KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fid-19 ta’ Jannar 2016 ( 1 )
Kawża C‑361/14 P
Il-Kummissjoni Ewropea
v
McBride et
“Appell — Interpretazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE — Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE — Miżuri ta’ konservazzjoni ta’ riżorsi u ristrutturar tas-settur tas-sajd — Talbiet għal tunnellaġġ ta’ sigurtà miżjud — Annullament mill-Qorti Ġenerali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245/KE li ċaħdet talbiet għal tunnellaġġ ta’ sigurtà miżjud — Kompetenza u bażi legali għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġodda — Annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjonijiet ġodda li jiċħdu talbiet għal tunnellaġġ ta’ sigurtà miżjud”
|
1. |
Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tappella mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali ( 2 ) li annullat 11-il deċiżjoni adottati fit-13 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tal-2010”) li bihom il-Kummissjoni kienet (għal darb’oħra) ċaħdet talbiet sottomessi mill-Irlanda fl-14 ta’ Diċembru 2001 (iktar ’il quddiem ir-“rikors oriġinali’) f’isem is-sidien individwali ta’ bastimenti li kienu qed jitolbu żidiet fil-kapaċità permessa tal-bastimenti tas-sajd tagħhom għal titjib fis-sigurtà (iktar ’il quddiem “żidied fit-tunnellaġġ ta’ sigurtà”). It-talbiet kienu saru skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE ( 3 ). |
|
2. |
Din il-kawża hija kontinwazzjoni ta’ saga twila u kumplessa ( 4 ). Fl-4 ta’ April 2003 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/245/KE ( 5 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”) bi tweġiba għar-rikors oriġinali tal-Irlanda. Is-sidien tal-bastimenti li t-talbiet tagħhom għal żidied fit-tunnellaġġ ta’ sigurtà kienu ġew miċħuda ressqu proċeduri ta’ annullament kontra din id-deċiżjoni fil-Qorti Ġenerali li din tal-aħħar tat deċiżjoni dwarhom fis-sentenza Boyle et ( 6 ). Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inizjali sa fejn kienet tikkonċerna għadd ta’ bastimenti, iżda ċaħdet erba’ mir-rikorsi bħala inammissibbli. Tlieta minn dawk is-sidien tal-bastimenti appellaw b’suċċess minn dik id-deċiżjoni: fis-sentenza Flaherty et ( 7 ), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali abbażi ta’ din il-kwistjoni ta’ ammissibbiltà u estendiet l-annullament tad-deċiżjoni inizjali għall-bastimenti inkwistjoni f’dawk il-proċeduri. |
|
3. |
Fit-13 ta’ Lulju 2010 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet tal-2010 biex tottempora ruħha mal-obbligi tagħha li timplementa s-sentenzi Boyle et u Flaherty et skont l-Artikolu 266 TFUE. Peress li l-bażi legali tad-deċiżjoni inizjali kienet għebet fil-frattemp ( 8 ), id-deċiżjonijiet tal-2010 ġew adottati fuq bażi legali ad hoc. Dawn ġew attakkati quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża McBride et, l-istess proċedura li wasslet għas-sentenza attakkata permezz tal-appell odjern. |
|
4. |
Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet tal-2010. Meta għamlet hekk hija għamlet distinzjoni bejn l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 266 TFUE u s-setgħat ta’ dik l-istituzzjoni li tadotta d-deċiżjonijiet tal‑2010. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħat meħtieġa. Konsegwentement, hija kellha tiċħad it-talbiet oriġinali sa fejn din kienet tikkonċerna lill-appellanti fl-istanza odjerna. |
|
5. |
Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tqajjem kwistjonijiet importanti li jmorru lil hinn mis-settur tas-sajd. X’inhuma l-obbligi ta’ istituzzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 266 TFUE? Fl-analiżi tal-bażi legali tad-deċiżjonijiet tal-2010, għandha l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-prinċipji li joriġinaw mill-ġurisprudenza li tikkonċerna l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (iktar ’il quddiem il-“KEFA”), b’mod partikolari is-sentenzi SP et ( 9 ) u ArcelorMittal ( 10 ) ? Jekk le, kif għandha tiġi ttrattata l-kwistjoni dwar il-bażi legali xierqa? |
Il-kuntest legali
It-Trattat dwar Unjoni Ewropea
|
6. |
Skont l-Artikolu 5(1) TUE, il-limiti tas-setgħat tal-Unjoni huma rregolati mill-prinċipju tal-għoti ta’ kompetenzi. Skont dan il-prinċipju l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tas-setgħat mogħtija mill-Istati Membri fit-Trattati għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti fihom, b’mod konformi mal-Artikolu 5(2). |
|
7. |
L-Artikolu 13(2) TUE bl-istess mod jitlob li kull istituzzjoni taġixxi fil-limiti mogħtija lilha mit-Trattati u f’konformità mal-proċeduri, l-kundizzjonijiet u l-għanijiet permezz ta’ dawn it-Trattati. |
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
8. |
L-Artikolu 263 TFUE jistabbilixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tistħarreġ il-legalità ta’ atti leġiżlattivi u ta’ atti tal-istituzzjonijiet, inkluża dawk tal-Kummissjoni. |
|
9. |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE jipprevedi li, jekk l-azzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju tkun fondata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara l-att inkwistjoni bħala null u bla effett. |
|
10. |
Skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat għandha tadotta l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tas-sentenza. Dan l-obbligu ma jippreġudikax l-obbligu tal-Unjoni li tagħmel tajjeb, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. |
Sinteżi tal-Politika Komuni tas-Sajd
|
11. |
Is-sistema regolatorja li tirregola s-sajd fl-ilmijiet tal-UE hija kkumplikata u estensiva ( 11 ). Ser jingħata sinteżi qasir u mhux eżawrjenti li l-għan waħdieni tiegħu huwa li jitwassal il-kuntest leġiżlattiv. |
|
12. |
Fl-1970 il-Kunsill adotta leġiżlazzjoni li tistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-suq fi prodotti tas-sajd ( 12 ). Il-Politika Komuni tas-Sajd (iktar ’il quddiem “PKS”) innifisha twaqqfet fl-1983 ( 13 ). Sussegwentement din ġiet emendata f’għadd ta’ okkażjonijiet. |
|
13. |
Meta l-Irlanda ppreżentat ir-rikorsi oriġinali fl-14 ta’ Diċembru 2001, id-dispożizzjonijiet rilevanti kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 ( 14 ). Dan ir-regolament ipprova jindirizza dak li rriżulta bħala nuqqas ta’ ekwilibriju gravi bejn il-kapaċità għas-sajd ta’ flotot tal-Istati Membri u opportunitajiet disponibbli għas-sajd. |
|
14. |
Dik li dak iż-żmien kienet il-politika strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd kienet organizzata abbażi ta’ Programmi ta’ Gwida Multiannwali (iktar ’il quddiem “PGMA”) kif iddefiniti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4028/86 ( 15 ). Dawn stabbilixxew għanijiet biex jitnaqqas id-daqs tal-flotta tas-sajd ( 16 ). Biex tiffaċilita bidla strutturali fis-settur tas-sajd skont il-linji gwida tal-PKS, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tagħti għajnuna finanzjarja għal miżuri inklużi ristrutturar, tiġdid u mmodernizzazzar tal-flotta tas-sajd ( 17 ). Kien taħt il-patronaġġ ta’ dik il-politika li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413, li fuqha kienu bbażati r-rikorsi oriġinali, kienet ġiet ippromulgata. |
|
15. |
Madankollu, għall-aħħar tas-snin disgħin, kien jidher ċar li l-PKS irriformata kienet naqset milli twaqqaf it-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet Komunitarji ( 18 ). Il-Kummissjoni ddeċidiet li l-għanijiet tal-PGMA IV kienu wisq modesti. Hija pproponiet li d-Deċiżjoni 97/413 (u l-PGMA IV) kellhom jiġu estiżi b’sena sal-31 ta’ Diċembru 2002 biex jitħalla jkun hemm żmien għal riflessjoni dwar il-ġejjieni tal-politika dwar il-flotta. Fl-istess waqt il-Kummissjoni ssuġġeriet li kellhom jiġu introdotti miżuri biex ikun żgurat li l-PGMA IV ikun iktar effettiv matul il-perijodu estiż tal-applikazzjoni tiegħu. Miżura waħda minnhom kienet li titneħħa l-possibbiltà li jinkisbu żidied fit-tunnellaġġ ta’ sigurtà. ( 19 ) |
|
16. |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, ( 20 ) li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 101/76 u r-Regolament Nru 3760/92, ġab fis-seħħ il-bidla fil-politika. Il-pożizzjoni attwali hija rregolata mir-Regolament (UE) 2015/812 ( 21 ) u mir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ( 22 ). |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92
|
17. |
L-għan tar-Regolament Nru 3760/92 kien deskritt bħala li sar biex jitwaqqaf qafas għall-konservazzjoni u l-protezzjoni ta’ riżorsi akkwatiċi ħajjin u tal-akkwakultura ( 23 ). |
|
18. |
It-Titolu I kien ikopri regoli għal aċċess għal ilmijiet u riżorsi. L-Artikolu 11 kien l-unika dispożizzjoni fit-Titolu II (“Ġestjoni u monitoraġġ ta’ attività tas-sajd”). Kien jistabbilixxi: “Meqjus it-Titolu I, fuq bażi multiannwali u għall-ewwel darba, mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 1994, il-Kunsill, li jaġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43 tat-Trattat, għandu jistabbilixxi l-għanijiet u r-regoli ddettaljati għar-ristrutturar tas-settur tas-sajd Komunitarju bil-għan li jinkiseb ekwilibriju fuq bażi sostenibbli bejn riżorsi u l-użu li jsir minnhom. Tali ristrutturar għandu jqis ukoll abbażi ta’ każ każ il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li jista’ jkun hemm u l-partikolaritajiet reġjonali tas-sajd.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Fit-Titolu III (“Dispożizzjonijiet Ġenerali”), l-Artikolu 17 stabbilixxa Kumitat ta’ Ġestjoni għas-Sajd u l-Akkwakultura, filwaqt li l-Artikolu 18 stabbilixxa proċedura għall-Kummissjoni biex tissottometti abbozz ta’ miżuri ta’ implementazzjoni lil dan il-kumitat għal skrutinju qabel ma jiġu adottati. |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/99
|
19. |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/99 ( 24 ) introduċa qafas għall-miżuri kollha strutturali fis-settur tas-sajd. Iddaħħlet dispożizzjoni għal għajnuna finanzjarja skont il-PKS permezz tal-Istrument Finanzjarju ta’ Gwida għas-Sajd (iktar ’il quddiem l-“SFGS”) ( 25 ). L-Artikolu 6 jikkonċerna t-tiġdid tal-flotta u l-immodernizzar tal-bastimenti tas-sajd. Fil-kuntest tal-PGMA, l-Istati Membri setgħu, skont l-Artikolu 6(2), jitolbu żieda fl-għanijiet ta’ kapaċità, inter alia, għal miżuri li jtejbu s-sigurtà, bil-kundizzjoni li tali miżuri ma kinux iwasslu għal iktar sfruttar ta’ riżorsi. |
|
20. |
Skont l-Artikolu 9, l-għajnuna permezz tal-SFGS għat-tiġdid u l-immodernizzar tal-flotta għandha tiġi konċessa biss meta jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikolu 6(2). |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE
|
21. |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413 ġiet introdotta biex jiġi żgurat, inter alia, ir-ristrutturar tal-flotta tas-sajd Komunitarja u s-sopravivenza ta’ settur mhedded b’mod gravi minn sfruttar eċċessiv kroniku. Ġew stabbilit regoli ddettaljati fil-PGMA IV għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 2002 ( 26 ). |
|
22. |
L-Artikolu 4 jipprovdi: “1. Il-qsim f’segmenti tal-flotta ta’ kull Stat Membru għandu jiġi ddeterminat b’rabta mal-istokkijiet iddefiniti fl-Anness I u mat-teknika tas-sajd, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-qsim f’segmenti adottat bħala parti mill-PGMA III, kif ukoll tas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri. 2. Fil-Programmi ta’ Gwida Multiannwali għall-Istati Membri, żidiet fil-kapaċità li jirriżultaw esklużivament minn titjib fis-sigurtà għandhom jiġġustifikaw, abbażi ta’ każ każ, żieda bl-istess ammont tal-għanijiet għal segmenti tal-flotta fejn ma jżidux l-isforz għas-sajd tal-bastimenti kkonċernati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
23. |
L-Artikolu 9(1) jitlob li l-Kummissjoni tadotta l-PGMA għall-flotot tas-sajd tal-Istati Membri individwali skont ir-Regolament (KE) Nru 3699/93 ( 27 ) mhux iktar tard mit-30 ta’ Novembru 1997 għall-perijodu mill-1997 sal-2001. |
|
24. |
Skont l-Artikolu 10, il-proċeduri skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3760/92 kienu japplikaw għall-finijiet ta’ implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 97/413. Meta r-Regolament Nru 3760/92 tħassar u ġie ssostitwit mir-Regolament Nru 2371/2002 ( 28 ), (b’mod kruċjali) tħassar il-Kumitat ta’ Ġestjoni li skontu l-Kummissjoni kienet mitluba li tikkonsulta ( 29 ). |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/70/KE
|
25. |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/70 ( 30 ) kienet adottata biex ikun hemm żmien biżżejjed għal riflessjoni dwar il-politika dwar il-flotta. Hija emendat id-Deċiżjoni 97/413 u estendiet id-data li fiha l-isforz għas-sajd ta’ kull Stat Membru kellu jitnaqqas sal-31 ta’ Diċembru 2002 ( 31 ). L-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 b’mod kruċjali tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002 ( 32 ). |
|
26. |
L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 97/413 ġie emendat ukoll. Il-Kummissjoni baqgħet responsabbli għall-implementazzjoni tal-għanijiet u tar-regoli ddettaljati ta’ dik id-deċiżjoni, iżda l-proċeduri kellhom jitwettqu skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2792/99. ( 33 ) |
Ġurisprudenza
|
27. |
Minħabba li jsir riferiment estensiv għal SP et u ArcelorMittal fl-aggravji u fis-sottomissjonijiet tal-partijiet, ikun ta’ għajnuna li dawn jitfakkru fil-qosor hawnhekk. |
|
28. |
F’SP et ir-rikorrenti talbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fis-17 ta’ Diċembru 2002 minħabba nuqqas ta’ kompetenza. Id-deċiżjoni inkwistjoni kienet issanzjonat ksur tat-Trattat KEFA mwettaq qabel l-iskadenza ta’ dan it-Trattat fit-23 ta’ Lulju 2002. Il-preambolu tagħha kien jagħmel riferiment biss għall-Artikolu 65 KEFA ( 34 ). Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw passi proċedurali li kellhom jittieħdu qabel ma l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha u d-dispożizzjoni sostantiva tat-Trattat KEFA. |
|
29. |
Fir-rigward tas-suċċessjoni tal-liġijiet, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza fis-sens li regoli sostantivi tad-dritt Komunitarju għandhom ikunu interpretati, biex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, bħala li ma japplikawx, fil-prinċipju, għal sitwazzjonijiet li kienu jeżistu qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ, filwaqt li regoli proċedurali huma ta’ applikazzjoni immedjata ( 35 ). L-ewwel nett, ikun meħtieġ jiġi aċċertat jekk istituzzjoni jkollhiex is-setgħa tadotta miżura abbażi ta’ dispożizzjoni speċifika tat-Trattat jew ta’ leġiżlazzjoni sussidjarja. Il-pass li jmiss huwa li jiġu ddeterminati r-regoli sostantivi u proċedurali applikabbli, f’konformità mal-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni ta’ regoli legali. Għalhekk, id-dispożizzjoni li tkun tikkostitwixxi l-bażi legali għal miżura u li tkun tagħti s-setgħa lill-istituzzjoni Komunitarja sabiex tippromulgaha għandha tkun fis-seħħ fil-waqt tal-adozzjoni. Għall-kuntrarju, dawk il-prinċipji jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi li ma jkunux għadhom fis-seħħ fiż-żmien meta istituzzjoni Komunitarja tadotta l-miżura inkwistjoni. Il-Kummissjoni kienet inferixxiet li hija kienet kompetenti taġixxi abbażi tar-regola sostantiva tal-Artikolu 65(1) KEFA. Żbaljat meta għamlet hekk minħabba li l-bażi legali fl-Artikolu 65(4) u (5) KEFA kienet skadiet meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, annullat id-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża ( 36 ). |
|
30. |
ArcelorMittal kienet dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 65(1) u (5) KEFA, iżda wara li kien skada t-Trattat KEFA fit-23 ta’ Lulju 2002. Skont deċiżjoni iktar bikrija, il-Kummissjoni kienet imponiet multi fuq 17-il impriża talli kienu pparteċipaw f’akkordju ta’ ffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-azzar. Fil-11 ta’ Marzu 1999, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni iżda naqqset il-multa imposta ( 37 ). Fit-2 ta’ Ottubru 2003, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn kienet tikkonċerna waħda mill-impriżi ( 38 ). Il-Kummissjoni mbagħad iddeċidiet li tibda proċedura ġdida fir-rigward tal-istess aġir antikompetittiv li kien jikkostitwixxi s-suġġett tad-deċiżjoni iktar bikrija. Fit-8 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida li kienet ikkontestata l-ewwel mingħajr suċċess, quddiem il-Qorti Ġenerali ( 39 ) u wara fl-appell, f’ArcelorMittal. |
|
31. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma kinitx ivvizzjata minn żball ta’ liġi. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux f’moħħu li ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni skont it-Trattat KEFA kellhom jaħarbu mill-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet wara li dak it-Trattat kien skada. Barra dan, is-suċċessjoni ta’ Trattati (KEFA, KE u TFUE) tiżgura, biex tiġi ggarantita kompetizzjoni ħielsa, li l-Kummissjoni tkun tista’ tibqa’ timponi sanzjonijiet għal kull aġir li jkun jaqbel mal-elementi fattwali stabbiliti fl-Artikolu 65(1) KEFA, kemm jekk ikunu seħħew qabel jew wara t-23 ta’ Lulju 2002. Kien ikun, għalhekk, kuntrarju għall-għanijiet u għall-koerenza tat-Trattati u irrikonċiljabbli mal-kontinwità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea kieku l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-regoli li joriġinaw mit-Trattat KEFA li komplew jipproduċu effetti anki wara l-iskadenza ta’ dak it-Trattat ( 40 ). |
|
32. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi l-multa inkwistjoni fl-2006 toriġina mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 41 ) u li l-proċedura kellha tiġi eżegwita skont dan ir-regolament. Dispożizzjoni li tkun tifforma l-bażi legali ta’ att u li tagħti s-setgħa lill-istituzzjoni tal-Unjoni tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fiż-żmien meta l-att jiġi adottat. Barra minn hekk, l-użu tal-Kummissjoni tar-Regolament Nru 1/2003 ma kienx jirrestrinġi, iżda pjuttost kien jestendi l-garanziji proċedurali pprovduti mill-qafas legali tat-Trattat KEFA għal impriżi li kienu l-mira ta’ proċeduri għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 42 ). |
L-isfond tal-proċeduri attwali
Id-deċiżjoni inizjali
|
33. |
Fl-14 ta’ Diċembru 2001 l-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw ir-rikors oriġinali lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, billi talbu li tiżdied il-kapaċità tas-segment polivalenti ( 43 ) u s-segment pelaġiku ( 44 ) tal-flotta tagħhom. |
|
34. |
Fl-4 ta’ April 2003 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inizjali, billi ċċitat kemm l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 97/413 kif ukoll l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2792/99 bħala bażijiet legali. Permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni aċċettat 29 talba għal żidied fit-tunnellaġġ ta’ sigurtà skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413. Madankollu hija ċaħdet ukoll 80 talba simili, inklużi dawk tal-appellati f’din l-istanza. |
Il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni dwar id-deċiżjoni inizjali
|
35. |
Għadd ta’ sidien ta’ bastimenti ppreżentaw rikorsi għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Ġunju 2003, li kkontestaw il-validità tad-deċiżjoni inizjali. Fit-13 ta’ Ġunju 2006, il-Qorti Ġenerali ċaħdet erba’ rikorsi bħala inammissibbli: dawk ippreżentati minn Thomas Flaherty, Ocean Trawlers, Larry Murphy u O’Neill Fishing Co Ltd. Hija annullat id-deċiżjoni inizjali sa fejn hija kienet tapplika għall-bastimenti li kienu tar-rikorrenti l-oħra minħabba li, meta adottat id-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni kienet applikat kriterji li ma kinux imsemmija fir-regoli rilevanti u kienu jmorru lil hinn mis-setgħat tagħha ( 45 ). |
