KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit-3 ta’ Marzu 2015 ( 1 )
Kawża C‑681/13
Diageo Brands BV
vs
Simiramida-04 EOOD
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Raġunijiet għal rifjut — Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba — Ordni pubbliku tal-Unjoni — Sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks — Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali — Direttiva 2004/48/KE — Spejjeż legali”
I – Introduzzjoni
|
1. |
F’din il-kawża, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) ressqet diversi talbiet għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li prinċiparjament jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ), li jipprovdi li sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l‑ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba. B’mod iktar preċiż, dan jirrigwarda l-punt dwar jekk il-fatt li sentenza mogħtija fl-Istat tal-oriġini tmur kontra d-dritt tal‑Unjoni jiġġustifikax li din is-sentenza ma tiġix irrikonoxxuta fl-Istat fejn issir it-talba, għar-raġuni li hija tikser l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat. Din il‑kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiżviluppa l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Istat fejn issir it-talba, li fl‑aħħar lok kienu fformulati fis-sentenza Apostolides ( 3 ), sabiex tevalwa jekk jeżistix ksur manifest tal-ordni pubbliku tiegħu, meta dan il-ksur jirriżulta mill-ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Ir-Regolament Nru 44/2001
|
2. |
Il-premessi 6, 16 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001 huma fformulati kif ġej:
[...]
|
|
3. |
L-Artikoli 33(1), 34(1) u (2) u 36 tar-Regolament Nru 44/2001 jinsabu fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”. |
|
4. |
L-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament huwa kif ġej: “Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali”. |
|
5. |
L-Artikolu 34(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi li: “Deċiżjoni m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk:
|
|
6. |
Skond l-Artikolu 36 tal-istess regolament: “Sentenza barranija taħt l-ebda ċirkostanzi ma tista’ tiġi reveduta fuq is‑sustanza tagħha”. |
B – Id-Direttiva 2004/48/KE
|
7. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48/KE ( 4 ) jipprovdi li din id‑direttiva tirrigwarda “il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” filwaqt li tippreċiża li dan it-terminu jinkludi “id-drittijiet tal-proprjetà industrijali”. |
|
8. |
L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jindika li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji li hija tipprovdi japplikaw “għal kull kontravvenzjoni tad‑drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat”. |
|
9. |
Skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li l-Istati Membri għandhom jieħdu għandhom ikunu “effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom”. |
|
10. |
F’din il-perspettiva, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/48 jimponi lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jkunu jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, “jordnaw miżuri proviżorji immedjati u effettivi biex tiġi ippreservata l-evidenza rilevanti, fir‑rigward tal-kontravvenzjoni allegata”. L-istess dispożizzjoni tippreċiża li dawn il-miżuri jistgħu jinkludu “il-qabda fiżika [is-sekwestru fiżiku] ta’ l-oġġetti li biha saret il-kontravvenzjoni”. Bl-istess mod l-Artikolu 9 ta’ din id‑direttiva, intitolat “Il-miżuri proviżorji u prekawzjonarji”, jimponi lill-Istati Membri, fil-paragrafu 1(b), li jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu, fuq talba tar-rikorrent “jordnaw il-qabda [is-sekwestru] jew il-konsenja ta’ l-oġġetti suspettati li jikkontravjenu id-dritt tal-proprjetà intellettwali”. L-Artikoli 7(4) u 9(7) tal-istess direttiva jipprovdu li “fejn sussegwentement jinstab li ma kienx hemm l-ebda kontravvenzjoni jew theddida ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali”, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom is-setgħa “li jordnaw l-applikant, fuq talba tad-difiża, li jipprovdu lid-difiża kumpens għal ħsara kkawżata b’dawk il-miżuri”. |
|
11. |
Fir-rigward tal-ispejjeż legali, l-Artikolu 14 tal-istess direttiva jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità”. |
III – Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
12. |
Diageo Brands BV (iktar ’il quddiem “Diageo Brands”), li s-sede tagħha tinsab f’Amsterdam (il-Pajjiżi l‑Baxxi), hija proprjetarja, fost oħrajn, tat-trade mark “Johnny Walker”. Hija tikkummerċjalizza whisky ta’ din it-trade mark fil-Bulgarija permezz ta’ importatur lokali esklużiv. |
|
13. |
Simiramida‑04 EOOD (iktar ’il quddiem “Simiramida”_, stabbilita f’Varna (il-Bulgarija), tikkummerċjalizza xorb alkoħoliku. |
|
14. |
Fil-31 ta’ Diċembru 2007, kontejner ta’ 12096 flixkun tal-whisky tat-trade mark “Johnny Walker”, intiż għal Simiramida, wasal fil-port ta’ Varna (il-Bulgarija) minn Georġja. Peress li l‑importazzjoni fil-Bulgarija ta’ dan il-lott flixken mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha jikkostitwixxi ksur tat-trade mark li tagħha hija proprjetarja, Diageo Brands talbet u kisbet, fit-12 ta’ Marzu 2008, l-awtorizzazzjoni ta’ Sofiyski gradski sad (Qorti tal-belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) għall-qbid tal-lott tal-whisky inkwistjoni. |
|
15. |
Fid-9 ta’ Mejju 2008, fuq appell ta’ Simiramida, is-Sofiyski apelativen sad (Qorti tal-Appell ta’ Sofia) annullat id-digriet ta’ sekwestru tat‑12 ta’ Marzu 2008. |
|
16. |
Permezz ta’ sentenzi tat-30 ta’ Diċembru 2008 u tal-24 ta’ Marzu 2009, il-Varhoven kasatsionen sad (Qorti Suprema ta’ kassazzjoni) ċaħdet l-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn Diageo Brands minħabba raġunijiet proċedurali. |
|
17. |
Fid-9 ta’ April 2009, is-sekwestru tal-lott tal-whisky fejn issir it-talba minn Diageo Brands ġie rtirat. |
|
18. |
Fil-proċedura dwar il-mertu magħmula minn Diageo Brands kontra Simiramida minħabba ksur tat-trade mark, is-Sofiyski gradski sad, permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Jannar 2010 ċaħdet it-talbiet ta’ Diageo Brands. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-Sofiyski gradski sad, mingħajr ma eżaminat iċ-ċirkustanzi tal-kawża, iddeċidiet li minn sentenza interpretattiva, mogħtija mill-Varhoven kasatsionen sad fil-15 ta’ Ġunju 2009, jirriżulta li l-importazzjoni fil-Bulgarija ta’ prodotti mqiegħda fis-suq lil hinn miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) bil-kunsens tal-proprjetarja tat-trade mark ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Is-Sofiyski gradski sad ikkunsidrat li, skont id-dritt ġudizzjarju Bulgaru, hija kienet marbuta b’din id-deċiżjoni interpretattiva. |
|
19. |
Diageo Brands ma appellatx minn din is-sentenza tas-Sofiydki gradski sad tal-11 ta’ Jannar 2010, li saret res judicata. |
|
20. |
