|
5.11.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 288/17 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/71/UE
tal-4 ta’ Novembru 2010
li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex il-metoflutrin ikun inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fit-23 ta' Diċembru 2005, ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni minn Sumitomo Chemical (UK) Plc, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 98/8/KE, għall-inklużjoni tas-sustanza attiva metoflutrin fl-Anness I tagħha għall-użu fi prodott tat-tip 18, insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra, kif iddefinit fl-Anness V għad-Direttiva 98/8/KE. Il-metoflutrin fid-data msemmija fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 98/8/KE ma kienx fis-suq bħala sustanza attiva ta' prodott bijoċidali. |
|
(2) |
Wara li wettaq evalwazzjoni, fid-19 ta' Ġunju 2008, ir-Renju Unit ressaq ir-rapport ta' evalwazzjoni tiegħu, flimkien ma' rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni. |
|
(3) |
Ir-rapport ġie analizzat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fis-27 ta' Mejju 2010, u s-sejbiet tal-analiżi ġew inkorporati f'rapport ta' valutazzjoni. |
|
(4) |
Mill-eżamijiet li saru, jidher li l-prodotti bijoċidali użati bħala insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra u li fihom il-metoflutrin jistgħu jiġu preżunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Għalhekk huwa xieraq li l-metoflutrin jiġi inkluż fl-Anness I għal dik id-Direttiva. |
|
(5) |
Ma ġewx evalwati l-użi potenzjali kollha fil-livell Ewropew. Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri jivvalutaw dawk ix-xenarji ta' użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-kompartimenti u l-popolazzjonijiet li għadhom ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji li saret fil-livell Ewropew, u li, meta jkunu qed jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodott, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ir-riskji identifikati jittaffew għal livelli aċċettabbli. |
|
(6) |
Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu applikati b’mod simultanju fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-prodotti bijoċidali fis-suq li fihom is-sustanza attiva metoflutrin u biex jiffaċilitaw l-operat kif suppost tas-suq ġenerali tal-prodotti bijoċidali. |
|
(7) |
Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. |
|
(8) |
Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan. |
|
(9) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2011.
Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Mejju 2011.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
ANNESS
Fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE, għandha tiżdied l-entrata li ġejja għas-sustanza metoflutrin:
|
Nru |
Isem Komuni |
Isem tal-IUPAC Numri ta’ Identifikazzjoni |
Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqiegħed fis-suq |
Data tal-inklużjoni |
Skadenza sa meta għandu jkun hemm konformità mal-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li jkun fihom aktar minn sustanza attiva waħda, li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjonijiet minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom) |
Data ta’ skadenza tal-inklużjoni |
Tip ta’ prodott |
Dispożizzjonijiet speċifiċi (*1) |
||||||||
|
“36 |
Metoflutrin |
|
Is-sustanza attiva għandha tkun konformi maż-żewġ puritajiet minimi li ġejjin:
|
1 ta' Mejju 2011 |
Mhux applikabbli |
30 ta' April 2021 |
18 |
Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodott tkun qed tiġi vvalutata, skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw, meta rilevanti għall-prodott partikolari, dawk ix-xenarji ta’ użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-kompartimenti jew popolazzjonijiet li ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji fil-livell Ewropew.” |
(*1) Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm