European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3981

20.8.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Lulju 2025

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Irlanda

(C/2025/3981)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta' April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tiegħu fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment tiegħu, fuq perjodu ta' 4 jew 5 snin, skont it-tul tal-mandat leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (2) f'dawn il-pjanijiet irid ikun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż ir-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat, fuq it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. L-Irlanda żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(4)

Fit-28 ta' Mejju 2021, l-Irlanda ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fit-8 ta' Settembru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Irlanda (5), li ġiet emendata skont l-Artikolu 18(2) fit-8 ta' Diċembru 2023 biex taġġorna l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli (6), kif ukoll fil-21 ta' Ġunju 2024 biex tinkludi l-kapitolu REPowerEU (7). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li l-Irlanda tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Irlanda (8). Il-pjan li ġie ppreżentat f'konformità mal-Artikolu 11 u l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2029 u jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja fil-forma ta' rata massima ta' tkabbir fin-nefqa netta fuq 4 snin.

(6)

Fis-26 ta' Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2025 tal-Irlanda. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2025, li fih ma identifikatx l-Irlanda bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom tkun meħtieġa rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (9) fit-13 ta' Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta' Marzu 2025.

(7)

Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tal-istart-ups permezz ta' inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta' teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Biex tintlaħaq il-mira ta' ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ħejjiet Pjan ta' Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa' kosteffettiva, favur il-kompetittività, b'mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u tkun fattur ewlieni tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tassigura l-aċċess għall-materja prima kritika u sorsi ta' enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività u Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta' kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)

Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha, jew subsett sinifikanti minnhom, identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni ta' pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati f'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019–2024.

(10)

Fl-4 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għall-Irlanda. F'dan ġie vvalutat il-progress tal-Irlanda fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-Irlanda tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa l-Irlanda. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-progress li għamlet l-Irlanda fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

Valutazzjoni tar-Rapport ta' Progress Annwali

(11)

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għall-Irlanda: 5,1 % fl-2025, 6,5 % fl-2026, 4,9 % fl-2027, 5,4 % fl-2028 u 4,7 % in 2029, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b'referenza għall-2023 ta' 15,4 % fl-2025, 22,8 % fl- 2026, 28,9 % fl-2027, 35,8 % fl-2028 u 42,3 % fl-2029. Fis-6 ta' Mejju 2025, l-Irlanda ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali (10) tagħha, dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Irlanda dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(12)

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat biex tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (NEC, national escape clause) tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod ikkoordinat biex jiġu appoġġati l-isforzi tal-UE biex tinkiseb żieda rapida u sinifikanti fin-nefqa fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025.

(13)

Abbażi ta' data vvalidata mill-Eurostat (11), is-surplus tal-gvern estiż tal-Irlanda żdied minn surplus ta' 1,5 % tal-PDG fl-2023 għal surplus ta' 4,3 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 43,3 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 40,9 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta' tkabbir tan-nefqa netta ta' 8,2 % fl-2024. Fir-rapport ta' Progress Annwali, l-Irlanda tistma li t-tkabbir nett fin-nefqa fl-2024 huwa ta' 8,0 %. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (12), li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet b'mod ġenerali newtrali fl-2024.

(14)

Skont ir-Rapport ta' Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji mill-Irlanda jistenna tkabbir tal-PDG reali ta' 4,1 % fl-2025 u ta' 3,4 % fl-2026, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pprojettata għal 2,1 % kemm fl-2025 % kif ukoll fl-2026. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b'3,4 % fl-2025 u b'2,5 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 1,6 % fl-2025 u ta' 1,4 % fl-2026.