Fil-kawża prinċipali, Simiramida titlob quddiem il-qrati Olandiżi l-ħlas ta’ somma ta’ iktar minn EUR 10 miljuni bħala kumpens għad-dannu li hija sofriet minħabba is-sekwestru eżegwit fuq it-talba ta’ Diageo Brands. Simiramida tibbaża t-talba tagħha fuq is-sentenza mogħtija fil‑11 ta’ Jannar 2010 mis-Sofiyski gradski sad, peress li din ikkonstatat in-natura illegali ta’ dan is-sekwestru. Fid-difiża tagħha, Diageo Brands issostni li din is-sentenza ma tistax tkun irrikonoxxuta fil-Pajjiżi l-Baxxi peress li hija manifestament kontra l-ordni pubbliku, fis-sens tal‑Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Mid-deċiżjoni tar‑rinviju jirriżulta li, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Jannar 2010, is‑Sofiyski gradski sad kienet manifestament applikat b’mod żbaljat id‑dritt tal-Unjoni billi bbażat ruħha fuq sentenza interpretattiva, li hija wkoll ivvizzjata bi żball, li kienet ġiet adottata mill-Varhoven kasatsionen sad bi ksur tal-obbligu tagħha li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE. |
|
21. |
Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Marzu 2011, ir-Rechtbank d’Amsterdam (Qorti ta’ Amsterdam) laqgħet l-argumenti ta’ Diageo Brands u ċaħdet it-talba ta’ Simiramida. |
|
22. |
Fuq appell ta’ Simiramida, il-Gerechtshof te Amsterdam (Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam), permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, bidlet is-sentenza tar-Rechtbank d’Amsterdam u ddeċidiet li s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2010 ta’ Sofiyski gradski sad għandha tiġi rrikonoxxuta fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu hija ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens tad-danni. |
|
23. |
Meta ġiet adita bl-appell ta’ Diageo Brands, il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) ikkonstatat li, fl-istanza tal-kassazzjoni, “il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li s-sentenza interpretattiva mogħtija mill-Varhoven kasatsionen sad tal-15 ta’ Ġunju 2009 tmur kontra d-dritt tal-Unjoni”, u li “Diageo Brands ippreżentat […] sentenza interpretattiva ġdida mogħtija mil[l-Varhoven kasatsionen sad] fis-26 ta’ April 2012, li fiha s-sentenza interpretattiva tal-15 ta’ Ġunju 2009 kienet espressament ikkonfermata”. |
|
24. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden, permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2013, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Diċembru 2013, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
|
25. |
Minbarra l-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tal‑Ġermanja u tal-Litwanja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
|
26. |
Waqt is-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2014, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali f’isem il-partijiet fil-kawża prinċipali u l‑Kummissjoni. |
IV – Analiżi
|
27. |
Preliminarjament, jiena ser neżamina, il-premessi li fuqhom il‑qorti tar-rinviju tibbaża d-deċiżjoni tagħha qabel nanalizza l-aspetti determinanti tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar‑rinviju. |
A – Kunsiderazzjonijiet preliminari
|
28. |
Qabel xejn għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali u li tiddeduċi konklużjonijiet minnhom għall-finijiet tad-deċiżjoni li hija fejn issir it-talba tagħti ( 5 ). |
|
29. |
Fil-fatt, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal‑Unjoni u l-qrati nazzjonali, bħala regola hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet fattwali li jinvolvu l‑applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni huma miġbura flimkien fil-kawża pendenti quddiemha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl‑interpretazzjoni tagħha ( 6 ). |
|
30. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti risposta għad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni Ewropea magħmula mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li tħalli f’idejn din tal-aħħar l-impenn li tivverifika l-elementi konkreti tal‑kawża pendenti quddiemha ( 7 ). |
|
31. |
F’dan ir-rigward, nirrileva, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li hija tibbaża d-domandi tagħha fuq divers premessi, jiġifieri, li s‑sentenza ta’ Sofiyski gradski sad tal-11 ta’ Jannar 2010 u s-sentenza interpretattiva tal-Varhoven kasatsionen sad tal-15 ta’ Ġunju 2009, li fuqhom hija bbażata s-sentenza tas-Sofiyski gradski sad, imorru kontra d-dritt tal-Unjoni ( 8 ). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li t-tieni deċiżjoni interpretattiva mogħtija mill-Varhoven kasatsionen sad fis-26 ta’ April 2012, li fiha l-ewwel sentenza interpretattiva kienet espressament ikkonfermata, tmur ukoll kontra d-dritt tal-Unjoni. |
|
32. |
Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-mikub tal-Kummissjoni kkonfermati waqt is-seduta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija ppreżentat għal dak li jirrigwarda l‑kompatibbiltà tal-ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad mal‑Artikolu 5 tad-Direttiva Nru 2008/95/KE ( 9 ), il-Kummissjoni eżaminat iż-żewġ sentenzi interpretattivi ta’ din il-qorti. Skont din l-analiżi, hija waslet għall-konklużjoni li, kemm is-sentenza interpretattiva tal-2009 kif ukoll dik, iktar iddettaljata, tas-26 ta’ April 2012, huma konformi mad-dritt tal‑Unjoni. Din l-analiżi ppermettilha twaqqaf il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, id‑dikjarazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju li s-sentenza interpretattiva ta’ Varhoven kasatsionen sad tal-15 ta’ Ġunju 2009 tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma hijiex eżatta. Għalhekk jiena ma nistax neskludi li fl‑aħħar mill-aħħar, is-Sofiyski gradski sad applikat ħażin din is‑sentenza. |
|
33. |
Għal dak li jirrigwarda s-sentenza ta’ Sofiyski gradski sad tal-11 ta’ Jannar 2010, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet donnhom jaqblu essenzjalment li din is-sentenza għandha tkun ikkunsidrata kuntrarja għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 ( 10 ). Fil-fatt, dan l-artikolu jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark jipprojbixxi lil terzi kollha, b’mod partikolari, milli jimportaw prodotti li jaqgħu taħt din it‑trade mark, milli joffruhom, milli jqiegħduhom fis-suq jew jaħżnuhom għal dawn l-għanijiet ( 11 ). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-artikolu għandu jkun interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jopponi l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE, mingħajr il-kunsens tiegħu, ta’ prodotti oriġinali li għandhom din it-trade mark ( 12 ). |
|
34. |
Fid-dawl ta’ dawn ir-rimarki preliminari, u fid-dawl tal-konnessjoni eżistenti bejn uħud mid-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju, l-ewwel u t-tieni domandi, jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ser ikunu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok. Id-domanda dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 14 tar-Regolament 2004/48 ser tkun indirizzata sussegwentement. |
B – Dwar l-ewwel u t-tieni domandi
|
35. |
Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-fatt li sentenza mogħtija fl-Istat tal-oriġini tmur kontra d-dritt tal‑Unjoni jiġġustifikax li din is-sentenza ma tkunx irrikonoxxuta fl‑Istat fejn issir it-talba, minħabba li tikser l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat. Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar jekk il-qorti tal-exequatur tistax jew għandhiex tikkunsidra l-fatt li l-persuna li topponi għar-rikonoxximent tas-sentenza fl-Istat fejn issir it-talba ma tkunx eżerċitat ir-rimedji ġudizzjarji li kienu għad‑dispożizzjoni tagħha fl-Istat tal-oriġini. |
|
36. |
Sabiex nirrispondi għal dawn id-domandi, għandu, preliminarjament, jiġi eżaminat liema huma l-kriterji li fid-dawl tagħhom il-qorti tal-Istat fejn issir it-talba għandha tevalwa jekk jeżistix ksur tal‑ordni pubbliku tagħha. Essenzjalment għandhom jiġu ddeterminati l‑elementi neċessarji għal din l-evalwazzjoni fil-kuntest ġurisprudenzjali stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwarda l-użu tal-“kunċett ta’ ordni pubbliku” fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001. |
1. Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kunċett ta’ “ordni pubbliku”
|
37. |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku” fis-sens tal‑Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri fl-istadju tar‑rikonoxximent tas-sentenza mill-Istat fejn issir it-talba. |
|
38. |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku”, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm, bħala regola, l‑Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw, skont ir-riserva fl‑Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, b’konformità mal‑perċezzjonijiet nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu fl-interpretazzjoni ta’ dan ir‑regolament. B’hekk, filwaqt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-“ordni pubbliku” ta’ Stat Membru, madankollu hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il‑qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrikorri għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor ( 13 ). |
|
39. |
Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-ksur, mill‑qorti tal-Istat tal-oriġini, ta’ regola tad-dritt sostantiv tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ksur tal-ordni pubbliku fil-fatt jirrigwarda l-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-ksur inkwistjoni jirrigwarda mhux biss l‑ordni pubbliku nazzjonali fl-istadju tar-rikonoxximent, iżda l-ordni pubbliku tal-Unjoni, li huwa stess jifforma parti integrali mill-ordni pubbliku nazzjonali ( 14 ). Għalhekk, ċerti dispożizzjonijiet fundamentali għat-twettiq tal-missjonijiet fdati lill-Unjoni u b’mod partikolari, għall‑funzjonament tas-suq intern ( 15 ), jiġġustifikaw b’mod partikolari r‑rifjut tar-rikonoxximent ta’ sentenza ta’ arbitraġġ. Fil-fatt, anki jekk kull Stat Membru għandu jiddetermina r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku tiegħu, għandhom jeżistu fi ħdan l-ordni pubbliku nazzjonali ċerti valuri, prinċipji u regoli fundamentali tal-Unjoni, bl-istess kontenut normattiv, li kull Stat Membru għandu jikkunsidra. |
2. Ir-regolamenti ġurisprudenzjali tal-kunċett tal-“ordni pubbliku” fis‑sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001
|
40. |
Skont il-premessa 6 tiegħu, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż għall-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja Ewropea li fiha għandu jiġi żgurat il-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li huwa wieħed mill-għanijiet fundamentali previsti minn dan ir‑regolament. Mill-premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li s-sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni li huwa jipprovdi hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja tal-Unjoni. Tali fiduċja teħtieġ li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fi Stat Membru jkunu mhux biss irrikonoxxuti awtomatikament fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll li l-proċedura intiża sabiex tirrendi lil dawn id-deċiżjonijiet eżegwibbli f’dan l-aħħar Stat Membru tkun effettiva u rapida. Tali proċedura, skont il-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, għandha tinvolvi biss sempliċi verifiki formali tad-dokumenti meħtieġa għall‑attribuzzjoni tas-saħħa eżekuttiva fl-Istat fejn issir it-talba ( 16 ). |
|
41. |
Sa fejn il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-Konvenzjonijiet dwar l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda f’din il-Konvenzjoni (iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni ta’ Brussell”) ( 17 ) kienet issostitwita bir-Regolament Nru 44/2001 ( 18 ) fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal‑Ġustizzja tat lill-Konvenzjoni tibqa’ valida għad-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dan ir-regolament ( 19 ). Dan huwa l-każ tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li ssostitwixxa l-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 20 ). Skont dan l-artikolu, sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk ir-rikonoxximent huwa manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba. Ir-raġunijiet ta’ kontestazzjoni li jistgħu jiġu invokati huma espressament stabbiliti fl‑Artikoli 34 u 35 ta’ dan ir-regolament. Din il-lista, li l-elementi tagħha għandhom jiġi interpretati b’mod restrittiv, hija eżawrjenti ( 21 ). B’mod partikolari, l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jingħata interpretazzjoni stretta, peress li jirrappreżenta ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir‑regolament ( 22 ). Għalhekk il-klawżola ta’ ordni pubbliku f’din id‑dispożizzjoni ma għandiex tintuża ħlief f’każijiet eċċezzjonali ( 23 ). |
|
42. |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għalkemm l-ordni pubbliku huwa kunċett nazzjonali, madankollu l‑Qorti tal-Ġustizzja teżerċita stħarriġ strett, li tagħtih interpretazzjoni restrittiva ( 24 ). Dan ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta kien diġà jidher fir-rapport ta’ M. P. Jenard ( 25 ) dwar il‑Konvenzjoni ta’ Brussell, peress li kienu magħrufa wkoll id-drittijiet nazzjonali ( 26 ). Fil-fatt, l-avverb “manifestament” miżjud meta l‑Konvenzjoni nbidlet f’regolament jikkonkretizza, f’dan tal-aħħar, l‑aspettattiva ta’ kontradizzjoni manifesta tar-rikonoxximent tas‑sentenzi mal-ordni pubbliku ( 27 ). Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal‑motivi dwar l-Artikolu 41 tal-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill, din l-emenda kienet intiża sabiex tenfasizza n-“natura eċċezzjonali tal-użu tal-ordni pubbliku” bil-“għan li jitjieb il-moviment liberu tas‑sentenzi” ( 28 ). |
|
43. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi jipprojbixxu l-istħarriġ tal-mertu ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor, l-Artikoli 36 u 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprojbixxu lill-qorti tal-Istat fejn issir it-talba milli tirrifjuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi din is-sentenza unikament minħabba li tkun teżisti differenza bejn ir-regola tad-dritt applikata mill-qorti tal-Istat tal-oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat fejn issir it-talba kieku ġiet adita bil-kawża. Bħala regola ġenerali, il-qorti tal-Istat fejn issir it-talba ma tistax tivverifika l‑eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat tal-oriġini ( 29 ). |
