SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

5 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiċi kummerċjali żleali – Direttiva 2005/29/KE – Il-punti (ċ), (d) u (i) tal-Artikolu 2 – Artikolu 3(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘prodott’ – Offerta kollegata li tikkonsisti f’valutazzjoni u f’xiri ta’ oġġett”

Fil-Kawża C‑379/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSvea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura

Guldbrev AB

vs

Konsumentombudsmannen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, E. Regan u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Guldbrev AB, minn D. Tornberg u M. Zeitlin, advokater,

–

għall-Konsumentombudsmannen, minn G. Wikström, processråd,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland, I. Rubene u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Ġunju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti (ċ), (d) u (i) tal-Artikolu 2, kif ukoll tal-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Guldbrev AB u l-Konsumentombudsmannen (l-Ombudsman tal-Konsumaturi, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem il-“KO”) dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni u mad-dritt nazzjonali ta’ ċerti prattiki kummerċjali użati minn Guldbrev li jikkonċernaw il-valutazzjoni u x-xiri ta’ deheb mingħand il-konsumaturi.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont il-premessi 6 sa 8, 17 u 23 tad-Direttiva 2005/29:

“(6)

Din id-Direttiva […] tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din id-Direttiva tħares lil konsumaturi mill-konsegwenzi ta’ prattiċi kummerċjali żleali bħal dawn fejn ikunu sostanzjali iżda tagħraf li f’ċerti każijiet l-impatt fuq il-konsumatur jista’ jkun negliġibbli. […]

(7)

Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti. […]

(8)

Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. […]

[…]

(17)

Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.

[…]

(23)

Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu eliminati l-ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern preżentati mil-liġijiet nazzjonali dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u li jiġi provdut livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, ma jistgħux suffiċentement jintlaħqu mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell [tal-Unjoni], [l-Unjoni] tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għas-suq intern u sabiex jiġi milħuq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(ċ)

‘prodott’ tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;

(d)

‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[…]

(i)

‘stedina għax-xiri’ tfisser komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Ambitu ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

7

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Suq intern”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri la għandhom jirrestrinġu l-libertà tal-provvista ta’ servizzi u lanqas għandhom jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.”

8

Taħt il-Kapitolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prattiċi Kummerċjali Żleali”, l-Artikolu 5, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”, jipprevedi l-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali u jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk prattika tkunx ta’ natura żleali. B’mod partikolari, huwa jipprovdi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

9

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Infurzar”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi.”

10

L-Anness I tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Prattiċi kummerċjali li f’kull ċirkostanza huma kkunsidrati żleali”, jipprovdi:

“Prattiċi kummerċjali qarrieqa

[…]

5)

Fejn il-kummerċjant jagħmel stedina sabiex jinxtraw prodotti bi prezz speċifikat mingħajr ma juri l-eżistenza ta’ raġunijiet ġustifikati li l-kummerċant jista’ jkollu sabiex jemmen li mhuwiex sejjer ikun jista’ jforni jew iqabbad kummerċjant ieħor sabiex iforni, dawk il-prodotti jew prodotti ekwivalenti għal dak il-prezz għal perjodu u fil-kwantitajiet li huma raġonevoli relattivament għall-prodott, għal-livell ta’ reklamar tal-prodott u għall-prezz offrut (bait advertising).

6)

Fejn il-kummerċjant jagħmel stedina sabiex jinxtraw prodotti bi prezz speċifikat u mbagħad:

[…]

(ċ)

juri kampjun difettuż tiegħu

bl-intenzjoni li jippromwovi prodott differenti (‘bait and switch’).”

Id‑dritt Svediż

11

L-Artikolu 5 tal-marknadsföringslagen (2008:486) (il-Liġi (2008:486) dwar il-Prattiki Kummerċjali, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Prattiki Kummerċjali”), li ttrasponiet id-Direttiva 2005/29 fl-ordinament ġuridiku Svediż, jipprovdi li “[k]walunkwe miżura ta’ promozzjoni għandha tkun konformi mal-prattiki kummerċjali tajba”.

12

L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Kull miżura ta’ promozzjoni li tmur kontra l-prattika kummerċjali tajba fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din il-liġi għandha titqies li hija żleali kemm‑il darba tkun taffettwa jew tkun tista’ taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tad-destinatarju tagħha li jieħu deċiżjoni kummerċjali informata.”