(15)

Fir-Rapport ta' Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 1,5 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 37,7 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 5,3 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern estiż ta' 0,7 % tal-PDG għall-2025. It-tnaqqis tas-surplus fl-2025 jirrifletti prinċipalment tnaqqis fit-tkabbir tad-dħul f'kuntest ta' livelli ogħla ta' inċertezza tal-konsumatur u tan-negozju, kif ukoll in-nuqqas ta' dħul għoli ta' darba li seħħ fl-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżvilupp jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta' 6,7 % fl-2025. Dawn il-projezzjonijiet ogħla ta' tkabbir fin-nefqa netta meta mqabbla mar-Rapport ta' Progress Annwali huma dovuti għal tkabbir -tan-nefqa kurrenti aktar b'saħħtu kif stmat mill-Kummissjoni, inklużi suppożizzjonijiet diverġenti dwar l-impatt permanenti lil hinn mill-2024 tal-pakkett dwar l-għoli tal-ħajja mħabbar fil-Baġit 2025. Id-differenza bejn il-bilanċ tal-gvern estiż ipprojettat mill-Kummissjoni u mill-Irlanda hija dovuta għad-differenzi fis-suppożizzjonijiet makroekonomiċi sottostanti, kif ukoll għat-tkabbir fin-nefqa kurrenti aktar b'saħħtu stmat mill-Kummissjoni. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun newtrali fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jonqos għal 38,6 % sa tmiem l-2025. It-tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 jirrifletti prinċipalment is-surplus previst tal-gvern u d-differenzjal favorevoli bejn ir-rata tal-imgħax u t-tkabbir, ikkoreġut għal aġġustamenti sinifikanti tal-fluss tal-istokk.

(16)

In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal inqas minn 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma' inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Irlanda.

(17)

In-nefqa għad-difiża tal-gvern estiż fl-Irlanda baqgħet stabbli għal 0,2 % tal-PDG bejn l-2021 u l-2023 (13). Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fuq id-difiża hija pprojettata li tibqa' stabbli għal 0,2 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Dan ma jikkorrispondi għall-ebda bidla meta mqabbel mal-2021.

(18)

Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Irlanda hija pprojettata li tikber b'6,7 % fl-2025 u bi 15,5 % b'mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tan-nefqa netta tal-Irlanda fl-2025 huwa pprojettat li jkun ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni (14) ta' 0,3 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija wkoll ipprojettata li tkun ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' inqas minn 0,1 % tal-PDG. Id-devjazzjoni projettata taqbeż xi ftit il-limitu ta' 0,3 % tal-PDG għad-devjazzjoni annwali iżda ma taqbiżx il-limitu ta' 0,6 % tal-PDG għad-devjazzjoni kumulattiva. B'mod ġenerali, dan ifisser li hemm riskju ta' devjazzjoni mit-tkabbir tan-nefqa netta massima rakkomandata, meta d-data tal-eżitu għall-2025 ser tkun disponibbli fir-rebbiegħa li jmiss.

(19)

Fir-Rapport ta' Progress Annwali, is-surplus tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 1,0 % tal-PDG fl-2026, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jonqos għal 35,9 % sa tmiem l-2026. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern estiż ta' 0,1 % tal-PDG fl-2026. It-tnaqqis tas-surplus fl-2026 jirrifletti prinċipalment is-suppożizzjoni ta' tkabbir modest fid-dħul u tkabbir qawwi kontinwu fin-nefqa. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 6,2 % fl-2026. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, hija pprojettata li tkun ġeneralment newtrali fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jonqos għal 38,2 % sa tmiem l-2026. It-tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 jirrifletti prinċipalment id-differenzjal favorevoli bejn ir-rata tal-imgħax u t-tkabbir, ikkoreġut għal aġġustamenti sinifikanti tal-fluss tal-istokk.

Sfidi ta' politika ewlenin

(20)