|
44. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku, prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jsir biss fil-każ li r-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor jaffettwa s-sistema legali tal-Istat fejn issir it-talba b’mod inaċċettabbli, inkwantu jikkawża preġudizzju lil prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni tal-mertu ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor, il-ksur għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Istat fejn issir it-talba jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali ( 30 ). Fil-fatt hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura bl-istess effikaċja l-protezzjoni tad‑drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku nazzjonali u ta’ dawk mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 31 ). |
3. Evalwazzjoni legali
a) Fuq il-ksur ta’ regola essenzjali, ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali jew ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni
|
45. |
Fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju ssemmi biss il-ksur, mill-qorti tal‑Istat tal-oriġini, tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104. |
|
46. |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jsostnu li huwa diffiċli li jiġi pperċepit li l-ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 li dwaru hija kkritikata s-Sofiyski gradski sad fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Jannar 2010 jista’ jkun ikkunsidrat bħala ksur ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. |
|
47. |
Jien naqbel mal-opinjoni tagħhom. |
|
48. |
Qabel xejn, ninnota li l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jkun evalwat in concreto, jiġifieri abbażi tal-gravità tal-effetti prodotti mir-rikonoxximent tas-sentenza inkwistjoni. B’hekk, ir-relazzjoni bejn il-kawża prinċipali u l‑ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll ( 32 ). |
|
49. |
F’dan il-każ, kif indikajt fir-rimarki preliminari tiegħi, għalkemm id-dikjarazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju li s-sentenza interpretattiva tal-Varhoven kasatsionen sad tal-15 ta’ Ġunju 2009 tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma hijiex korretta, ma jistax jiġi eskluż, fid-dawl tal‑osservazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, li s-Sofiyski gradski sad applikat ħażin din is-sentenza. |
|
50. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Istat fejn issir it-talba ma tistax, taħt piena li tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 44/2001, tirrifjuta r-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor minħabba s-sempliċi raġuni li hija tqis li, f’din is‑sentenza, id-dritt nazzjonali jew id-dritt Komunitarju ġie applikat b’mod żbaljat ( 33 ). |
|
51. |
In-natura eċċezzjonali tal-użu tal-ordni pubbliku jwassalni sabiex nikkunsidra li, bħala regola, eventwali żball ta’ liġi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax waħdu jkun ikkunsidrat bħala preġudizzju għall-ordni pubbliku u lanqas jiġġustifika r-rifjut tar‑rikonoxximent ( 34 ) tas-sentenza mogħtija mis-Sofiywki gradski sad. Fil-fatt, minn naħa waħda, ir-rifjut tar-rikonoxximent tagħha ma jissodisfax il-kriterji indikati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Teżisti raġuni għar‑rifjut jekk l-effetti tar-rikonoxximent ta’ sentenza jmorru kontra l‑ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba ( 35 ), għal dak li jirrigwarda kemm id-dritt nazzjonali kif ukoll id-dritt tal-Unjoni, u dawn l-effetti għandhom jilħqu ċertu livell ta’ gravità, jiġifieri jikkawżaw preġudizzju b’mod manifest lil regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba jew ta’ dritt irrikonoxxut bħala fundamentali f’dan l‑ordinament ġuridiku ( 36 ). Min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent tas‑sentenza tas-Sofiyski gradski sad ma jippreġudikax b’mod inaċċettabbli l-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba, peress li ma jippreġudikax prinċipju fundamentali. Jekk ikun deċiż mod ieħor hemm mir-riskju, kif osservat il-Kummissjoni, li terġa’ tiġi introdotta s-setgħa ta’ reviżjoni pprojbita mill-Artikoli 36 u 45 tar-Regolament Nru 44/2001. Tali deċiżjoni twassal ukoll, skont il-Kummissjoni, minn naħa, għall-kontestazzjoni tal-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fl‑Unjoni li fuqha hija bbażata s-sistema tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni prevista mir-Regolament Nru 44/2001 u, min-naħa l-oħra, tostakola l-effikaċja u r-rapidità tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tas‑sentenzi ġudizzjarji. |
|
52. |
Madankollu, ċertament xejn ma jista’ jeskludi li, minħabba tali żball, ir-rikonoxximent ta’ sentenza jikser b’mod manifest ir-regoli jew il-prinċipji fundamentali, inkluż tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandu jsir enfasi fuq il-ħtieġa li jkun hemm ksur ta’ dawn ir‑regoli jew ta’ dawn il-prinċipji ( 37 ) tal-ordni pubbliku tal-Unjoni. Madankollu, bħall-Kummissjoni, jiena lanqas ma jien konvint li, fil‑kawża prinċipali, l-applikazzjoni jew interpretazzjoni ħażina ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva ta’ armonizzazzjoni minima li kellha l-għan li tapprossima l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tat-trade marks, filwaqt li tħalli lil dawn tal-aħħar grad għoli mhux ħażin ta’ libertà għat-traspożizzjoni ( 38 ) tagħha, tista’ tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi ksur ta’ regoli essenzjali jew ta’ prinċipji fundamentali ( 39 ). |
|
53. |
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Eco Swiss ( 40 ) li tirrigwarda n-natura eżekuttiva ta’ sentenza ta’ arbitraġġ ma tibdilx din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 101 TFUE huwa dispożizzjoni fundamentali indispensabbli għat-twettiq tal-missjonijiet fdati lill-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-funzjonament tas-suq intern ( 41 ). Minn dan hija kkonkludiet li din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija dispożizzjoni ta’ ordni pubbliku fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ New York dwar l‑arbitraġġ ( 42 ), li ma huwiex il-każ għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001. |
|
54. |
