European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/927

31.7.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/927

tal-20 ta’ Mejju 2025

li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28c tagħha,

Billi:

(1)

L-attivitajiet tal-avjazzjoni huma inklużi fis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni (EU ETS, EU Emissions Trading System) stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE.

(2)

Id-Direttiva 2003/87/KE ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) biex tipprevedi kontribut akbar min-naħa tal-avjazzjoni għall-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha u biex timplimenta b’mod xieraq l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA, Carbon Offsetting and Reduction Scheme for International Aviation) tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization). Dik l-emenda żżomm l-ambitu tal-EU ETS għal titjiriet intra-Ewropej sal-2026 u tapplika l-CORSIA għal titjiriet ta’ operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), għajr titjiriet fiż-ŻEE u titjiriet bejn iż-ŻEE u l-Iżvizzera u r-Renju Unit.

(3)

Il-CORSIA ilha topera mill-2019 għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju. Hija maħsuba biex tkun miżura bbażata fuq is-suq applikata fil-livell dinji, li għandha l-għan li tikkumpensa għall-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tal-avjazzjoni internazzjonali minn Jannar 2021.

(4)

Fis-27 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-ewwel edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV, tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ffirmata fis-7 ta’ Diċembru 1944, li tistabbilixxi l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali (SARPs, International Standards and Recommended Practices) dwar il-Ħarsien tal-Ambjent għall-CORSIA. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ilhom jimplimentaw il-CORSIA kif xieraq mill-bidu tal-perjodu 2021–2023, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/954 (3). L-ICAO adottat it-Tieni Edizzjoni tal-SARPs għall-CORSIA fl-20 ta’ Marzu 2023. Din daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Lulju 2023 u saret applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2024.

(5)

Skont l-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 (4) ġie adottat biex jimplimenta b’mod proviżorju r-regoli tal-CORSIA għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni. Id-Direttiva 2003/87/KE ġiet sussegwentement emendata sabiex il-CORSIA tiġi implimentata b’mod xieraq fid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli proviżorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/1603 jiġu aġġornati biex jinġiebu f’konformità mal-aktar dispożizzjonijiet reċenti stabbiliti fid-Direttiva 2003/87/KE. Dan l-allinjament jirrikjedi r-regolamentazzjoni xierqa tal-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-użu tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA u tal-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet għall-kumpens skont il-CORSIA. Fid-dawl tal-firxa tal-modifiki u fl-interess taċ-ċarezza, dan ir-Regolament jenħtieġ li jissostitwixxi r-Regolament Delegat (UE) 2019/1603.

(6)

Japplikaw l-arranġamenti għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet kif ukoll għall-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet, għall-finijiet tal-EU ETS, f’konformità mar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (5) u (UE) 2018/2067 (6). Għal raġunijiet ta’ effiċjenza amministrattiva u biex jiġu minimizzati l-kostijiet tal-konformità għall-operaturi, jixraq li jiġu applikati l-istess dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-CORSIA tal-ICAO, filwaqt li jiġu stabbiliti regoli diverġenti f’dan ir-Regolament, fejn xieraq.

(7)

Sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-istrumenti rilevanti adottati fl-ICAO u biex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni, minbarra t-titjiriet internazzjonali koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll għal titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab f’wieħed mill-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej, jew li jaslu fih, kif elenkat fl-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(8)

Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi ċċertifikat lott ta’ fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv fl-ambitu ta’ diversi skemi jekk dan jissodisfa l-kriterji għal kull waħda minn dawk l-iskemi. Sabiex jiġi evitat dikjarar doppju, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jenħtieġ li jissottomettu dikjarazzjoni li telenka l-iskemi kollha ta’ gassijiet serra li jipparteċipaw fihom, li tikkonferma li l-ebda ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv ma jiġi rrapportat aktar minn darba. B’mod partikolari, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 introduċa l-prinċipju tal-proporzjonalità għar-regoli ta’ rapportar għall-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni alternattivi. Meta l-fjuwils tal-avjazzjoni alternattivi ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti fiżikament f’ajrudrom għal titjira speċifika, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jenħtieġ li jirrapporta l-fjuwil fl-ambitu tal-EU ETS proporzjonalment għall-emissjonijiet tiegħu fuq titjiriet koperti mill-EU ETS. F’dan il-każ, jenħtieġ li jkun possibbli li l-operatur tal-inġenji tal-ajru jirrapporta u jiddikjara l-fjuwils tal-avjazzjoni alternattivi li jifdal skont il-CORSIA.

