiet fejn kundizzjonijiet inqas favorevoli jistgħu jiġu applikati għal tali ħaddiema. Dan jista’ jkun minħabba intenzjoni reali biex jiġu evitati r-regoli, iżda jista’ jirriżulta wkoll minn għarfien limitat min-naħa tal-aġenziji tal-impjiegi temporanji u l-impriża/i utenti tar-regoli rilevanti li japplikaw fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-ftehimiet kollettivi. L-impjegaturi rrapportaw li l-kumplessità tas-sistema legali li tirregola x-xogħol temporanju transfruntier (eż. l-istazzjonar) tista’ twassal għal nonkonformità mhux intenzjonata, b’mod partikolari mill-kumpaniji iżgħar. Għaldaqstant hi meħtieġa informazzjoni legali li tkun aċċessibbli u tinftiehem faċilment.
2.6.Allowances għall-istazzjonar
Ħafna Stati Membri jispeċifikaw liema partijiet mill-allowances għall-istazzjonar jitħallsu bħala rimborż tan-nefqa effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonar, u liema huma parti mir-remunerazzjoni.
Skont id-Direttiva, fejn it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għar-relazzjoni tal-impjieg ma jiddeterminawx jekk u, jekk iva, liema elementi tal-allowance għall-istazzjonar jitħallsu bħala rimborż tal-ispejjeż imġarrba realment minħabba l-istazzjonar, l-allowance kollha titqies li titħallas bħala rimborż tal-ispejjeż. Maġġoranza kbira tal-Istati Membri inkludew din ir-regola fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
Il-Kummissjoni tinnota li xi Stati Membri ma inkludewx fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dispożizzjoni speċifika li l-allowances tal-istazzjonar huma parti mir-remunerazzjoni sakemm ma jitħallsux bħala rimborż tan-nefqa effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonar. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ xi Stati Membri ma tinkludix jew ma tispeċifikax b’mod ċar li r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-ikel u tal-alloġġ għall-ħaddiem stazzjonat isir skont il-liġi nazzjonali u/jew il-prattika tal-Istat Membru domiċiljari.
2.7.Ftehimiet kollettivi
Id-Direttiva testendi l-għażla li jiġu applikati ftehimiet kollettivi għall-ħaddiema stazzjonati li ma jsirux applikabbli b’mod universali fl-Istati Membri li diġà għandhom sistema ta’ dikjarazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi applikabbli b’mod universali. Mit-18-il Stat Membru li japplikaw ftehimiet kollettivi applikabbli b’mod universali, mill-inqas erba’ Stati Membri użaw l-għażla pprovduta mid-Direttiva biex japplikaw ukoll għall-ftehimiet kollettivi tal-ħaddiema stazzjonati li ma humiex applikabbli b’mod universali.
2.8.Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri
Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti biex jimmonitorjaw it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE. L-Istati Membri kollha inkludew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-korpi nazzjonali kompetenti tagħhom.
2.9.Monitoraġġ, kontroll u infurzar
Id-Direttiva tirrikjedi, fost l-oħrajn, li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli effettivi, proporzjonati u dissważivi dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva. Fl-Istati Membri kollha (ħlief l-Irlanda) il-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva huwa sanzjonat b’multi amministrattivi. Sitt Stati Membri japplikaw multi kriminali. Il-Kummissjoni tinnota li l-penali jvarjaw bejn l-Istati Membri. Pereżempju, il-multi massimi jvarjaw minn EUR 1 100 fil-Latvja għal EUR 400 000 fl-Awstrija u EUR 500 000 fil-Ġermanja.
3.Is-sottokuntrattar u l-istazzjonar tal-ħaddiema.
L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tinkludi fl-analiżi tagħha tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva valutazzjoni dwar jekk humiex meħtieġa miżuri ulterjuri biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u jiġu protetti l-ħaddiema fil-każ ta’ sottokuntrattar.
Fir-rigward tas-sottokuntrattar, l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-Infurzar jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ responsabbiltà. Skont dan il-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà, kuntrattur li l-impjegatur ikun sottokuntrattur dirett għalih, flimkien ma’ jew minflok l-impjegatur, jista’ jinżamm responsabbli minn ħaddiem stazzjonat fir-rigward ta’ kwalunkwe remunerazzjoni netta pendenti jew kontribuzzjonijiet għal fondi komuni jew istituzzjonijiet ta’ sħab soċjali sa fejn dawn huma koperti mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE.
