European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1446

3.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1446

tat-30 ta’ Ġunju 2026

li tistabbilixxi regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u dwar ir-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni twettaq investigazzjonijiet għall-fini tal-infurzar tar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni teżerċita s-setgħat ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ mogħtija lilha minn dak ir-Regolament.

(2)

Il-kompiti tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 jitwettqu mid-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-Kompetizzjoni u d-Direttorat Ġenerali responsabbli għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija tal-Kummissjoni.

(3)

Fil-kuntest tal-investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/1925, il-Kummissjoni tipproċessa l-informazzjoni. Dik l-informazzjoni tista’ tinkludi data personali ta’ persuni fiżiċi, bħal rappreżentanti legali u membri tal-persunal tal-gwardjani u ta’ partijiet terzi interessati, xhieda, informaturi, kif ukoll persuni fiżiċi li d-data personali tagħhom tinsab f’dokumenti miksuba b’rabta mal-kompiti ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/1925.

(4)

L-ipproċessar tad-data personali, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2018/1725, imwettaq waqt attivitajiet ta’ investigazzjoni u infurzar skont ir-Regolament (UE) 2022/1925, jista’ jsir anki qabel ma l-Kummissjoni formalment tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2022/1925, jista’ jkompli matul it-twettiq tal-investigazzjoni, u jista’ jkompli anki wara l-għeluq formali tal-investigazzjoni pereżempju, għall-fini ta’ monitoraġġ tal-konformità jew ta’ attivitajiet ta’ skrinjar, ta’ valutazzjoni tal-ħtieġa li jingħata bidu għal attivitajiet investigattivi ġodda jew għal proċedimenti legali.

(5)

Għall-fini tal-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/1925, il-Kummissjoni bħala kontrollur tad-data tipproċessa diversi kategoriji ta’ data personali, bħal data ta’ identifikazzjoni, dettalji ta’ kuntatt, data dwar l-involviment f’każ (bħall-pożizzjoni u l-funzjoni tal-persuna fiżika fl-impriża kkonċernata), data relatata mal-każ (bħal data personali li tinsab f’dokumenti, dikjarazzjonijiet, opinjonijiet u rekords) u kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa meħtieġa għal dak l-għan (inkluż data personali tal-utenti finali u tal-utenti kummerċjali ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma). Għalkemm mhux probabbli, il-kategoriji ta’ data personali pproċessata jistgħu jinkludu wkoll kategoriji speċjali ta’ data personali kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(6)

Filwaqt li twettaq il-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) 2022/1925, il-Kummissjoni hija marbuta li tirrispetta d-drittijiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali rikonoxxuta mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha skont ir-Regolament (UE) 2022/1925, hija meħtieġa tikkonforma ma’ regoli stretti ta’ kunfidenzjalità u segretezza professjonali msemmija fl-Artikolu 36 ta’ dak ir-Regolament u fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(7)

F’ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 mal-eżerċizzju effettiv tal-kompiti ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1925, inkluż f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti tad-data oħrajn. Għal dak il-għan, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprovdi lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tirrestrinġi, taħt kundizzjonijiet stretti, l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, l-Artikolu 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll tal-Artikolu 4 tiegħu sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 22 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(8)

F’ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu rrikonċiljati mal-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ imwettqa mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali tagħha fl-interess pubbliku tal-Unjoni skont l-Artikolu 25(1), il-punt (g), flimkien mal-punt (c), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Kummissjoni tista’ tapplika restrizzjonijiet, fejn pereżempju, l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet jipperikola investigazzjoni li tkun għaddejja, pereżempju fejn ikun hemm riskju li l-evidenza tinqered jew li jkun hemm interferenza ma’ atturi ewlenin (pereżempju, xhieda) matul investigazzjoni.

(9)

F’ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu bbilanċjati mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni oħra kkonċernati fil-kuntest tal-kompiti tal-Kummissjoni ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/1925, bħal partijiet terzi interessati u xhieda. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrestrinġi l-aċċess għall-identità, id-dikjarazzjonijiet u data personali oħra ta’ tali persuni meta d-data personali inkwistjoni tkun relatata wkoll ma’ persuna oħra sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom skont l-Artikolu 25(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħmel dan, b’mod partikolari biex tipproteġi lil dawk il-persuni minn ritaljazzjoni possibbli.