(9)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jittrażmettu d-data rilevanti lis-Segretarjat tal-ICAO skont l-iskedi ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jissottomettu l-lista tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jamministraw kif ukoll il-lista tal-verifikaturi li kisbu l-akkreditazzjoni tal-CORSIA mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni f’dak l-Istat Membru. Barra minn hekk, għall-fini tal-kalkolu tal-fattur tat-tkabbir settorjali annwali mis-Segretarjat tal-ICAO, l-Istati Membri jenħtieġ li jittrażmettu data vverifikata dwar l-emissjonijiet li tikkonċerna t-titjiriet internazzjonali kollha tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jamministraw. Dak ir-rapportar ma jiddefinix il-volum tal-emissjonijiet użati għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-CORSIA skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1879 (7). Barra minn hekk, fi tmiem kull perjodu tal-CORSIA, l-Istati Membri jenħtieġ li jittrażmettu wkoll data vverifikata rilevanti lis-Segretarjat tal-ICAO dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet li timtela mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jamministraw.

(10)

Biex jikkalkulaw ir-rekwiżiti ta’ kumpens finali għall-fini tal-CORSIA għall-2024 skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879, l-Istati Membri għandhom iqisu kwalunkwe tnaqqis li jirriżulta mill-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA użati fl-2024. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-emissjonijiet u l-użu tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA li ilhom iseħħu mill-1 ta’ Jannar 2024.

(11)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni f’waqtha tar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/1603 jitħassar,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(6), it-tielet u r-raba’ subparagrafi, tad-Direttiva 2003/87/KE.

2.   Dan ir-Regolament japplika għat-titjiriet internazzjonali li ġejjin kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879, li jitwettqu minn dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru matul il-perjodu ta’ rapportar u li għalihom huwa responsabbli l-operatur tal-inġenji tal-ajru:

(a)

titjiriet koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE;

(b)

titjiriet li jitilqu minn jew jaslu f’ajrudrom li jinsab f’wieħed mill-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej elenkati fl-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.   Dan ir-Regolament japplika għal operatur tal-inġenji tal-ajru li jkun għadu kif daħal mis-sena ta’ wara li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(6), it-tielet u r-raba’ subparagrafi, tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Fjuwil eliġibbli għall-CORSIA” tfisser fjuwil tal-avjazzjoni ċċertifikat bħala fjuwil eliġibbli għall-CORSIA (Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali) permezz ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(2)

“unità tal-emissjonijiet” tfisser unità tal-emissjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 11a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE għall-fini tal-Artikolu 12(9) ta’ dik id-Direttiva;

(3)

“programm tal-unitajiet tal-emissjonijiet” tfisser programm li jforni l-unitajiet ta’ emissjonijiet.

Artikolu 3

Stat Membru amministrattiv

1.   Operatur tal-inġenji tal-ajru li huwa elenkat fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009 (8) għandu jirrapporta l-emissjonijiet tiegħu lill-Istat Membru amministrattiv tiegħu speċifikat f’dak l-Anness.

2.   Operatur tal-inġenji tal-ajru li mhuwiex elenkat fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 748/2009 għandu jirrapporta lill-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru tiegħu jew, meta operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkollux ċertifikat tal-operatur tal-ajru, l-Istat Membru fejn dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkollu l-post tar-reġistrazzjoni ġudizzjarja tiegħu.

3.   Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lis-Segretarjat tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) lista tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jamministraw skont il-paragrafu 1 jew 2, jew, fejn rilevanti, lista aġġornata.

Artikolu 4

Monitoraġġ u rapportar tal-emissjonijiet

L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jimmonitorjaw u jirrapportaw l-emissjonijiet mit-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Monitoraġġ u rapportar tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA

1.   Operatur tal-inġenji tal-ajru li jkun biħsiebu jiddikjara tnaqqis li jirriżulta mill-użu tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879, għandu jimmonitorja u jirrapporta l-kwantità ta’ fjuwils puri eliġibbli għall-CORSIA mixtrija (espressi f’tunnellati).

2.   Għall-fini tar-rapportar tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 53a, 54a u 54c ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

3.   Meta fjuwil tal-avjazzjoni ma jkunx iċċertifikat bħala fjuwil eliġibbli għall-CORSIA, dan ma għandux jitqies bħala fjuwil eliġibbli għall-CORSIA u għandu jitqies bħala fjuwil fossili tal-avjazzjoni kif elenkat fit-Tabella 1 tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.

4.   L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jiddeterminaw il-kwantità totali ta’ fjuwils eliġibbli għall-CORSIA użati billi jnaqqsu mill-kwantità totali ta’ fjuwils eliġibbli għall-CORSIA mixtrija kwalunkwe fjuwil eliġibbli għall-CORSIA li jkun inbiegħ lil partijiet terzi.

5.   L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jehmżu mar-rapport annwali tagħhom dwar l-emissjonijiet li għandu jiġi sottomess skont l-Artikolu 68(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 dikjarazzjoni li telenka l-iskemi kollha ta’ gassijiet serra li jipparteċipaw fihom fejn jista’ jiġi ddikjarat tnaqqis li jirriżulta mill-użu ta’ fjuwils eliġibbli għall-CORSIA jew fjuwils tal-avjazzjoni alternattivi oħra kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (23b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, li fiha għandhom jikkonfermaw li ma saret l-ebda dikjarazzjoni għall-istess lottijiet ta’ fjuwils eliġibbli għall-CORSIA fl-ambitu ta’ dawk l-iskemi l-oħra.