13

L-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“Miżura ta’ promozzjoni qarrieqa, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 10 jew 12 sa 17 ta’ din il-liġi, għandha titqies li hija żleali kemm‑il darba tkun taffettwa jew tkun tista’ taffettwa l-kapaċità tad-destinatarju tagħha li jieħu deċiżjoni kummerċjali informata.

Il-miżuri ta’ promozzjoni qarrieqa msemmija fil-punti 1 sa 23 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 huma meqjusa żleali f’kull ċirkustanza.”

14

Skont l-Artikolu 9 tal-istess liġi:

“Kull miżura ta’ promozzjoni għandha titfassal u tiġi ppreżentata b’tali mod li tkun turi b’mod ċar li hija tabilħaqq miżura ta’ promozzjoni.

Hija għandha turi wkoll b’mod ċar min ikun responsabbli għall-miżura ta’ promozzjoni. […]”

15

L-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Prattiki Kummerċjali jipprevedi:

“Il-miżuri ta’ promozzjoni ta’ kummerċjant ma jistax ikun fihom informazzjoni żbaljata jew dikjarazzjonijiet qarrieqa dwar l-attivitajiet tiegħu jew dawk ta’ kummerċjant ieħor.

L-ewwel paragrafu iktar ’il fuq jirrigwarda b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet dwar:

L-eżistenza tal-prodott, in-natura tiegħu, il-kwantitajiet tiegħu, il-kwalitajiet tiegħu u l-karatteristiċi ewlenin l-oħra tiegħu;

[…]

4)

il-prezz tal-prodott, il-mod li bih jiġi kkalkolat il-prezz, il-vantaġġi speċifiċi relatati mal-prezz u l-kundizzjonijiet tal-ħlas,

[…]

Fejn jippromwovi l-attivitajiet tiegħu stess jew dawk ta’ kummerċjant ieħor, il-kummerċjant ma jistax iħalli barra informazzjoni importanti. Il-fatt li l-informazzjoni importanti tiġi ppreżentata b’mod mhux ċar, li ma jinftehimx, ambigwu jew altrimenti mhux xieraq, jikkostitwixxi wkoll ommissjoni qarrieqa.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

Guldbrev, kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita skont id-dritt Svediż, tivvaluta u tixtri d-deheb online mingħand il-konsumatur. Peress li ma għandhiex ħanut fiżiku, hija tivvaluta d-deheb mibgħut mill-konsumaturi skont il-kontenut tiegħu ta’ karat u skont il-piż tiegħu. Kemm‑il darba l-konsumatur jaqbel mal-ammont ta’ flus li toffri l-kumpanija, it-tranżazzjoni sseħħ.

17

Peress li l-KO qies li ċerti miżuri ta’ promozzjoni ta’ Guldbrev fuq is-siti internet tagħha, fuq in-networks soċjali u fl-ittri mibgħuta lil konsumaturi kienu qarrieqa u żleali, huwa adixxa lill-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ, l-Isvezja) sabiex din il-kumpannija tiġi pprojbita milli tuża tali miżuri u sabiex tiġi ordnata tipprovdi ċerta informazzjoni lill-konsumaturi.

18

Insostenn tat-talba tiegħu, il-KO spjega, l-ewwel nett, li l-promozzjoni tal-prezz tad-deheb kienet tikkostitwixxi “bait advertising”, kif ukoll “bait and switch”, u dan bi ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. It-tieni nett, l-imsemmija kumpannija allegatament naqset milli tidentifika b’mod ċar biżżejjed ir-reklamar fuq is-siti internet u milli tippreċiża li hija kienet responsabbli għal dan ir-reklamar. Fl-aħħar nett, il-prezzijiet massimi indikati mill-istess kumpannija huma allegatament irraġonevoli, imprevedibbli jew impossibbli li jitħallsu minħabba r-rekwiżiti li hija timponi fuq il-konsumaturi. Dan, fil-fehma tal-KO, iqiegħed f’perikolu l-kapaċità tal-konsumaturi li jieħdu deċiżjoni informata.

19

Guldbrev ikkontestat it-talbiet tal-KO u essenzjalment sostniet li l-fatti ta’ din il-kawża ma kien fihom ebda fattur li jagħmel lid-Direttiva 2005/29 jew lil-Liġi dwar il-Prattiki Kummerċjali applikabbli, peress li l-għemil inkwistjoni kien jirrigwarda servizzi ta’ xiri. Fi kwalunkwe każ, fil-fehma ta’ din il-kumpannija, il-promozzjoni la kienet qarrieqa u lanqas żleali u l-konsumatur ikollu biżżejjed informazzjoni dwar il-mod li bih jiġi ddeterminat il-prezz.

