IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.5.2023
COM(2023) 617 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ungerija tal-2023 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija tal-2023
{SWD(2023) 617 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ungerija tal-2023 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija tal-2023
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih identifikat lill-Ungerija bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.
(3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.
(4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-Pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Huwa għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni, il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030, strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.
(5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika skont is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(6)Ir-Regolament REPowerEU, adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu ta’ sorsi rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.
(7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023 u l-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet imġedda fuq il-prezzijiet tal-enerġija, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi vulnerabbli u ditti. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE. Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.
(8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tar-regoli tal-governanza ekonomika. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li jsaħħu s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jippromwovu t-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investimenti. Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu lill-Istati Membri b’aktar kontroll fuq id-disinn tal-pjanijiet fuq terminu medju tagħhom, filwaqt li jistabbilixxu reġim tal-infurzar aktar strinġenti biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jwettqu l-impenji li ttieħdu fil-pjanijiet fiskali strutturali fuq terminu medju tagħhom. L-objettiv huwa li tiġi konkluża l-ħidma leġiżlattiva fl-2023.
(9)Fil-11 ta’ Mejju 2021, l-Ungerija ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fil-15 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ungerija. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Ungerija tkun issodisfat b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(10)Fit-2 ta’ Mejju 2023, l-Ungerija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2023 u l-Programm ta’ Konverġenza tagħha tal-2023, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Ungerija dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.
(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għall-Ungerija fl-24 ta’ Mejju 2023. Hija vvalutat il-progress tal-Ungerija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Ungerija. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Hija vvalutat ukoll il-progress tal-Ungerija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(12)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Ungerija u ppubblikat ir-riżultati tagħha fl-24 ta’ Mejju 2023. Hija kkonkludiet li l-Ungerija qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati ma’ pressjonijiet qawwija ħafna fuq il-prezzijiet u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-gvern żdiedu u huma sinifikanti. L-inflazzjoni għoliet b’mod sinifikanti u għadha ma bdietx timmodera b’mod viżibbli. Jekk l-inflazzjoni tibqa’ elevata għal perjodu estiż, tkompli ddgħajjef il-kompetittività fil-prezzijiet u tista’ tħalli l-ispejjeż ta’ finanzjament elevati. Id-defiċit fil-kont kurrenti kbir żdied b’mod qawwi mill-prezzijiet ogħla tal-enerġija fl-2022, u għola d-dejn estern fuq terminu qasir. It-titjib fil-kont kurrenti din is-sena u fis-sena li ġejja jiddependi fuq il-moderazzjoni ulterjuri mistennija tal-prezzijiet tal-enerġija, iżda d-defiċit fil-kont kurrenti huwa madankollu mbassar li jibqa’ mhux negliġibbli fl-2023 u fl-2024. L-intensità enerġetika għolja tal-ekonomika hija importanti għad-dinamika tal-kont kurrenti. Id-defiċit tal-gvern kien kbir, b’parti biss minnu xprunat mir-risponsi ta’ politika għall-pandemija u l-kriżi tal-enerġija, u jammonta għal ħafna mis-self estern tal-ekonomija. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern naqas bis-saħħa ta’ tkabbir tal-PDG nominali sinifikanti, iżda dak jista’ jiġi sfidat minn tnaqqis fl-attività u l-persistenza ta’ defiċits għoljin. L-ispejjeż tas-self sovrani żdiedu mill-2021, u l-gvern qed jaffaċċja piż tal-interessi li qed jiżdied, filwaqt li l-maturità tad-dejn għadha relattivament baxx. Il-prezzijiet tad-djar irduppjaw matul ħames snin iżda ż-żidiet fil-prezzijiet waqfu fl-aħħar tal-2022. Madankollu, il-probabbiltà ta’ tnaqqis fil-prezzijiet nominali sostanzjali tidher limitata fost dejn baxx tal-unitajiet domestiċi, kif ukoll fid-dawl tal-ambjent attwali ta’ inflazzjoni għolja. L-inkonsistenzi ta’ politika aggravaw il-vulnerabbiltajiet identifikati. Il-koordinazzjoni effettiva u d-demarkazzjoni ċara ta’ politiki makroekonomiċi, mirfuda minn qafas ta’ politika istituzzjonali b’saħħtu, huma strumentali biex jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fiskali u esterna kif ukoll biex jankraw l-aspettattivi. L-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ riformi strutturali inklużi fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Ungerija mistennija li tgħin tnaqqas il-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi u tappoġġa t-tkabbir u l-aġġustament fuq terminu medju.
(13)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Ungerija naqas minn 7,1 % tal-PDG fl-2021 għal 6,2 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 76,6 % tal-PDG fl-aħħar tal-2021 għal 73,3 % fl-aħħar tal-2022. Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE; ir-rapport iddiskuta s-sitwazzjoni baġitarja tal-Ungerija, billi d-defiċit tal-gvern estiż tiegħu fl-2022 qabeż il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li ma ġiex issodisfat il-kriterju tad-defiċit. Skont il-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ma pproponietx li jinfetħu proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2023; min-naħa tagħha, il-Kummissjoni indikat li tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Jenħtieġ li l-Ungerija tqis dan fl-eżekuzzjoni tal-baġit tiegħu tal-2023 u fit-tħejjija tal-baġit tiegħu għall-2024.