L-Istati Membri huma meħtieġa jintroduċu tali responsabbiltà tas-sottokuntrattar fuq bażi mhux diskriminatorja u proporzjonata fis-settur tal-kostruzzjoni u jistgħu jipprovdu dan ukoll f’setturi oħra. Jistgħu jintroduċu wkoll regoli ta’ responsabbiltà aktar stretti f’termini tal-kamp ta’ applikazzjoni (pereżempju, ikopru aktar kumpaniji involuti fil-katina tas-sottokuntrattar, aktar milli l-kuntrattur dirett biss) u l-firxa (pereżempju, ikopru aktar kundizzjonijiet tax-xogħol skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE) fuq bażi mhux diskriminatorja u proporzjonata. L-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll miżuri oħra ta’ infurzar minflok dawn ir-regoli ta’ responsabbiltà dment li dawn ikunu ġustifikati u proporzjonati f’konformità mad-dritt tal-UE.
Meta wieħed iqis dan il-qafas legali kif ukoll l-informazzjoni miġbura u analizzata fil-kuntest ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni tinnota li waħda mill-isfidi ewlenin, li tista’ taffettwa d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati, kif ukoll il-kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji, hija l-ktajjen twal sottokuntrattwali. F’dawk il-ktajjen twal sottokuntrattwali, in-nuqqas ta’ trasparenza u responsabbiltà jista’ jagħmel l-infurzar tar-regoli applikabbli diffiċli ħafna minħabba l-problemi fl-identifikazzjoni tal-kumpanija responsabbli. Ir-responsabbiltà diretta u l-obbligazzjoni tal-kuntrattur jistgħu għalhekk jitnaqqsu b’mod konsiderevoli. Dan jista’ jaffettwa wkoll l-irkupru tal-pagi mhux imħallsa.
Il-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà previst fid-Direttiva dwar l-Infurzar jippermetti lill-Istati Membri jkopru ktajjen itwal. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri llimitaw din ir-responsabbiltà għall-kuntrattur dirett u ma estendewhiex għal partijiet oħra fil-katina sottokuntrattwali. Għaxar Stati Membri introduċew katina sħiħa ta’ responsabbiltà (jiġifieri responsabbiltà sottokuntrattwali li mhijiex limitata għal ħolqa waħda ’l fuq fil-katina). Erba’ Stati Membri (il-Belġju, Spanja, Franza u l-Italja) introduċew ukoll miżuri ulterjuri, bħal limitu massimu fuq l-għadd ta’ livelli sottokuntrattwali fil-ktajjen sottokuntrattwali.
Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi tista’ tipprovdi protezzjoni differenti għall-ħaddiema stazzjonati fil-ktajjen sottokuntrattwali u tista’ tintuża biex jitħallsu dawn il-ħaddiema skont ftehimiet inqas favorevoli
.
Fir-rigward tal-isfidi identifikati, l-adozzjoni ta’ prattiki tajbin tgħin lill-Istati Membri u/jew lis-sħab soċjali jżidu t-trasparenza u r-responsabbiltà fil-ktajjen sottokuntrattwali. Dawn il-prattiki tajbin jinkludu l-limitazzjoni tal-għadd ta’ livelli fil-ktajjen sottokuntrattwali u/jew l-estensjoni tar-responsabbiltà tas-sottokuntrattar għall-katina sħiħa; u t-tisħiħ fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jiġu ffaċilitati l-ispezzjonijiet u jiġu indirizzati l-prattiki abbużivi.
Għal dak l-għan u bħala segwitu għal dan ir-rapport, il-Kummissjoni tista’, bl-appoġġ tal-ELA, tikkunsidra l-immappjar tas-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri fir-rigward tal-kopertura tar-responsabbiltà sottokuntrattwali (jiġifieri, is-setturi, il-livelli u l-kundizzjonijiet tax-xogħol koperti). Dan jista’ jinkludi l-għoti ta’ gwida dwar l-applikazzjoni ta’ regoli aktar stretti fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-ambitu tar-responsabbiltà sottokuntrattwali (jiġifieri, l-impożizzjoni ta’ katina sħiħa ta’ responsabbiltà jew l-estensjoni tar-responsabbiltà għal termini u kundizzjonijiet oħra tal-impjieg), fuq bażi proporzjonata u mhux diskriminatorja. Il-Kummissjoni bħalissa ma tarax il-ħtieġa li temenda d-Direttiva dwar is-sottokuntrattar b’mod speċifiku.