(10)

B’mod partikolari, huwa meħtieġ li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali dwar informatur jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li tkun irrapportat lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kompiti tagħha ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/1925. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn tirrestrinġi l-aċċess għall-identità, id-dikjarazzjonijiet u data personali oħra ta’ tali persuni, sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ dawk kollha kkonċernati skont l-Artikolu 25(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Huwa biss jekk il-persuna li tirrapporta tawtorizza dan, li l-Kummissjoni tista’ tiżvela l-identità tagħha. Jekk ikun meħtieġ mil-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, il-Kummissjoni għandha tiżvela l-identità tagħhom.

(11)

F’każijiet fejn is-suġġetti tad-data jippreżentaw talba biex jaċċessaw id-data personali tagħhom, jenħtieġ li jingħataw aċċess għal tali data personali inkluż dik ipprovduta minn persuna li tirrapporta. Sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tipprovdix lis-suġġett tad-data bl-isem tal-persuna li tirrapporta, jew kwalunkwe informazzjoni oħra li tippermetti l-identifikazzjoni diretta jew indiretta tagħha.

(12)

Barra minn hekk, sabiex twettaq il-kompiti tagħha biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2022/1925, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data biex tissalvagwardja l-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali tagħha fl-interess pubbliku, kif imsemmi fl-Artikolu 25(1), il-punt (g), flimkien mal-punt (c), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel dan f’sitwazzjoni fejn l-iskop ta’ restrizzjoni imposta minn awtorità ta’ Stat Membru jkun ipperikolat jekk il-Kummissjoni ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-istess data personali. Fl-applikazzjoni ta’ tali restrizzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Istat Membru kkonċernat dwar ir-raġunijiet potenzjali rilevanti għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ dawk ir-restrizzjonijiet, sakemm dan ma jipperikolax l-attivitajiet tal-Kummissjoni.

(13)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tapplika r-restrizzjonijiet biss meta dawn ikunu jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, meta jkunu strettament meħtieġa u jkunu miżura proporzjonata f’soċjetà demokratika. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi ġustifikazzjoni għar-restrizzjonijiet applikabbli.

(14)

L-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jirrikjedi li l-kontrollur jinforma lis-suġġetti tad-data bir-raġunijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni u bid-dritt tagħhom li jressqu lment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(15)

Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni relatata mar-raġunijiet prinċipali għall-applikazzjoni ta’ restrizzjoni lis-suġġett tad-data jekk l-għoti ta’ dik l-informazzjoni b’xi mod jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkanċellax l-effett tagħha.

(16)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tneħħi r-restrizzjoni hekk kif il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, u tivvaluta dawk il-kundizzjonijiet fuq bażi regolari.

(17)

Sabiex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lis-suġġetti tad-data kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u bid-drittijiet tagħhom b’mod trasparenti u koerenti permezz ta’ avviż ta’ protezzjoni tad-data ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma individwalment, b’mezzi xierqa, lir-rappreżentanti legali u lill-membri tal-persunal tal-gwardjani, lir-rappreżentanti legali u lill-membri tal-persunal ta’ partijiet terzi interessati, xhieda u informaturi dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

(18)

L-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprevedi eċċezzjonijiet għad-dritt tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġetti tad-data. Jekk japplikaw dawk l-eċċezzjonijiet, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tapplika restrizzjoni għad-dritt għall-informazzjoni skont din id-Deċiżjoni. L-eċċezzjonijiet skont l-Artikolu 16(5), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandhom ikunu applikabbli meta l-għoti tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 16(1) sa (4) ta’ dak ir-Regolament ikun impossibbli, ikun jinvolvi sforz sproporzjonat jew x’aktarx jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament il-kisba tal-objettivi ta’ dak l-ipproċessar. F’każijiet ta’ suġġetti tad-data mhux rilevanti għall-investigazzjoni, li d-data personali tagħhom tinsab f’dokumenti miġbura bħala parti mill-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/1925, għajr dawk is-suġġetti tad-data infurmati individwalment, l-għoti ta’ tali informazzjoni jista’ jkun impossibbli jew jista’ jinvolvi sforz sproporzjonat. Dan jista’ jkun il-każ meta l-Kummissjoni tikseb data personali fil-kuntest ta’ rapport ta’ whistleblower jew matul l-azzjonijiet ta’ monitoraġġ tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2022/1925 u l-konformità miegħu.

(19)

F’konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, ġustizzja u obbligu ta’ rendikont, jenħtieġ li l-Kummissjoni tapplika l-eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet kollha b’mod trasparenti u żżomm rekord tal-applikazzjoni tagħha ta’ dawk l-eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet.