6.   L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jirrapportaw dwar l-użu tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet li għandu jiġi sottomess skont l-Artikolu 68(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jirrapportaw l-informazzjoni li ġejja għall-fjuwil eliġibbli għall-CORSIA kollu mixtri sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar:

(a)

it-tip ta’ fjuwil, inkluż it-tip ta’ fjuwil, il-materja prima u l-proċess ta’ konverżjoni;

(b)

il-massa totali tal-fjuwils puri eliġibbli għall-CORSIA ddikjarati (espressa f’tunnellati) għal kull tip ta’ fjuwil;

(c)

il-valuri tal-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja;

(d)

it-tnaqqis iddikjarat li jirriżulta mill-użu ta’ kull fjuwil eliġibbli għall-CORSIA kif ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879;

(e)

it-tnaqqis totali ddikjarat li jirriżulta mill-użu ta’ kull fjuwil eliġibbli għall-CORSIA.

7.   Mar-rapport annwali dwar l-emissjonijiet li għandu jiġi sottomess skont l-Artikolu 68(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jehmżu wkoll l-informazzjoni supplimentari elenkata fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament għat-tnaqqis iddikjarat li jirriżulta mill-użu ta’ kull fjuwil eliġibbli għall-CORSIA.

8.   L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jiżguraw li huma, jew ir-rappreżentant maħtur tagħhom, ikollhom id-dritt li jawditjaw ir-rekords tal-produzzjoni għal kwalunkwe fjuwil eliġibbli għall-CORSIA li jkunu xtraw.

Artikolu 6

Verifika tad-data dwar l-emissjonijiet u l-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA

1.   Il-verifika tad-data dwar l-emissjonijiet li għandha tiġi rrapportata skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi li jwettqu dik il-verifika, għandhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-verifikaturi li jwettqu l-verifika tad-data dwar l-emissjonijiet irrapportata skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, u l-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA rrapportati skont l-Artikolu 5(6) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu akkreditati għal dik il-fini skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u skont dan ir-Regolament minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni ta’ Stat Membru. Il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandhom jistabbilixxu kwalunkwe rekwiżit speċifiku li l-verifikaturi jridu jissodisfaw sabiex jiksbu l-akkreditazzjoni.

3.   Għall-fini tal-verifika tal-użu tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA u t-tnaqqis li jirriżulta mill-użu tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA rrapportati skont l-Artikolu 5(6) ta’ dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067 ma għandhomx japplikaw.

4.   Il-verifika tal-użu tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA u t-tnaqqis li jirriżulta mill-użu tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA għandhom ikunu bbażati fuq rekords tax-xiri tal-fjuwil, rapporti dwar it-tranżazzjonijiet, rekords tat-taħlit tal-fjuwil, u dokumenti ta’ ċertifikazzjoni tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA.

5.   Meta l-verifikatur iwettaq verifika tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA rrapportati skont l-Artikolu 5(6), il-verifikatur għandu jiżgura li l-attivitajiet ta’ verifika mwettqa jippermettulu jasal għal konklużjoni dwar l-objettivi li ġejjin:

(a)

l-ammont ta’ tnaqqis iddikjarat li jirriżulta mill-użu tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA huwa materjalment ġust u rappreżentazzjoni akkurata tat-tnaqqis matul il-perjodu ta’ rapportar, u huwa appoġġat b’evidenza interna u esterna suffiċjenti u xierqa;

(b)

il-lottijiet ta’ fjuwils eliġibbli għall-CORSIA ddikjarati ma ġewx iddikjarati mill-operatur tal-inġenji tal-ajru anke fl-ambitu ta’ xi skema volontarja jew obbligatorja oħra ta’ gassijiet serra li jkun ipparteċipa fiha (fejn jistgħu jiġu ddikjarati l-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA), matul il-perjodu rilevanti tal-CORSIA, kif ukoll il-perjodu tal-CORSIA li jippreċedi immedjatament dak il-perjodu;

(c)

l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun immonitorja, ikkalkula u rrapporta l-użu tiegħu tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA matul il-perjodu ta’ rapportar f’konformità mal-Artikolu 5.