|
36. |
Kien hemm skambju ta’ korrispondenza bejn is-sidien ta’ dawk il-bastimenti u l-Kummissjoni, li kienet tesplora x’passi l-Kummissjoni kien bi ħsiebha tieħu biex timplementa d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali f’Boyle et. Matul dak il-perijodu l-Kummissjoni talbet ukoll informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Irlandiżi dwar il-karatteristiċi tekniċi tal-bastimenti inkwistjoni. |
|
37. |
Fil-frattemp, fil-5 ta’ Settembru 2006, Thomas Flaherty, Larry Murphy u Ocean Trawlers appellaw mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Fis-17 ta’ April 2008, fi Flaherty et, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-appell tagħhom u annullat id-deċiżjoni inizjali anki sa fejn kienet tapplika għal dawk il-partijiet u għall-bastimenti tagħhom. |
|
38. |
Fit-3 ta’ April 2008 s-sidien kważi kollha tal-bastimenti bdew proċeduri kontra l-Kummissjoni għal danni kkawżati mill-annullament tad-deċiżjoni inizjali ( 46 ). Il-Qorti Ġenerali għall-bidu ssospendiet dawk il-proċeduri fit-12 ta’ Mejju 2009 (sakemm il-Kummissjoni nnotifikat lill-Qorti Ġenerali li kienu ttieħdu deċiżjonijiet ta’ sostituzzjoni); mill-ġdid fl-14 ta’ Ġunju 2011 (fil-pendenzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali suġġetta għall-appell odjern) u mill-ġdid ukoll fit-22 ta’ Ottubru 2014 (fil-pendenzi tal-eżitu ta’ dan l-appell). |
Id-deċiżjonijiet ikkontestati
|
39. |
Biex tkun konformi mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 266 TFUE, il-Kummissjoni adottat għadd ta’ deċiżjonijiet fit-13 ta’ Lulju 2010. F’dawn hija reġgħet ċaħdet it-talba tal-Irlanda, f’isem dak il-group ta’ sidien ta’ bastimenti, biex jiżdiedu l-għanijiet tal-PGMA IV għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 2001 ( 47 ). Id-Deċiżjoni C(2010) 4758 li tikkonċerna lil Peter McBride hija eżempju rappreżentattiv tad-deċiżjonijiet tal-2010 u ser jiġi deskritt il-proċess b’rabta ma’ dik id-deċiżjoni partikolari. |
|
40. |
Fil-qosor: il-Kummissjoni l-ewwel talbet lill-Irlanda għal informazzjoni addizzjonali teknika (li mid-dehra ma ngħatatx) dwar Peadar Elaine II u l-bastimenti iżgħar li ssostitwixxa. Il-Kummissjoni mbagħad ikkonstatat provviżorjament, abbażi ta’ informazzjoni li l-Irlanda pprovdiet dwar bastimenti ġodda ffinanzjati skont l-Iskema ta’ Tiġdid tal-Flotta tal-Ħut Abjad, li ma kienx ċar li ż-żieda f’tunnellaġġ kienet tabilħaqq attribwibbli esklużivament għal titjib fis-sigurtà. Dik il-konstatazzjoni provviżorja kienet ikkomunikata lill-avukati ta’ McBride, li kkontestawha. |
|
41. |
Fid-Deċiżjoni C(2010) innifisha, il-Kummissjoni l-ewwel speċifikat x’kien il-kuntest legali. Spjegat li fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li annullat id-deċiżjoni inizjali kien intalab li tiġi adottata deċiżjoni ġdida b’rabta mal-bastiment Peader Elaine II, u żiedet: “Minħabba li l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE kien tħassar bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/70 u ma kienx issostitwit b’dispożizzjoni korrispondenti, ma għadx hemm bażi legali speċifika għal din id-deċiżjoni ġdida. Il-Kummissjoni għandha, għalhekk, tieħu deċiżjoni [ad hoc], billi tapplika r-regoli legali sostantivi li kienu fis-seħħ fiż-żmien meta r-rikors ġie rċevut”. Il-Kummissjoni mbagħad ikkonfermat il-konstatazzjoni provviżorja tagħha, billi ddikjarat li konsegwentement hija kienet “iddeċidiet li tiċħad ir-rikors għal żieda fl-objettiv [tal-PGMA IV] għas-segment polivalenti tal-flotta Irlandiża b’riferiment għall-bastiment Peadar Elaine II”. |
Sommarju tas-sentenza appellata
|
42. |
Fis-27 u fit-28 ta’ Settembru 2010 is-sidien tal-bastimenti bdew proċeduri skont l-Artikolu 263 TFUE fil-Qorti Ġenerali ( 48 ). Huma talbu lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjonijiet tal-2010 u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
|
43. |
Ġew ippreżentati sitt motivi insostenn tar-rikorsi għal annullament: (i) il-Kummissjoni kellha setgħat espressi sabiex tadotta d-deċiżjoni inizjali skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 milli fuq bażi ad hoc; (ii) ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali; (iii) interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413; (iv) żball manifest fl-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni; (v) ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba; u (vi) ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
44. |
Il-Qorti Ġenerali eżaminat biss l-ewwel motiv, li hija qieset li neċessarjament qajjem il-kwistjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni li tevalwa r-rikorsi oriġinali għal tunnellaġġ ta’ sigurtà miżjud u biex tadotta d-deċiżjonijiet tal-2010. Hija kkonkludiet li fiż-żmien rilevanti ma kienx hemm bażi legali eżistenti għall-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet u li l-Kummissjoni ma kinitx, għalhekk, kompetenti taġixxi. Għaldaqstant ir-rikors intlaqa’ fuq l-ewwel eċċezzjoni u ġew annullati d-deċiżjonijiet tal-2010. |
|
45. |
Il-Kummissjoni appellat mis-sentenza fil-25 ta’ Lulju 2014. Kemm hija kif ukoll il-konvenuti għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-1 ta’ Settembru 2015. |
L-appell tal-Kummissjoni
|
46. |
Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel nett tissottometti li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 266 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 263 TFUE. Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 għandu jiġi interpretat bħala li għadu jtiha s-setgħa tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors oriġinali. Il-Qorti Ġenerali wettqet l-iżbalji ta’ dritt li ġejjin: (i) naqset milli tapplika l-prinċipji li huma l-bażi tas-sentenzi SP et u ArcelorMittal; u (ii) applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ effikaċja, il-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi u l-prinċipji ta’ kontinwità tal-ordinament ġuridiku, ta’ applikazzjoni temporali tal-liġi, ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u tal-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tal-liġijiet. |
|
47. |
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 36 tal-Istatut u l-Artikolu 81 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha stess. Naqset milli tagħti motivazzjoni tajba għas-sentenza tagħha, b’mod partikolari b’rabta mal-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq SP et u ArcelorMittal, li setgħu jiġu applikati r-regoli sostantivi tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, minkejja li dik il-miżura kienet tħassret. |
L-ewwel aggravju
Sommarju tal-partijiet rilevanti tas-sentenza appellata
|
48. |
Skont l-Artikolu 5 TUE, il-limiti tas-setgħat tal-Unjoni huma rregolati mill-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi. L-Artikolu 13(2) TUE jistabbilixxi li kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skont il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom. L-istituzzjonijiet għandhom biss setgħat mogħtija. Din hija r-raġuni għaliex atti tal-Unjoni Ewropea jagħmlu riferiment fil-preambolu tagħhom għall-bażi legali li biha l-istituzzjoni kkonċernata taġixxi fil-qasam inkwistjoni. L-għażla tal-bażi legali xierqa, għaldaqstant, għandha sinjifikat kostituzzjonali ( 49 ). Barra dan, il-kwistjoni dwar jekk l-awtur ta’ att ikkontestat huwiex kompetenti hija materja ta’ ordni pubbliku li għandha titqajjem mill-qrati tal-Unjoni ex officio anki jekk ebda waħda mill-partijiet ma tqajjimha ( 50 ). |
|
49. |
Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika li n-natura obbligatorja ta’ kull att maħsub li jkollu effetti legali għandha toħroġ minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippreskrivi l-forma legali li jkollu jieħu, u dik id-dispożizzjoni għandha tiġi ċċitata espressament fl-att inkwistjoni bħala l-bażi legali tiegħu. Isegwi li l-bażi legali għandha tkun fis-seħħ fiż-żmien meta l-att jiġi adottat ( 51 ). |
|
50. |
Minħabba li kemm id-Deċiżjoni 97/413, kif ukoll ir-Regolament Nru 2792/99, kienu tħassru qabel ma kienu adottati d-deċiżjonijiet tal-2010, il-proċedura biex il-Kumitat ta’ Ġestjoni għas-settur tas-sajd jiġi kkonsultat ma setgħetx tiġi applikata. Ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni, lanqas xi arranġament tranżizzjonali li bihom il-Kummissjoni setgħet teżamina mill-ġdid ir-rikors oriġinali. Għalhekk ma kienx hemm bażi legali u l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa tadotta dawk id-deċiżjonijiet ( 52 ). |
|
51. |
Filwaqt li s-sidien tal-bastimenti għamlu sewwa meta ssottomettew li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti tadotta d-deċiżjonijiet tal-2010 fuq bażi ad hoc, ma kinux korretti meta ssottomettew li kienet teżisti bażi legali adatta. L-ewwel nett, il-prinċipji li hemm f’ArcelorMittal u f’SP et kienu ta’ applikazzjoni ġenerali. It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet li kienu japplikaw fl-14 ta’ Diċembru 2001, meta l-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw ir-rikors oriġinali, ma kinux fis-seħħ meta d-deċiżjonijiet tal-2010 kienu adottati. It-tielet nett, il-fatt li l-Kummissjoni kienet aġixxiet kontra l-liġi meta d-deċiżjoni inizjali kienet adottata ma setax jiġġustifika li hija tkompli teċċedi s-setgħat tagħha billi tadotta d-deċiżjonijiet tal-2010. Ir-raba’ nett, meqjus l-għadd ta’ bastimenti milquta mir-rikors oriġinali u d-dmir tal-Kummissjoni li teżerċita attenzjoni kif imiss, dik l-istituzzjoni ma setgħetx tiġi kkritikata għax naqset li tadotta deċiżjoni qabel l-iskadenza tal-PGMA IV fil-31 ta’ Diċembru 2001 ( 53 ). |
|
52. |
