Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 527 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Iżvezja tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Iżvezja tal-2020


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Iżvezja tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Iżvezja tal-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbit Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 fejn l-Iżvezja ġiet identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li fil-konfront tagħhom kienet se ssir analiżi fil-fond.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2019 tal-Iżvezja 3 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Dan ivvaluta l-progress tal-Iżvezja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 4 , is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Iżvezja lejn il-miri nazzjonali tiegħu ta’ Ewropa 2020. Kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tiegħu ġew ukoll ippubblikati fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Iżvezja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-prezzijiet sovravalutati tal-akkomodazzjonijiet flimkien ma’ żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi jirriskjaw li jwasslu għal korrezzjoni diżordnata. Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-ekonomija u potenzjalment anki għas-settur bankarju. Kull impatt negattiv fuq is-settur bankarju jista’ jikkawża effetti sekondarji negattivi f’pajjiżi ġirien minħabba l-interkonnessjonijiet finanzjarji sistemiċi. F’dawn l-aħħar snin ittieħdu xi miżuri biex jindirizzaw dawn l-iżbilanċi. Madankollu, dawn il-miżuri sa issa kellhom impatt limitat. Għad hemm lakuni f’oqsma ta’ politika ewlenin, b’mod partikolari fir-rigward tal-inċentivi fiskali għas-sjieda tad-djar iffinanzjati bid-dejn, il-funzjonament tal-provvista tad-djar u, b’mod partikolari, is-suq tal-kiri.

(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa ta’ COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija u qiegħda tikkawża tfixkil fil-katini ta’ provvista dinjija, volatilità fis-swieq finanzjarji, xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u effetti negattivi f’diversi setturi. Qed thedded l-impjiegi tan-nies, id-dħul tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Tat xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 5 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kull miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, meħtieġa, limitata fiż-żmien, u f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza demokratika u għal reviżjoni ġudizzjarja indipendenti.

(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir 6 . Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qasmet mal-Kunsill il-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku qawwi mistenni li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti għal tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fi żmien medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b'rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti li l-Istati Membri jitbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

(6)Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozju u l-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol bil-ħsieb li terġa’ tibda l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma. B’mod parallel, l-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u li jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li s-suq uniku joffri li jadatta għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ merkanzija, servizzi u ħaddiema, miżuri eċċezzjonali li jipprevjenu s-suq uniku milli jiffunzjona b’mod normali għandhom jitneħħew malli ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji ta’ xiri mtejba, ktajjen tal-provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti 7 biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi mhux użati kollha mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati u razzjonalizzati. Biex jittaffew il-pressjonijiet tal-flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. L-Iżvezja hija mħeġġeġ jagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibbiltajiet biex jgħin lill-individwi u s-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.

(9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li ma jkunux imqassma b’mod uniformi madwar ir-reġjuni minħabba xejriet differenti ta’ speċjalizzazzjoni - b’mod partikolari f’reġjuni li jiddependu b’mod sinifikanti fuq it-turiżmu u b’mod ġenerali fuq negozju wiċċ imb’ wiċċ mal-konsumaturi. Dan jinvolvi riskju sostanzjali li jiżdiedu d-differenzi reġjonali u territorjali fl-Iżvezja, li jaggrava t-tendenza diġà osservata li jitwessgħu bil-mod id-differenzi bejn il-bliet kapitali u l-bqija tal-pajjiż jew bejn iż-żoni urbani u rurali. Flimkien mar-riskju ta’ żarmar temporanju tal-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob risponsi ta’ politika mmirati.

(10)Fis-27 ta' April 2020, l-Iżvezja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha għall-2020 u fit-28 ta’ April 2020, il-Programm ta' Konverġenza tal-2020 tagħha. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(11)Bħalissa l-Iżvezja tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(12)Fil-programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn surplus ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 3,8 % tal-PDG fl-2020. Id-defiċit huwa previst li jonqos għal 1,4 % tal-PDG fl-2021 u jilħaq surplus ta’ 1,5 % sal-2023. Wara li naqas għal 35 % tal-PDG fl-2019, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 40 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020. Il-perspettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(13)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ ikkoordinat tal-Unjoni, l-Iżvezja adottat miżuri baġitarji biex iżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tiegħu, irażżan il-pandemija, u jipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u setturi li ġew affettwati b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020, dawk il-miżuri baġitarji ammontaw għal 2,4 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu: it-tisħiħ tas-servizzi tal-kura tas-saħħa (0,1 % tal-PDG), l-għajnuna ta’ emerġenza għal setturi f’diffikultà (1,6 % tal-PDG) u l-miżuri tas-suq tax-xogħol u l-politika soċjali (0,2 % tal-PDG). Barra minn hekk, l-Iżvezja ħabbret miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex isostnu l-likwidità lin-negozji. Skont il-Programm ta’ Konverġenza, dawk il-miżuri jinkludu b’mod partikolari differiment tat-taxxa ta’ mhux aktar minn 6,9 % tal-PDG, kif ukoll tipi differenti ta’ garanziji għal self u faċilitajiet ta’ kreditu estiżi li jammontaw għal madwar 4,7 % tal-PDG. B’mod ġenerali, il-miżuri meħuda mill-Iżvezja huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawk il-miżuri, segwita mill-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju.