20

Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2022, il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ) ipprojbixxiet lil Guldbrev, taħt piena ta’ ħlas ta’ penalità, milli tkompli l-attivitajiet promozzjonali tagħha u ordnatilha żżid ċerta informazzjoni mal-promozzjoni tagħha. Fil-fatt, wara li qieset li l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija relatati mal-valutazzjoni u max-xiri tad-deheb kienu jikkostitwixxu prattiki kummerċjali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, hija ddeċidiet li ċerti miżuri ta’ promozzjoni ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Liġi dwar il-Prattiki Kummerċjali, liema liġi ttrasponiet l-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku Svediż.

21

Guldbrev appellat minn għadd ta’ partijiet ta’ din is-sentenza quddiem is-Svea hovrätt Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala l-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ, l-Isvezja), il-qorti tar-rinviju.

22

F’dan ir-rigward, dik il-qorti tenfasizza li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-punti (ċ) u (d) tal-Artikolu 2, kif ukoll mal-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 2005/29 tagħmilha possibbli li jitqies li l-miżuri ta’ promozzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu intrinsikament jikkostitwixxu prattika kummerċjali fis-sens ta’ din id-direttiva, u dan kemm‑il darba jkunu jikkonċernaw prodott fis-sens ta’ din tal-aħħar. Hija tikkonstata, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma ddeċidiet il-kwistjoni dwar jekk l-offerta ta’ kummerċjant bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwardax prodott, fis-sens tal-imsemmija direttiva. Issa, risposta għal din id-domanda tagħmilha possibbli li jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għandhomx jiġu interpretati fid-dawl tar-regoli sostantivi previsti fl-istess direttiva.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti f’Stokkolma bħala l-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-valutazzjoni u x-xiri ta’ deheb minn konsumatur huma prodott (prodott kombinat) fis-sens tal-Artikolu 2(ċ),(d) u (i) [tal-punti (ċ), (d) u (i) tal-Artikolu 2] kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2005/29]?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-valutazzjoni tad-deheb hija, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prodott fis-sens tad-Direttiva 2005/29?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punti (ċ), (d) u (i) tal-Artikolu 2, kif ukoll l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 2005/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li s-servizz ta’ valutazzjoni ta’ oġġett li kummerċjant jipprovdi lil konsumatur qabel ix-xiri ta’ dan l-oġġett mingħand dan tal-aħħar, liema xiri jseħħ kemm‑il darba jkun aċċettat il-prezz iddeterminat wara l-valutazzjoni, jikkostitwixxi, flimkien ma’ dan ix-xiri, “prodott”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

25

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju qiegħda tagħmel din id-domanda sabiex jiġi vverifikat jekk id-Direttiva 2005/29 tapplikax f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn kummerċjant jixtri d-deheb mingħand konsumatur u, għal dan il-għan, jikkollega żewġ atti kummerċjali f’offerta kummerċjali waħda, jiġifieri s-servizz ta’ valutazzjoni ta’ dan l-oġġett u x-xiri tal-imsemmi oġġett mingħand l-istess konsumatur. B’mod partikolari, minn din id-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun lesta tixtri d-deheb mingħand il-konsumatur kemm‑il darba dan tal-aħħar jaċċetta s-servizz ta’ valutazzjoni li hija tipprovdilu sabiex jiġu ddeterminati l-kwalità u l-prezz tax-xiri tad-deheb. Dan il-prezz tax-xiri jkun għalhekk iddeterminat fil-mument tal-valutazzjoni u jkun jorbot lill-konsumatur kemm‑il darba dan tal-aħħar ikun jixtieq li t-tranżazzjoni sseħħ.

26

L-għemil li bih tinsab akkużata Guldbrev fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali jikkonsisti, b’mod partikolari, f’ċerti miżuri ta’ promozzjoni tal-prezz tad-deheb, liema miżuri, fil-fehma tal-KO, jikkostitwixxu “prattiki kummerċjali qarrieqa”, fis-sens tal-punt 5 u tal-punt 6(ċ) tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. Il-qorti tar-rinviju tqis li dawn il-miżuri ta’ promozzjoni jistgħu effettivament jikkostitwixxu “prattiki kummerċjali”, fis-sens tal-punt (d) tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, u jaqgħu, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, kemm‑il darba, madankollu, is-servizz ta’ valutazzjoni tad-deheb u x-xiri tiegħu bil-prezz hekk ivvalutat ikunu jistgħu jitqiesu li jifformaw flimkien “prodott”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar.