In-nuqqas ta’ rilevanza ta’ din is-sentenza għall-finijiet tal-kawża prinċipali jirriżulta wkoll minn serje ta’ differenzi oħra. Fl-ewwel lok, l‑Artikolu 34(1) jippermetti r-rifjut tar-rikonoxximent, mhux ta’ sentenza ta’ arbitraġġ, iżda ta’ sentenza ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru ieħor. Is-sentenzi tal-qrati nazzjonali jgawdu preżunzjoni ta’ legalità. Din il-preżunzjoni ta’ legalità tiġġustifika li dan il-kriterju ta’ ordni pubbliku applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa inqas strett għas‑sentenza ġudizzjarji milli għas-sentenzi ta’ arbitraġġ. Fit-tieni lok, is-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri huma suġġetti għal sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li ma huwiex il-każ għas-sentenzi ta’ arbitraġġ ( 43 ). F’dan ir‑rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li qorti ta’ arbitraġġ konvenzjonali ma tikkostitwixxix “qorti ta’ Stat Membru” fis-sens tal‑Artikolu 267TFUE peress li l-arbitri, bid-differenza tal-qrati nazzjonali, ma jistgħux jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi preliminarjament fuq kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni ( 44 ). Fil-fatt, il-fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jagħtu lis‑sentenza ġudizzjarji tagħhom u s-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita mid-dritt tal-Unjoni jispjegaw sa ċertu punt li l-kawża Eco Swiss u l-kawża Renault ingħataw soluzzjoni differenti ( 45 ). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri li jirrimedjaw kull preġudizzju kkawżat lill-individwi minħabba ksur tad‑dritt tal-Unjoni imputabbli lilhom, inkluż meta dan il-preġudizzju jirriżulta minn sentenza ta’ qorti tal-aħħar istanza ( 46 ). Mar-responsabbiltà tal-Istat tiżdied ukoll il-possibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE. |
b) Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali
|
55. |
Diageo Brands tinvoka l-ksur tal-obbligu, kemm mis-Sofiyski gradski sad kif ukoll mill-Varhoven kasatsionen sad, li jressqu lill‑Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari. |
|
56. |
Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-obbligu tar-rinviju ta’ Sofiyski gradski sad, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s‑sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE fid-dawl li tiżgura l-unità ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri tistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn l-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali ( 47 ). |
|
57. |
F’dan ir-rigward, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jibbaża fuq djalogu bejn qorti u oħra, li l-bidu tiegħu jiddependi kollu kemm hu fuq l-evalwazzjoni li tagħmel il-qorti nazzjonali tar-rilevanza u l-bżonn ta’ dan ir-rinviju ( 48 ). Għalhekk, sa fejn ma jeżisti ebda rikors ġudizzjarju kontra s-sentenza ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar, bħala regola, għandha tirreferi għall-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet inċiż tal‑Artikolu 267 TFUE meta tiġi invokata quddiemha domanda relatata mal-interpretazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni ( 49 ). |
|
58. |
Fil-kawża prinċipali, huwa diffiċli li jiġi kkritikat ksur manifest, mill-qorti tal-Istat tal-oriġini, ta’ obbligu ta’ rinviju. Fil-fatt, is-Sofiyski gradski sad hija qorti tal-ewwel istanza li d-deċiżjoni tagħha setgħet kienet is-suġġett ta’ appell, u anki ta’ appell quddiem il-qorti Bulgara tal-aħħar istanza. Għaldaqstant, skont it-tieni inċiż tal‑Artikolu 267 TFUE, hija ma kinitx obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari ( 50 ). |
|
59. |
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda, is-sentenza interpretattiva tal-15 ta’ Ġunju 2009 tal-Varhoven kasatsionen sad, li hija l-bażi tas-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2010 tas-Sofiyski gradski sad, jiena ser nillimita ruħi sabiex nikkonstata li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss ir‑rikonoxximent tas-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2010 tas-Sofiyski gradski sad. |
c) Fuq in-nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji
|
60. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-proċedura li tirrigwardaha, Diageo Brands ma eżerċitatx ir-rimedji ġudizzjarji li jagħtiha d-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija targumenta li dan in‑nuqqas kien minħabba l-fatt li l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli quddiem il-qrati Bulgari ma kinux jagħmlu sens, għaliex ma kinux ser iwasslu għal deċiżjoni differenti mingħand dawn il-qrati. |
|
61. |
Dan l-argument ma jikkonvinċinix. |
|
62. |
Fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tfakkar li sempliċi żball ta’ dritt nazzjonali jew tal-Unjoni ma jistax jiġġustifika rifjut ta’ rikonoxximent abbażi tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 51 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, f’tali każijiet, is‑sistema tar-rimedji ġudizzjarji implementata f’kull Stat Membru, flimkien mal-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, tipprovdi garanzija suffiċjenti lill-partijiet fil‑kawża ( 52 ). |
|
63. |
Ċertament, fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji implementati fuq livell nazzjonali, l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jeħtieġx l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji tal-Istat Membru tal‑oriġini. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li r-Regolament Nru 44/2001 huwa bbażat fuq l-idea fundamentali li l-atti meħuda fil‑kuntest ta’ proċedura dwar il-mertu, inkluż ir-rettifika ta’ żbalji dwar il-mertu, għandhom ikunu kkonċentrati fl-Istat Membru tal-oriġini ( 53 ). |
|
64. |
Evidentement, jiena naqbel ma’ dan l-approċċ. Fil-fatt, in-natura eċċezzjonali tar-riżerva tal-ordni pubbliku hija bbażata fuq il-premessa li l-konvenuti jużaw ir-rimedji ġudizzjarji kollha mogħtija lilhom mid‑dritt tal-Istat Membru tal-oriġini sabiex jirrettifikaw l-iżbalji tal-liġi. Ċertament, l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jeħtieġx l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-oriġini. Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, bħala regola ġenerali u, b’mod evidenti, ħlief f’ċirkustanzi partikolari li jirrendu diffiċli ħafna jew impossibbli l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru tal‑oriġini, il-partijiet fil-kawża għandhom jużaw f’dan l-Istat Membru r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli sabiex jevitaw ksur tal-ordni pubbliku. Dan huwa iktar u iktar importanti meta l-ksur allegat tal-ordni pubbliku jirriżulta mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, jeżisti obbligu ċert ta’ kull qorti ta’ Stat Membru li tosserva l-ordni pubbliku tal-Unjoni ( 54 ). |
|
65. |
F’dan ir-rigward, jidhirli li s-sens u l-iskop tar-Regolament Nru 44/2001 jimmilita favur it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-qorti tal‑Istat fejn issir it-talba, tal-fatt li l-persuna li toġġezzjona għar-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija mill-Istat Membru tal-oriġini ma tistax tuża r‑rimedji ġudizzjarji mogħtija lilha mid-dritt nazzjonali ( 55 ). Għaldaqstant, l-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku tal-Istat tal-oriġini, ta’ mekkaniżmi ta’ rimedju tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni minn qorti nazzjonali, għandha ċertament tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Istat fejn issir it-talba sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ ksur manifest eventwali tal-ordni pubbliku tiegħu li jiġġustifika rifjut ta’ rikonoxximent ta’ sentenza fil-kuntest tar‑Regolament Nru 44/2001 ( 56 ). Madankollu, dan it-teħid inkunsiderazzjoni għandu jsir każ b’każ skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ inkwistjoni ( 57 ). Għalhekk kif issemma fil-punt 39 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, jekk il-ksur inkwistjoni jirrigwarda l-ordni pubbliku tal-Unjoni, bid-differenza tal-ordni pubbliku nazzjonali, l-obbligu tal‑Istati Membri kollha li jieħdu inkunsiderazzjoni dan il-ksur jirriżulta mid-dmir tagħhom li jiżguraw applikazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni ( 58 ). |