Il-finanzi pubbliċi tal-Irlanda huma soġġetti għal riskji sinifikanti minħabba li d-dħul mit-taxxa tagħha huwa kkonċentrat ħafna fuq relattivament ftit kumpaniji multinazzjonali bi sjieda barranija. Id-dħul mit-taxxa korporattiva, li żdied b'aktar mid-doppju mill-2019 u ammonta għal EUR 28,1 biljun (19 % tad-dħul tal-gvern) fl-2024, huwa partikolarment espost. Fl-2023, aktar minn nofs dan id-dħul tħallas minn 10 kumpaniji kbar biss. Barra minn hekk, l-awtoritajiet jistmaw li nofs id-dħul mit-taxxa korporattiva huwa “imprevist” u ta' natura inċerta ħafna. B'riżultat ta' dan, żviluppi internazzjonali bħal bidliet fil-politika tal-kummerċ u tat-tassazzjoni tal-Istati Uniti jew fl-ambjent tat-taxxa globali jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq l-istabbiltà tad-dħul tal-Irlanda. L-istabbiliment tal-Fond Futur għall-Irlanda u l-Fond għall-Infrastruttura, il-Klima u n-Natura jservi biex jidderieġi d-dħul imprevist lejn objettivi ta' nfiq aktar fit-tul. L-Irlanda tibbenefika minn żieda fir-reżiljenza tal-finanzi pubbliċi tagħha billi tiddiversifika s-sorsi ta' dħul tagħha. Għal dan l-għan, l-Irlanda tista' żżid ir-rendiment mit-taxxi fuq il-kapital u l-ġid, tirrieżamina l-infiq tat-taxxa li ma jilħaqx b'mod effettiv il-livell mixtieq ta' ridistribuzzjoni jew objettivi oħra, jew ittejjeb il-mod kif is-sistema tat-taxxa tappoġġa l-objettivi ambjentali. Min-naħa tal-infiq, għad hemm tħassib relatat mal-impatt tal-kosteffettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa fuq is-sostenibbiltà fiskali. It-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa pprojettat li jwassal biex l-infiq tal-Irlanda fuq il-kura tas-saħħa pubblika jiżdied b' 1,5 punti perċentwali sal-2070 bħala perċentwal tal-PDG, ferm ogħla miż-żieda medja mbassra tal-UE ta' 0,4 punti perċentwali. Peress li s-sistema tal-kura tas-saħħa tiddependi żżejjed fuq kura fl-isptar li tiswa ħafna flus, aggravata min-nuqqas ta' kopertura universali tal-kura primarja, hemm lok għal riforma biex tittaffa l-pressjoni fuq l-isptarijiet.

(21)

F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li mistennija jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Irlanda permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026, adottata fl-4 ta' Ġunju 2025, tikkjarifika l-iskeda taż-żmien applikabbli għat tmiem il-Faċilità u tagħti gwida lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-implimentazzjoni sal-31 ta' Awwissu 2026, inkluż dwar kif jissimplifikaw aktar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, tiddeskrivi l-għażliet ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati meta jirrieżaminawhom, u tisħaq fuq l-importanza ta' ppjanar konġunt bil-galbu qabel ma jressqu l-aħħar talbiet għall-pagament fl-2026. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(22)

L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) aċċellerat fl-Irlanda. Huwa importanti li jkomplu għaddejjin l-isforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta' dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. L-Irlanda diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir filwaqt li ttejjeb il-koeżjoni soċjali. Fl-istess ħin, l-Irlanda għadha qed tiffaċċa sfidi, inkluża l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kompetittività, speċjalment fir-reġjun tal-Majjistral li għadu lura fil-prestazzjoni ekonomika, kif ukoll id-disparitajiet soċjali fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi żvantaġġati. F'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Irlanda hija meħtieġa – bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni – tirrieżamina kull programm filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta' April 2025 (15) jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta' valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta' nofs it-terminu għal wara l-31 ta' Marzu 2025. Dawn jipprovdu wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu l-implimentazzjoni tal-programmi ssir aktar malajr u inċentivi biex l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni għal ħames oqsma ta' prijorità strateġika tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività f'teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija, u għal investimenti fil-ħiliet f'setturi ta' prijorità filwaqt li l-attenzjoni tinżamm fuq il-persuni fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli fil-programmi tal-FSE+.

(23)

Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità ta' investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP titwassal permezz ta' 11-il fond tal-UE eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU biex jiġu appoġġati investimenti f'oqsma ta' prijorità. L-Irlanda tista' tuża dawn l-inizjattivi bl-aħjar mod biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta' teknoloġiji kritiċi, inkluż it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(24)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE, l-Irlanda għandha tindirizza b'mod effettiv l-isfidi li fadal marbuta mar-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura u n-networks tal-enerġija, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-trasport sostenibbli, il-ġestjoni tal-ilma, l-ekonomija ċirkolari, l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, u l-inklużjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol.