(14)Il-bilanċ tal-gvern estiż ġiet impattata mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex inaqqsu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri li jnaqqsu d-dħul inkludew tnaqqis fid-dazji tas-sisa fuq il-fjuwils; filwaqt li tali miżuri li jżidu n-nefqa inkludew sussidji lil kumpaniji tal-utilitajiet għat-telfiet miġruba minħabba limiti massimi fuq il-prezzijiet tal-enerġija residenzjali, u skemi ta’ appoġġ għal kumpaniji intensivi fl-enerġija. L-ispiża ta’ dawn il-miżuri ġiet ikkumpensata parzjalment minn taxxi ġodda fuq profitti straordinarji mhux mistennija ta’ produtturi u fornituri tal-enerġija, jiġifieri taxxa temporanja fuq il-marġni bejn iż-żejt Brent u ż-żejt Urals, taxxa temporanja fuq l-introjtu ta’ fornituri tal-enerġija u żieda temporanja fir-royalty għall-estrazzjoni ta’ minerali. Il-Kummissjoni tistma li l-ispiża baġitarja netta ta’ dawn il-miżuri hija 1,0 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie impattat ukoll mill-ispiża baġitarja tal-protezzjoni temporanja lil persuni spustati mill-Ukrajna, li huwa stmat fil-livell ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, l-ispiża stmata tal-miżuri ta’ emerġenza temporanji tal-COVID-19 naqset għal 0,1 % tal-PDG fl-2022, minn 1,9 % fl-2021.
(15)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 l-Ungerija żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreżerva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.
(16)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali fl-2022 kien ta’ appoġġ, fil-livell ta’ -0,4 % tal-PDG, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, l-Ungerija kompliet tappoġġa l-irkupru b’investimenti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,5 % tal-PDG fl-2022 (2,1 % tal-PDG fl-2021). It-tnaqqis fin-nefqiet iffinanzjati minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE fl-2022 kien minħabba assorbiment aktar baxx tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,2 % punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. L-Ungerija għalhekk ma ppreżervatx l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, li mhuwiex skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovda kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,6 % punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. L-Ungerija għalhekk żammet b’mod suffiċjenti taħt kontroll it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali.
(17)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Konverġenza huwa favorevoli. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber b’1,5 % fl-2023 u 4,0 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir aktar baxx tal-PDG reali ta’ 0,5 % fl-2023 u 2,8 % fl-2024, fil-biċċa l-kbira minħabba tkabbir aktar baxx mistenni fil-konsum privat xprunat minn tkabbir aktar baxx mistenni fil-pagi nominali u rata tal-qgħad kemxejn ogħla. Il-Kummissjoni tipproġetta wkoll tkabbir aktar baxx fil-konsum tal-gvern u fl-esportazzjonijiet netti. It-tkabbir tal-PDG nominali pproġettat mit-tbassir tal-Kummissjoni huwa aktar baxx tul il-perjodu ta’ tbassir minħabba t-tkabbir aktar baxx mistenni tal-PDG u d-deflatur tal-PDG.
(18)Fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2023, il-gvern jistenna li l-proporzjon tad-defiċit tal-gvern estiż se jonqos għal 3,9 % tal-PDG fl-2023. It-tnaqqis fl-2023 fil-biċċa l-kbira tiegħu jirrifletti dħul mit-taxxa ogħla xprunat mill-inflazzjoni għolja u t-taxxi temporanji fuq profitti straordinarji mhux mistennija u settorjali stmati fil-livell ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2023. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni li jonqos minn 73,3 % fl-aħħar tal-2022 għal 69,7 % fl-aħħar tal-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,0 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa skont id-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Konverġenza. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon ogħla tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 70,7 % fl-aħħar tal-2023. Id-differenza hija minħabba tkabbir tal-PDG aktar baxx u d-deflatur tal-PDG fit-tbassir tal-Kummissjoni.
(19)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 mistenni jkompli jiġi impattat mill-miżuri adottati biex inaqqsu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Huma jikkonsistu minn miżuri estiżi mill-2022 b’mod partikolari: sussidji lil kumpaniji tal-utilitajiet għat-telfiet miġruba minħabba limiti massimi fuq il-prezzijiet tal-enerġija residenzjali, u skemi ta’ appoġġ għal kumpaniji intensivi fl-enerġija. L-ispiża ta’ dawn il-miżuri tkompli tiġi parzjalment ikkumpensata mit-taxxi fuq profitti straordinarji mhux mistennija ta’ fornituri tal-enerġija. Filwaqt li jitqies dan id-dħul, l-ispiża baġitarja netta tal-miżuri ta’ appoġġ hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni fil-livell ta’ 1,2 % tal-PDG fl-2023. Il-miżuri fl-2023 ma jidhrux immirati lejn l-unitajiet domestiċi jew id-ditti l-aktar vulnerabbli, u l-biċċa l-kbira tagħhom ma jippreżervawx bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex jitnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. B’riżultat ta’ dan, l-ebda miżura ta’ appoġġ immirata ma għandha titqies fil-valutazzjoni ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni għall-2023.