F’dak ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx ħaseb għal arranġamenti tranżizzjonali li kienu jippermettu lill-Kummissjoni teżamina u tiddeċiedi dwar it-talbiet għal iktar kapaċità li hija kienet irċeviet qabel ma d-dispożizzjonijiet li kienu tawha dik is-setgħa kienu skadew jew tħassru. Filwaqt li kien minnu li n-nuqqas ta’ tali arranġamenti tranżizzjonali jistgħu ma jkunux sodisfaċenti għal individwi, dik il-konklużjoni ma setgħetx ikollha l-effett li jitwarrbu l-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi, li kien stabbilit espressament fit-Trattat. Kieku dan kien il-każ, il-Qorti Ġenerali kienet tmur lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha mit-Trattat ( 54 ). |
|
53. |
Fl-aħħar nett, meta att ta’ istituzzjoni jkun ġie annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-Artikolu 266 TFUE jimponi obbligu fuq l-istituzzjoni kkonċernata biex taġixxi, dik id-dispożizzjoni fiha nnifisha ma hijiex sors ta’ kompetenza. F’dan il-każ il-Kummissjoni kien rikjesta, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri meħtieġa biex tkun konformi mas-sentenzi Boyle et u Flaherty et, iżda ma kellhiex il-kompetenza tagħmel hekk. F’tali sitwazzjoni l-Kummissjoni kellha tiċħad it-talbiet minħabba nuqqas ta’ kompetenza. Riżultat bħal dan kien, madankollu, bla ħsara għad-dritt tas-sidien tal-bastimenti li jiftħu kawża għad-danni kontra l-Unjoni Ewropea abbażi tan-nuqqas ta’ arranġamenti tranżizzjonali li kienu jippermettu lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar it-talba oriġinali tal-awtoritajiet Irlandiżi ( 55 ). |
Sommarju tal-aggravji tal-Kummissjoni
|
54. |
Il-Kummissjoni tilmenta li s-sentenza appellata toħloq diffikultajiet għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għas-sidien tal-bastimenti u għall-effikaċja tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. |
|
55. |
Il-Kummissjoni tressaq seba’ punti insostenn tal-ewwel aggravju tagħha: (i) l-Artikolu 266 TFUE jimponi dmir fuq l-istituzzjoni li l-att tagħha jiġi annullat; (ii) dak id-dmir għandu jiġi ekwilibrat ma’ prinċipji oħra, bħaċ-ċertezza legali; (iii) hija applikat il-prinċipji f’SP et u f’ArcelorMittal għal dan il-każ; (iv) li l-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni; (v) il-Qorti Ġenerali żbaljat meta applikat il-prinċipju ta’ ċertezza legali u naqset milli tirrikonoxxi li bażi legali tista’ tkun impliċita; (vi) l-Artikolu 266 TFUE ma jerġax jattivaw mill-ġdid il-bażi legali; u (vii) meta interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 266 TFUE, il-Qorti Ġenerali dgħajfet l-effikaċja tar-rimedju ta’ annullament skont l-Artikolu 263 TFUE u naqset milli tapplika prinċipji oħra tad-dritt b’mod korrett. |
Sommarju tat-tweġiba
|
56. |
Il-konvenuti jaċċettaw li l-Artikolu 266 TFUE jimponi obbligu fuq il-Kummissjoni li taġixxi; u li dan id-dmir jista’ jkollu jiġi ekwilibrat ma’ prinċipji oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħaċ-ċertezza legali. Madankollu, dawk il-prinċipji ma jistgħux jintużaw sabiex jattivaw mill-ġdid bażi legali li tkun ġiet imħassra. Il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta qalet li l-bażi legali ta’ att għandha tkun fis-seħħ fiż-żmien meta l-att jiġi adottat u li regoli proċedurali ġeneralment jitqiesu li japplikaw meta jidħlu fis-seħħ. Il-pożizzjoni hawnhekk ma hijiex l-istess bħal f’SP et u f’ArcelorMittal. |
|
57. |
Tabilħaqq, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tixħet dubju dwar il-validità tad-deċiżjoni inizjali. Dan għandu implikazzjonijiet negattivi għal dawk ir-rikorsi li kienu approvati. Il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi jipprekludi lill-Kummissjoni milli tirrevoka dawk id-deċiżjonijiet pożittivi għal żidied fit-tunnellaġġ ta’ sigurtà. |
|
58. |
Il-konvenuti, għalhekk, jissottomettu li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. Quddiem il-Qorti Ġenerali huma kienu argumentaw li l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 jipprovdi bażi legali speċifika għall-Kummissjoni biex taġixxi; u dan l-argument qed isir b’mod alternattiv f’dan l-appell. Fl-alternattiva ulterjuri, jekk din il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Kummissjoni setgħet tadotta deċiżjonijiet ad hoc mingħajr ma tipprovdi l-garanziji proċedurali stabbiliti mid-Deċiżjoni 97/413, ir-rikorsi għall-annullament għandhom jiġu rrinvijati lill-Qorti Ġenerali biex din tiddeċiedi dwar it-tieni sas-sitt eċċezzjoni fl-ewwel istanza, minħabba li dawn l-eċċezzjonijiet għadhom ma tqisux u ma kien hemm ebda konklużjoni fattwali ( 56 ). Meta adottat deċiżjonijiet ad hoc il-Kummissjoni kisret l-aspettattiva leġittima tal-konvenuti li r-rikorsi tagħhom kienu ser jitqiesu abbażi tar-regoli sostantivi flimkien mal-benefiċċju tal-garanziji proċedurali mogħti bid-Deċiżjoni 97/413. |
Analiżi: l-ewwel aggravju
Osservazzjonijiet preliminari
|
59. |
Fiż-żmien meta r-rikors oriġinali kien ġie ppreżentat mill-awtoritajiet Irlandiżi, il-Kummissjoni kienet kompetenti taġixxi abbażi tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 97/413 ( 57 ). |
|
60. |
Malli d-Deċiżjoni 2002/70 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni ma kinitx għadha kompetenti biex tittratta tali talbiet. Anki għalkemm l-effetti sostantivi tal-PGMA IV kienu ġew estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2002 u d-dmirijiet tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 9, kienu baqgħu inoltrati ( 58 ), id-dispożizzjoni li biha setgħu jingħataw żidiet fit-tunnellaġġ ta’ sigurtà (Artikolu 4(2)) kienu tħassru. Ma kienu ġew ippromulgati ebda regoli ġodda li kienu jagħtu setgħat lill-Kummissjoni biex tieħu tali deċiżjonijiet u ma kienx hemm dispożizzjonijiet tranżitorji eżistenti li bihom hija kienet tista’ tittratta rikorsi pendenti. |
|
61. |
Dawk is-sidien tal-bastimenti li bbenefikaw minn deċiżjonijiet pożittivi jew li għalihom id-deċiżjonijiet kienu saru finali ma kinux milquta bit-tħassir tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 ( 59 ). Dawk biss li ma kienx irnexxielhom jikkontestaw id-deċiżjoni inizjali fi proċeduri ta’ annullament huma milquta bit-tħassir tal-bażi legali. |
|
62. |
L-assenza possibbli ta’ bażi legali ma ġietx invokata f’Boyle et jew fi Flaherty et. Madankollu huwa stabbilit li ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni fis-seħħ li kienet tipprovdi bażi legali espliċita għall-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi oriġinali meta kienu ġew adottati jew id-deċiżjoni oriġinali jew id-deċiżjonijiet tal-2010. |
L-Artikolu 266 TFUE
|
63. |
Fil-kuntest tat-Trattat dispożizzjonijiet li jirregolaw stħarriġ ġudizzjarju, l-Artikoli 264 u 266 TFUE jistabbilixxu l-konsegwenzi ta’ rikors li jintlaqa’. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni inizjali kienet nulla ab initio skont l-Artikolu 264 TFUE, u b’hekk qiegħdet lis-sidien tal-bastimenti u lill-Kummissjoni fil-pożizzjoni li kienu fiha qabel ma kienet adottata dik id-deċiżjoni. |
|
64. |
Biex tkun konformi mas-sentenzi Boyle et u Flaherty et, il-Kummissjoni kellha tqis mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza imma wkoll il-motivi li wasslu għal dik is-sentenza u kkostitwixxew il-bażi essenzjali tagħha, sa fejn kienu meħtieġa biex tkun stabbilita t-tifsira eżatta ta’ dak li jintqal fid-dispożittiv. Huma dawk il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni preċiża meqjusa bħala illegali u, min-naħa l-oħra, jindikaw ir-raġunijiet speċifiċi li huma l-bażi ta’ dak li nstab li kien illegali li kien fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tqis meta tibdel il-miżura annullata ( 60 ). |
|
65. |
Fil-punt 28 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tinnota korrettament li kwistjoni li jkollha x’taqsam mal-kompetenza għandha titqajjem minn dik il-qorti ex officio minkejja li l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun talbitha tagħmel hekk ( 61 ). Il-Qorti Ġenerali ddikjarat ukoll li ma kienx hemm dispożizzjonijiet ta’ liġi primarja jew sussidjarja fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003 li kienu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar ir-rikorsi oriġinali jew dwar it-talbiet sottomessi abbażi tas-sentenzi Boyle et u Flaherty et . ( 62 ) Huwa ċar li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonkludiet li d-Deċiżjoni 97/413 kienet skadiet u li ma kienu ttieħdu ebda miżuri tranżitorji. Il-Kummissjoni, għalhekk, ma kellhiex is-setgħa, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li kienet tirregola s-sajd dak iż-żmien, li tadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. |
|
66. |
Il-Qorti Ġenerali mbagħad eżaminat jekk l-Artikolu 266 TFUE nnifsu kienx jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni meta tevalwa s-sottomissjonijiet ta’ sid il-bastiment. Hija ddikjarat li l-Artikolu 266 TFUE ma kienx fih innifsu sors ta’ kompetenza għall-Kummissjoni. Kull interpretazzjoni oħra tkun kuntrarja għall-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi fl-Artikolu 13(2) TUE: l-obbligu li wieħed jaġġixxi għandu jkun distint mis-setgħa li wieħed jaġixxi, u dawn iż-żewġ kunċetti ma humiex kuntradittorji. Naqbel ma’ dik il-pożizzjoni. Jidhirli wkoll li l-Qorti Ġenerali impliċitament ikkonkludiet li l-Artikolu 266 TFUE ma jerġax jattiva mill-ġdid l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 bħala bażi legali. |
|
67. |
Madankollu, fis-sentenzi ta’ qabel tal-aħħar u tal-aħħar tal-punt 44 tas-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali tiddikjara: “F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet rikjesta, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri neċessarji biex tkun konformi mas-sentenzi Boyle et u Flaherty et, iżda, madankollu, ma kellhiex il-kompetenza li tagħmel hekk. F’tali sitwazzjoni il-Kummissjoni kellha tiċħad it-talba tar-rikorrenti minħabba nuqqas ta’ kompetenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
