|
5.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 391/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1920
tat-28 ta’ Ġunju 2021
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istat tal-Qatar, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fis-7 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Istat tal-Qatar għal ftehim dwar it-trasport bl-ajru. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istat tal-Qatar, min-naħa l-oħra (“il-Ftemin”) fl-4 ta’ Marzu 2019. |
|
(2) |
L-iffirmar tal-Ftehim f’isem l-Unjoni u l-applikazzjoni proviżorja tiegħu ma jaffettwawx l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tiġix interpretata bħala li tagħmel użu mill-possibbiltà li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward ta’ oqsma koperti mill-Ftehim li jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża sal-punt li tali kompetenza tkun għadha ma ġietx eżerċitata internament mill-Unjoni. |
|
(3) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istat tal-Qatar, min-naħa l-oħra, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja f’konformità mal-Artikolu 29(3) tiegħu, sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
M. do Céu ANTUNES
(1) Ara paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.