(20)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda li l-Ungerija tieħu azzjoni biex tiżgura fl-2023 li t-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun f’konformità mal-pożizzjoni ta’ politika newtrali ġenerali, filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għal żidiet fil-prezz tal-enerġija u lill-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Ungerija tkun lesta li taġġusta n-nefqa kurrenti għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. L-Ungerija ġiet irrakkomandata wkoll li tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
(21)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun restrittiva (+4,2 % tal-PDG), f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Dan isegwi pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2022 (-0,4 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 2,2 % għall-pożizzjoni fiskali. Għalhekk, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali huwa f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tammonta għal 2,3 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,6 punt perċentwali. Għalhekk, l-Ungerija qed tippjana li tiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, għalkemm mhuwiex ipproġettat li tippreżerva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Hija qed tippjana li tiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-iżvilupp tal-grilja elettrika, il-modernizzazzjoni tal-ferroviji suburbani, l-appoġġ għall-użu ta’ pannelli fotovoltajċi residenzjali, il-forniment ta’ laptops lil studenti fi skejjel sekondarji tal-ewwel livell u miżuri tad-diġitalizzazzjoni fil-kura tas-saħħa, li huma ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
(22)Skont il-Programm ta’ Konverġenza, id-defiċit tal-gvern estiż mistenni li jonqos għal 2,9 % tal-PDG fl-2024. It-tnaqqis fl-2024 fil-biċċa l-kbira tiegħu jirrifletti tnaqqis sinifikanti fin-nefqa tal-gvern estiż bħala sehem mill-PDG, b’mod partikolari fuq il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss, il-konsum intermedju u l-kumpens lill-impjegati. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG jonqos għal 66,7 % sal-aħħar tal-2024. Fuq il-bażi ta’ miżura ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,4 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa ogħla mid-defiċit ipproġettat fil-programm, fil-biċċa l-kbira minħabba nefqa pproġettata ogħla fuq il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss f’konformità ma’ xejriet reċenti u konsum intermedju ogħla xprunat minn pressjonijiet inflazzjonarji persistenti. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon ogħla tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 71,1 % fl-aħħar tal-2024.
(23)Il-Programm ta’ Konverġenza jipprevedi t-tneħħija gradwali ta’ xi wħud mill-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Il-Kummissjoni bħalissa tassumi l-ispiża netta tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fil-livell ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2024, meta mqabbla ma’ 1,2 % tal-PDG fl-2023. Dawn l-istimi jiddependu mill-preżunzjoni ta’ ebda żieda mġedda fil-prezz tal-enerġija. Il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li bħalissa huma ppjanati li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 ma jidhrux immirati lejn unitajiet domestiċi jew ditti vulnerabbli. Huma ma jippreżervawx bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika.
(24)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jappella għal titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv fuq terminu medju ta’ 0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment. Filwaqt li jitqiesu kunsiderazzjonijiet tas-sostenibbiltà fiskali u l-ħtieġa li jitnaqqas id-defiċit għal inqas minn 3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG, ikun adatt titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PDG għall-2024. Sabiex jiġi żgurat tali titjib, it-tkabbir fin-nefqa primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 jenħtieġ li ma jaqbiżx l-4,4 %, kif rifless f’din ir-rakkomandazzjoni. Dan jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-inflazzjoni sottostanti, li hija ferm ogħla mill-medja tal-UE, u li tista’ twassal għal telf fil-kompetittività jekk dawn ikunu persistenti, u s-salvagwardja tal-pożizzjoni esterna.
Fl-istess ħin, il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li fadal (bħalissa stmati mill-Kummissjoni fil-livell ta’ 1,2 % tal-PDG fl-2023) jenħtieġ li jitneħħew gradwalment, kontinġenti fuq żviluppi fis-suq tal-enerġija u jibdew minn dawk l-inqas immirati, u jenħtieġ li l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, dan iwassal għal tkabbir fin-nefqa primarja netta aktar baxx minn dak irrakkomandat għall-2024.
(25)Filwaqt li tassumi politiki li jibqgħu l-istess, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tikber fil-livell ta’ 7,0 % fl-2024, li huwa ogħla mir-rata ta’ tkabbir rakkomandata. L-aġġustament ipproġettat fit-tbassir tal-Kummissjoni huwa inqas mill-iffrankar mit-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li huwa minħabba nefqa elevata fuq il-konsum intermedju u l-formazzjoni grossa tal-kapital fiss u t-tneħħija gradwali mistennija tat-taxxi temporanji fuq profitti straordinarji mhux mistennija u settorjali.