68. |
Dak il-kliem huwa kemm ambigwu kif ukoll sa ċertu punt ineżatt. |
|
69. |
Il-frażi “[…] iżda, madankollu, ma kellhiex il-kompetenza li tagħmel hekk” hija nieqsa miċ-ċarezza u l-preċiżjoni. Tista’ tinqara bħala li tfisser li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti tieħu kull miżura meħtieġa biex tkun konformi mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 266 TFUE. Dan b’mod ċar huwa żbaljat. |
|
70. |
Il-kliem “[t]kun marbut[a] li [t]ieħu l-miżuri neċessarji” tal-Artikolu 266 TFUE ma jfissirx li l-possibbiltajiet li għandha l-istituzzjoni kkonċernata huma limitati għal eżami dwar jekk jeħtieġx li tadotta att biex tkun konformi ma’ sentenza ( 63 ). Dan ma jkunx konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; skont l-Artikolu 266 TFUE l-istituzzjoni kkonċernata għandha diskrezzjoni tagħżel il-miżuri possibbli, u meta l-konformita ma’ sentenza li tannulla miżura ġġib magħha diffikultajiet partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tħares dak l-obbligu billi tevalwa jekk hija tkunx tista’ toffri kumpens dovut għad-dannu li l-persuna kkonċernata tkun ġarrbet minħabba d-deċiżjoni li tkun ġiet annullata ( 64 ). Filwaqt li l-annullament ta’ att illegali sikwit iġiegħel lill-istituzzjoni kkonċernata tadotta att ġdid li ma jtennix l-illegalità identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, dan ma huwiex l-uniku metodu possibbli ta’ konformità. |
|
71. |
Jidhirli li meta qalet li “il-Kummissjoni kellha tiċħad it-talba tar-rikorrenti” il-Qorti Ġenerali wkoll wettqet żball. L-ewwel nett, il-Kummissjoni kienet obbligata teżerċita d-diskrezzjoni tagħha meta evalwat ir-rikorsi oriġinali fid-dawl tas-sentenzi Boyle et u Flaherty et. It-tieni nett, minħabba li r-rikorsi saru mill-awtoritajiet Irlandiżi f’isem is-sidien tal-bastimenti, huwa formalment inkorrett li dawk ir-rikorsi jiġu deskritti bħala “it-talba tar-rikorrenti”. |
|
72. |
Fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat sussegwentement li s-sidien tal-bastimenti kellhom id-dritt jiftħu kawża għad-danni kontra l-Unjoni Ewropea minħabba li, kieku kien hemm miżuri tranżitorji, il-Kummissjoni kienet tkun tista’ tadotta deċiżjoni. Dan jidhirli li huwa irrilevanti biex tiġi ddeterminata n-natura tal-obbligi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 266 TFUE. |
|
73. |
Inżid ngħid li kawża għad-danni ma tkunx mingħajr diffikultajiet. L-oneru jkun fuq ir-rikorrent (f’dan il-każ is-sidien tal-bastimenti) li jistabbilixxi: (i) aġir illegali; (ii) telf; u (iii) kawżalità ( 65 ). Filwaqt li n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji jistgħu jekwivalu għal aġir illegali, dan ma huwiex neċessarjament l-uniku motiv li fuqu jista’ jkun ibbażat rikors għad-danni. Barra dan, ikun għadu meħtieġ jiġi stabbilit li tali aġir kkawża telf ( 66 ). |
|
74. |
Madankollu, jidher li huwa possibbli li l-punt 44 tas-sentenza appellata jinqara b’mod li jagħmlu kompatibbli mal-Artikolu 266 TFUE. Il-kliem “[…] iżda, madankollu, ma kellhiex il-kompetenza li tagħmel hekk’ fis-sentenza ta’ qabel tal-aħħar jista’ jinftiehem ukoll bħala li jfisser li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa tadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. Naħseb li dan jirrifletti dak li l-Qorti Ġenerali probabbilment kellha fi ħsiebha tiddikjara; u hija dikjarazzjoni korretta tal-pożizzjoni legali. |
|
75. |
L-ambigwità tal-punt 44 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija ekwivalenti għal żball ta’ liġi li għandu jwassal biex tiġi annullata? |
|
76. |
Fil-fehma tiegħi ma hijiex. |
|
77. |
Il-Qorti Ġenerali ma eskluditx il-possibbiltà li l-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri barra milli tadotta deċiżjonijiet ġodda biex tkun konformi mas-sentenzi Boyle et. Lanqas ma l-Kummissjoni argumentat fl-appell tagħha li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali kellha tiġi interpretata b’dak il-mod. Għalhekk ma nqisx li s-sentenza appellata ma hijiex konsistenti mal-Artikolu 263 TFUE minħabba li twassal biex ikun hemm vojt fir-rimedji disponibbli. |
|
78. |
Fl-aħħar nett, minkejja li l-aħħar sentenza tal-punt 44 hija legalment żbaljata, isegwi minn ġurisprudenza stabbilita li fejn il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tiżvela ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv ikun fondat sewwa għal raġunijiet legali oħra, l-appell għandu jiġi miċħud ( 67 ). Jidhirli li dan il-prinċipju japplika b’analoġija hawnhekk. |
|
79. |
Minħabba (i) li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 44 tas-sentenza appellata tista’ tiġi interpretata b’mod li jkun konsistenti mat-Trattat u (ii) id-deċiżjoni tagħha hija fondata sewwa abbażi li meta adottat id-deċiżjonijiet tal‑2010 il-Kummissjoni kienet eċċediet is-setgħat tagħha, nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali ma żbaljatx fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE. |
Obbligi skont l-Artikolu 266 TFUE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt
|
80. |
Il-Kummissjoni tissottometti li hija kienet kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjonijiet tal-2010, minħabba li kellha setgħat suffiċjenti biex tagħmel hekk. Peress li la d-Deċiżjoni 97/413 u lanqas l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2792/99 ma kienu fis-seħħ fit-13 ta’ Lulju 2010 meta dawk id-deċiżjonijiet kienu adottati, hija ma setgħetx tikkonsulta l-kumitat ta’ ġestjoni tas-sajd. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta naqset li tekwilibra l-obbligu li taġixxi skont l-Artikolu 266 TFUE mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
|
81. |
Il-Kummissjoni targumenta li jsegwi minn SP et u ArcelorMittal li regoli sostantivi passati japplikaw għal sitwazzjonijiet passati, filwaqt li regoli proċedurali japplikaw biss meta jkunu fis-seħħ. Għalhekk il-Kummissjoni kellha l-jedd tuża proċedura ad hoc; u ma kienx meħtieġ li d-deċiżjonijiet tal-2010 jitqiesu mill-kumitat ta’ ġestjoni tas-sajd. Il-konvenuti ma jaqblux ma din il-fehma. |
|
82. |
Ma naċċettax is-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni. |
|
83. |
SP et jidhirli li tenfasizza d-diffikultajiet fir-rigward tal-approċċ tal-Kummissjoni. |
|
84. |
F’dawk il-kawżi l-iskadenza tat-Trattat KEFA kienet segwita bi tranżizzjoni kontinwa għar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KE (u sussegwentement għal dawk tat-TFUE). Dan seħħ awtomatikament skont is-suċċessjoni tar-regoli legali ( 68 ). Għall-kuntrarju, f’din il-kawża r-Regolament Nru 2371/2002 sempliċement abolixxa s-sistema tal-PGMA IV wara bidla sinjifikattiva fid-direzzjoni fil-PKS ( 69 ). Għalhekk ma kienx hemm regoli sostantivi ekwivalenti li ssostitwixxew l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, u dan ippermetta lill-Kummissjoni tagħti żidied fit-tunnellaġġ ta’ sigurtà. |
|
85. |
F’SP et il-Qorti Ġenerali segwiet ġurisprudenza stabbilita li tiddistingwi bejn regoli sostantivi (li normalment ma humiex applikabbli retroattivament, biex jiġu osservati l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi) u regoli proċedurali (li huma applikabbli direttament) ( 70 ). Iżda hija wkoll — u dan huwa importanti — saħqet li istituzzjoni tal-Unjoni għandha, l-ewwel nett, ikollha l-vires meħtieġa li taġixxi. Hija ddikjarat: “[g]ħandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni Komunitarja sabiex tadotta l-att in kwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument ta’ l-adozzjoni [...] Għall-kuntrarju, il-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli fiż-żmien jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi li mhumiex aktar fis-seħħ fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ att minn istituzzjoni Komunitarja” ( 71 ). |
|
86. |
L-ewwel pass, għalhekk, huwa li jiġi stabbilit jekk istituzzjoni tal-Unjoni tkunx kompetenti taġixxi u, jekk fl-affermattiv, abbażi ta’ liema dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni. Ikun biss wara dan li wieħed jistabbilixxi r-regoli sostantivi u proċedurali preċiżi li jirregolaw l-azzjoni ta’ dik l-istituzzjoni. Madankollu, jekk ma jkunx hemm bażi legali valida fis-seħħ fil-waqt meta istituzzjoni tal-Unjoni tkun trid tieħu deċiżjoni partikolari, ma jkunx possibbli li hija tistrieħ fuq il-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli legali biex tapplika dispożizzjonijiet sostantivi li qabel kienu jirregolaw atti passati ( 72 ). Dan huwa l-approċċ klassiku. |
|
87. |
Jekk din l-analiżi tiġi applikata għal dan il-każ, kieku l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 baqa’ fis-seħħ jew ġie ssostitwit b’dispożizzjoni analoga (jew kieku kien hemm sistema tranżizzjonali li tipprovdi vires b’mod kontinwu biex ikunu ttrattati rikorsi pendenti), il-Kummissjoni kienet tibqa’ kompetenti li tiddeċiedi r-rikorsi oriġinali u mbagħad, wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali bħala riżultat ta’ Boyle et u Flaherty et, tadotta d-deċiżjonijiet tal-2010 biex iġġib fis-seħħ dawk is-sentenzi. Iżda l-kompetenza tal-Kummissjoni li tagħti żidied fit-tunnellaġġ ta’ sigurtà ntemmet mat-tħassir tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413. Dispożizzjoni li tkun tħassret ma tistax, jidhirli, terġa’ tiġi attivata. Lanqas, b’implikazzjoni neċessarja, ma tista’ b’xi mod tipprovdi bażi legali valida għal azzjoni ad hoc. |
|
88. |
Għandi diffikultajiet simili biex insegwi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ ArcelorMittal. |
|
89. |