6.   Meta l-verifikatur iwettaq verifika tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA rrapportati skont l-Artikolu 5(6), l-ambitu tal-verifika għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

kwalunkwe proċedura interna tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru għall-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA, inklużi l-kontrolli tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru biex jiġi żgurat li l-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA ddikjarati jiġu ċċertifikati bħala tali minn skemi ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(b)

verifika li ma hemm l-ebda dikjarazzjoni doppja tal-istess lottijiet ta’ fjuwil eliġibbli għall-CORSIA jew ta’ fjuwil tal-avjazzjoni alternattiv ieħor, b’mod partikolari li l-fjuwil eliġibbli għall-CORSIA jew fjuwils tal-avjazzjoni alternattivi oħra mixtrija ma ġewx iddikjarati f’rapport preċedenti jew fi skema oħra ta’ gassijiet serra. Kwalunkwe inkonsistenza barra minn din il-verifika obbligatorja jenħtieġ li tiġi inkluża fir-rapport ta’ verifika biex tkompli titqies mill-Istat Membru;

(c)

valutazzjoni tar-riskju ta’ verifika bl-introduzzjoni ta’ bidliet xierqa fil-pjan ta’ verifika;

(d)

valutazzjoni ta’ jekk hemmx aċċess suffiċjenti għal informazzjoni interna u esterna rilevanti biex tinkiseb fiduċja suffiċjenti f’kull dikjarazzjoni marbuta mal-fjuwil eliġibbli għall-CORSIA.

7.   Meta l-verifikatur iwettaq verifika tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA rrapportati skont l-Artikolu 5(6) ta’ dan ir-Regolament, ir-rapport ta’ verifika maħruġ skont l-Artikolu 27 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067 għandu jinkludi konferma li l-verifiki msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu jkunu twettqu, kif ukoll konklużjonijiet dwar l-objettivi msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

8.   Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lis-Segretarjat tal-ICAO lista ta’ verifikaturi li huma akkreditati minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni ta’ dak l-Istat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 2, jew, fejn rilevanti, lista aġġornata.

Artikolu 7

Rapportar dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet

1.   Meta l-kwantità tar-rekwiżit ta’ kumpens tas-CO2 finali totali nnotifikat mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 4(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879, ma tkunx żero, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jissottomettu lill-Istat Membru amministrattiv tagħhom rapport dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet li jiġi vverifikat f’konformità mal-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament u kopja tar-rapport ta’ verifika assoċjat sat-30 ta’ April 2025 għall-perjodu tal-CORSIA 2021–2023, u sat-30 ta’ April 2028 għall-perjodu tal-CORSIA 2024–2026.

2.   Ir-rapport dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

3.   Sabiex l-unitajiet tal-emissjonijiet ikunu jistgħu jiġu rrapportati bħala kkanċellati, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jikkanċellaw l-unitajiet tal-emissjonijiet f’reġistru ddeżinjat minn programm ta’ unità tal-emissjonijiet u jitolbu lil kull reġistru ta’ programm ta’ unitajiet tal-emissjonijiet biex jagħmel viżibbli fuq is-sit web pubbliku tar-reġistru informazzjoni dwar kull waħda mill-unitajiet tal-emissjonijiet ikkanċellati tal-operatur tal-inġenji tal-ajru għall-perjodu rilevanti tal-CORSIA. Għal kull lott ta’ unitajiet ta’ emissjonijiet ikkanċellati, l-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni konsolidata elenkata fil-punti 5(a) sa (i) u (l) tal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Verifika tar-rapporti dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet

1.   Il-verifika tar-rapporti dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet sottomessi skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi li jwettqu dik il-verifika, għandhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067, sakemm mhuwiex previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-verifikaturi li jwettqu l-verifika tar-rapporti dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet sottomessi skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu akkreditati għal dik il-fini skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u dan ir-Regolament minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni ta’ Stat Membru. Il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandhom jistabbilixxu kwalunkwe rekwiżit speċifiku li l-verifikaturi jridu jissodisfaw sabiex jiksbu l-akkreditazzjoni.

3.   Għandu jkun meħtieġ livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni għall-verifiki kollha tar-rapporti dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet.

4.   Il-verifikatur għandu jiżgura li l-attivitajiet ta’ verifika mwettqa jippermettulu jasal għal konklużjoni dwar l-objettivi li ġejjin:

(a)

l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun irrapporta b’mod akkurat il-kanċellazzjonijiet tal-unitajiet tal-emissjonijiet tiegħu f’konformità mal-Artikolu 7;

(b)

l-għadd irrapportat ta’ unitajiet tal-emissjonijiet ikkanċellati huwa biżżejjed biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-kumpens finali totali tal-operatur tal-inġenji tal-ajru nnotifikati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 4(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879 assoċjati mal-perjodu rilevanti tal-CORSIA, u l-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ juri d-dritt esklużiv tal-użu għal tali unitajiet ta’ emissjonijiet ikkanċellati;

(c)

l-unitajiet tal-emissjonijiet ikkanċellati mill-operatur tal-inġenji tal-ajru biex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kumpens finali tiegħu ma ntużawx mill-operatur tal-inġenji tal-ajru biex jikkumpensa għal kwalunkwe emissjoni oħra.