(26)Skont il-programm, l-investiment pubbliku mistenni jonqos minn 5,1 % tal-PDG fl-2023 għal 3,7 % tal-PDG fl-2024. L-investiment aktar baxx jirrifletti wkoll investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali aktar baxx u investiment aktar baxx iffinanzjat mill-UE.
(27)Il-Programm ta’ Konverġenza jiddiskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2027. Skont il-programm, id-defiċit tal-gvern estiż mistenni jonqos b’mod gradwali fil-livell ta’ 1,9 % tal-PDG fl-2025, 1,4 % fl-2026 u 0,9 % fl-2027. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa għalhekk ippjanat li jibqa’ taħt it-3 % tal-PDG tul il-perjodu tal-programm. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jonqos minn 66,7 % fl-aħħar tal-2024 għal 56,3 % fl-aħħar tal-2027.
(28)Il-politiki monetarji, fiskali u ta’ żvilupp ekonomiku rrispondew għall-isfidi ekonomiċi reċenti b’mod mhux ikkoordinat, li dgħajjef l-effettività tar-rispons ġenerali ta’ politika. Il-politika monetarja bdiet tissikka fl-2021 iżda l-espansjoni fiskali kompliet għaddejja sal-bidu tal-2022. Diversi miżuri temporanji ta’ politika introdotti mill-2021 kellhom l-għan li jippreżervaw il-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi b’mod mhux immirat, permezz ta’ limiti massimi tal-prezzijiet u tar-rata tal-imgħax u sussidji tal-enerġija fiskalment għoljin. Il-limiti massimi ġew introdotti fuq fjuwils tal-magni u ċerti oġġett tal-ikel bażiċi. Il-limitu massimu tar-rata tal-imgħax ġew introdotti fuq ipoteki b’rata varjabbli, is-self lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, ċerti selfa għall-istudenti, u d-depożiti bankarji kbar. Il-biċċa l-kbira minnhom se jiskadu fl-2023. L-ispiża ta’ dawn il-miżuri fil-biċċa l-kbira ġġarbet minn kumpaniji u s-settur finanzjarju, permezz ta’ dħul imnaqqas u taxxi indiretti ogħla, u l-effetti distorsivi tagħhom ikkontribwew għal produzzjoni domestika aktar baxxa u prezzijiet ogħla bejn prodotti mhux direttament affettwati mil-limiti massimi. Huma fixklu wkoll l-aġġustament tad-domanda għal ambjent ekonomiku ġdid. Il-politiki tal-iżvilupp ekonomiku ddependew fuq skemi ta’ self issussidjat biex jgħinu lill-kumpaniji jaġġustaw għal skossi ekonomiċi. Skema ta’ self issussidjat kbira b’rati tal-imgħax fissi tnediet fi Frar 2023, biex tappoġġa lill-kumpaniji li jaffaċċjaw spejjeż tal-enerġija li qed jgħolew. Il-limiti massimi tal-prezzijiet u tar-rata tal-imgħax u s-self issussidjat kontrobilanċjaw l-isforzi ta’ politika monetarja biex titnaqqas l-inflazzjoni, fost oħrajn billi jnaqqsu l-effettività tal-istrumenti tal-bank ċentrali. Il-Bank Ċentrali Ewropew sab li ċerti miżuri regolatorji, inkluż il-limitu massimu tar-rati tad-depożiti bankarji jimpedixxu t-twettiq ta’ politika monetarja effiċjenti.
(29)Dgħufijiet fl-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-baġit żiedu l-preġudizzju espansjonarju tal-politika fiskali u għalhekk ikkontribwew għal ħafna mill-isfidi makroekonomiċi attwali tal-Ungerija. Mill-2016, l-adozzjoni bikrija ħafna ta’ baġits annwali naqqset il-kwalità tat-tbassiriet makroekonomiċi u baġitarji. Diversi regoli tal-flessibbiltà baġitarja u riżervi tal-baġit kbar ippermettew nefqa diskrezzjonarja ogħla, li aggravat il-proċikliċità tal-politika fiskali. Deċiżjonijiet ad hoc dwar in-nefqa ttieħdu ħafna drabi fi tmiem is-sena tal-baġit jew ġew promulgati b’digrieti tal-gvern matul is-sena mingħajr sorveljanza parlamentari u konsultazzjoni pubblika adegwati, li min-naħa tagħhom naqqsu t-trasparenza baġitarja. Il-qafas fiskali nazzjonali ma evitax defiċits pubbliċi għoljin minħabba nuqqasijiet fit-tfassil ta’ regoli fiskali domestiċi, inkluża regola dwar id-dejn b’karatteristiċi proċikliċi, l-infurzar dgħajjef tal-ippjanar baġitarju fuq terminu medju, li kompla jnaqqas ir-rwol speċjali tar-reġim ta’ ‘stat ta’ periklu’, u r-rwol u r-riżorsi limitati tal-Kunsill Fiskali. Il-mandat u r-riżorsi limitati tal-kunsill fiskali nazzjonali u jillimitaw l-effettività tiegħu fil-gwida ta’ ta’ diskussjonijiet pubbliċi dwar kwistjonijiet fiskali.