(25)

It-tkabbir tal-produttività fl-Irlanda huwa xprunat b'mod predominanti minn kumpaniji multinazzjonali, filwaqt li l-produttività fost in-negozji domestiċi – fil-biċċa l-kbira intrapriżi żgħar u ta' daqs medju – hija komparattivament aktar baxxa mill-kontropartijiet tagħhom fl-UE. Dan jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kapaċità tal-innovazzjoni domestika. Inċertezza ġeopolitika akbar tenfasizza l-ħtieġa urġenti li tinbena ekonomija domestika aktar reżiljenti u mmexxija mill-innovazzjoni. L-infiq pubbliku fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fl-Irlanda huwa wieħed mill-aktar baxxi fl-UE, li jammonta għal 0,2 % biss tal-PDG (0,4 % tal-ING*). L-espansjoni tal-investiment pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp mhux biss issaħħaħ is-sistema tal-innovazzjoni tal-Irlanda iżda wkoll trawwem l-eċċellenza xjentifika, tagħti spinta lir-reżiljenza ekonomika u tappoġġa t-tkabbir sostenibbli fit-tul. Barra minn hekk, porzjon sinifikanti tal-appoġġ tal-gvern għar-riċerka u l-iżvilupp tan-negozju jieħu l-forma ta' kreditu ta' taxxa tar-riċerka u l-iżvilupp. Filwaqt li dan huwa strument importanti biex jiġi stimulat l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp tas-settur privat, iż-żieda fil-finanzjament dirett għar-riċerka u l-innovazzjoni tipprovdi appoġġ aktar immirat għall-SMEs u tagħti spinta lill-kapaċità tagħhom li jinnovaw u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ekosistema ekonomika usa'.

(26)

L-Irlanda għadha tiddependi fuq sorsi tal-enerġija bbażati fuq il-fossili. Din id-dipendenza toħloq sfida sinifikanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra u biex tintlaħaq il-mira tal-Irlanda skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet li ma jaqgħux taħt l-ETS b' 42 % sal-2030 meta mqabbla mal-2005. L-aħħar projezzjonijiet tal-emissjonijiet jindikaw li l-Irlanda mhijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq din il-mira.

(27)

Is-sistema tal-elettriku tal-Irlanda kompliet turi sinjali ta' stress fl-2024, hekk kif il-prezzijiet bl-imnut baqgħu ferm ogħla mill-medja tal-UE. Dan ifisser li n-negozji u l-konsumaturi Irlandiżi jħallsu primjum fuq il-konsum tagħhom tal-elettriku, li min-naħa tiegħu jaffettwa l-kostijiet tal-produzzjoni u l-kompetittività u għalhekk il-kapaċità li jattira u jżomm il-kumpaniji. Peress li l-kostijiet għoljin tal-enerġija jistgħu jkunu ostaklu dirett għat-tkabbir, huwa kruċjali li jiġu indirizzati l-fatturi ewlenin tal-kostijiet għall-prezzijiet tal-enerġija bl-imnut. Żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, tista' tnaqqas il-prezzijiet tal-elettriku bl-imnut u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, li hija soġġetta għal swieq volatili. Is-simplifikazzjoni tal-qafas tal-ippjanar u tal-permessi għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, il-faċilitajiet tal-ħżin u l-investimenti fil-grilja tal-elettriku tista' tgħin biex jitħaffu u jiġu inċentivati aktar investimenti fl-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli.