|
66. |
Fil-kawża prinċipali, l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji mogħtija mid-dritt Bulgaru lil Diageo Brands kien jippermettilha, li eventwalment, targumenta quddiem il-qorti Bulgara tal-aħħar istanza l‑bżonn li tressaq domanda preliminari. |
|
67. |
Fi kwalunkwe każ, ma għandux jiġi injorat li fil-każ fejn, minn naħa, kieku Diageo Brands eżawrixxiet ir-rimedji ġudizzjarji għad-dispożizzjoni tagħha quddiem il-qrati Bulgari u, min-naħa l-oħra, kieku l-qrati superjuri interpretaw b’mod żbaljat id-dritt tal-Unjoni, Diageo Brands kien ikollha l-possibbiltà titlob ir-responsabbiltà tal-Istat Bulgaru. Skont il-Kummissjoni, għalkemm is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja implementata mid-dritt tal-Unjoni ma tistax tiggarantixxi li ma jkun hemm l-ebda żball, madankollu hija toffri lill-partijiet il‑possibbiltà li jiksbu kumpens f’każ ta’ applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, kif tfakkar ukoll fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-prinċipju li l-Istati Membri huma obbligati jirrimedjaw id-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilhom huwa applikabbli wkoll meta l-ksur inkwistjoni jirriżulta minn sentenza ta’ qorti tal-aħħar istanza ( 59 ). |
4. Konklużjoni intermedjarja
|
68. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jkun interpretat fis-sens li l-fatt li sentenza mogħtija fl-Istat tal-oriġini tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma jiġġustifikax li din is-sentenza ma tkunx irrikonoxxuta fl-Istat fejn issir it-talba għar-raġuni li hija tikser l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat. Fil-fatt, sempliċi żball tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn ma jikkostitwixxix ksur manifest ta’ regola tad-dritt essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat fejn issir it-talba, ma jistax jiġġustifika rifjut ta’ rikonoxximent abbażi tal‑Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001. |
|
69. |
Il-qorti tal-Istat fejn issir it-talba għandha, meta tivverifika li l-eżistenza eventwali ta’ ksur manifest tal-ordni pubbliku tirriżulta mill-ksur ta’ regoli fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, tikkunsidra l-fatt li l-persuna li toġġezzjona għar-rikonoxximent tas-sentenza fl-Istat fejn issir it-talba ma tkunx eżerċitat ir-rimedji ġudizzjarji għad-dispożizzjoni tagħha fl-Istat tal‑oriġini. |
C – Fuq it-tielet domanda
|
70. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-ispejjeż legali marbuta mal-proċedura prinċipali mibdija fi Stat Membru, li tirrigwarda talba għal kumpens għal dannu kkawżat minn sekwestru, li matulha tqajmet il-kwistjoni tar‑rikonoxximent ta’ sentenza fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ kawża intiża għall-osservanza ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, jaqgħux taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48. |
|
71. |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/48 tikkonċerna l‑miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tiżgura l-infurzar tad‑drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Minbarra dan, l-Artikolu 2(1) ta’ din id‑direttiva jipprovdi li dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji japplikaw, skont l‑Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għal kull ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali previst, b’mod partikolari, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk l-għan ġenerali tad‑Direttiva 2004/48 huwa li tqarreb is-sistemi leġiżlattivi sabiex tiżgura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern ( 60 ). |
|
72. |
Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/48 ma hijiex intiża sabiex tirregola l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, iżda biss dawk li huma inerenti, minn naħa, mal‑osservanza ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, mal-ksur tal‑imsemmija drittijiet, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi sabiex jipprevjenu, jitterminaw jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali eżistenti ( 61 ). |
|
73. |
F’dan ir-rigward, l-azzjonijiet għall-kumpens huma strettament marbuta mal-proċeduri intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għalhekk, minn naħa, l-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2004/48 jipprovdi miżuri li jippermettu s-sekwestru ta’ merkanzija li hija ssuspettata li tikser drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ( 62 ). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9(7) ta’ din id-direttiva jipprovdi miżuri li jippermettu li tittieħed azzjoni għall-kumpens għad‑dannu kkawżat minn sekwestru inġustifikat. Skont il‑Kummissjoni, dawn il-miżuri jikkostitwixxu garanzija li l-leġiżlatur qies neċessarja inkambju għal miżuri provviżorji rapidi u effiċjenti li huwa jipprovdi l-eżistenza tagħhom ( 63 ). |
|
74. |
Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex issaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, billi tevita li parti leża ma tkunx dissważa milli tibda proċedura ġudizzjarja sabiex tħares id‑drittijiet tagħha ( 64 ). |
|
75. |
Bħall-Kummissjoni, jiena naħseb li l-formulazzjoni wiesgħa u ġenerali tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, li jirreferi għall-“parti rebbieħa” u għall-“parti li tkun tilfet”, mingħajr ma jippreċiża liema tip ta’ proċedura prevista minn din id-direttiva jippermetti li jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tapplika fil-każ ta’ parti telliefa li ma tkunx detentriċi ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, meta jiġi ssuspettat li kisret tali dritt. |
|
76. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-ispejjeż legali marbuta mal‑proċedura prinċipali mibdija fil-Pajjiżi l-Baxxi, li tirrigwarda talba għall-kumpens għal dannu kkawżat permezz ta’ sekwestru, li matulha tqajmet il-kwistjoni ta’ rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru fil-kuntest ta’ kawża sabiex jiġi rrispettat dritt ta’ proprjetà intellettwali, jaqgħu taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48. |
V – Konklużjoni
|
77. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).
( 3 ) C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 60.
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 2 p. 32).
( 5 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi WWF et (C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 32) kif ukoll Danosa (C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 33).
( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Haim (C‑424/97, EU:C:2000:357, punt 58); Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 23) kif ukoll Danosa, (EU:C:2010:674, punt 34).
( 7 ) Sentenza Danosa (EU:C:2010:674, punt 36).
( 8 ) Mill-osservazzjonijiet orali magħmula minn Simiramida waqt is-seduta jirriżulta li sentenza interpretattiva tal-Varhoven kasatsionen sad hija mandatorja għall-qrati inferjuri kollha.
( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25) li abrogat u ssostitwixxiet l-ewwel Direttiva 89/104/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, sabiex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 2, u rettifika ĠU 1989, L 207, p. 44).
( 10 ) Fl-osservazzjonijiet orali tagħha, Simiramida indikat in-nuqqas ta’ qbil tagħha ma’ din id-dikjarazzjoni li saret fid-deċiżjoni tar-rinviju. Madankollu, mill‑osservazzjonijiet bil-miktub u orali jirriżulta li hija tikkunsidra li Sofiyski gradski sad applikat ħażin l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104.
( 11 ) Il-kundizzjonijiet ta’ eżawriment ta’ dan id-dritt ġew iddefiniti ulterjorment mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, b’mod partikolari, id-digriet Honda Giken Kogyo Kabushiki Kaisha (C 535/13, EU:C:2014:2123).
( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Class International (C‑405/03, EU:C:2005:616, punt 58) kif ukoll id-Digriet Canon (C‑449/09, EU:C:2010:651, punti 19 u 26).
( 13 ) Sentenzi Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punti 22 u 23); Renault (C‑38/98, EU:C:2000:225, punti 27 u 28); Apostolides (EU:C:2009:271, punti 56 u 57), u flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 47). L-Avukat Ġenerali Alber kien ċar ħafna dwar dan fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Renault: “l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-għan u l-iskop li l‑Konvenzjoni ma tkunx suġġetta għall-interpretazzjonijiet differenti” (sentenza Renault, C‑38/98, EU:C:1999:325, punt 58).
( 14 ) Ara M. Fallon, “Les conflits de lois et de juridictions dans un espace économique intégré – l’expérience de la Communauté européenne”, Recueil des cours, 1995, p. 255: “Bħal kull sistema legali d-dritt [tal-Unjoni] jipproduċi numru ta’ regoli ta’ ordni pubbliku li minnhom ma tistax issir deroga minħabba n-natura fundamentali tagħhom. Tali regoli huma kklassifikati bħala essenzjali kemm minħabba l‑importanza tagħhom, kemm minħabba l-funzjonament tas-suq, kif ukoll minħabba l-persuna li tagħha huma jiżguraw il-protezzjoni”.
( 15 ) Ara s-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 36).
( 16 ) Sentenzi Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653, punti 27 u 28) kif ukoll flyLAL-Lithuanian Airlines (EU:C:2014:2319, punt 45).
( 17 ) (ĠU 1972 L 299, p. 32).
( 18 ) Ara l-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 44/2001.
( 19 ) Sentenzi Draka NK Cables et (C‑167/08, EU:C:2009:263, punt 20); SCT Industri (C‑111/08, EU:C:2009:419, punt 22); German Graphics Graphische Maschinen (C‑292/08, EU:C:2009:544, punt 27); Realchemie Nederland (C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 38); Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 31), kif ukoll Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 32).
( 20 ) Huwa fil-kuntest tal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni, li jipprovdi li sentenza ma għandhiex tkun irrikonoxxuta jekk “tmur kontra l-ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba”, li s-sentenzi Krombach (EU:C:2000:164), Renault (EU:C:2000:225) u Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219) kienu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.
( 21 ) Sentenzi Apostolides (EU:C:2009:271, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata); Prism Investments (EU:C:2011:653, punt 33), u flyLAL-Lithuanian Airlines (EU:C:2014:2319, punt 46).
( 22 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 20); Krombach (EU:C:2000:164, punt 21); Renault (EU:C:2000:225, punt 26); Apostolides (EU:C:2009:271, punt 55), u Prism Investments (EU:C:2011:653, punt 33).
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 21); Krombach (EU:C:2000:164, punt 21); Renault (EU:C:2000:225, punt 26), u Apostolides (EU:C:2009:271, punt 55).
( 24 ) Ara, ukoll, H. Gaudemet-Tallon, “De la définition de l’ordre public faisant obstacle à l’exequatur, Cour de justice des Communautés européennes – 11 mai 2000, Régie nationale des usines Renault SA c. Mexicar SpA et Orazio Formento”, Revue critique de droit international privé, 2000, p. 497.
( 25 ) Rapport dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 44). Ara l-kummentarju tal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni: “[i]r-rikonoxximent jista’ jkun irrifjutat jekk huwa kontra l-ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba. Fl-opinjoni tal-Kumitat, din il-klawżola għandha tintuża biss f’każijiet eċċezzjonali”.
( 26 ) Dwar “l-effett attenwanti”, ara H. Gaudemet-Tallon, Compétence et exécution des jugements en Europe. Règlement no 44/2001. Conventions de Bruxelles et de Lugano, ir-4 Edizzjoni, L.G.D.J., 2010, p. 412, u S. Francq, “Article 34”, Brussels I Regulation, Ulrich Magnus u Peter Mankowski (edituri), p. 554 sa 600, p. 566.
( 27 ) Dan kien diġà inkluż mill-bidu tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Ara f’dan is-sens S. Francq, op. cit., p. 566.
( 28 ) Abbozz tar-Regolament (KE) tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (COM/99/0348 finali). Fl‑okkażjoni tar-reviżjoni tar-Regolament Nru 44/2001, il-Kummissjoni pproponiet li tneħħi l-proċedura ta’ exequatur u l-klawżola ta’ ordni pubbliku bħala raġuni għar-rifjut tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza. Madankollu, din il-proposta ma kinitx aċċettata. Ċertament is-sistema tal-eżekuzzjoni saret iktar faċli iżda l‑klawżola ta’ ordni pubbliku baqgħet ma nbidlitx. F’dan ir-rigward, ara l-abbozz tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, ir‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (COM/2010/0748 finali) kif ukoll l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1).
( 29 ) Ara s-sentenzi Krombach (EU:C:2000:164, punt 36); Renault (EU:C:2000:225, punt 29); Apostolides (EU:C:2009:271, punt 58), u flyLAL-Lithuanian Airlines (EU:C:2014:2319, punt 48).
( 30 ) Sentenzi Renault (EU:C:2000:225, punt 30); Gambazzi (EU:C:2009:219, punt 27); Apostolides (EU:C:2009:271, punt 59), u flyLAL-Lithuanian Airlines (EU:C:2014:2319, punt 49). Jista’ jkun kemm ordni pubbliku proċedurali kif ukoll ordni pubbliku fil-mertu, iżda l-mekkaniżmu għandu jintuża b’mod eċċezzjonali. Ara f’dan is-sens, H. Gaudemet-Tallon, op. cit., p. 424.
( 31 ) Sentenza Renault (EU:C:2000:225, punt 32).