5.   L-ambitu tal-verifika għandu jirrifletti l-perjodu ta’ żmien u l-informazzjoni koperti mir-rapport dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet u l-verifikatur għandu jikkonferma li l-unitajiet tal-emissjonijiet ikkanċellati użati biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-kumpens finali tal-operatur tal-inġenji tal-ajru ma ntużawx biex jikkumpensaw għal xi emissjonijiet oħra.

6.   Meta jwettqu l-verifika, il-verifikaturi ma għandhomx jiddependu fuq il-kampjunar.

7.   Meta l-verifikaturi jwettqu biss il-verifika tar-rapport dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet, huma jistgħu jiddeċiedu li ma jwettqux żjara fuq il-post. Dik id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq l-eżitu tal-analiżi tar-riskju u wara li jiġi ddeterminat li d-data rilevanti kollha tista’ tiġi aċċessata mill-bogħod. Il-verifikaturi għandhom jinfurmaw lill-operatur tal-inġenji tal-ajru b’dik id-deċiżjoni mingħajr dewmien żejjed.

8.   Ir-rapport ta’ verifika assoċjat mar-rapport dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV.

Artikolu 9

Trażmissjoni ta’ data mill-Istati Membri lill-ICAO

1.   Għall-fini li jiġi ffaċilitat il-kalkolu tal-fattur tat-tkabbir settorjali, sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lis-Segretarjat tal-ICAO d-data rilevanti li tkun ġiet irrapportata skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87/KE u skont dan ir-Regolament. Qabel dik it-trażmissjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifika tal-ordni ta’ kobor fuq id-data li għandha tiġi trażmessa. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu dik id-data lill-Kummissjoni wkoll. Tali data rilevanti għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament, meta jkun applikabbli.

2.   Fuq talba ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza tal-Eurocontrol biex ittejjeb l-akkuratezza tad-data dwar l-emissjonijiet, bil-ħsieb li tiġi trażmessa d-data f’konformità mal-paragrafu 1.

3.   Jekk l-Istat Membru rilevanti jidentifika żball fid-data rrapportata mill-operatur tal-inġenji tal-ajru, mill-verifikatur, jew mill-operatur tal-inġenji tal-ajru wara li d-data rrapportata tkun ġiet sottomessa skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jaġġorna d-data rrapportata biex jindirizza l-iżball. L-Istat Membru għandu jivvaluta kwalunkwe implikazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operatur tal-inġenji tal-ajru kif ikkalkolati f’konformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879 fis-snin preċedenti u, jekk ikun meħtieġ, jagħmel aġġustament biex jikkumpensa għall-iżball matul il-perjodu tal-CORSIA li fih ikun ġie identifikat l-iżball.

4.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lis-Segretarjat tal-ICAO informazzjoni dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet sal-31 ta’ Lulju 2025 għall-perjodu tal-CORSIA 2021–2023, u sal-31 ta’ Lulju 2028 għall-perjodu tal-CORSIA 2024–2026. Qabel dik it-trażmissjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifika tal-ordni ta’ kobor fuq id-data li għandha tiġi trażmessa. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu dik id-data lill-Kummissjoni wkoll. Id-data trażmessa għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness VI.

Artikolu 10

Tħassir

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/1603 jitħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament Delegat imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness VII.

Artikolu 11

Dispożizzjoni tranżizzjonali

L-emissjonijiet u l-użu tal-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA li seħħew mill-1 ta’ Jannar 2024 għandhom jiġu mmonitorjati, irrapportati u vverifikati f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/958/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/954 tal-25 ta’ Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta’ Jannar 2021 u tal-għażla magħmula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplani tul il-perjodu 2021–2023 (ĠU L 212, 3.7.2020, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/954/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 tat-18 ta’ Lulju 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni għall-iskop li tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 250, 30.9.2019, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/1603/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2066/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2067 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-verifika tad-data u l-akkreditament tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 94, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2067/oj).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1879 tad-9 ta’ Lulju 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kumpens għall-fini tal-CORSIA (ĠU L, 2024/1879, 10.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1879/oj).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009 tal-5 ta’ Awwissu 2009 dwar il-lista ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru li wettqu attività ta’ avjazzjoni elenkata fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE fl-1 ta’ Jannar 2006 jew wara, li tispeċifika l-Istat Membru ta’ amministrazzjoni għal kull operatur ta’ inġenji tal-ajru (ĠU L 219, 22.8.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/748/oj).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/765/oj).