4.Stazzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi
Din it-taqsima u t-taqsima relatata tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha jippreżentaw l-isfidi ewlenin li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-istazzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif ukoll xi prattiki tajbin biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi. Ma tipprovdix rendikont tal-qafas legali applikabbli għad-dħul u s-soġġorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi Stat Membru ospitanti.
Id-Direttivi dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema japplikaw bl-istess mod għall-ħaddiema stazzjonati li huma ċittadini tal-UE u għall-ħaddiema stazzjonati li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma impjegati regolarment u abitwalment minn fornitur ta’ servizz stabbilit fi Stat Membru jistgħu jiġu stazzjonati fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkunu soġġetti fl-Istat Membru l-ieħor għal formalitajiet amministrattivi mhux dovuti bħall-obbligu li jinkiseb permess tax-xogħol.
Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-istess regoli ġenerali dwar l-istazzjonar, li jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti, japplikaw għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi stazzjonati. Tliet Stati Membri introduċew dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-istazzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas legali nazzjonali tagħhom. Il-Kroazja u n-Netherlands jiddikjaraw b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni tagħhom li persuna impjegata legalment fi Stat Membru fejn l-impjegatur tagħha jkun stabbilit ma teħtieġx permess tax-xogħol. Bl-istess mod, il-Liġi tax-Xogħol Latvjana tirrikjedi li impjegatur jiddikjara li ħaddiem huwa impjegat legalment fl-Istat Membru li qed jibgħat.
Il-Kummissjoni tinnota li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi stazzjonati huma ġeneralment aktar esposti għal prattiki abbużivi, bħal stazzjonar frodulenti, ksur tad-drittijiet tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, pagament irregolari u nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi stazzjonati x’aktarx jaċċettaw ukoll remunerazzjoni inqas minn dak li għandu jitħallas. Ir-riskji relatati mal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol prekarji jidhru wkoll li huma ogħla għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi stazzjonati .
Barra minn hekk, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi stazzjonati huma aktar vulnerabbli mill-ħaddiema stazzjonati fl-UE minħabba d-dipendenza potenzjali tagħhom fuq l-impjegatur tagħhom għat-tiġdid tal-permessi tax-xogħol u/jew ta’ residenza. Ħafna drabi ma jkunux konxji tad-drittijiet tagħhom u jiffaċċjaw ostakli lingwistiċi.
Għadd ta’ miżuri jistgħu jindirizzaw is-sitwazzjonijiet identifikati, bħall-għoti ta’ aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tax-xogħol iffukati fuq il-ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi stazzjonati; it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transnazzjonali bejn il-korpi tal-infurzar u l-awtoritajiet tal-migrazzjoni; u t-tisħiħ tal-infurzar tar-regoli dwar l-istazzjonar f’setturi speċifiċi b’għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi stazzjonati.
5.Konklużjonijiet ewlenin u azzjonijiet ulterjuri potenzjali
It-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri kollha tejbet il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema stazzjonati, speċjalment fir-rigward tar-remunerazzjoni tagħhom, it-trattament ugwali tal-ħaddiema stazzjonati temporanji permezz ta’ aġenzija u r-rimborż tan-nefqa mġarrba minħabba l-istazzjonar (eż., in-nefqa fuq l-ivvjaġġar, l-ikel u l-alloġġ).
Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tikkonforma b’mod sostanzjali mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Madankollu, il-Kummissjoni identifikat diversi kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva li jistgħu jkunu soġġetti għal aktar azzjonijiet. Dawn il-kwistjonijiet jikkonċernaw diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva, bħall-istazzjonar doppju jew f’katina, ir-remunerazzjoni, iż-żewġ elementi ġodda tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-Istat Membru ospitanti, l-istazzjonar fit-tul, it-trattament ugwali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, l-allowances għall-istazzjonar jew il-monitoraġġ, il-kontroll u l-infurzar. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li d-Direttiva tiġi trasposta u applikata b’mod korrett.
Il-Kummissjoni tinnota xi diffikultajiet fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati bl-elementi obbligatorji kollha tagħha. F’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u s-sħab soċjali, l-ELA tista’ taħdem fuq għodda biex tiffaċilita l-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema stazzjonati u żżid it-trasparenza tagħha. Tali għodda, li għaliha l-elementi ġenerali jistgħu jiġu stabbiliti mill-ELA, tintuża u tiġi implimentata fil-livell nazzjonali.
