|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/5006 |
11.9.2025 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2025/5006)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Melva de Andalucía”
Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-ES-0280-AM01 — 12.6.2025
1. Isem il-prodott
Melva de Andalucía
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
IĠP |
|
☐ |
DOP |
|
☐ |
IĠ |
3. Settur
|
☑ |
Prodotti agrikoli |
|
☐ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Spanja
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Isem
Id-Direttorat Ġenerali għall-Industriji, għall-Innovazzjoni u għall-Katina Agroalimentari
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-emenda approvata tissodisfa d-definizzjoni ta’ emenda standard, kif stabbilita fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143, peress li ma tinkludix bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem, ma hemm l-ebda riskju li tiġi annullata r-rabta stabbilita maż-żona ġeografika jew li tinvolvi restrizzjonijiet ġodda fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
Titolu
Emenda tat-Taqsima E) DESKRIZZJONI TAL-METODU TAL-PRODUZZJONI tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
Deskrizzjoni
Il-formulazzjoni tal-punt c) Tisjir ttejbet billi ġie speċifikat li l-kontrolli tal-ilma jridu jitwettqu fil-bidu tal-ġurnata u fuq l-ilma tat-tisjir, u issa se jaqra kif ġej:
“Għandha titwettaq dissoluzzjoni tal-melħ fl-ilma tajjeb għax-xorb jagħli, li tvarja skont id-daqs u l-karatteristiċi tal-ħut. Il-valuri pH u Cl tal-ilma użat għat-tisjir iridu jiġu mmonitorjati fil-bidu tal-ġurnata li fiha l-ħut jissajjar, sabiex jiġi evitat li jinqabżu l-valuri massimi awtorizzati (pH < 9,5 u Cl < 0.8 mg/l).”
Il-formulazzjoni tal-punt g) Sterilizzazzjoni ttejbet biex jiġi ċċarat li l-analiżijiet se jitwettqu permezz ta’ kampjunar, mingħajr ma l-frekwenza tal-analiżi tkun tista’ tiġi interpretata mod ieħor, bil-kliem li ġej:
“It-testijiet tal-inkubazzjoni u dawk analitiċi għandhom jitwettqu permezz ta’ kampjunar biex tiġi vverifikata l-effettività tal-proċess.”
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku |
Titolu
Aġġornament tal-informazzjoni tat-Taqsima G) VERIFIKA TAL-KONFORMITÀ TAL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Deskrizzjoni
Test emendat:
Il-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq titwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, għax-xorb spirituż u għall-prodotti agrikoli, kif ukoll dwar l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli.
L-awtorità kompetenti nominata responsabbli għall-kontrolli hija d-Direttorat Ġenerali għall-Industriji, għall-Innovazzjoni u għall-Katina Agroalimentari tal-Ministeru Reġjonali għall-Agrikoltura, għas-Sajd, għall-Ilma u għall-Iżvilupp Rurali tal-Gvern Reġjonali ta’ Andalusija, C/ Tabladilla, s/n, 41071, Sevilla; Tel: 955 032 278; Fax: 955 032 112;
Email: dgiica.capadr@juntadeandalucia.es
L-informazzjoni dwar il-korpi inkarigati mill-kontroll tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tista’ tinstab fl-indirizz li ġej: Https://lajunta.es/5fq00 jew inkella billi wieħed jidħol fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Kunsill Reġjonali tal-Agrikoltura, is-Sajd u l-Ambjent (https://juntadeandalucia.es/organismos/agriculturapescaaguaydesarrollorural.html) u jikklikkja kif ġej: “Temi”/“Industriji, Innovazzjoni u Katina Agroalimentari”/“Kwalità agroalimentari”/“Denominazzjonijiet ta’ kwalità”/“Prodotti derivati mis-sajd”.
U l-funzjonijiet speċifiċi jiddependu fuq il-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq.”
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku |
Titolu
Emenda tat-taqsima H) TIKKETTAR tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, kif ukoll tal-punt 3.6 tad-Dokument Uniku.
Deskrizzjoni
Ir-rekwiżit li jiġi inkluż it-terminu “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” tħassar u l-logo tal-Bord Regolatorju ġie inkluż.