ANNESS I

Skemi ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà approvati mill-CORSIA

(1)

Ċertifikazzjoni Internazzjonali dwar is-Sostenibbiltà u dwar il-Karbonju (ISCC, International Sustainability and Carbon Certification)

(2)

Roundtable on Sustainable Biomaterials (RSB)

(3)

ClassNK SCS


ANNESS II

Kontenut minimu tal-informazzjoni supplimentari fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru marbuta ma’ kull dikjarazzjoni tat-tnaqqis li jirriżulta mill-użu tal-fjuwil eliġibbli għall-CORSIA

(1)

Informazzjoni dwar l-operatur tal-inġenji tal-ajru u informazzjoni dwar ir-rapportar:

(a)

l-isem tal-operatur tal-inġenji tal-ajru;

(b)

l-indirizz tal-operatur tal-inġenji tal-ajru;

(c)

is-sena ta’ rapportar;

(2)

Data tax-xiri tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA;

(3)

Identifikazzjoni tal-produttur tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA:

(a)

l-isem tal-produttur tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA;

(b)

l-indirizz tal-produttur tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA;

(4)

Produzzjoni tal-fjuwil:

(a)

id-data tal-produzzjoni tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA;

(b)

il-post tal-produzzjoni tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA;

(c)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-lott ta’ kull lott ta’ fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA;

(d)

il-massa ta’ kull lott ta’ fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA prodott;

(5)

Tip ta’ fjuwil:

(a)

it-tip ta’ fjuwil (jiġifieri, Jet-A, Jet-A1, TS-1, No. 3 Jet fuel, Jet-B, AvGas);

(b)

il-materja prima użata biex jinħoloq il-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA;

(c)

il-proċess ta’ konverżjoni użat biex jinħoloq il-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA;

(6)

Fjuwil mixtri:

(a)

il-proporzjon tal-lott ta’ fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA mixtri (ittondjat għall-eqreb %);

(b)

il-massa totali ta’ kull lott ta’ fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA mixtri (f’tunnellati);

(c)

il-massa ta’ fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA mixtri (f’tunnellati);

(7)

Evidenza li l-fjuwil huwa fjuwil eliġibbli għall-CORSIA skont l-Artikolu 2, il-punt (1), jiġifieri dokument validu ta’ ċertifikazzjoni tal-fjuwil eliġibbli għall-CORSIA;

(8)

Il-valuri tal-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja tal-fjuwil eliġibbli għall-CORSIA kif iddikjarat fid-dokument ta’ ċertifikazzjoni tal-fjuwil eliġibbli għall-CORSIA:

(a)

il-valur tal-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (LCEF, Life Cycle Emissions Value) għal fjuwil eliġibbli għall-CORSIA partikolari, li huwa ugwali għas-somma tal-punti 8(b) u 8(c) (f’gCO2e/MJ ittondjat għall-eqreb numru sħiħ);

(b)

il-valur tal-valutazzjoni miċ-ċiklu tal-ħajja (LCA, Life Cycle Assessment) ewlieni għal fjuwil eliġibbli għall-CORSIA partikolari (f’gCO2e/MJ ittondjat għall-eqreb numru sħiħ);

(c)

il-valur tal-bidla fl-użu tal-art addizzjonali (ILUC, Induced Land Use Change) għal fjuwil eliġibbli għall-CORSIA partikolari (f’gCO2e/MJ ittondjat għall-eqreb numru sħiħ);

(9)

Xerrej intermedju:

(a)

l-isem tax-xerrej intermedju;

(b)

l-indirizz tax-xerrej intermedju;

(10)

Il-parti responsabbli mill-konsenja tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA lil min iħallat il-fjuwil:

(a)

l-isem tal-parti responsabbli mill-konsenja tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA lil min iħallat il-fjuwil;

(b)

l-indirizz tal-parti responsabbli mill-konsenja tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA lil min iħallat il-fjuwil;

(11)

Min iħallat il-fjuwil:

(a)

l-isem tal-parti responsabbli għat-taħlit tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA mal-fjuwil tal-avjazzjoni;

(b)

l-indirizz tal-parti responsabbli għat-taħlit tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA mal-fjuwil tal-avjazzjoni;

(12)

Il-post fejn il-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA jitħallat mal-fjuwil tal-avjazzjoni;

(13)

Id-data li fiha min iħallat il-fjuwil irċieva l-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA;

(14)

Massa ta’ fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA riċevut (f’tunnellati);

(15)

Il-proporzjon tat-taħlita ta’ fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA u fjuwil tal-avjazzjoni (ittondjat għall-eqreb %);

(16)

Dokumentazzjoni li turi li l-lott jew il-lottijiet ta’ fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA tħalltu mal-fjuwil tal-avjazzjoni (eż. iċ-Ċertifikat ta’ Analiżi sussegwenti tal-fjuwil imħallat);

(17)

Massa ta’ fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA ddikjarat (f’tunnellati).