(28)

Element indispensabbli biex jiġu sfruttati l-benefiċċji tat-tnaqqis tal-kostijiet tal-enerġija li jirriżultaw mill-użu ulterjuri ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli huwa ż-żieda fl-isforzi biex tittejjeb il-flessibbiltà tas-sistema tal-elettriku u tiġi mmodernizzata u estiża l-kapaċità tal-grilja, inkluż it-tisħiħ intern u l-proġetti transfruntiera, biex jitnaqqas it-tnaqqis. Fl-2023, kważi 10 % tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx kellha titnaqqas minħabba restrizzjonijiet fil-kapaċità, u din ix-xejra kienet qed tiżdied f'dawn l-aħħar snin. Dan iżomm il-prezzijiet għoljin u jdewwem it-tranżizzjoni lejn sorsi ta' enerġija aktar nodfa. L-użu addizzjonali antiċipat tal-enerġija rinnovabbli, iż-żieda fid-domanda għall-elettriku mill-elettrifikazzjoni kontinwa tat-tisħin u t-trasport, u l-għadd dejjem jikber ta' ċentri tad-data ser ipoġġu aktar pressjoni fuq is-sistema tal-elettriku. Dan jenfasizza l-ħtieġa li tinbena infrastruttura li tgħaqqad iċ-ċentri tad-domanda dejjem akbar mal-provvista tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u li tiġi aġġornata l-infrastruttura tan-network eżistenti biex tiżdied il-kapaċità tagħha. Element relatat jikkonċerna r-rispons min-naħa tad-domanda, inklużi miżuri ta' għoti tas-setgħa lill-konsumaturi bħall-iżgurar li l-konsumaturi privati jkollhom aċċess għal swieq tal-prezzijiet dinamiċi, li jistgħu jkunu mezz importanti biex tiġi pprovduta flessibbiltà fis-sistema tal-enerġija.

(29)

Is-settur residenzjali huwa sors sinifikanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Irlanda, li jiġġenera 9,7 % tal-emissjonijiet domestiċi fl-2023, bl-istokk tal-bini jkun wieħed mill-aktar stokkijiet intensivi fil-karbonju fl-UE. L-aċċellerazzjoni tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika fl-istokk tal-bini kollu tgħin biex jintlaħqu l-limiti massimi settorjali tal-emissjonijiet u tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-Irlanda. It-twettiq ta' modifiki retroattivi tal-bini fil-fond u l-estensjoni tal-introduzzjoni ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi, inkluż it-tisħin distrettwali, inaqqsu l-esponiment għall-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija filwaqt li jappoġġaw il-kompetittività u s-sostenibbiltà ambjentali.

(30)

Sfida ewlenija għall-Irlanda tikkonċerna l-ibbilanċjar tad-domanda dejjem tikber għall-enerġija minħabba t-tkabbir ekonomiku, inkluża l-espansjoni tal-infrastruttura diġitali. Minkejja l-progress notevoli fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija tal-ambjent mibni, il-konsum finali tal-enerġija żdied b'0,7 % fl-2023. Dan huwa primarjament ir-riżultat ta' bini fis-settur tas-servizzi li jikkumpensa l-gwadanji fl-effiċjenza minn investimenti fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta' bini pubbliku u bini privat ieħor. Il-bini tas-settur tas-servizzi jammonta għal madwar nofs id-domanda kollha għall-elettriku, b'ċentri tad-data li jirrappreżentaw 21 % tad-domanda tal-elettriku mkejla tal-Irlanda fl-2023. Biex jintlaħqu l-miri klimatiċi, dan jirrikjedi ġenerazzjoni suffiċjenti tal-enerġija rinnovabbli biex tiġi evitata l-monopolizzazzjoni tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli disponibbli u jirrikjedi miżuri biex jiżdiedu l-effiċjenza enerġetika, l-infrastruttura xierqa u l-flessibbiltà.