(30)Il-prezzijiet tad-djar żdiedu b’mod qawwi fl-Ungerija fl-aħħar deċennju, filwaqt li l-provvista tal-akkomodazzjoni baqgħet limitata. Skemi ta’ sussidju mmirat ta’ kull ġimgħa għax-xiri tad-djar, disponibbli wkoll għal unitajiet domestiċi b’introjtu ogħla li diġà għandhom unità tal-abitazzjoni, ikkontribwew għal żidiet reċenti fil-prezzijiet. Sussidji fuq il-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni, inklużi għotjiet, self issussidjat u rati preferenzjali tal-VAT, huma bl-istess mod mhux immirati.
(31)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. F’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2021/241, l-Ungerija esprimiet l-intenzjoni tagħha li titlob sa EUR 6 600 000 000 ta’ appoġġ b’self addizzjonali skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Li nipproċedu b’mod rapidu bl-implimentazzjoni tal-pjan hija essenzjali minħabba n-natura temporanja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fis-seħħ sal-2026. Huwa importanti bl-istess mod għall-Ungerija li tiżgura kapaċità amministrattiva adegwata biex twettaq l-impenji tal-pjan. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Ungerija fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali. Minħabba l-adozzjoni tardiva tiegħu f’Diċembru 2022, l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Ungerija ddewmet b’mod sinifikanti. Implimentazzjoni rapida u kostanti tal-pjan tirrikjedi l-issodisfar tas-27 stadju importanti relatati mat-tisħiħ tal-indipendenza ġudizzjarja u s-salvagwardja tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Mhuwa possibbli l-ebda pagament skont il-pjan sakemm dawn l-istadji importanti huma implimentati b’mod sħiħ u korrett. L-allokazzjoni tal-għotja REPowerEU tal-Ungerija tammonta għal EUR 701,6 miljun. L-Ungerija qed tippjana li tuża l-għotja REPowerEU u self addizzjonali għal investimenti relatati mal-enerġija.
(32)Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Ungerija fl-2022. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fl-Ungerija.
(33)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Ungerija qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mal-faqar, il-kompetizzjoni fis-suq tax-xogħol fis-servizzi u l-enerġija.
(34)Filwaqt li l-indikaturi tal-faqar ġenerali tjiebu matul l-aħħar deċennju, marret għall-agħar is-sitwazzjoni relattiva ta’ ċerti gruppi żvantaġġati, bħal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, tfal, persuni b’diżabbiltà, Rom u persuni li jgħixu f’stabbilimenti rurali remoti. Ir-rata ta’ deprivazzjoni materjali u soċjali estremi hija waħda mill-ogħla fl-UE, b’disparitajiet sinifikanti bejn ir-reġjuni. Hija partikolarment għolja fost it-tfal u r-Rom. Il-gruppi żvantaġġati jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw assistenza soċjali adegwata, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u servizzi ta’ tfittix ta’ impjieg. L-unitajiet domestiċi mingħajr introjtu stabbli jiffaċċjaw xibka ta’ sikurezza soċjali li qed tiddgħajjef. Is-sistema tat-taxxa hija ta’ piż sproporzjonat għall-ħaddiema b’paga aktar baxxa. Is-sorsi ewlenin ta’ introjtu għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx ma laħħqux mal-għoli tal-ħajja f’dan l-aħħar deċennju. L-adegwatezza tal-introjtu minimu hija waħda mill-aktar baxxi fl-UE. Iż-żidiet reċenti fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel jitfgħu piż sproporzjonat fuq ħaddiema b’paga baxxa, filwaqt li l-miżuri ta’ appoġġ huma fil-biċċa l-kbira mhux immirati. L-emenda reċenti tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni soċjali naqqset ir-responsabbiltà tal-istat li jipprovdi l-kura soċjali.
(35)Ir-rata ewlenija ta’ impjieg hija relattivament għolja, iżda ċerti gruppi żvantaġġati bħar-Rom, persuni b’livell baxx ta’ ħiliet , nisa b’responsabbiltajiet ta’ kura u persuni b’diżabbiltà għandhom diffikultajiet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol miftuħ minħabba d-dgħufijiet fis-sistemi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, tal-assistenza soċjali u fl-istrutturi ta’ appoġġ għal persuni li qed ifittxu impjieg. Id-differenzi fir-rata ta’ impjieg għal persuni b’livell baxx ta’ ħiliet, ir-Rom u persuni b’diżabbiltà għadhom persistentement kbar. Waħda minn ħames nisa li qed ifittxu impjieg bi ħlas titħalla barra mis-suq tax-xogħol minħabba responsabbiltajiet ta’ kura għal tfal jew dipendenti b’diżabbiltà. Il-benefiċċji u l-aċċess għal miżuri attivi tas-suq tax-xogħol effettivi għal gruppi żvantaġġati mhumiex adegwati. It-tul ta’ żmien tal-benefiċċju tal-qgħad huwa ta’ tliet xhur, filwaqt li ż-żmien medju li ttieħed għas-sejbien ta’ impjieg kien ta’ 16-il xahar fl-2022. Erbgħa minn kull 10 persuni qiegħda rreġistrati huma mingħajr benefiċċji. Il-medja twila ta’ reġistrazzjoni tindika sfidi ta’ kapaċità fis-servizz pubbliku tal-impjiegi. Is-sehem ta’ persuni li qed ifittxu impjieg b’ħiliet bażiċi baxxi huwa aktar mid-doppju meta mqabbel mal-medja nazzjonali. Is-sehem ta’ adulti li jipparteċipaw fit-tagħlim għadu baxx b’mod partikolari fost persuni b’livell baxx ta’ ħiliet u persuni qiegħda.