Il-Kummissjoni tinnota wkoll xi tħassib relatat mal-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni li jistgħu jaffettwaw lill-ħaddiema stazzjonati. L-awtoritajiet ta’ spezzjoni nazzjonali u s-sħab soċjali (partikolarment it-trade unions) jistgħu, flimkien mal-ELA, jiżviluppaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati biex jindirizzaw kwistjonijiet bħall-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni li ma jilħqux l-istandard li jistgħu jaffettwaw lill-ħaddiema stazzjonati, inkluża informazzjoni aktar speċifika dwar id-dritt tal-ħaddiema stazzjonati għall-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni fl-Istati Membri ospitanti (fejn ipprovduta lill-ħaddiema nazzjonali) u sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ rispett ta’ dak id-dritt.
Huwa kruċjali wkoll li l-impjegaturi u l-ħaddiema jkollhom aċċess għal informazzjoni kompluta u aġġornata dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg (b’mod partikolari r-remunerazzjoni u l-elementi obbligatorji kollha tagħha) applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati (inkluż dwar il-ftehimiet kollettivi u dwar l-istazzjonar fit-tul). L-ELA tista’ għalhekk tkompli u ssaħħaħ il-ħidma tagħha mal-Istati Membri biex tagħmel tali informazzjoni aktar trasparenti, komprensiva, aġġornata u faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema stazzjonati u għall-fornituri tas-servizzi.
Il-Kummissjoni identifikat tħassib serju fir-rigward tal-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għall-ħaddiema stazzjonati temporanji permezz ta’ aġenzija. L-ELA tista’ tindirizza dak it-tħassib, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, permezz ta’ kooperazzjoni transfruntiera aktar effettiva u estensiva u sforzi ta’ infurzar immirati lejn ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija. Is-sħab soċjali jistgħu jikkunsidraw ukoll li jappoġġaw il-ħidma tal-ispettorati tax-xogħol. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jwettqu rieżamijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-implimentazzjoni tagħha fil-livell nazzjonali; u/jew jistabbilixxu, bl-appoġġ tal-ELA, servizzi ta’ assistenza għall-aġenziji ta’ impjieg temporanju u impriżi utenti dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-istazzjonar.
Il-Kummissjoni tinnota li xi Stati Membri ma inkludewx xi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-allowances għall-istazzjonar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. F’dan il-kuntest, kif ukoll fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha fi djalogu mal-Istati Membri sabiex tiżgura traspożizzjoni f’konformità mad-Direttiva. Barra minn hekk, l-ELA tista’ tiffaċilita t-trasparenza tal-informazzjoni dwar l-allowances għall-istazzjonar u r-rimborż tal-ispejjeż relatati mal-istazzjonar fl-Istati Membri.
Fir-rigward tas-sottokuntrattar, il-limitazzjoni tal-għadd ta’ livelli fil-ktajjen sottokuntrattwali u/jew l-estensjoni tar-responsabbiltà sottokuntrattwali għall-katina sħiħa jistgħu jgħinu lill-Istati Membri (bħala l-atturi responsabbli ewlenin għall-infurzar tar-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema) u fejn applikabbli s-sħab soċjali, biex iżidu t-trasparenza u r-responsabbiltà fil-ktajjen sottokuntrattwali, fuq bażi proporzjonata u nondiskriminatorja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’, bl-appoġġ tal-ELA, tikkunsidra l-immappjar tas-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri rigward il-kopertura tar-responsabbiltà sottokuntrattwali (inkluż l-għoti ta’ gwida dwar l-applikazzjoni ta’ regoli aktar stretti fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-responsabbiltà sottokuntrattwali).
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ħaddiema stazzjonati ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-ELA jista’ jkollha rwol ewlieni fl-iffaċilitar tal-aċċess għall-informazzjoni u fl-appoġġ lill-Istati Membri billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni transnazzjonali bejn il-korpi nazzjonali tal-infurzar.
Meta jitqiesu l-konklużjonijiet ewlenin u l-azzjonijiet ulterjuri ppreżentati hawn fuq, il-Kummissjoni ma tara l-ebda ħtieġa li tipproponi emendi ta’ din id-Direttiva jew tad-Direttiva 96/71/KE f’dan l-istadju.
Flimkien ma’ u mingħajr preġudizzju għar-rwol usa’ tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li d-Direttiva tiġi trasposta u applikata b’mod korrett.
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll mal-Istati Membri, bl-appoġġ tal-ELA, fuq l-infurzar tar-regoli dwar l-istazzjonar.