F’dik il-kawża aġir antikompetittiv li seta’ jiġi ssanzjonat skont it-Trattat KEFA baqa’ punibbli, wara li dan tal-aħħar kien skada, skont it-Trattat KE (u iktar tard, tabilħaqq, skont it-Trattat TFUE). Il-Kummissjoni, għalhekk, kellha kompetenza kontinwa biex tissanzjona aġit antikompetittiv. Wara li d-deċiżjoni inizjali tagħha bbażata fuq it-Trattat KEFA kienet ġiet annullata fir-rigward ta’ impriża waħda, il-Kummissjoni bdiet proċedura ġdida skont ir-regoli Komunitarji li kienu saru applikabbli (Regolament Nru 1/2003) ( 73 ) u imponiet multa ġdida. L-impriża kkontestat id-deċiżjoni l-ġdida quddiem il-Qorti Ġenerali u, fl-appell, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell. |
|
90. |
Meta ddeċidiet hekk il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, kien partikolarment importanti li l-impriżi kkonċernati jkunu jafu dwar sa fejn kienu jwasslu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u dwar il-bażi legali li fuqha l-Kummissjoni setgħet timponi sanzjonijiet fuqhom ( 74 ). Wara li qalet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet fuq il-bażi li, minħabba li l-Kummissjoni kien għad għandha kompetenza taġixxi, hija setgħet u kellha tapplika l-proċeduri disponibbli skont it-Trattat KE (li, tabilħaqq, kien joffri garanziji proċedurali iktar estensivi għall-impriżi kkonċernati). Speċifikament l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi bażi legali għal azzjoni (l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li timponi multa ġdida) ( 75 ). Il-Kummissjoni kienet, għalhekk, kompetenti taġixxi u d-deċiżjoni l-ġdida, li kienet tiċċita dik il-bażi legali valida, kienet skont il-liġi anki għalkemm hija mbagħad applikat regoli sostantivi passati u regoli proċedurali attwali għal atti passati. |
|
91. |
Għall-kuntrarju, f’dan il-każ il-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza kontinwa wara l-31 ta’ Diċembru 2001 biex tieħu d-deċiżjoni mitluba. Ma kien hemm ebda dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li kien jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni taġixxi u li permezz tagħha hija kienet tkun tista’ tapplika r-regoli sostantivi passati tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 flimkien ma’ regoli proċedurali attwali biex tieħu deċiżjoni dwar ir-rikors pendenti. (Anki hawn lanqas ma hija kwistjoni li jkunu applikati sanzjonijiet fuq is-sidien tal-bastimenti. Il-kwistjoni hija sempliċement jekk huma jiksbux jew ma jiksbux it-tunnellaġġ ta’ sigurtà miżjud li huma talbu.) |
|
92. |
Għalhekk ma naċċettax li ArcelorMittal għandha tiġi interpretata bħala li timplika ġurisprudenza stabbilita u li tagħmilha possibbli biex bażi legali skaduta tiġi attivata mill-ġdid b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt fejn dispożizzjoni sostantiva tirregola atti passati. Kif naraha jiena, il-ġurisprudenza ma nbidlitx. Id-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tal-att ( 76 ). Dispożizzjoni li tkun tħassret tkun tħassret. Ma tkunx għadha tista’ tipprovdi bażi legali valida għal azzjoni ( 77 ). Lanqas, fin-nuqqas ta’ bażi legali eżistenti ma tista’ bażi legali ad hoc tiġi improvizzata biex tiġi applikata regola sostantiva għal att passat. |
|
93. |
Meta l-Irlanda ppreżentat ir-rikors oriġinali fl-14 ta’ Diċembru 2001, id-Deċiżjoni 97/413 kienet għal kollox fis-seħħ. Jidhirli li fir-realtà ż-żewġ dispożizzjonijiet ta’ dik id-deċiżjoni flimkien ipprovdew il-bażi legali meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi. L-Artikolu 4(2) kien id-dispożizzjoni sostantiva li kienet tittratta żidied fit-tunnellaġġ ta’ sigurtà. Madankollu, kien l-Artikolu 9(1) li kien jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni timplementa l-għanijiet u r-regoli ddettaljati ta’ dik id-deċiżjoni. It-taħlita taż-żewġ dispożizzjonijiet kienet, għalhekk, meħtieġa biex tipprovdi l-vires biex hija tiddeċiedi dwar ir-rikorsi oriġinali. Ġaladarba tħassret waħda jew l-oħra minn dawk id-dispożizzjonijiet, il-kompetenza speċifika biex il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni meħtieġa kienet spiċċat. |
|
94. |
Inżid li l-obbligu li tkun indikata l-bażi legali ta’ miżura huwa marbut mad-dmir li tingħata motivazzjoni ( 78 ). Għalkemm wieħed jista’ jikkonkludi li jkun hemm bażi legali meta din tista’ tiġi ddeterminata minn partijiet oħra tal-miżura inkwistjoni, ikun meħtieġ riferiment espliċitu meta fin-nuqqas tagħha l-partijiet ikkonċernati u l-Qorti tal-Ġustizzja jitħallew fl-inċertezza fir-rigward tal-bażi legali preċiża ( 79 ). Hawnhekk nerġa’ nieħu bħala eżempju d-Deċiżjoni C(2010) 4758 li tikkonċerna lil Peter McBride ( 80 ). Dik id-deċiżjoni tiddikjara espressament li “l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413 kien tħassar bl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/70 u ma kienx issostitwit b’dispożizzjoni korrispondenti[;] ma għadx hemm bażi legali speċifika għal din id-deċiżjoni ġdida”. Fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni oħra ta’ dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni primarja jew sussidjarja li tagħti l-kompetenza meħtieġa lill-Kummissjoni, jidhirli li huwa impossibbli li wieħed jinterpreta li hemm xi implikazzjoni ta’ bażi legali f’dak it-test (jew f’oħrajn relatati). |
|
95. |
Għalhekk inqis li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza meħtieġa biex tadotta d-deċiżjonijiet tal‑2010. |
|
96. |
Jekk il-Kummissjoni ma kinitx għadha kompetenti taġixxi wara li kien tħassar l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, x’kellha allura tagħmel wara s-sentenzi Boyle et u Flaherty et biex tkun konformi mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 266 TFUE? |
|
97. |
Filwaqt li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti direzzjonijiet, hija tista’ toffri gwida. Jiena u nagħmel il-kummenti li ġejjin, naf ukoll li forsi jkun eħfef tkun għaref wara l-ġrajja milli tara triqtek b’mod ċar meta tkun iffaċċjat bi problema li tidher li hija bla tarf. |
|
98. |
Il-Kummissjoni ma għandhiex hija nnifisha kompetenza leġiżlattiva skont il-PKS; iżda verament għandha d-dritt tippreżenta proposti lill-leġiżlatur tal-Unjoni ( 81 ). Barra dan, l-Artikolu 290(1) TFUE jistabbilixxi li l-Kummissjoni tista’ tingħata setgħat delegati biex tadotta atti mhux leġiżlattivi. F’termini astratti jidher, għalhekk, li huwa possibbli għall-Kummissjoni li tipproponi lil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jintroduċi d-dispożizzjonijiet tranżitorji nieqsa li bihom hija tkun tista’ tiddeċiedi dwar talbiet għal tunnellaġġ ta’ sigurtà miżjud li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2001 (jiġifieri meta dak l-element tal-PGMA IV tħassar). Madankollu għandu jitfakkar li s-sistema li kienet teżisti meta kienu ippreżentati r-rikorsi oriġinali ilu li tteħdilha postha minn politika li tagħmel iktar enfasi fuq il-konservazzjoni ta’ stokkijiet tal-ħut ( 82 ). Biex verament ir-rikorrenti jinġiebu lura fil-pożizzjoni li kienu jkunu fiha kieku kien hemm miżuri tranżitorji, il-Kummissjoni jkun jeħtiġilha, għalhekk, tqis ir-rikorsi oriġinali mill-perspettiva tal-PKS kif kienet fl-2001, milli l-PKS kif inhi llum; tieħu d-deċiżjonijiet rilevanti; u mbagħad tevalwa jekk kienx ikun meħtieġ li kull tunnellaġġ ta’ sigurtà miżjud mogħti b’konsegwenza kienx jeħtieġlu jiġi kontroekwilibrat b’xi miżura(i) oħra biex ma tkunx mhedda l-konċentrazzjoni attwali tal-PKS. Din tkun sfida intellettwali u prattika sinjifikattiva. |
|
99. |
Il-garanziji proċedurali mogħtija skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 97/413 moqrija flimkien mal-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 3760/92 tħassru wkoll. Il-Kummissjoni jkollha, għalhekk, tqis ukoll sa fejn id-dispożizzjonijiet attwali dwar superviżjoni mill-Istati Membri tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni għall-PKS jagħtu protezzjoni ekwivalenti jew aħjar ( 83 ). |
|
100. |
Kif diġà indikajt ( 84 ), ma nqisx li tali mod ta’ azzjoni jqiegħed f’periklu l-pożizzjoni ta’ oħrajn li bbenefikaw mill-għoti ta’ tunnellaġġ ta’ sigurtà miżjud jew jinċidi fuq il-pożizzjoni ta’ oħrajn li rċevew deċiżjonijiet negattivi li huma ma kkontestawx fi proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u li, għalhekk, minn dak iż-żmien lil hawn saru definittivi. |
|
101. |
Għar-raġunijiet li jiena ddeskrivejt iktar ’il fuq, nikkonkludi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
It-tieni aggravju
|
102. |
Il-Kummissjoni targumenta li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija nieqsa. L-ewwel nett, hija żnaturat il-punti magħmula fid-difiża tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ma setgħetx tuża l-proċeduri tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, imma spjegat li, għalhekk, użat proċedura ad hoc filwaqt li żammet is-setgħa li tapplika dik id-dispożizzjoni fis-sustanza. Is-sentenza appellata tagħti l-impressjoni li l-Kummissjoni sempliċement iddeċidiet li tuża bażi legali li kienet skadiet mingħajr ma pprovat tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha skont il-liġi. It-tieni nett, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx il-kwistjoni tal-ammissibbiltà li qamet fil-Kawża T‑471/10 Gill. |
|
103. |
L-obbligu ta’ motivazzjoni li fuqha tkun ibbażata sentenza jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u skont l-Artikolu 81 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali sostniet konsistentement li l-motivazzjoni li fuqha tkun ibbażata sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ dik il-qorti b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jaċċertaw ruħhom mir-raġunijiet għad-deċiżjoni meħuda u b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita s-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju ( 85 ). |
|
104. |