(14)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2020 tal-Kummissjoni taħt politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Iżvezja huwa mbassar li jkun ta’ -5,6 % tal-PDG fl-2020 u ta’ -2,2 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa previst li jibqa’ 'l isfel mis-60 % tal-PDG fl-2020 u fl-2021.

(15)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-ksur ippjanat mill-Iżvezja tal-livell limitu ta’ defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhuwiex sodisfat.

(16)L-ekonomija tal-Iżvezja naqset b’mod bla preċedent wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, il-qgħad mistenni jiżdied għal 9,7 % fl-2020 u jirkupra għal 9,3 % fl-2021. Il-konsum privat huwa mistenni li jonqos b’mod qawwi, b’mod partikolari fl-aktar kategoriji ta’ konsum esposti bħat-trasport, ir-ristoranti u l-akkomodazzjoni. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss hija projettata li tara tnaqqis saħansitra akbar mill-konsum, prinċipalment minħabba l-inċertezza fuq ir-ritmu tal-irkupru. L-awtoritajiet Żvediżi bdew jieħdu miżuri kmieni u suċċessivament żiedu l-miżuri ta’ politika hekk kif infirxet il-pandemija. Il-miżuri koprew il-kura tas-saħħa u indirizzaw il-konsegwenzi ekonomiċi. Il-miżuri relatati mal-kura tas-saħħa jinkludu appoġġ ekonomiku mill-gvern ċentrali għall-ispejjeż addizzjonali kollha tat-tifqigħa tal-COVID-19 lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali responsabbli għas-sistema tal-kura tas-saħħa. Mil-lat ekonomiku, il-Gvern ħa firxa wiesgħa ta’ passi biex itaffi l-ispejjeż tas-settur korporattiv (sensji fuq perjodu qasir ta’ żmien, spejjeż ta’ ħlas għall-mard, kontribuzzjonijiet soċjali ta’ min iħaddem, garanziji ta’ kreditu u tnaqqis fil-kera) kif ukoll biex jiżgura likwidità korporattiva (il-posponiment ta’ ħlasijiet ta’ taxxa, fosthom ħlasijiet tal-VAT). Barra minn hekk, ir-Riksbank iddeċieda li jestendi s-self lill-kumpaniji permezz ta’ banek, li jixtri bonds tal-Gvern u muniċipali, kif ukoll bonds ipotekarji u bonds u karti kummerċjali maħruġa minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji Żvediżi. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Ir-Riksbank ikkonkluda wkoll ftehimiet ta’ tpartit tal-valuta, ma’ banek ċentrali oħra, biex jiżgura d-disponibbiltà ta’ valuti ewlenin għas-settur finanzjarju. Il-politika soċjali u tas-suq tax-xogħol ġiet estiża billi żdiedu l-benefiċċji tal-qgħad u tal-mard, it-tnaqqis tar-rekwiżiti għall-aċċess tal-iskema tal-qgħad u permezz ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol u tal-edukazzjoni (impjiegi ekoloġiċi, impjiegi ġodda estiżi, korsijiet tas-sajf, aktar studenti fl-edukazzjoni għolja).

(17)Ir-rispons tal-politika għal medda qasira ta’ żmien tal-Iżvezja għat-tifqigħa tal-COVID-19 jiddependi fuq l-iżgurar ta’ riżorsi xierqa u ta’ bafers tal-kapaċità u billi jiġu adattati r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema tas-saħħa. Fuq medda medja ta’ żmien, dan għandu jwassal ukoll għal kura tas-saħħa f’waqtha u ġeografikament ibbilanċjata, l-iskjerament xieraq tal-ħaddiema tas-saħħa f’diversi kuntesti (pereżempju f’kura out-patient u in-patient), u jgħin biex jiġi evitat nuqqas strutturali ta’ persunal mediku. L-użu tas-settur ta’ Riċerka u Innovazzjoni b’saħħtu tal-Iżvezja għal azzjonijiet xprunati mix-xjenza jista’ jikkontribwixxi għall-progress fir-rigward tal-iżvilupp tat-tilqim, it-trattamenti u d-dijanjostika u biex is-sejbiet tar-riċerka jiġu tradotti fil-politika tas-saħħa pubblika.

(18)L-appoġġ għad-disponibbiltà tal-ħiliet, u l-ħiliet diġitali b’mod partikolari, jista’ jsostni tkabbir ogħla fil-produttività permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni f’setturi ta’ teknoloġija avvanzata, u jgħin biex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi tal-Iżvezja dwar il-klima u l-enerġija li jinsabu fil-Pjan Nazzjonali tagħha għall-Enerġija u l-Klima. Huma meħtieġa wkoll investimenti biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-eżiti edukattivi bejn l-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni u oriġini nattiva. Il-kwalità għolja tax-xogħol kienet kontributur ewlieni għat-tkabbir tal-produttività tax-xogħol iżda waqfet tikkontribwixxi qabel il-kriżi tal-COVID-19. Se jkun hemm bżonn ukoll ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi li l-potenzjal tagħhom ma ntużax kollu qabel il-kriżi, bħall-migranti mhux mill-UE u l-persuni b’diżabilità. In-nuqqas ta’ ħiliet huwa partikolarment qawwi fl-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, ix-xogħol soċjali, it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-industrija u l-kostruzzjoni.