(20)

Sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvolvi lill-Koordinaturi tal-Protezzjoni tad-Data tad-Direttorat Ġenerali responsabbli mill-Kompetizzjoni jew tad-Direttorat Ġenerali responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Imprenditorija u l-SMEs matul il-proċess tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet u tiddokumenta dik il-konsultazzjoni. B’mod partikolari, il-Koordinaturi tal-Protezzjoni tad-Data jenħtieġ li jiġu kkonsultati fi żmien xieraq dwar kwalunkwe restrizzjoni li tista’ tiġi applikata u jivverifikaw il-konformità tagħhom ma’ din id-Deċiżjoni.

(21)

Jenħtieġ li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet bil-għan li jiżgura l-konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

(22)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fis-26 ta’ Marzu 2026.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli interni li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni biex is-suġġetti tad-data jiġu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom f’konformità mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725 meta twettaq l-kompiti tagħha ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/1925.

2.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tkun tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, l-Artikoli 14 sa 20, u l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punti (c), (g), u (h) tiegħu.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni tal-kategoriji tas-suġġetti tad-data li ġejjin:

(a)

rappreżentanti legali u membri tal-persunal tal-gwardjani, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2022/1925;

(b)

rappreżentanti legali u membri tal-persunal ta’ partijiet terzi interessati;

(c)

xhieda;

(d)

whistleblowers;

(e)

il-persuni fiżiċi li d-data personali tagħhom tinsab fid-dokumenti jew media oħra miġbura bħala parti mill-attivitajiet ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/1925.

2.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali li tappartjeni għall-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:

(a)

data ta’ identifikazzjoni;

(b)

dettalji ta’ kuntatt;

(c)

data dwar l-involviment fil-każ;

(d)

data relatata mal-każ;

(e)

kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2022/1925, inkluża d-data personali msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 3

Għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web rilevanti tagħha avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lis-suġġetti tad-data kollha dwar l-attivitajiet tal-Kummissjoni li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom għall-fini tal-kompiti ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/1925.

2.   L-avviż dwar il-protezzjoni tad-data għandu jipprovdi informazzjoni dwar ir-restrizzjoni potenzjali għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data kif imfissra fl-Artikolu 4. L-informazzjoni għandha tispeċifika liema drittijiet jistgħu jiġu ristretti, ir-raġunijiet li għalihom jistgħu jiġu applikati r-restrizzjonijiet u d-durata potenzjali ta’ dawn ir-restrizzjonijiet u jkun fiha informazzjoni dwar id-dritt tas-suġġetti tad-data li jippreżentaw ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma individwalment, b’mezzi xierqa, lill-informaturi, lix-xhieda u lir-rappreżentanti legali u lill-membri tal-persunal tal-gwardjani u ta’ partijiet terzi interessati, dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 20 u tal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-legalità, tal-ġustizzja u tat-trasparenza msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament, sa fejn id-dispożizzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20 tar-Regolament (UE) 2018/1725 meta:

(a)

l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jipperikola l-kompiti investigattivi, ta’ infurzar u ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2022/1925, f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punti (c) u (g), tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(b)

l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun jaffettwa b’mod negattiv il-protezzjoni tas-suġġetti tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(c)

l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jista’ jipperikola l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta teżerċita l-kompiti tagħha li tiżgura l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2022/1925, f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punti (c) u (g), tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Qabel ma tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rilevanti dwar ir-raġunijiet potenzjali għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ dawk ir-restrizzjonijiet, sakemm dan ma jipperikolax l-attivitajiet tal-Kummissjoni.

3.   Kwalunkwe restrizzjoni għandha tirrispetta l-essenza tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet u tkun meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika.

4.   Qabel ma jiġu applikati r-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq u tiddokumenta valutazzjoni każ b’każ tan-neċessità u l-proporzjonalità tagħhom. Dawk ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dak li hu strettament neċessarju biex jinkiseb l-objettiv tagħhom.

Artikolu 5

Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data, dritt għal rettifika, dritt ta’ tħassir u dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, skont l-Artikolu 4, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dritt tal-aċċess għad-data mis-suġġetti tad-data, id-dritt għal rettifika, id-dritt ta’ tħassir jew id-dritt għar-restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17 sa 20, rispettivament, tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba għall-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar bl-aspetti li ġejjin:

(a)

ir-restrizzjoni applikata u r-raġunijiet ewlenin għaliha;

(b)

il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għal restrizzjoni u d-dritt li jitressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data sakemm dan jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk dan huwiex iġġustifikat fuq bażi ta’ każ b’każ. Hekk kif dan ma jibqax jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni lis-suġġett tad-data.