L-ewwel nett, jidhirli li l-Kummissjoni essenzjalment ittenni argumenti li għamlet b’rabta mal-ewwel aggravju. It-tieni nett, filwaqt li huwa minnu li l-eżami tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fis-sentenza appellata huwa qasir, il-motivi li fuqhom hija bbażata din is-sentenza huma ċari u inekwivoċi. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ebda dispożizzjoni ta’ liġi primarja jew sussidjarja ma kienet tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni b’rabta mar-rikors oriġinali — għalhekk ma kellhiex il-kompetenza u ma kellhiex bażi legali biex tadotta d-deċiżjonijiet tal-2010. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa espress b’dettalji biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista’ tippreżenta l-appell tagħha u biex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-appell. |
|
105. |
Sa fejn għandha x’taqsam il-Kawża T‑471/10 Gill, l-isfond huwa li 16-il sid ta’ bastimenti fittxew li jibdew proċeduri ta’ annullament fil-Qorti Ġenerali. ( 86 ) Kien hemm kwistjoni dwar jekk, f’sitta minn dawk ir-rikorsi, kienx ġie osservat it-terminu ta’ skadenza għall-preżentata ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE ( 87 ). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ħamsa minn dawk is-sitt rikorsi b’digrieti tal-1 ta’ April 2011 bħala intempestivi u, għalhekk, manifestament inammissibbli ( 88 ). |
|
106. |
Iż-żmien għall-preżentata ta’ dawk il-proċeduri beda jiddekorri fis-17 ta’ Lulju 2010 u skada fis-27 ta’ Settembru 2010 f’nofsillejl. L-avukati kienu ltaqgħu ma’ diffikultajiet meta ppruvaw jibagħtu r-rikorsi permezz tal-magna faks fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali matul il-lejl tas-27 ta’ Settembru. Għall-bidu dik il-magna faks ma kinitx qiegħda tirrispondi meta l-avukati ppruvaw jittrażmettu r-rikors fil-Kawża T‑471/10 fi 23 h 53 u wkoll fi 23 h 57 ħin tal-Lussemburgu. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, ikkonkludiet li, meqjus il-ħin medju ta’ trażmissjoni, anki jekk il-magna tal-faks tar-Reġistru kienet ħadmet normali, l-ewwel wieħed biss mis-sitt rikorsi (Kawża T‑471/10 Gill) seta’ ntbagħat sa nofsillejl meta t-terminu għall-preżentata tar-rikorsi kollha kien skada ( 89 ). Fil-fehma tiegħi dan jidentifika biżżejjed il-motivi li fuqhom il-Qorti Ġenerali aċċettat li r-rikors ta’ Gill kien ippreżentat fil-ħin u kien, għalhekk, ammissibbli. |
|
107. |
Nikkonkludi, għalhekk, li l-Qorti Ġenerali tat raġunijiet suffiċjenti għad-deċiżjoni tagħha u li t-tieni aggravju huwa wkoll infondat. |
Spejjeż
|
108. |
Skont l-Artikoli 138 u 184 tar-Regoli ta’ Proċedura, moqrija flimkien, meta appell ikun infondat il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1), il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti li tirbaħ il-kawża. Inqis li l-appell għandu jiġi miċħud u l-konvenuti talbu għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni Ewropea għandha, għalhekk, tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-appellanti. |
Konklużjoni
|
109. |
Għalhekk inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Sentenza McBride et vs Il-Kummissjoni, (T‑458/10 sa T‑467/10 u T‑471/10, EU:T:2014:249 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata” jew “is-sentenza McBride et”).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill KE Nru 97/413, tas-26 ta’ Ġunju 1997, dwar l-għanijiet u l-modalitajiet intiżi għall-istrutturar tas-settur tas-sajd Komunitarju għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 2001 bil-għan li jinkiseb ekwilibriju fuq bażi sostenibbli bejn riżorsi u l-użu li jsir minnhom (ĠU L 175, p. 27).
( 4 ) Għal deskrizzjoni iktar sħiħa ara l-punti 33 sa 44 iktar ’il quddiem.
( 5 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2003 dwar it-talbiet riċevuti mill-Kummissjoni biex jiżdiedu l-għanijiet tal-PGMA IV bil-għan li tittejjeb is-sigurtà, in-navigazzjoni fl-ibħra, l-iġjene, il-kwalità tal-prodotti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal bastimenti ta’ tul globali ta’ iktar minn 12-il metru (ĠU L 90, p. 48). Permezz tal-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni aċċettat 29 talba għal titjib fil-kapaċità li tirriżulta esklużivament minn titjib tas-sigurtà fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE u ċaħdet 80 talba oħra simili, inklużi dawk li kienu jagħtu lok għal-litigazzjoni sussegwenti.
( 6 ) Sentenza Boyle et vs Il-Kummissjoni (T‑218/03 sa T‑240/03, EU:T:2006:159 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Boyle et”).
( 7 ) Sentenza Flaherty et vs Il-Kummissjoni (C‑373/06 P, C‑379/06 P u C‑382/06 P, EU:C:2008:230 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Flaherty et”).
( 8 ) Ara l-punti 25 u 26 iktar ’il quddiem.
( 9 ) Sentenza SP et vs Il-Kummissjoni (T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, EU:T:2007:317 (iktar ’il quddiem is-sentenza “SP et”).
( 10 ) Sentenza ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190 (iktar ’il quddiem is-“sentenza ArcelorMittal”).
( 11 ) Ara l-introduzzjoni tar-Rapport 21 tal-Kumitat Ewropew tal-House of Lords dwar is-Sessjoni 2007-8: “Il-progress tal-Politika Komuni tas-Sajd”, Volum I (HL Dokument 146-I).
( 12 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 101/76, tad-19 ta’ Jannar 1976, li jistabbilixxi politika strutturali komuni għall-industrija tas-sajd (ĠU L 20, p. 19).
( 13 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83, tal-25 ta’ Jannar 1983, li jistabbilixxi sistema Komunitarja għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd (ĠU L 24, p. 1).
( 14 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92, tal-20 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi sistema Komunitarja għas-sajd u l-akkwakultura (ĠU L 389, p. 1).
( 15 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4028/86 tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar miżuri Komunitarji għat-titjib u l-adattament ta’ strutturi fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura (ĠU L 376, p. 7).
( 16 ) Dwar is-suċċess limitat ta’ dawn il-miżuri, ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni IP‑96‑444.
( 17 ) Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 4028/86.
( 18 ) Ara, pereżempju, ir-Rapport tal-Grupp ta’ esperti indipendenti maħtur sabiex jagħti pariri lill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-raba’ ġenerazzjoni ta’ Programmi ta’ Gwida Multiannwali tat-28 ta’ Marzu 1996, magħruf bħala r-“Rapport Lassen”.
( 19 ) Għal stampa iktar sħiħa ara l-Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE dwar l-għanijiet u r-regoli ddettaljati għall-istrutturar tas-settur tas-sajd tal-Komunità għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1997 sal-31 ta’ Diċembru 2001 bil-għan li jinkiseb ekwilibriju fuq bażi sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-użu li jsir minnhom, COM(2001) 0322 finali (ĠU C 270, p. 79). L-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 tħassar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/70/KE; ara l-punt 25 iktar ’il quddiem.
( 20 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, tal-20 ta’ Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 4 Vol. 5, p. 460).
( 21 ) Regolament (UE) 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2015, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2187/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 2347/2002 u (KE) Nru 1224/2009, u r-Regolamenti (UE) Nru 1379/2013 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rigward l-obbligu tal-ħatt u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1434/98 (ĠU L 133, p. 1).
( 22 ) Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, p. 22).
( 23 ) Artikolu 2(2); ara wkoll mill-ewwel sat-tielet premessa tiegħu.
( 24 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/99 tas-17 ta’ Diċembru 1999 li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna Komunitarja strutturali fis-settur tas-sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 4, Vol. 4, p. 179).
( 25 ) Ara l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 2792/99.
( 26 ) Ara l-Artikoli 1(1) u 2(1) tad-Deċiżjoni 97/413.
( 27 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3699/93, tal-21 ta’ Diċembru 1993, li jistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti dwar għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tagħhom (ĠU L 346, p. 1).
( 28 ) Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.
( 29 ) Ara l-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament Nru 2371/2002. Bħala riżultat, parti mill-mekkaniżmu proċedurali essenzjali għall-Kummissjoni biex tittratta r-rikors oriġinali kienet, sempliċement hekk, għebet fiż-żmien meta l-Kummissjoni fittxet li tkun konformi ma’ Boyle et u Flaherty et.
( 30 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li temenda d-Deċiżjoni 97/413/KE dwar l-objettivi u r-regoli ddettaljati għar-ristrutturar tas-settur tas-sajd tal-Komunità għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1997 sal-31 ta' Diċembru 2001 bil-għan li jinkiseb ekwilibriju dwar bażi sostenibbli bejn riżorsi u l-isfruttar tagħhom (ĠU L 31, p. 77) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2002/70”).
( 31 ) Artikolu 1(1).
( 32 ) Artikoli 1(3) u 2. Minħabba d-data li fiha d-Deċiżjoni 2002/70 kienet adottata (28 ta’ Jannar 2003), it-tħassir kien, għalhekk, xi ftit retroattiv.
( 33 ) Ir-Regolament Nru 2792/99 innifsu baqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2006 (ara l-Artikolu 104 tar- Regolament (KE) Nru 1198/2006 tal-Kunsill, tas-27 ta’ Lulju 2006, dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU L 223, p. 1)). Madankollu, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2792/99 kien tħassar bl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2369/2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2792/1999 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati u l-arranġamenti dwar l-għajnuna strutturali tal-Komunità fil-qasam tas-Sajd, mill-1 ta’ Jannar 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4. Vol. 5, p. 450).