27

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi li din tal-aħħar tapplika għall-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fin-negozju mal-konsumaturi, kif iddefiniti fl-Artikolu 5 tagħha, qabel, matul u wara tranżazzjoni kummerċjali li tkun tikkonċerna prodott partikolari. Għalkemm dan l-Artikolu 5 jipprevedi l-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali u jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk tali prattika tkunx ta’ natura żleali, il-kwistjoni dwar jekk għemil, bħall-miżuri ta’ promozzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikunx jista’ jiġi kklassifikat bħala tali ma hija s-suġġett ta’ ebda waħda mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

28

Mill-banda l-oħra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra msemmija mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi, fil-punti (ċ), (d) u (i) tiegħu, rispettivament, il-kunċett ta’ “prodott” bħala “kull oġġett jew servizz, inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi”, il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba, imġieba, imġiba jew komunikazzjoni kummerċjali, inklużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”, u l-kunċett ta’ “stedina għax-xiri” bħala “komunikazzjoni kummerċjali li tindika l-karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li b’hekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja”.

29

Minn dan isegwi li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “prattika kummerċjali”, fis-sens tal-punt (d) tal-Artikolu 2, kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29, u sabiex b’hekk tkun tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, għemil għandu jorbot direttament mal-promozzjoni, mal-bejgħ jew mal-forniment ta’ prodott lill-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Kirschstein, C‑393/17, EU:C:2019:563, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, is-servizz ta’ valutazzjoni tad-deheb jikkostitwixxi prodott fornut “lill-konsumaturi”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, filwaqt li x-xiri tad-deheb jekwivali għall-bejgħ ta’ oġġett minn konsumatur lil kummerċjant. Għaldaqstant, miżuri ta’ promozzjoni li jorbtu direttament max-xiri tad-deheb, iżda mhux ukoll mal-valutazzjoni ta’ dan l-oġġett, jistgħu effettivament jitqiesu bħala “prattiki kummerċjali”, fis-sens tal-punt (d) tal-Artikolu 2, kif ukoll tal-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 2005/29, fil-każ biss previst minn din il-qorti fid-domanda tagħha, jiġifieri fejn is-servizz ta’ valutazzjoni u x-xiri jkunu jistgħu jitqiesu, flimkien, bħala li jikkostitwixxu “prodott” fornut lill-konsumaturi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

31

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” u juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, VTB‑VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 49). F’dan ir-rigward, l-uniku kriterju previst fl-imsemmija dispożizzjoni huwa bbażat fuq il-fatt li l-prattika tal-kummerċjant għandha tkun direttament marbuta mal-promozzjoni, mal-bejgħ jew mal-forniment ta’ oġġett jew il-provvista ta’ servizz lill-konsumatur (sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, CHS Tour Services, C‑435/11, EU:C:2013:574, punt 27, u tas‑16 ta’ April 2015, UPC Magyarország, C‑388/13, EU:C:2015:225, punt 35).

32

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-offerti kollegati, ibbażati fuq il-kollegament ta’, mill-inqas, żewġ prodotti jew servizzi distinti f’offerta wieħed, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-offerti kollegati jikkostitwixxu atti kummerċjali li jagħmlu parti b’mod ċar mill-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u jorbtu direttament mal-promozzjoni u mal-bejgħ ta’ dan tal-aħħar. Dan ifisser li l-offerti kollegati jikkostitwixxu tabilħaqq prattiki kummerċjali, fis-sens tal-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29, u jaqgħu, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenzi tat-23 ta’ April 2009, VTB‑VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 50, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2016, Deroo‑Blanquart, C‑310/15, EU:C:2016:633, punt 28).