ANNESS III

Kontenut minimu tar-rapport dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet minn operatur tal-inġenji tal-ajru lill-Istat Membru amministrattiv tiegħu

(1)

Informazzjoni dwar l-operatur tal-inġenji tal-ajru:

(a)

l-isem tal-operatur tal-inġenji tal-ajru;

(b)

l-indirizz tal-operatur tal-inġenji tal-ajru;

(c)

informazzjoni ta’ kuntatt tal-persuna fil-kumpanija tal-operatur tal-inġenji tal-ajru li hija responsabbli għar-Rapport dwar il-Kanċellazzjoni tal-Unitajiet tal-Emissjonijiet;

(d)

identifikatur uniku ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru;

(e)

l-Istat Membru amministrattiv;

(2)

Sena/snin fil-perjodu rrapportat tal-CORSIA li għaliha/għalihom ir-rekwiżiti ta’ kumpens huma rikonċiljati f’dan ir-rapport;

(3)

Ir-rekwiżiti tal-kumpens finali totali tal-operatur tal-inġenji tal-ajru (f’tunnellati), kif infurmat mill-Istat Membru skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879;

(4)

Il-kwantità totali tal-unitajiet tal-emissjonijiet ikkanċellati biex jiġu rikonċiljati r-rekwiżiti ta’ kumpens finali totali tal-punt 3;

(5)

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni konsolidata għal kull lott ta’ unitajiet tal-emissjonijiet ikkanċellati:

(a)

il-kwantità ta’ unitajiet tal-emissjonijiet ikkanċellati;

(b)

il-bidu tan-numri tas-serje;

(c)

it-tmiem tan-numri tas-serje;

(d)

id-data tal-kanċellazzjoni;

(e)

il-programm tal-unitajiet tal-emissjonijiet;

(f)

it-tip ta’ unità;

(g)

il-pajjiż ospitanti;

(h)

il-metodoloġija;

(i)

il-wiri tal-eliġibbiltà tad-data tal-unità;

(j)

l-isem tar-reġistru tal-unitajiet tal-emissjonijiet;

(k)

l-identifikatur uniku għall-kont tar-reġistru li għalih ġie kkanċellat il-lott;

(l)

l-operatur tal-inġenji tal-ajru li f’ismu ġiet ikkanċellata l-unità;

(m)

l-identifikatur uniku għall-kont tar-reġistru li minnu tkun inbdiet il-kanċellazzjoni.


ANNESS IV

Kontenut minimu tar-rapport ta’ verifika assoċjat mar-rapport dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet minn operatur tal-inġenji tal-ajru lill-Istat Membru amministrattiv tiegħu

(1)

L-ismijiet tal-verifikatur u tal-membri tat-tim tal-verifika;

(2)

L-allokazzjoni tal-ħin (inklużi kwalunkwe reviżjonijiet u dati);

(3)

L-ambitu tal-verifika;

(4)

Ir-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni tal-imparzjalità u l-evitar tal-kunflitti ta’ interess;

(5)

Il-kriterji li skonthom ġie vverifikat ir-rapport dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet;

(6)

L-informazzjoni u d-data dwar l-operatur tal-inġenji tal-ajru użati mit-tim ta’ verifika biex jagħmel kontroverifika tad-data u jwettaq attivitajiet oħra ta’ verifika;

(7)

Ir-riżultati ewlenin tal-analiżi strateġika u tal-valutazzjoni tar-riskju;

(8)

In-nuqqas ta’ konformità u d-dikjarazzjonijiet skorretti identifikati (inkluż deskrizzjoni ta’ kif dawn issolvew);

(9)

Il-konklużjonijiet dwar il-verifika tar-rapport dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet (inkluż il-konklużjoni dwar kull wieħed mill-objettivi ta’ verifika elenkati fl-Artikolu 8(4));

(10)

Il-ġustifikazzjonijiet għall-opinjoni ta’ verifika magħmula mit-tim ta’ verifika;

(11)

Ir-riżultati tar-rieżami indipendenti u l-isem tar-rieżaminatur indipendenti;

(12)

L-opinjoni ta’ verifika finali.


ANNESS V

Kontenut tar-rapport mill-Istat Membru lis-Segretarjat tal-ICAO

PARTI 1

Rapport annwali dwar l-emissjonijiet minn Stat Membru lis-Segretarjat tal-ICAO

(1)

L-emissjonijiet annwali totali tas-CO2 fuq kull par ta’ stati aggregati għall-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru li jirrapportaw lill-Istat Membru.

(2)

L-emissjonijiet annwali totali tas-CO2 għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru li jirrapporta lill-Istat Membru:

(a)

l-emissjonijiet annwali totali tas-CO2 għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru li jirrapporta lill-Istat Membru (f’tunnellati);

(b)

indikazzjoni dwar jekk intużatx għodda ta’ stima tal-emissjonijiet.

(3)

L-emissjonijiet annwali aggregati totali tas-CO2 għall-pari ta’ stati kollha soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru li jirrapporta lill-Istat Membru (f’tunnellati) għall-fini tal-kalkolu tal-fattur ta’ tkabbir settorjali (SGF, Sector’s Growth Factor) annwali tal-CORSIA kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879. Dawn huma emissjonijiet minn titjiriet internazzjonali bejn l-Istati kollha elenkati fid-dokument bit-titolu “CORSIA States for Chapter 3 State Pairs” ippubblikat kull sena mis-Segretarjat tal-ICAO.