( 34 ) L-istruttura tal-Artikolu 65 KEFA pprevediet id-dispożizzjoni ekwivalenti u magħrufa tat-Trattat KEE (l-Artikolu 85 KEE, illum l-Artikolu 101 TFUE). Għalhekk, l-Artikolu 65(1) KEFA kien jipprojbixxi prattiki miftiehma bejn impriżi li kienu jipprekludu, jirrestrinġu jew joħolqu distorzjoni tal-kompetizzjoni normali fis-settur tal-faħam u l-azzar fis-suq komuni. Skont l-Artikolu 65(4) tali ftehimiet kienu awtomatikament nulli, u skont l-Artikolu 65(5) il-Kummissjoni kellha s-setgħa li timponi pieni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KEFA.
( 35 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata. Għal illustrazzjoni reċenti ta’ dan il-prinċipju stabbilit sewwa, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 33.
( 36 ) SP et, punti 116 sa 119 u 123.
( 37 ) Sentenza ARBED vs Il-Kummissjoni, T‑137/94, EU:T:1999:46.
( 38 ) Sentenza ARBED vs Il-Kummissjoni, C‑176/99 P, EU:C:2003:524.
( 39 ) Sentenza ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni, T‑405/06, EU:T:2009:90.
( 40 ) ArcelorMittal, punti 63 sa 66.
( 41 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
( 42 ) ArcelorMittal, punti 74 sa 76.
( 43 ) Dan is-segment jiġbor fih bastimenti bi skop multiplu u jinkludi bastimenti żgħar ta’ qrib il-kosta, u bastimenti ta’ daqs medju u kbar lil hinn mill-kosta li jistadu għal ħut abjad, ħut pelaġiku u molluski bivalvi: ara r-Rapport Annwali 2005 tal-Awtorità tal-Liċenzji għal Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra tad-Dipartiment tal-Komunikazzjonijiet, Riżorsi tal-Baħar u Naturali tal-Irlanda (iktar ’il quddiem “ir-Rapport Annwali 2005”), f’p. 7.
( 44 ) Dan is-segment jiġbor fih bastimenti użati l-iktar għas-sajd ta’ speċijiet pelaġiċi (primarjament aringi, kavalli, sawrell u stokkafixx): ara r-Rapport Annwali 2005, ukoll f’p. 7.
( 45 ) Punti 100 sa 134 tas-sentenza Boyle et.
( 46 ) Kawża T‑138/08 Cavankee Fishing et. Erbgħa biss mir-rikorrenti f’Boyle et (Edward Kelly, Adrian McClennaghan, Gerard Minihane u O’Neill Fishing Co Ltd) ma humiex involuti f’din il-kawża għad-danni.
( 47 ) Id-Deċiżjonijiet huma kif ġej: C(2010) 4758, C(2010) 4748, C(2010) 4757, C(2010) 4751, C(2010) 4764, C(2010) 4750, C(2010) 4761, C(2010) 4767, C(2010) 4754, C(2010) 4753 u C(2010) 4752 tat-13 ta’ Lulju 2010 (flimkien id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). Il-Kummissjoni adottat deċiżjoni pożittiva waħda relatata ma’ bastiment li ebda wieħed mill-konvenuti f’dan l-appell ma kien is-sid tiegħu.
( 48 ) Is-sidien tal-bastimenti inkwistjoni kienu: Peter McBride (T‑458/10), Hugh McBride (T‑459/10), Mullglen Ltd (T‑460/10), Cathal Boyle (T‑461/10), Thomas Flaherty (T‑462/10), Ocean Trawlers Ltd (T‑463/10), Patrick Fitzpatrick (T‑464/10), Eamon McHugh (T‑465/10), Eugene Hannigan (T‑466/10), Larry Murphy (T‑467/10), u Brendan Gill (T‑471/10). Ħames sidien oħra ta’ bastimenti ppreżentaw rikorsi dak iż-żmien: Joseph Doherty (T‑468/10), Padraigh Conneely (T‑469/10), Eileen Oglesby (T‑470/10), Cavankee Fishing Co Ltd (T‑472/10), u Noel McGing (T‑473/10). Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li dawk ir-rikorsi kienu inammissibbli. Ara ulterjorment il-punti 105 u 106 iktar ’il quddiem.
( 49 ) Punti 22 sa 25 tas-sentenza appellata.
( 50 ) Punt 28 tas-sentenza appellata.
( 51 ) Punti 26 u 27 tas-sentenza appellata.
( 52 ) Punti 30 sa 36 tas-sentenza appellata.
( 53 ) Punti 37 sa 42 tas-sentenza appellata.
( 54 ) Punt 43 tas-sentenza appellata.
( 55 ) Punti 44 u 45 tas-sentenza appellata.
( 56 ) Ara l-punti 43 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 57 ) Il-preambolu tad-deċiżjoni inizjali jiċċita l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 2792/99 bħala bażi legali. Madankollu din id-dispożizzjoni kellha kundizzjonijiet applikabbli meta l-Istati Membri kienu jitolbu għajnuna finanzjarja skont l-SFGS skont l-Artikolu 9(1) għal tiġdid ta’ flotta u mmodernizzar ta’ bastimenti tas-sajd. Ir-rikors oriġinali kien jikkonċerna talbiet individwali għal żidiet fit-tunnellaġġ ta’ sigurtà. Kif nifhimha jiena, l-Irlanda essenzjalment ġabret dawk it-talbiet u bagħtithom lill-Kummissjoni. F’dan l-isfond, ma narax ir-rilevanza tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 2792/99.
( 58 ) It-test tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 97/413 kien emendat bl-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni 2002/70. Id-dispożizzjoni emendata ma kienx jeħtiġilha li l-Kummissjoni timplementa regoli dwar żidiet fit-tunnellaġġ ta’ sigurtà abbażi tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 iktar ’il fuq.
( 59 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 57.
( 60 ) Sentenza Asteris et vs Il-Kummissjoni, kawżi magħquda 97, 193, 99 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 27.
( 61 ) Sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑210/98, EU:C:2000:397, punt 56.
( 62 ) Punti 30 sa 37 tas-sentenza appellata.
( 63 ) Barra dan, l-Artikolu 266 TFUE ġie interpretat b’mod wiesa’. B’kekk ikopri dmir li ksur jintemm fi żmien raġonevoli: ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑21/94, EU:C:1995:220, punt 33. Jista’ jitlob li att li jkun ġie annullat jintemm għalkollox. Jista’ jitlob li l-istituzzjoni kkonċernata tieqaf milli tadotta miżura identika; ara s-sentenza Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 29.
( 64 ) Sentenza Könecke Fleischwarenfabrik vs Il-Kummissjoni, 76/79, EU:C:1980:68, punti 13 sa 15; ara wkoll is-sentenza Il-Parlament vs Meskens, C‑412/92 P, EU:C:1994:308, punt 28. Il-Qorti Ġenerali segwit dan l-approċċ fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punt 39.
( 65 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fi Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C‑263/02, EU:C:2003:410, punt 44. Kawża għad-danni tipprovdi aċċess għall-ġustizzja, iżda ma hijiex parti mis-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju; u l-fatt li tista’ ma tirnexxix ma jfissirx li l-persuna kkonċernata tiġi miċħuda protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ara, pereżempju, is-sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punti 82 sa 84.
( 66 ) Ir-rikors għad-danni fil-Kawża T‑138/08 Cavankee Fishing et vs Il-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inizjali. Ir-rikorrenti jissottomettu li l-iżball ta’ liġi huwa stabbilit mill-Qorti Ġenerali f’Boyle et. Huma jsostnu li ġarrbu telf, (i) minħabba li kienu obbligati jixtru tunnellaġġ ta’ sigurtà mis-suq biex jibdlu t-tunnellaġġ li ma ngħatax mill-Kummissjoni; u (ii) ċerti rikorrenti tilfu jiem ta’ sajd fuq il-baħar. Ir-rikorrenti jsostnu li teżisti rabta ta’ kawżalità diretta bejn ir-rifjut tal-Kummissjoni u t-telf li ġarrbu.
( 67 ) Sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑210/98, EU:C:2000:397, punt 8; ara wkoll is-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 136.
( 68 ) SP et, punt 109.
( 69 ) Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.
( 70 ) SP et, punt 116.
( 71 ) SP et, punt 118.
( 72 ) SP et, punti 117 u 119.
( 73 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 iktar ’il fuq.
( 74 ) ArcelorMittal, punti 68 sa 72.
( 75 ) ArcelorMittal, punt 74.
( 76 ) ArcelorMittal, punt 75.
( 77 ) Ara l-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi Magħquda Zuckerfabrik Jülich, C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2011:701, punt 64. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx dak il-punt fis-sentenza tagħha. Il-Kummissjoni reċentement ressqet proposta li tispjega li skont l-Artikolu 266 TFUE, meta att li kien jikkostitwixxi bażi legali jkun ġie ddikjarat null hija ma jkollhiex iktar is-setgħa li tadotta l-att legali korrettiv meħtieġ biex timplementa sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jiffissa l-imposti fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2001/02, 2002/03, 2003/04, 2004/05, 2005/06, il-koeffiċjent meħtieġ għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali għas-snin tas-suq 2001/02 u 2004/05 u l-ammonti li għandhom jitħallsu mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposti u l-ammont ta’ dawn l-imposti li għandhom jitħallsu għas-snin tas-suq 2002/03, 2003/04 u 2005/06/* COM(2013) 527 finali, punt 3, p. 3.
( 78 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punti 38, 39 u 46.
( 79 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 56, u Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 79.
( 80 ) Ara l-punt 39 iktar ’il fuq.
( 81 ) Skont l-Artikolu 43(1) TFUE.
( 82 ) Punti 13 sa 16 iktar ’il fuq.
( 83 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, p. 13).
( 84 ) Punt 61 iktar ’il fuq.
( 85 ) Sentenza Mindo vs Il-Kummissjoni, C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 29.
( 86 ) Ara l-punt 42 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 48 iktar ’il fuq.
( 87 ) Il-Kawżi rilevanti kienu: T‑468/10, T‑469/10, T‑470/10, T‑472/10, T‑471/10 u T‑473/10.
( 88 ) Ordni f’Doherty vs Il-Kummissjoni, T‑468/10, EU:T:2011:133, punti 13 sa 17.
( 89 ) Ordni f’Doherty vs Il-Kummissjoni, T‑468/10, EU:T:2011:133, punt 22.