33

Issa, sa fejn, f’dan il-każ, il-kummerċjant joffri lill-konsumatur servizz ta’ valutazzjoni tad-deheb, billi jikkollegah max-xiri ta’ dan l-oġġett, liema xiri huwa jissuġġetta għall-kundizzjoni li jiġi aċċettat il-prezz iddeterminat wara l-valutazzjoni, il-kummerċjant jista’ jwettaq prattika kummerċjali biss permezz ta’ komunikazzjoni li tippromwovi s-servizz ta’ valutazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tkun tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti s-sens u l-portata tagħha għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, liema interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-kuntest li tagħmel parti minnu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2024,Kwantum Nederland u Kwantum België, C‑227/23, EU:C:2024:914, punt 56, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemm xejn fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodott”, kif imfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li jipprekludi li offerta kollegata, li, bħal f’dan il-każ, tkun ibbażata fuq il-kollegament ta’ mill-inqas żewġ prodotti jew servizzi distinti f’offerta waħda magħmula minn kummerċjant lil konsumatur, titqies li taqa’ taħt dan il-kunċett. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra, imsemmija f’dan il-punt 28, li jinkorporaw il-kunċett ta’ “prodott” fid-definizzjonijiet inklużi fihom, il-formulazzjoni tagħhom lanqas ma tissuġġerixxi li tali offerta ma tkunx tista’ taqa’ taħt l-imsemmi kunċett.

36

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu parti minnha, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae partikolarment wiesa’ tad-Direttiva 2005/29 jagħżilha minn oħrajn b’ (sentenza tas‑16 ta’ April 2015, UPC Magyarország, C‑388/13, EU:C:2015:225, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Dan il-kamp ta’ applikazzjoni aktarx wiesa’ jippermetti li jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-Direttiva 2005/29, billi jiġi ggarantit li, konformement mal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, il-prattiki kummerċjali żleali jkunu, kif jeżiġi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva, miġġielda b’mod effettiv “fl-interessi tal-konsumaturi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Trento Sviluppo u Centrale Adriatica, C‑281/12, EU:C:2013:859, punt 32).

38

Fil-fatt, l-għan imfittex mid-Direttiva 2005/29, li l-konsumaturi jitħarsu b’mod sħiħ mill-prattiki kummerċjali żleali, huwa bbażat fuq il-fatt li, meta mqabbel ma’ kummerċjant, il-konsumatur jinsab f’pożizzjoni iktar dgħajfa, partikolarment fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni, b’mod li għandu jitqies li huwa ekonomikament iktar dgħajjef u inqas legalment esperjenzat mill-kontraent tiegħu. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva essenzjalment tfasslu mill-perspettiva tal-konsumatur bħala destinatarju u vittma ta’ prattiki kummerċjali żleali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs, C‑59/12, EU:C:2013:634, punti 35 u 36, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dawn il-kundizzjonijiet, is-servizz ta’ valutazzjoni tad-deheb u x-xiri tiegħu, minħabba li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-wieħed ma jistax jinfired mill-ieħor, jikkostitwixxu flimkien “prodott”, fis-sens tal-punti (ċ), (d) u (i) tal-Artikolu 2, kif ukoll tal-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 2005/29, b’tali mod li għemil, bħalma huma l-miżuri ta’ promozzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi kklassifikat bħala “prattiki kummerċjali”, fis-sens tal-punt (d) tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva u jaqa’, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punti (ċ), (d) u (i) tal-Artikolu 2, kif ukoll l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 2005/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-servizz ta’ valutazzjoni ta’ oġġett li kummerċjant jipprovdi lil konsumatur qabel ix-xiri ta’ dan l-oġġett mingħand dan tal-aħħar, liema xiri jseħħ kemm‑il darba jkun aċċettat il-prezz iddeterminat wara l-valutazzjoni, jikkostitwixxi, flimkien ma’ dan ix-xiri, “prodott”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’tali mod li l-miżuri marbuta direttament mal-promozzjoni ta’ dan il-prodott lill-konsumaturi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Fuq it‑tieni domanda

41

It-tieni domanda saret biss kemm‑il darba l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti risposta negattiva għall-ewwel domanda. Kif ġie konkluż fil-punt ta’ qabel, din l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

42

Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punti (ċ), (d) u (i) tal-Artikolu 2, kif ukoll l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali),

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

is-servizz ta’ valutazzjoni ta’ oġġett li kummerċjant jipprovdi lil konsumatur qabel ix-xiri ta’ dan l-oġġett mingħand dan tal-aħħar, liema xiri jseħħ kemm‑il darba jkun aċċettat il-prezz iddeterminat wara l-valutazzjoni, jikkostitwixxi, flimkien ma’ dan ix-xiri, “prodott”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod li l-miżuri marbuta direttament mal-promozzjoni ta’ dan il-prodott lill-konsumaturi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.