(31)

Il-mobbiltà sostenibbli tirrikjedi approċċ integrat li jindirizza kemm l-espansjoni tan-networks tat-trasport sostenibbli kif ukoll l-iżvilupp ta' infrastruttura tal-iċċarġjar effiċjenti għall-vetturi b'emissjonijiet żero, filwaqt li jiġi żgurat aċċess ekwu fir-reġjuni kollha u titrawwem il-kompetittività ekonomika fit-tul. It-tisħiħ tal-infrastruttura tat-trasport pubbliku, inkluża l-espansjoni tal-ferroviji elettrifikati, huwa essenzjali għad-dekarbonizzazzjoni u l-effiċjenza ekonomika. Network tat-trasport aktar integrat jista' jtaffi l-konġestjoni urbana, jagħti spinta lill-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u jappoġġa t-tkabbir urban sostenibbli. It-titjib tal-konnettività bejn iż-żoni rurali u urbani huwa kruċjali wkoll għall-iżvilupp ekonomiku inklużiv, filwaqt li jiġi żgurat li r-reġjuni kollha jibbenefikaw mit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Bi proporzjon ta' punt tal-iċċarġjar wieħed għal kull 21 vetturi — ferm taħt il-medja tal-UE ta' punt tal-iċċarġjar wieħed għal kull 7 vetturi — id-disparitajiet reġjonali, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, għadhom ostaklu għall-użu ta' vetturi b'emissjonijiet żero.

(32)

Iż-żieda fl-investiment hija essenzjali biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet persistenti fis-sistemi tal-provvista u tat-trattament tad-dranaġġ, b'mod partikolari fiż-żoni urbani. Dawn il-lakuni jirriskjaw li jimminaw il-konformità ambjentali u jillimitaw il-potenzjal għal żvilupp sostenibbli u transsettorjali, inklużi d-djar u s-setturi dipendenti fuq l-ilma. Ir-rati għoljin ta' tnixxija — ta' 37 % fl-2023 — għadhom ferm ogħla mill-medja tal-UE ta' 25 %, filwaqt li diversi impjanti ewlenin tat-trattament tad-dranaġġ jistgħu jibbenefikaw minn prestazzjoni mtejba. Minkejja l-isforzi biex tiġi estiża l-kopertura u jitnaqqsu l-iskariki tad-dranaġġ mhux ittrattat, l-infrastruttura li qed tixjieħ u l-kapaċità ta' trattament limitata għadhom jimpedixxu l-progress fil-kwalità tal-ilma u l-objettivi ambjentali. L-Irlanda qed tesperjenza avvenimenti estremi tat-temp aktar frekwenti minħabba t-tibdil fil-klima bħal għargħar, nixfiet u maltempati, li jirriskjaw li jipperikolaw in-networks tal-provvista tal-ilma u jagħmlu ħsara lill-infrastruttura. Minkejja l-pjanijiet ta' adattament settorjali żviluppati taħt il-qafas nazzjonali ta' adattament, l-implimentazzjoni effettiva u kkoordinata tibqa' importanti. F'dawn l-aħħar snin saru diskussjonijiet dwar l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu tal-ipprezzar tal-ilma, iżda l-implimentazzjoni għadha ma mxietx 'il quddiem. Mekkaniżmu tal-ipprezzar tal-ilma li jirrifletti aħjar il-kost tal-użu tal-ilma jista' jrawwem qafas stabbli u trasparenti għall-investiment u l-ippjanar fit-tul fl-infrastruttura tal-ilma, filwaqt li jippromwovi wkoll konsum aktar effiċjenti u sostenibbli fis-setturi kollha.

(33)

Investiment imsaħħaħ f'inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari, inkluża infrastruttura avvanzata għat-trattament tal-iskart, huwa essenzjali għall-Irlanda biex tgħolli l-ġerarkija tal-iskart, trawwem l-effiċjenza fir-riżorsi, u tappoġġa d-dekarbonizzazzjoni, il-kompetittività u s-sigurtà ekonomika fit-tul. L-Irlanda għadha taħt il-parametri referenzjarji tal-ekonomija ċirkolari tal-UE, bir-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali ta' 41 % fl-2020 u rata tal-użu tal-materjal ċirkolari ta' 2,3 % biss fl-2023, it-tnejn ferm taħt il-medji tal-UE. L-Irlanda tinsab f'riskju li ma tilħaqx il-mira tal-iskart muniċipali għall-2025. Biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali, l-estimi jissuġġerixxu li huma meħtieġa EUR 749 miljun fis-sena biex jiġu indirizzati l-investimenti fl-ekonomija ċirkolari. Billi tnaqqas id-dipendenza fuq il-materja prima importata u żżid il-valur derivat mill-flussi tal-iskart domestiku, l-ekonomija ċirkolari tikkontribwixxi għas-sigurtà ekonomika fit-tul tal-Irlanda, u tagħmel l-ekonomija tagħha aktar sostenibbli u reżiljenti għat-tfixkil fil-katina tal-provvista globali u l-volatilità tal-prezzijiet.

