European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1444

3.7.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1444

tat-2 ta’ Lulju 2026

li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1497/2007 u (KE) Nru 1516/2007 dwar ir-rekwiżiti għall-kontroll ta’ tnixxija għal ċertu tagħmir li fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1497/2007 (2) u (KE) Nru 1516/2007 (3) ġew adottati biex jistabbilixxu rekwiżiti minimi għall-kontroll ta’ tnixxija f’tagħmir stazzjonarju ta’ refriġerazzjoni, tal-arja kundizzjonata u ta’ pompi tas-sħana, kif ukoll f’sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nirien, skont ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tħassar u ġie sostitwit b’leġiżlazzjoni tal-Unjoni sussegwenti dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, jiġifieri r-Regolament (UE) 2024/573.

(2)

Mill-adozzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1497/2007 u (KE) Nru 1516/2007, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra evolviet lejn regoli aktar komprensivi u integrati, inklużi r-rekwiżiti dwar il-prevenzjoni ta’ tnixxija, il-monitoraġġ, iċ-ċertifikazzjoni u ż-żamma tar-rekords, b’riżultat li diversi dispożizzjonijiet ta’ dawk ir-Regolamenti saru żejda. Uħud mir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti f’dawk ir-Regolamenti huma bbażati fuq metodi u prattiki ta’ detezzjoni li jirriflettu l-istat tat-teknoloġija fiż-żmien tal-adozzjoni tagħhom u ma jqisux b’mod adegwat l-iżviluppi teknoloġiċi sussegwenti. Barra minn hekk, l-approċċ metodoloġiku stabbilit f’dawk ir-Regolamenti huwa wiesa’ wisq, li jippermetti approċċi diverġenti u ma jiżgurax applikazzjoni armonizzata madwar l-Unjoni. Fil-prattika, l-approċċi metodoloġiċi stabbiliti f’dawk ir-Regolamenti ma għadhomx jintużaw b’mod wiesa’.

(3)

Ir-regoli stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 1497/2007 u (KE) Nru 1516/2007 ma għadhomx meħtieġa u, fil-prattika, ġew sostitwiti b’metodoloġiji aġġornati għall-verifika tat-tnixxija applikati madwar l-Unjoni għat-tagħmir ikkonċernat. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza legali u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jenħtieġ li dawk ir-Regolamenti jitħassru mingħajr ma jiġu sostitwiti.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tħassir

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1497/2007 u (KE) Nru 1516/2007 jitħassru.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1497/2007 tat-18 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi, b’segwitu għar-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti standard għal kontrolli ta’ tnixxija minn sistemi stazzjonarji ta’ protezzjoni min-nar li fihom ċerti gassijiet serra florinati (ĠU L 333, 19.12.2007, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1497/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1516/2007 tad-19 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rekwiżiti standard għall-kontroll ta’ tnixxija minn tagħmir stazzjonarju ta’ refriġerazzjoni, ikkundizzjonar tal-arja u b’pompa tas-sħana li jkun fihom ċerti gassijiet serra florinati (ĠU L 335, 20.12.2007, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1516/oj).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra flworinati (ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/842/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1444/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)