Test emendat:
“Il-kliem ‘Melva de Andalucía’ u s-simbolu tal-Unjoni Ewropea għandhom jidhru b’mod prominenti fuq it-tikketta individwali ta’ kull impriża li tikkummerċjalizza l-prodott kopert bl-Indikazzjoni Ġeografika Protetta ‘Melva de Andalucía’. Barra minn hekk, l-imballaġġ tal-prodotti ippreżervati kollha tal-‘Melva de Andalucía’ koperti minn din l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta għandu jkollu l-logo tal-Borg Regolatorju muri hawn taħt.”
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Tħassir tat-Taqsima I) REKWIŻITI LEĠIŻLATTIVI tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tħassret.
Deskrizzjoni
It-Taqsima I) Rekwiżiti leġiżlattivi tħassret biex il-kontenut tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott isir konformi ma’ dak stabbilit fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku |
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli
“Melva de Andalucía”
Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-ES-0280-AM01 — 12.6.2025
1. Isem/Ismijiet
Melva de Andalucía
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☐ |
DOP |
|
☑ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
Spanja
4. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
4.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
16 — PREPARATI TA’ LAĦAM, TA’ ĦUT JEW TA’ KRUSTAĊJI, MOLLUSKI JEW INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN, JEW TA’ INSETTI
03 — ĦUT U KRUSTAĊJI, MOLLUSKI U INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN
1604 20 90 — Ta’ ħut ieħor
4.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
Flettijiet tat-tumbrell ippreżervati fl-istat naturali u fiż-żejt, prodotti b’metodu artiġjanali.
Il-flettijiet huma distinti mill-konsistenza kompatta, tarija u mmerrqa tagħhom, mir-riħa pjaċevoli u mit-togħma tassew karatteristika tal-ħut żejtni.
Huma kkummerċjalizzati tliet varjetajiet ta’ flettijiet tat-tumbrell ippreżervat, li jvarjaw fil-likwidu tal-preżervazzjoni użat: żejt taż-żebbuġa, żejt tal-ġirasol jew ilma għat-tisjir. Jiġu ppakkjati f’reċipjenti tal-metall rettangolari jew ċilindriċi, jew f’bottijiet tal-ħġieġ.
4.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn indikazzjoni ġeografika protetta biss)
Il-materja prima użata hija ħut tal-ispeċi “Auxis rochei” u “Auxis thazard”, li għandhom ġisem robust, tawwali u tond b’imnieħer qasir u b’żewġ pinen dorsali separati sew. Il-ħuta għandha lewn kaħlani jew griż jagħti fl-ikħal, b’żaqqha u ġenbejha fiddiena; ġilditha iebsa u b’saħħitha, bla qxur, għajr fil-parti ta’ quddiem ta’ ġisimha u tul il-linja laterali.
4.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-proċess tal-produzzjoni tal-prodott ippreżervat huwa wieħed artiġjanali, tradizzjonali tal-Andalusija. It-tumbrell jitqaxxar bl-idejn mingħajr l-użu ta’ sustanzi kimiċi, u b’hekk jiġi żgurat prodott tal-aqwa kwalità, lewn abjad jagħti fil-griż, li jżomm il-karatteristiċi kollha tiegħu.
Bħala sustanza ta’ preżervazzjoni jintużaw esklussivament is-salmura (bi proporzjon ta’ inqas minn 1 % melħ), iż-żejt taż-żebbuġa jew iż-żejt tal-ġirasol.
4.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
—
4.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Fit-tikketti individwali ta’ kull azjenda li tikkummerċjalizza t-tumbrell ippreżervat kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Melva de Andalucía”, għandhom jidhru b’mod obbligatorju: il-kliem “Melva de Andalucía” u s-simbolu tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-imballaġġ tal-prodotti ippreżervati kollha tal-“Melva de Andalucía” koperti minn din l-Indikazzjoni Ġeografika għandu jkollha l-logo tal-bord Regolatorju kif muri hawn taħt.
Kull tip ta’ imballaġġ li fih it-tumbrell kopert mill-IĠP li jitqiegħed fis-suq għandu jkollu tikketta nnumerata u maħruġa mill-Bord Regolatorju. Din it-tikketta għandha titwaħħal mill-azjenda tal-produzzjoni stess, u dejjem b’mod li t-tikketta ma tkunx tista’ terġa’ tintuża.
