IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.11.2025
COM(2025) 729 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċitar tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta l-atti delegati skont ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċitar tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta l-atti delegati skont ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu
1.Introduzzjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu() (“ir-Regolament”) stabbilixxa qafas komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid sistematiċi tal-istatistika dwar it-turiżmu fl-Unjoni Ewropea.
Ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta l-atti delegati li:
·jemendaw id-definizzjonijiet sabiex jirriflettu l-bidliet fid-definizzjonijiet internazzjonali (l-Artikolu 2(2));
·jemendaw l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data sabiex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u tekniċi (l-Artikolu 9(5)); u
·jadattaw l-Annessi sabiex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u tekniċi. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tibdel id-dispożizzjonijiet fl-Annessi li jagħmlu d-data meħtieġa fakultattiva u li jillimitaw l-ambitu tagħha (l-Artikolu 3(2)).
Barra minn hekk, ir-Regolament jenfasizza l-importanza li qabel tadotta l-atti delegati, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, anke fil-livell tal-esperti.
2.Bażi legali
L-Artikolu 11(2) tar-Regolament jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta l-atti delegati għal perjodu ta’ 5 snin mill-11 ta’ Awwissu 2011. Din is-setgħa tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ulterjuri ta’ 5 snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mill-inqas 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
Il-Kummissjoni meħtieġa tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mill-inqas 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 5 snin. Dan ir-rapport jissodisfa dan ir-rekwiżit.
L-ewwel rapport, li jkopri l-perjodu 2011–2015, ġie adottat f’Jannar 2016().
It-tieni rapport, li jkopri l-perjodu 2016–2020, ġie adottat fi Frar 2021().
3.Eżerċitar tas-setgħat delegati skont ir-Regolament (UE) Nru 692/2011
Fil-perjodu 2011–2015, il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed: ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 253/2013().
Fil-perjodu 2016–2020, il-Kummissjoni adottat żewġ atti delegati: ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1681() u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1569().
Mill-2021 ’l hawn, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħa li tadotta l-atti delegati mogħtija lilha mir-Regolament (UE) Nru 692/2011.
4.Konklużjoni
Mir-rapport preċedenti ’l hawn, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħat delegati mogħtija lilha mir-Regolament (UE) Nru 692/2011.
Madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha li għandha żżomm dawn is-setgħat delegati, peress li fil-futur jaf ikollha bżonn (kif ġara fil-perjodi preċedenti) tadotta l-atti delegati biex iżżomm l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu f’konformità mad-definizzjonijiet internazzjonali jew biex tqis l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u tekniċi.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.