(34)

L-għadd ta' persuni f'akkomodazzjoni ta' emerġenza żdied b'mod sinifikanti matul l-aħħar tliet snin, u laħaq rekord ta' 15 000 persuna. L-iskemi attwali ta' prevenzjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar, filwaqt li effettivi, ma setgħux iwaqqfu din iż-żieda, minħabba l-iskala tal-problema. Barra minn hekk, hemm 59 000 unità domestika fuq listi ta' stennija għall-akkomodazzjoni soċjali u 84 000 unità domestika oħra fuq skemi oħra ta' suppliment għall-kera. Iż-żoni ta' pressjoni tal-kera rnexxielhom inaqqsu l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-kiri, iżda x'aktarx ikkontribwew għal tnaqqis fl-investiment privat fl-istokk tal-kiri. Il-kostruzzjoni ta' akkomodazzjoni affordabbli u soċjali qed tiżdied iżda għadha lura għall-ħtiġijiet attwali u l-miri stabbiliti fil-Pjan Irlandiż ta' Akkomodazzjoni għal Kulħadd 2021-2030. Dan jaffettwa l-kompetittività tal-Irlanda billi jagħmel pressjoni fuq il-pagi u jillimita l-kapaċità tan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, li jattiraw ħaddiema tas-sengħa. Is-settur pubbliku jsibha diffiċli biex iżomm livelli suffiċjenti ta' forza tax-xogħol f'setturi bħall-edukazzjoni, is-servizzi tal-kura tas-saħħa u l-kostruzzjoni. Dan jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni kontinwa biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet tal-kapaċità fis-settur tal-kostruzzjoni residenzjali. Dan jinkludi nuqqas ta' infrastruttura abilitanti bħall-ilma u l-utilitajiet, disponibbiltà insuffiċjenti tal-art, inċertezzi fl-ippjanar, għażliet ta' finanzjament insuffiċjenti, nuqqas ta' ħaddiema tal-kostruzzjoni u l-użu bil-mod ta' metodi moderni ta' kostruzzjoni.

(35)

Is-suq tax-xogħol tal-Irlanda għadu robust u juri rati baxxi ta' qgħad, iżda għadu sfida biex jinkiseb tkabbir inklużiv li jkun ta' benefiċċju għall-gruppi kollha. Saru sforzi biex jiġu indirizzati l-esklużjoni soċjali u l-ostakli għall-impjiegi; madankollu, gruppi tradizzjonalment sottorappreżentati, bħal persuni b'diżabilità u ġenituri waħedhom, għad għandhom rati ta' impjieg taħt il-medja tal-UE. Konsegwentement, huma jiffaċċjaw ukoll riskji ta' faqar għoljin b'mod sproporzjonat. Fl-istess ħin, in-nuqqas ta' ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet jippersistu f'setturi ewlenin, filwaqt li tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal aktar sensibilizzazzjoni ma' gruppi inattivi u biex isir investiment fil-ħiliet tan-nies biex tiġi promossa inklużjoni soċjali akbar, biex il-gruppi żvantaġġati jiġu megħjuna joħorġu mill-faqar u jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

(36)

Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Irlanda, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (4), (5) u (6) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stipulata fir-Rakkomandazzjoni tal-2025.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda tieħu azzjoni fl-2025 u fl-2026 biex:

1.

Jissaħħaħ l-infiq ġenerali fid-difiża u fis-sigurtà u l-prontezza tad-difiża filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Tiżgura li n-nefqa netta tirrispetta l-perkors rakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025. Tnaqqas ir-riskji relatati mal-grad għoli ta' konċentrazzjoni fid-dħul mit-taxxa tal-Irlanda, inkluż billi twessa' l-bażi għat-taxxa u tirrieżamina l-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt tan-nefqiet tat-taxxa. Tindirizza ż-żieda mistennija fl-infiq relatat mal-età billi tagħmel is-sistema tal-kura tas-saħħa aktar kosteffettiva.