4.7. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona ta’ produzzjoni tal-prodott ippreżervat tinsab fil-muniċipalitajiet ta’ Almería, Adra, Carboneras, Garrucha u Roquetas de Mar fil-provinċja ta’ Almería; Algeciras, Barbate, Cádiz, Chiclana de la Frontera, Chipiona, Conil, La Línea, Puerto de Santa María, Rota, Sanlúcar de Barrameda u Tarifa fil-provinċja ta’ Cádiz; Almúñecar u Motril fil-provinċja ta’ Granada; Ayamonte, Cartaya, Huelva, Isla Cristina, Lepe, Palos de la Frontera u Punta Umbría fil-provinċja ta’ Huelva; Estepona, Fuengirola, Málaga, Marbella u Vélez-Málaga fil-provinċja ta’ Málaga.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta kawżali mal-oriġini ġeografika hija bbażata fuq:
|
☑ |
Reputazzjoni |
|
☑ |
Kwalità partikolari |
|
☐ |
Karatteristiċi oħra |
Sommarju tar-rabta
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
It-tumbrell ippreżervat għandu jiġi prodott f’impjanti ta’ ppreżervar li jinsabu fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni. Għandhom jiġu rispettati r-rekwiżiti indikati fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni artiġjanali, li ssegwi l-metodi u l-proċeduri użati fl-antik li bis-saħħa tagħhom jinżammu l-karatteristiċi naturali tal-ħut. It-tqaxxir tal-ħut bl-idejn huwa stadju partikolarment importanti fil-proċess tal-produzzjoni u jitwettaq minn ħaddiema tas-sengħa mħarrġa f’din l-operazzjoni, li l-għarfien tagħhom tradizzjonalment ġie mgħoddi minn ġenerazzjoni għal oħra.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Il-metodi artiġjanali użati biex jipproduċu l-prodotti jżommu l-karatteristiċi naturali kollha tagħhom, li huma distinti mill-konsistenza kumpatta, tarija u mmerrqa tagħhom, mir-riħa pjaċevoli, u mit-togħma tassew karatteristika tal-ħut żejtni.
Dawn il-prodotti ppreżervati ġejjin minn materja prima magħmula mill-ispeċijiet imsemmija. Għalkemm dawn huma speċijiet li jpassu, jinstabu b’mod regolari fl-ixtut taż-żona ġeografika ddefinita.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP)
L-ispeċijiet ta’ ħut migratorju ilhom jiġu mistada fin-nofsinhar ta’ Spanja għal madwar tlett elef sena, mindu l-Feniċji u t-Tartessjani bdew jaqbdu t-tonn, it-tumbrell u l-kavall permezz ta’ xbieki żgħar, xbieki tat-tidwir rudimentarji u snanar. Minbarra s-sajd, ta’ min issemmi wkoll l-importanza tal-industrija tal-ipproċessar ta’ dawn l-ispeċijiet migratorji, li l-oriġini tagħha tmur lura għas-seklu 1. Kull tip ta’ tonn u kavall kien jiġi pproċessat f’fabbriki li kienu jinsabu tul ix-xatt kollu tal-Andalusija. Eżempju minnhom huma l-fdalijiet magħrufa ta’ Baelo Claudia de Bolonia (Tarifa), fejn il-vaski għadhom viżibbli sal-lum. Għaldaqstant, l-attivitajiet ta’ ppreżervar tal-prodotti tas-sajd fl-Andalusija, prodotti minn speċijiet maqbudin fiż-żona, huma parti minn tradizzjoni qadima li għadha teżisti sal-lum, bl-istess metodi artiġjanali ta’ produzzjoni li jwasslu għal prodotti ta’ kwalità għolja li timmarka d-differenza ma prodotti oħra. Bis-saħħa tal-materja prima u tal-metodu ta’ produzzjoni artiġjanali, il-karatteristiċi organolettiċi ta’ dawn il-prodotti ippreżervati jagħmluhom prodott tal-aqwa kwalità, u importanti wkoll għas-sigurtà alimentari.
L-industrija tal-ippreżervar artiġjanali ġiet xprunata minn impriżi familjari żgħar u ta’ daqs medju, immaniġġjati mill-fundatur stess jew min-nisel tiegħu, u b’hekk maż-żmien inżammu t-tekniċi artiġjanali tal-produzzjoni. It-tradizzjoni twila ta’ din l-industrija fl-Andalusija, bl-esperjenza tal-produzzjoni artiġjanali ta’ dan il-prodott mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra, tiggarantixxi ħaddiema b’idejn esperti.
Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(1) Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5006/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)