(36)Id-djalogu soċjali għadu fost l-aktar dgħajjef fl-UE u dan l-aħħar kompla jiddeterjora. Il-korp tripartitiku ewlieni jservi prinċipalment bħala forum għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni għall-gvern u ma għandu l-ebda qafas legali formali, mingħajr djalogu sinifikanti ħlief għall-iffissar tal-paga minima. Filwaqt li n-nuqqas ta’ għalliema huwa sfida li qed tiżdied, dispożizzjonijiet legali ġodda rażżnu d-dritt tal-għalliema għal azzjoni kollettiva u wessgħu l-possibbiltà tal-impjegaturi li jkeċċu b’mod retroattiv għalliema li jipparteċipaw f’diżubbidjenza ċivili biex jipprotestaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Riformi reċenti, introdotti mingħajr djalogu sinifikanti mal-unions rilevanti, affettwaw b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tax-xogħol u dgħajfu l-awtorappreżentanza għall-ħaddiema fil-kura tas-saħħa.
(37)Dan l-aħħar, kien hemm każijiet ta’ interferenza pubblika f’għadd ta’ swieq, li dgħajfu ċ-ċertezza legali. Dawn l-interventi kellhom it-tendenza li jiskoraġġixxu jew jillimitaw l-investiment barrani u dak tal-UE f’ċerti swieq, u ppermettew ix-xiri ta’ kumpaniji minn intrapriżi tal-istat jew ditti privati b’rabtiet mill-qrib mal-gvern. Huma jaffettwaw serjament il-prinċipji tas-suq uniku u tal-istat tad-dritt, li jrażżan l-opportunitajiet għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Pereżempju, ditti u industriji speċifiċi jiffaċċjaw trattament diskriminatorju permezz ta’ taxxi mfassla apposta, limiti massimi tal-prezz u regolamenti imposti fi żmien qasir u mingħajr konsultazzjoni minn qabel. Mill-2020, il-gvern uża wkoll is-setgħa straordinarja tiegħu skont l-“istat ta’ periklu” biex jintroduċi tali miżuri. Id-dħul tal-baġit minn taxxi speċifiċi għas-settur huwa sinifikanti. Pereżempju, dan l-aħħar il-gvern impona limiti massimi tal-prezz amministrattivi u taxxa fuq il-profitt ta’ 90 % fuq il-produzzjoni tas-siment u l-materjali taċ-ċeramika. Dawn huma industriji b’livell għoli ta’ sjieda barranija. F’Diċembru 2022, il-gvern żied f’daqqa t-taxxa fuq il-kumpaniji farmaċewtiċi u tal-assigurazzjoni. Il-banek tgħabbew b’limitu massimu fuq ir-rati flessibbli tas-self ipotekarju, li kellu impatt fuq il-kapaċità tagħhom li jsellfu u l-profittabbiltà tagħhom. Intużaw spezzjonijiet amministrattivi, multi u ż-żamma ta’ permessi selettivi u arbitrarji biex tiġi eżerċitata pressjoni żejda fuq ċerti kumpaniji, b’mod partikolari fil-bejgħ bl-imnut u t-trasport. Jidher li hemm nuqqas ta’ rimedju effettiv kontra miżuri arbitrarji li jittieħdu mill-awtoritajiet. Is-settur tal-bejgħ bl-imnut għadu qed jiffaċċja regolamenti imprevedibbli. Il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-istabbiliment jew tal-bidliet fi ħwienet ta’ aktar minn 400 metru kwadru ma jidhrux li huma trasparenti, u hija dubjuża d-disponibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju. It-taxxa fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut titfa’ piż sproporzjonat fuq kumpaniji akbar li ma għandhomx is-sede tagħhom fl-Ungerija. Il-Gvern spiss juża s-setgħa tiegħu biex jeżenta tranżazzjonijiet mill-kontroll tal-amalgamazzjonijiet. L-impatt ta’ tali tranżazzjonijiet fuq l-ekonomija, il-kompetizzjoni u s-suq uniku mhux qed jiġi vvalutat. Il-kriterji għal dawn l-eżenzjonijiet mhumiex stabbiliti b’mod trasparenti, u ma hemm l-ebda proċedura formali biex jiġu kkontestati dawn il-kriterji jew id-deċiżjoni nnifisha. Bħala riżultat ta’ dawn l-interventi, żdied is-sjieda domestika mill-istat jew favur l-istat fis-settur bankarju, tat-telekomunikazzjoni, tal-utilitajiet, tal-media, tat-televiżjoni, tax-xandir bir-radju għad-detriment tas-sjieda barranija. Fuq il-bażi ta’ tħabbiriet minn membri tal-gvern, jistgħu jkunu mistennija tranżazzjonijiet simili fis-settur tal-assigurazzjoni, tal-bejgħ bl-imnut u tat-trasport, b’mod partikolari rigward l-Ajruport ta’ Budapest. Il-preżenza mnaqqsa ta’ kapital u għarfien prattiku barrani, b’mod partikolari f’industriji b’valur miżjud għoli bħall-banek u t-telekomunikazzjoni, tirriskja li trażżan l-opportunitajiet tal-Ungerija għat-tkabbir tal-produttività u l-innovazzjoni.
