12004V278

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU III - POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI - KAPITOLU V - OQSMA FEJN L-UNJONI TISTA' TIDDEċiedi li TIEĦU AZZJONI TA' SOSTENN, TA' KORDINAZZJONI JEW KUMPLIMENTARI - Sezzjoni 1 - Saħħa pubblika - Artikolu III-278

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0123 - 0124


Artikolu III-278

1. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni.

Azzjoni mill-Unjoni, li għandha tikkumplimenta l-politika nazzjonali, għandha l-għan li ttejjeb is-saħħa pubblika, kif ukoll trażżan il-mard u l-infezzjonijiet tal-bniedem u l-kawżi ta' perikolu għas-saħħa fiżika u mentali. Din l-azzjoni għandha tkopri wkoll:

a) il-ġlieda kontra l-ikbar flaġelli għas-saħħa, billi tippromwovi riċerka dwar il-kawżi tagħhom, it-trasmissjoni tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll l-informazzjoni u l-edukazzjoni dwar is-saħħa;

b) il-kontroll ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-allert fuq dan it-theddid u l-ġlieda kontrihom.

L-Unjoni għandha tikkumplimenta l-azzjoni ta' l-Istati Membri fit-tnaqqis ta' l-effetti ta' ħsara għas-saħħa mid-droga, inklużi t-tagħrif u l-prevenzjoni.

2. L-Unjoni għandha tħeġġeġ koperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma previsti f'dan l-Artikolu u, jekk meħtieġ, tagħti sostenn għall-azzjoni tagħhom. B'mod partikolari għandha tħeġġeġ koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex titjieb il-komplimentarjetà tas-servizzi tas-saħħa tagħhom fir-reġjuni ta' fruntiera.

L-Istati Membri għandhom, flimkien mal-Kummissjoni, jikkordinaw bejniethom il-politika u programmi tagħhom fl-oqsma previsti fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni tista', f'kuntatt mill-qrib ma' l-Istati Membri, tieħu kull inizjattiva utli biex tippromwovi din il-kordinazzjoni, b'mod partikolari inizjattivi maħsuba għall-istabbiliment ta' linji gwida u indikaturi, l-organizzazzjoni ta' l-iskambju ta' l-aħjar prattika, u t-tħejjija ta' l-elementi meħtieġa għall-kontroll u l-valutazzjoni perjodiċi. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm kompletament infurmat.

3. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiffavorixxu l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tas-saħħa pubblika.

4. B'deroga mill-Artikolu I-12(5) u l-Artikolu I-17(a) u skond l-Artikolu I-14(2)(k), liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet previsti f'dan l-Artikolu billi tistabbilixxi l-miżuri li ġejjin sabiex jiġu affrontati l-problemi komuni dwar is-sigurtà:

a) miżuri li joħolqu standards għolja ta' kwalità u sigurtà fir-rigward ta' organi u sustanzi ta' oriġini umana, demm u derivati tad-demm; dawn il-miżuri m'għandhomx jimpedixxu l-ebda Stat Membru milli jżomm fis-seħħ jew idaħħal miżuri protettivi aktar stretti;

b) miżuri fl-oqsma veterinarji u fitosanitarji li għandhom bħala l-għan dirett tagħhom il-protezzjoni tas-saħħa pubblika;

ċ) miżuri li jistabbilixxu standards għolja ta' kwalità u sigurtà għall-prodotti mediċinali u t-tagħmir għall-użu mediku;

d) miżuri dwar il-kontroll, l-allert u l-ġlieda kontra theddid serju transkonfinali għas-saħħa.

Din il-liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

5. Liġi jew liġi kwadru Ewropea tista' wkoll tistabbilixxi miżuri għal inċentivi maħsuba biex iħarsu s-saħħa umana u b'mod partikolari għall-ġlieda kontra l-ikbar flaġelli transkonfinali għas-saħħa, kif ukoll miżuri li għandhom bħala għan dirett il-protezzjoni tas-saħħa pubblika fir-rigward tat-tabakk u l-abbuż ta' l-alkoħol, eskluża kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

6. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' wkoll jadotta rakkomandazzjonijiet.

7. Azzjoni ta' l-Unjoni għandha tirrispetta ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri għad-definizjoni tal-politika tagħhom tas-saħħa u għall-organizzazzjoni u l-forniment ta' servizzi tas-saħħa u tal-kura medika. Ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri għandhom jinkludu l-amministrazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura medika u l-allokazzjoni tar-riżorsi assenjati lilhom. Dawn il-miżuri previsti fil-paragrafu 4(a) m'għandhomx jolqtu disposizzjonijiet nazzjonali dwar id-donazzjoni jew l-użu ta' organi u demm għal skop mediku.

--------------------------------------------------