(19)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu avvanzati minn qabel u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Fis-setturi diġitali u tal-mikroelettronika, aktar minn 50 % ta’ dawk li jħaddmu jirrapportaw nuqqas ta’ ħiliet li jaffettwa t-tkabbir. Is-sostenn tas-sehem kbir tal-infiq pubbliku fir-riċerka huwa kundizzjoni neċessarja biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-produttività. L-approfondiment tal-kapital u investimenti ogħla f’setturi ta’ teknoloġija għolja u innovattivi huma wkoll meħtieġa biex jerġa’ jkun hemm tkabbir fil-produttività tax-xogħol. It-tixrid ta’ teknoloġiji diġitali ġodda fost l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju se jgħin biex tingħata spinta lill-produttività. Il-kriżi wriet kemm hija importanti l-infrastruttura diġitali u li konnettività veloċi u stabbli jeħtieġ li tkun disponibbli fil-postijiet kollha fejn in-nies jgħixu jew jaħdmu. L-espansjoni tal-broadband mobbli fil-medda ta’ 700 MHz se jkollha rwol importanti, kif ukoll il-possibilità ta’ appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp tal-broadband fiss. L-irkant li ġej tal-5G se jagħti spinta addizzjonali lid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija Żvediża. L-objettiv tal-kisba ta’ soċjetà newtrali għall-klima fl-2045 se jirrikjedi wkoll investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni li jippermettu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi u kompetittivi għad-dekarbonizzazzjoni u azzjonijiet koordinati soċjali u ta’ politika. It-trasport huwa l-mira ewlenija għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Iżvezja. Trasformazzjoni komprensiva u relattivament rapida tal-flotta għal vetturi b’emissjonijiet baxxi tinsab fuq l-aġenda politika. L-investiment ippjanat fl-infrastruttura ferrovjarja huwa importanti biex tiġi ffaċilitata qasma modali u biex jintlaħaq l-objettiv ambizzjuż dwar il-klima tal-Iżvezja. L-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-industrija se tkun teħtieġ investimenti sinifikanti fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija. L-ipprogrammar tal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lill-Iżvezja tindirizza wħud mill-isfidi ppreżentati mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D għar-rapport tal-pajjiż 8 . Dan jippermetti lill-Iżvezja tagħmel l-aħjar użu minn dak il-fond.

(20)Allegazzjonijiet persistenti ta’ suspett ta’ ħasil ta’ flus affettwaw ir-reputazzjoni tal-banek Żvediżi, u l-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus tibqa’ prijorità għall-Iżvezja. Superviżjoni effettiva teħtieġ aktar riżorsi u proċeduri xierqa biex jiġi applikat l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju. L-Iżvezja rrikonoxxiet li hemm bżonn ta’ aktar riżorsi biex teżerċita superviżjoni u investigazzjonijiet xierqa, u saħħet il-kapaċità tal-Awtorità ta’ Sorveljanza Finanzjarja tagħha. Madankollu, il-kapaċità tal-Awtorità għadha baxxa meta mqabbla mad-daqs tas-settur finanzjarju Żvediż. Għad hemm sfidi u l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għad irid jiġi implimentat bis-sħiħ.

(21)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemiji u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu ttrattati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u strateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

(22)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, l-Iżvezja se tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

(23)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Iżvezja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiżi għall-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Iżvezja fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Iżvezja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika globali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni fid-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(24)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 u l-opinjoni tiegħu 9 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. 

(25)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet preżenti jqisu l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-pandemija u li jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass meħtieġ biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Wara li ffoka mill-ġdid ir-rakkomandazzjonijiet dwar l-għan li jiġu indirizzati l-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u li jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku, l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet preżenti ma tindirizza direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2020 u fl-2020 l-Iżvezja tieħu azzjoni biex:

1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Tiġi żgurata r-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, inkluż permezz ta’ provvisti adegwati ta’ prodotti mediċi kritiċi, l-infrastruttura u l-forza tax-xogħol.

2.Trawwem l-innovazzjoni u tappoġġa l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet. Tavvanza l-bidu ta’ proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jitħaddan l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq il-produzzjoni nadifa u effiċjenti u l-użu tal-enerġija, is-setturi tat-teknoloġija avvanzata u innovattivi, in-networks tal-5G u t-trasport sostenibbli.

3.Ittejjeb l-effettività tas-superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus u tinforza b’mod effettiv il-qafas kontra l-ħasil tal-flus.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    SWD(2020) 526 final.
(4)    OJ C 301, 5.9.2019, p. 117.
(5)    COM(2020) 112 final.
(6)    COM(2020) 123 final.
(7)

   Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID-19 (Inizjattiva ta’ Investiment ta’ Koronavajrus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex tiġi pprovduta flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

(8)    SWD(2020) 526 final.
(9)    Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.