Artikolu 6

Komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġetti tad-data

1.   Meta l-Kummissjoni tkun taħt obbligu li tikkomunika ksur ta’ data personali skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija tista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, tirrestrinġi tali komunikazzjoni kompletament jew parzjalment f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tniżżel u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, ir-raġunijiet legali għaliha skont l-Artikolu 4 valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tagħha.

2.   Meta r-raġunijiet għar-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data kkonċernat u tinfurmah bir-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni u bid-dritt tiegħu li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

3.   Meta l-Kummissjoni tinnotifika l-ksur ta’ data personali lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni għandha takkumpanja n-notifika bid-dokumentazzjoni li tkun għamlet skont l-Artikolu 7 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Żamma tar-rekords u reġistrazzjoni tar-restrizzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra r-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, ir-raġunijiet legali stabbiliti fl-Artikolu 4 għaliha, id-dettalji tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dik ir-restrizzjoni, valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data tal-impożizzjoni ta’ restrizzjoni u valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

2.   Ir-rekord għandu jiddikjara kif l-eżerċizzju tad-dritt mis-suġġett tad-data rilevanti jimmina wieħed jew aktar mill-objettivi applikabbli stabbiliti fl-Artikolu 25(1), il-punti (c), (g), u (h), tar-Regolament (UE) 2018/1725.

3.   Ir-rekord u, fejn applikabbli, id-dokumenti li fihom l-elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Għandhom ikunu disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

Artikolu 8

Durata tar-restrizzjonijiet

1.   Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 għandhom jiġu applikati sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.

2.   Meta r-raġunijiet għal restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni.

3.   Meta titneħħa restrizzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi r-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ dik ir-restrizzjoni lis-suġġett tad-data u tinfurmah bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 kull 6 xhur. Ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

Artikolu 9

Salvagwardji u perjodi ta’ ħażna

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta salvagwardji biex tipprevjeni l-abbuż u l-aċċess illegali għal data personali jew it-trasferiment tagħha li fir-rigward tagħha japplikaw jew jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet. Tali salvagwardji għandhom jinkludu l-miżuri tekniċi u organizzattivi li ġejjin:

(a)

definizzjoni ċara tar-rwoli, ir-responsabbiltajiet, il-passi proċedurali u d-drittijiet ta’ aċċess;

(b)

ambjent elettroniku sigur li jipprevjeni l-aċċess illegali jew aċċidentali għal data elettronika minn persuni mhux awtorizzati jew it-trasferiment illegali jew aċċidentali ta’ tali data lil dawn il-persuni;

(c)

ħażna u pproċessar siguri tad-dokumenti stampati limitati għal dak li huwa strettament neċessarju biex tintlaħaq l-fini tal-ipproċessar;

(d)

monitoraġġ dovut tar-restrizzjonijiet.

2.   Id-data personali għandha tinħażen f’konformità mar-regoli ta’ żamma applikabbli tal-Kummissjoni li għandhom jiġu definiti fid-dokumentazzjoni tal-ipproċessar miżmuma skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fi tmiem il-perjodu ta’ ħżin, id-data personali għandha titħassar, tiġi anonimizzata jew trasferita fl-arkivji f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 10

Involviment tal-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni

1.   Il-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data tad-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-Kompetizzjoni u d-Direttorat Ġenerali responsabbli għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija għandhom jiġu kkonsultati qabel ma tiġi applikata kwalunkwe restrizzjoni.

2.   Il-Koordinaturi tal-Protezzjoni tad-Data tad-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-Kompetizzjoni u tad-Direttorat Ġenerali responsabbli għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija għandhom jivverifikaw il-konformità tar-restrizzjonijiet ma’ din id-Deċiżjoni.

3.   L-uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni għandu jiġi infurmat, mingħajr dewmien bla bżonn, kull meta d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu ristretti f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Meta jitlob li jsir hekk, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni għandu jingħata aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokument li jkun fih elementi fattwali u legali sottostanti.

4.   L-uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jista’ jitlob rieżami tal-applikazzjoni ta’ restrizzjoni u għandu jiġi infurmat bil-miktub dwar l-eżitu ta’ tali rieżami.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiddokumenta u tirreġistra l-involviment tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni u tal-Koordinaturi tal-Protezzjoni tad-Data, inkluż liema informazzjoni tiġi kondiviża magħhom, f’kull każ fejn tiġi applikata restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1).

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1 , ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1925/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1446/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)