(38)It-taħlita enerġetika tal-Ungerija hija ddeterminata miż-żejt u l-gass, li kull wieħed minnhom jammonta għal madwar terz tal-użu ġenerali tal-enerġija. Is-sorsi tal-enerġija nukleari u dawk rinnovabbli għandhom sehem ta’ 15 % u madwar 14 %, rispettivament. L-Ungerija tkompli tiddependi ħafna fuq ir-Russja għal fjuwils fossili kif ukoll in-nukleari u l-isforzi tagħha biex titbiegħed mid-dipendenza Russa huma kajmani. Tliet kwarti tal-konsum domestiku tal-gass huwa kopert mill-importazzjonijiet mir-Russja. Fl-2021, l-Ungerija ffirmat ftehim fit-tul dwar il-provvista tal-gass ma’ Gazprom u f’April 2023 innegozjatu mill-ġdid b’għażla għal kwantitajiet addizzjonali. It-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi se jirrikjedi azzjoni addizzjonali sinifikanti b’mod partikolari biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien, inkluż fejn meħtieġ fl-infrastruttura, biex jiġi żgurat l-aċċess għal sorsi alternattivi ta’ fjuwils fossili. L-elettrifikazzjoni u l-investiment previst f’industriji intensivi fl-enerġija se jżidu l-ħtieġa għall-produzzjoni tal-elettriku. Minkejja ż-żieda sinifikanti fil-kapaċità tal-enerġija solari matul dawn l-aħħar snin, is-sehem tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli għadu wieħed mill-aktar baxxi fl-UE. L-installazzjoni ta’ impjanti tal-enerġija mir-riħ waqfet u hija mistennija li tibda mill-ġdid wara t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet legali. L-enerġija ġeotermali ma ġietx utilizzata biżżejjed. L-ambjent regolatorju li qed jinbidel spiss joħloq diversi sfidi għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, il-limitazzjonijiet tal-kapaċità tal-grilja tal-elettriku joħolqu ostaklu sinifikanti għall-konnessjoni ta’ sorsi rinnovabbli mal-grilja, filwaqt li n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda u tal-provvista, u l-awtonomizzazzjoni limitata tal-konsumatur joħolqu restrizzjoni kbira fuq l-iżvilupp ta’ produzzjoni tal-elettriku nadifa u rinnovabbli. L-integrazzjoni subottimali fis-suq tal-ibbilanċjar tal-UE hija wkoll opportunità mitlufa biex tiġi ottimizzata l-grilja għal kapaċità addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli.
(39)L-Ungerija għandha potenzjal sinifikanti fl-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fil-bini residenzjali. Il-konsum tal-Ungerija tal-gass naturali naqas b’20 % fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum tal-gass medju matul l-istess perjodu tal-ħames snin preċedenti, lil hinn mill-mira għat-tnaqqis ta’ 15 %, anki minħabba miżuri fis-settur pubbliku u l-emenda tas-sistema tal-limiti massimi tal-prezz tal-enerġija applikata għall-unitajiet domestiċi. L-Ungerija hija inkoraġġuta tkompli ssegwi l-isforzi biex tnaqqas temporanjament id-domanda tal-gass sal-31 ta’ Marzu 2024. Madankollu, minkejja dawn il-bidliet reċenti, is-sistema fis-seħħ għadha ma tippermettix li s-sinjali tal-prezz jaħdmu sew u joħolqu inċentiv suffiċjenti għall-iffrankar tal-enerġija. Il-limiti massimi tal-prezz huma applikati b’mod uniformi għall-unitajiet domestiċi kollha. L-unitajiet domestiċi b’introjtu għoli jibbenefikaw ukoll mill-prezz amministrattiv issussidjat, filwaqt li l-familji b’introjtu baxx spiss jgħixu fi djar inqas effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Skemi mmirati għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx ikunu aktar effiċjenti kemm fl-appoġġ ta’ unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fil-ġenerazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija.
