European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2383

26.11.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2383

tal-25 ta’ Novembru 2025

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/76 fir-rigward tal-istandard armonizzat dwar ir-regoli ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-installazzjoni ta’ liftijiet rigward l-evakwazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà bl-użu ta’ liftijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-liftijiet u l-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet li huma konformi mal-istandards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iridu jkunu preżunti konformi mar-rekwiżiti essenzjali koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom, stabbiliti f’dik id-Direttiva.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 6588 (3), il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN, European Committee for Standardization) biex jabbozza standard armonizzat ġdid dwar ir-regoli tas-sikurezza għall-evakwazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà bl-użu ta’ liftijiet b’appoġġ għad-Direttiva 2014/33/UE, li jirrifletti l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku rikonoxxut b’mod ġenerali biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2014/33/UE u, meta rilevanti, ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif stabbilit fil-punt 1.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2014/33/UE.

(3)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2023) 6588, is-CEN abbozza l-istandard armonizzat EN 81-76:2025 dwar l-evakwazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà bl-użu ta’ liftijiet.

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandard EN 81-76:2025 jikkonformax mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2023) 6588.

(5)

L-istandard armonizzat EN 81-76:2025 jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza li għandu l-għan ikopri u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2014/33/UE. Għalhekk, jixraq li r-referenza ta’ dan l-istandard armonizzat tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Fl-Anness I tagħha, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/76 (5) tipprovdi r-referenzi tal-istandards armonizzati li jikkonferixxu preżunzjoni tal-konformità mad-Direttiva 2014/33/UE. Biex jiġi żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/33/UE jkunu elenkati f’att wieħed, ir-referenza tal-istandard EN 81-76:2025 jenħtieġ li tiġi inkluża f’dak l-Anness.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/76 tiġi emendata kif xieraq.

(8)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ dan l-istandard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/76 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)  Id-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal liftijiet u komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 251, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/33/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 6588 tal-5 ta’ Ottubru 2023 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni rigward il-liftijiet u l-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet b’appoġġ għad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)  Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/42/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/76 tas-26 ta’ Jannar 2021 dwar standards armonizzati għal-liftijiet u għall-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 27, 27.1.2021, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/76/oj).


ANNESS

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/76, tiddaħħal ir-ringiela li ġejja:

“10b.

EN 81-76:2025

Regoli tas-sikurezza għall-kostruzzjoni u l-installazzjoni ta’ liftijiet — Applikazzjonijiet partikolari għal liftijiet għal passiġġieri u liftijiet għal passiġġieri u oġġetti — Parti 76: Evakwazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà bl-użu ta’ liftijiet”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2383/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)