(4)

L-emissjonijiet annwali aggregati totali ta’ CO2 għall-pari ta’ stati kollha mhux soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru li jirrapporta lill-Istat Membru (f’tunnellati). Dawn huma emissjonijiet minn titjiriet internazzjonali għajr dawk elenkati fil-punt 3.

PARTI 2

Informazzjoni supplimentari dwar il-fjuwils eliġibbli għall-CORSIA għar-rapport annwali dwar l-emissjonijiet minn Stat Membru lis-Segretarjat tal-ICAO

(1)

Produzzjoni:

(a)

is-sena tal-produzzjoni tal-fjuwil eliġibbli għall-CORSIA ddikjarat;

(b)

il-produttur tal-fjuwil eliġibbli għall-CORSIA;

(c)

il-post tal-produzzjoni tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA.

(2)

Lott ta’ fjuwil eliġibbli għall-CORSIA:

(a)

in-numru/i tal-lott ta’ kull fjuwil eliġibbli għall-CORSIA ddikjarat;

(b)

il-massa totali ta’ kull lott ta’ fjuwil eliġibbli għall-CORSIA ddikjarat (f’tunnellati).

(3)

Il-fjuwil eliġibbli għall-CORSIA ddikjarat:

(a)

it-tipi ta’ fjuwil (jiġifieri, it-tip ta’ fjuwil, il-materja prima u l-proċess ta’ konverżjoni);

(b)

il-massa totali tal-fjuwil pur eliġibbli għall-CORSIA (f’tunnellati) għal kull tip ta’ fjuwil li qed jiġi ddikjarat mill-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru li jirrapportaw lill-Istat Membru amministrattiv;

(c)

il-valur tal-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (LCEF) għal fjuwil eliġibbli għall-CORSIA partikolari.

(4)

It-tnaqqis totali ddikjarat li jirriżulta mill-użu ta’ fjuwil eliġibbli għall-CORSIA (f’tunnellati), għal kull tip ta’ fjuwil.

(5)

It-tnaqqis totali ddikjarat mill-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru, li jirrapportaw lill-Istat Membru amministrattiv, li jirriżulta mill-użu ta’ kull fjuwil eliġibbli għall-CORSIA (f’tunnellati).


ANNESS VI

Kontenut tar-rapport dwar il-kanċellazzjoni tal-unitajiet tal-emissjonijiet minn Stat Membru lis-Segretarjat tal-ICAO

(1)

L-operaturi tal-inġenji tal-ajru amministrati mill-Istat Membru b’rekwiżiti ta’ kumpens fil-perjodu tal-CORSIA rrapportat;

(2)

Is-sena/snin fil-perjodu tal-CORSIA rrapportat li għaliha/għalihom ir-rekwiżiti ta’ kumpens huma rikonċiljati fir-rapport;

(3)

It-total aggregat tar-rekwiżiti ta’ kumpens finali tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru (f’tunnellati), kif infurmat mill-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 4(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879;

(4)

Il-kwantità aggregata totali ta’ unitajiet tal-emissjonijiet ikkanċellati biex jiġu rikonċiljati r-rekwiżiti ta’ kumpens finali totali fil-punt 3;

(5)

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni konsolidata għal kull lott ta’ unitajiet tal-emissjonijiet ikkanċellati:

(a)

il-kwantità ta’ unitajiet tal-emissjonijiet ikkanċellati;

(b)

il-bidu tan-numri tas-serje;

(c)

it-tmiem tan-numri tas-serje;

(d)

id-data tal-kanċellazzjoni;

(e)

il-programm tal-unitajiet tal-emissjonijiet;

(f)

it-tip ta’ unità;

(g)

il-pajjiż ospitanti;

(h)

il-metodoloġija;

(i)

il-wiri tal-eliġibbiltà tad-data tal-unità;

(j)

l-isem tar-reġistru tal-unitajiet tal-emissjonijiet.


ANNESS VII

Tabella ta’ korrelazzjoni

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/1603

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1(1)

L-Artikolu 1(1)

L-Artikolu 1(2)

L-Artikolu 1(1)

L-Artikolu 2(1)

L-Artikolu 1(2)

L-Artikolu 2(2)

—

L-Artikolu 2(3)

—

L-Artikolu 2(4)

L-Artikolu 1(2)

L-Artikolu 3(1)

L-Artikolu 4

L-Artikolu 3(2)

—

L-Artikolu 4

L-Artikolu 6(1)

L-Artikolu 5

L-Artikolu 3(1) u (2)

L-Artikolu 6

L-Artikolu 9(2)

L-Artikolu 7

L-Artikolu 9(1)

L-Artikolu 8

—


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/927/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)