(40)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-manifattura, l-użu u l-manutenzjoni ta’ teknoloġiji żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Fl-2022, ġew irrapportati nuqqasijiet ta’ ħaddiema fl-Ungerija għal 31 okkupazzjoni li kienu jirrikjedu ħiliet jew għarfien speċifiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika. Fl-istess ħin, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-taħriġ fl-industriji intensivi fl-enerġija naqset b’mod sinifikanti u issa hija taħt il-medja tal-UE.
(41)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(42)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2023. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-Rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jgħinu jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet b’rabta ma’ pressjonijiet qawwija ħafna fuq il-prezzijiet u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern u tal-gvern. Ir-Rakkomandazzjonijiet (2) u (4) jikkontribwixxu għall-indirizzar tar-rakkomandazzjoni (1).
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fl-2023 u l-2024 biex:
1.Tnaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sal-aħħar tal-2023 billi tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern. Jekk iż-żidiet imġedda fil-prezz tal-enerġija jirrikjedu miżuri ta’ appoġġ, tiżgura li dawn huma mmirati għall-protezzjoni ta’ unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli, affordabbli fiskalment u jippreżervaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.
Tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 4,4 %.
Tippreżerva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv ta’ għotjiet RRF u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għall-perjodu lil hinn mill-2024, tkompli ssegwi strateġija fiskali fuq terminu medju ta’ konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, biex tikseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.
Issegwi l-koordinazzjoni effettiva u d-demarkazzjoni ċara ta’ politiki makroekonomiċi biex tiżgura is-sostenibbiltà fiskali u esterna. Tneħħi gradwalment il-limiti massimi tal-prezzijiet u tar-rata tal-imgħax biex tnaqqas l-effetti distorsivi u tiffaċilita t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Timmira l-miżuri ta’ appoġġ fis-settur tal-akkomodazzjoni lejn unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. Issaħħaħ il-qafas baġitarju ta’ terminu medju, tallinja t-tħejjija ta’ baġits annwali mas-sena baġitarja, u tillimita d-diskrezzjoni fl-implimentazzjoni ta’ baġits annwali.
2.Tissodisfa b’mod urġenti l-istadji importanti u l-miri meħtieġa relatati mat-tisħiħ tal-indipendenza ġudizzjarja u s-salvagwardja tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni sabiex tippermetti l-implimentazzjoni rapida u kostanti tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. Tiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li tibda b’mod rapidu l-implimentazzjoni tiegħu. Tipproċedi bl-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà mill-qrib u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
3.Ittejjeb l-adegwatezza tas-sistema ta’ assistenza soċjali, inklużi l-benefiċċji tal-qgħad. Ittejjeb l-aċċess għal miżuri attivi tas-suq tax-xogħol effettiv, b’mod partikolari opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet għall-gruppi l-aktar żvantaġġati, u tiżgura djalogu soċjali effettiv. Ittejjeb il-qafas regolatorju u l-kompetizzjoni fis-servizzi billi tevita interventi amministrattivi selettivi u arbitrarji u l-użu ta’ leġiżlazzjoni mfassla apposta li tipprovdi vantaġġ jew żvantaġġ mhux dovut lil kumpaniji speċifiċi, billi tapplika l-iskrutinju tal-kompetizzjoni b’mod sistematiku għat-tranżazzjonijiet kummerċjali u billi tnaqqas l-użu ta’ miżuri ta’ emerġenza għal dawk li huma strettament meħtieġa, f’konformità mal-prinċipji tas-suq uniku u tal-istat tad-dritt.
4.Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq fjuwils fossili billi taċċellera l-użu ta’ sorsi rinnovabbli, inkluż l-enerġija mir-riħ, il-bijometan ġeotermali u sostenibbli, b’mod partikolari billi tissimplifika l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi filwaqt li twettaq valutazzjonijiet regolari tal-impatt ambjentali u billi toħloq ambjent regolatorju prevedibbli u ta’ appoġġ. Tneħħi gradwalment is-sussidji għal fjuwils fossili. Tirriforma r-regoli tas-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar u l-iffissar tat-tariffi biex tippermetti l-irkupru tal-ispejjeż u l-aħjar użu tal-grilja u, fejn ikun meħtieġ, taġġorna l-infrastruttura tal-elettriku inklużi l-kapaċitajiet tal-grilja u tal-ħżin. Tiddiversifika l-importazzjonijiet ta’ fjuwils fossili biex tnaqqas b’mod sinifikanti d-dipendenza fuq ir-Russja, inkluż billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra, inkluż fejn meħtieġ fuq l-infrastruttura. Ittejjeb l-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fil-bini u tkompli bl-isforzi biex tnaqqas il-konsum globali tal-gass. Taġġusta s-sistema attwali ta’ prezzijiet regolati tal-enerġija biex tħeġġeġ l-iffrankar tal-enerġija filwaqt li tipprovdi appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. Iżżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President