2.

Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f'waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni (il-FEŻR, il-JTF u l-FSE+), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta' nofs it-terminu. Isir użu ottimali mill-istrumenti tal-UE, inkluż l-opportunitajiet ipprovduti mill-programm InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex titjieb il-kompetittività.

3.

Ittejjeb l-ambjent tan-negozju billi żżid l-investiment pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp u tappoġġa ż-żieda tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp tan-negozju – inkluż permezz ta' strumenti ta' finanzjament aktar diretti – biex tittejjeb il-produttività tan-negozji domestiċi, b'mod partikolari tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

4.

Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u taċċellera l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, inkluż billi tissimplifika l-qafas tal-ippjanar u tal-permessi. Iżżid l-isforzi biex ittejjeb il-flessibbiltà tal-grilja tal-elettriku u timmodernizza u tespandi l-kapaċità biex tnaqqas it-tnaqqis. Tiżviluppa u timplimenta strateġija għall-promozzjoni tar-rispons min-naħa tad-domanda. Timplimenta miżuri addizzjonali li jappoġġaw l-effiċjenza enerġetika f'bini privat u pubbliku biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija u l-kostijiet tas-sistema tal-enerġija. Tiżgura li l-konnessjoni ta' utenti kbar tal-enerġija mal-grilja tal-elettriku tkun marbuta ma' kapaċità rinnovabbli addizzjonali u flessibbiltà tas-sistema. Tappoġġa l-investiment fit-trasport sostenibbli u t-tisħiħ tiegħu, inkluż it-trasport pubbliku, filwaqt li tqis id-disparitajiet reġjonali. Taċċellera l-kostruzzjoni ta' punti tal-iċċarġjar pubbliċi għall-vetturi b'emissjonijiet żero.

5.

Iżżid l-investiment fl-infrastruttura tal-ilma, biex ittejjeb il-kwalità tal-ilma u jitnaqqsu t-tnixxijiet. Taċċellera l-investimenti li jħaffu l-ekonomija ċirkolari. Tkompli tiżviluppa kemm l-infrastruttura tat-trattament tal-iskart assoċjata mal-istadji ogħla tal-ġerarkija tal-iskart kif ukoll l-istrumenti ekonomiċi biex jiġi evitat l-iskart u jiżdied il-kontenut użat mill-ġdid, immanifatturat mill-ġdid u rriċiklat.

6.

Tkompli żżid il-provvista ta' akkomodazzjoni soċjali u affordabbli. Tindirizza r-restrizzjonijiet tal-kapaċità fis-settur tal-kostruzzjoni residenzjali billi ttejjeb l-infrastruttura abilitanti, il-ġestjoni u l-ippjanar tal-art, il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, il-provvista tax-xogħol u l-produttività. Issaħħaħ is-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali tal-gruppi żvantaġġati, b'mod partikolari l-persuni b'diżabilità u l-ġenituri waħedhom, billi tistabbilixxi sensibilizzazzjoni u titjib tal-ħiliet immirati aħjar.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min (i) in-nefqa fuq l-imgħax; (ii) mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni; (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Irlanda (ST 11046/2021).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Irlanda (ST 15965/2023).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2024 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Irlanda (ST 10262/2024).

(8)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Irlanda (ĠU C, C/2025/667, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/667/oj).

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj).

(10)  Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2025 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.

(11)  Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2025.

(12)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

(13)  Eurostat, nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG). Minħabba differenzi metodoloġiċi bejn id-definizzjonijiet tal-COFOG u tan-NATO, in-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tal-COFOG tista' tvarja min-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tan-NATO.

(14)  Mill-2026 dawn iċ-ċifri ser jidhru fil-kont ta' kontroll stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(15)   Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu – COM(2025) 123 final.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3981/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)