( 32 ) Ara, S. Francq, op.cit., p. 566, u J. C. Moitinho de Almeida, “Refus de la reconnaissance ou de l’exécution des jugements étrangers: l’ordre public”, L’Europe des droits fondamentaux, taħt id-direzzjoni ta’ Luc Weitzel, A. Pedone, 2013, p. 153 sa 164, p. 155.
( 33 ) Sentenzi Renault (EU:C:2000:225, punt 33) u Apostolides (EU:C:2009:271, punt 60).
( 34 ) Skont l-Avukat Ġenerali Alber, sentenzi żbaljati jistgħu jingħataw anki fl-Istat fejn issir it-talba u jsiru res judicata. Fi kliem ieħor, huma għandhom jiġu applikati minkejja l-iżbalji li fihom. Ir-rikonoxximent tas-sentenzi barranin ekwivalenti ma jistax għalhekk waħdu jikser l-ordni pubbliku tal-Istat fejn issir it-talba. Ara l-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Renault (EU:C:1999:325, punt 66).
( 35 ) Rapport Jenard, p. 44.
( 36 ) Sentenzi Renault (EU:C:2000:225, punt 30) u Apostolides (EU:C:2009:271, punt 59). F’dan ir-rigward, id-duttrina ssostni li jekk il-qorti tal-oriġini, b’mod żbaljat iddeċidiet, bl-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal‑Unjoni, hija kisret ukoll dispożizzjoni essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li tista’, skont il-każ, tkun iktar jew inqas sinjifikattiva, iżda li tikser fuq kollox prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipju tas-sovranità ta’ dan id-dritt fuq id-dritt nazzjonali. Ara H. Gaudemet-Tallon, “De la définition […]”loc. cit., p. 497.
( 37 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-Kawża Renault (EU:C:1999:325, punt 67).
( 38 ) Ara l-premessi 3 sa 5 tad-Direttiva 89/104.
( 39 ) Barra minn hekk, skont id-duttrina dominanti, fl-oqsma kkonċernati mir‑Regolament Nru 44/2001, huwa rari li l-ordni pubbliku ta’ Stat Membru tal‑Unjoni jkun ippreġudikat minn sentenza mogħtija fi Stat ieħor. Fir-rigward ta’ dawn “l-oqsma ċivili u kummerċjali”, il-perċezzjonijiet tal-mertu li jeżistu fid‑diversi Stati Membri jaqgħu fl-istess linji gwida u ma humiex sensittivi fir‑rigward tal-ordni pubbliku, bħal ma jista’ ikun, b’mod partikolari, id-dritt tal‑familja. Ara, f’dan ir-rigward, H. Gaudemet-Tallon, op. cit., p. 414.
( 40 ) EU:C:1999:269.
( 41 ) Punt 36.
( 42 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Unit; Vol. 33, p. 3. Ara s-sentenza Eco Swiss (EU:C:1999:269, punt 39.
( 43 ) Ara S. Francq, op. cit., p. 570.
( 44 ) EU:C:1999:269, punti 34 u 40.
( 45 ) Ara, f’dan is-sens, S. Francq, op. cit., p. 571.
( 46 ) Sentenza Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 50).
( 47 ) Sentenzi Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 90); Kelly (C‑104/10, EU:C:2011:506, punt 6), u Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 28).
( 48 ) Sentenzi Cartesio (EU:C:2008:723, punt 91) kif ukoll Kelly (EU:C:2011:506, punt 63).
( 49 ) Ara s-sentenzi Parfums Christian Dior (C‑337/95, EU:C:1997:517, punt 26) kif ukoll Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato (EU:C:2013:489, punt 25).
( 50 ) Ninnota wkoll li l-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jindikax jekk il‑kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 tqajmitx quddiem il-Varhoven kasatsionen sad.
( 51 ) Sentenzi Renault (EU:C:2000:225, punt 33) u Apostolides (EU:C:2009:271, punt 60).
( 52 ) Sentenza Renault (EU:C:2000:225, punt 33).
( 53 ) F’dan ir-rigward, ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 44/2001.
( 54 ) Ara, M. Fallon, op. cit., p. 255.
( 55 ) S. Francq, op. cit., p. 567 sa 568.
( 56 ) Ibidem, p. 573. Ara wkoll, B. Hess, T. Pfeiffer, u P. Schlosser, The Brussels I Regulation (EC) No. 44/2001, Beck München, 2008, p. 145: “[…] the control of the foreign judgment should at least be retained when the Member State of origin does not provide for an efficient remedy”.
( 57 ) B’mod partikolari skont il-persuna kkonċernata għandhiex jew le l-mezzi neċessarji għall-eżerċizzju tar-rimedji tad-dritt jew ta’ għajnuna ġudizzjarja xierqa.
( 58 ) Il-kunċett ta’ fiduċja reċiproka fl-Unjoni jimplika, fil-qasam ġudizzjarju, li l-qorti tal-Istat tal-oriġini tipproteġi l-iżvolġiment u l-eżitu tal-istanza. L-irregolaritajiet eventwali (proċedurali u dwar il-mertu) għandhom jitqajmu wkoll mill-persuna kkonċernata quddiem qorti ta’ dak l-Istat. Il-persuna kkonċernata ma tistax tibbaża ruħha fuq il-possibbiltà li tqajjem dawn l-irregolaritajiet quddiem qorti tal-Istat fejn issir it-talba, għaliex ir-regoli fil-qasam tal-protezzjoni ġudizzjarja huma komparabbli fiż‑żewġ Stati. Ara, P. Grzegorczyk, “Automatyczna wykonalność orzeczeń sądowych w sprawach cywilnych w Unii Europejskiej - geneza, stan obecny i perspektywy”, Europejskie prawo procesowe cywilne i kolizyjne, P. Grzegorczyk, K. Weitz (Ed.), Varsovie, 2012, p. 37. Jiena nżid li, meta l-ksur tal-ordni pubbliku tal-Unjoni jirriżulta mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni għandu jkun ikkunsidrat bħala identiku fl-Istati Membri tal-Unjoni kollha.
( 59 ) Sentenza Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 50).
( 60 ) Ara l-premessi 10 u 11 tad-Direttiva 2004/48.
( 61 ) Sentenza Bericap Záródástechnikai (C‑180/11, EU:C:2012:717, punt 75).
( 62 ) L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2004/48 jippreċiża li “fejn sussegwentement jinstab li ma kienx hemm l-ebda kontravvenzjoni jew theddida ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom l-awtorità li jordnaw l-applikant, fuq talba tad-difiża, li jipprovdu lid-difiża kumpens għal ħsara kkawżata b’dawk il-miżuri”.
( 63 ) Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/48.
( 64 ) Sentenza Realchemie Nederland (EU:C:2011:668, punt 48).