|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2203 |
3.11.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2203
tal-31 ta’ Ottubru 2025
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/564 fir-rigward tat-trasferiment f’format elettroniku tar-rekords tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti miżmuma mill-utenti professjonali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 67(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom iżommu rekords tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jużaw, li jkun fihom l-isem tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, il-ħin u d-doża tal-applikazzjoni, iż-żona ttrattata u l-għalla fejn ikun intuża l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/564 (2), ir-rekords li inizjalment ma jkunux inħolqu f’format elettroniku li jinqara mill-magni għandhom jiġu ttrasferiti f’tali format mhux aktar tard minn 30 jum mid-data tal-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti rispettiv. Dak ir-rekwiżit għandu japplika għall-użi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jseħħu mill-1 ta’ Jannar 2026. |
|
(3) |
Diversi Stati Membri jeħtieġu aktar żmien biex iħejju għall-introduzzjoni tat-trasferiment tar-rekords f’format elettroniku u biex jipprovdu t-taħriġ meħtieġ lill-utenti, b’mod partikolari dawk fis-setturi mhux agrikoli, kif ukoll il-bdiewa fuq skala żgħira u dawk anzjani. |
|
(4) |
Jeħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jippermettu lill-utenti ma jittrasferixxux f’format elettroniku preskritt ir-rekords għall-użi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorji tagħhom qabel l-1 ta’ Jannar 2027. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/564 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/564, jiżdied dan il-paragrafu li ġej:
“Għall-użi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq it-territorju tagħhom qabel l-1 ta’ Jannar 2027, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li r-rekords rispettivi ma jiġux ittrasferiti fil-format elettroniku preskritt.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1107/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/564 tal-10 ta’ Marzu 2023 fir-rigward tal-kontenut u l-format tar-rekords tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti miżmuma minn utenti professjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 74, 13.3.2023, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/564/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2203/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)