European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3194

20.12.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3194

tad-19 ta’ Diċembru 2024

dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja “REDcert-EU” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/605

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) u (5) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi rekwiżiti għal ċerti fjuwils, b’mod partikolari l-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jingħaddu lejn il-miri stabbiliti f’dik id-Direttiva jekk dawn ikunu ġew prodotti b’mod sostenibbli u jiffrankaw emissjonijiet sinifikanti ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-fjuwils fossili. L-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jistabbilixxi kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa. L-Artikolu 27(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif ukoll ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 (2) jistabbilixxu regoli għall-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika mill-elettriku rinnovabbli. L-Artikolu 29a(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jistabbilixxi kriterji għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, u għall-karburanti tal-karbonju riċiklat. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1185 (3) jistabbilixxi regoli li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn karburanti tal-karbonju riċiklat. L-Artikolu 31a (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni f’bażi tad-data tal-Unjoni dwar it-tranżazzjonijiet li jkunu saru u dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà tal-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat.

(2)

L-iskemi volontarji jaqdu rwol importanti fil-provvediment ta’ evidenza ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa. Skont id-Direttiva (UE) 2018/2001, l-iskemi volontarji jistgħu jintużaw biex (i) jiċċertifikaw il-konformità tal-karburanti kollha prodotti mill-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti f’dik id-Direttiva; u (ii) jipprovdu data akkurata dwar l-iffrankar tagħhom tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Barra minn hekk, l-iskemi volontarji jistgħu jintużaw biex jiċċertifikaw il-konformità tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat mal-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 29a ta’ dik id-Direttiva li japplikaw il-metodoloġija stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1185 u biex jagħtu prova tal-konformità mal-Artikolu 27(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u mar-Regolament Delegat (UE) 2023/1184 rigward il-kalkolu tas-sehem tal-elettriku rinnovabbli użat għall-produzzjoni tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika. L-iskemi volontarji jistgħu jintużaw ukoll biex jintwera li l-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni akkurata fil-bażi tad-data tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar għadd ta’ fjuwils rinnovabbli u karburanti tal-karbonju riċiklat f’konformità mal-Artikolu 31a(2) u (5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali jistgħu jservu dawn il-finijiet kollha jew xi wħud minnhom.

(3)

Fil-15 ta’ Diċembru 2020, l-iskema volontarja “REDcert-EU” ressqet talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-Kummissjoni vvalutat l-iskema u identifikat xi kwistjonijiet li jeħtieġu emenda. L-iskema volontarja “REDcert-EU” reġgħet ippreżentat it-talba tagħha fit-18 ta’ Ġunju 2021, u indirizzat il-kwistjonijiet identifikati. Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/605 (4), li tirrikonoxxi l-iskema volontarja “REDcert-EU” bħala waħda li turi l-konformità fil-każ tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa (i) bil-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu Article 29(2) sa (5) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u (ii) bl-obbligu li tiddaħħal informazzjoni preċiża fil-bażi tad-data tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-karburanti rinovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat fis-settur tat-trasport f’konformità mal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 fil-verżjoni fis-seħħ fid-19 ta’ Novembru 2023. L-iskema ġiet rikonoxxuta wkoll peress li wriet il-konformità fil-każ tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti tal-bijomassa mal-finijiet tal-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u b’hekk tiżgura li l-informazzjoni rilevanti kollha mogħtija mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu upstream fil-katina tal-kustodja titgħadda lill-operaturi ekonomiċi downstream fil-katina tal-kustodja.

(4)

Fit-23 ta’ Awwissu 2023, l-iskema volontarja “REDcert-EU” ressqet talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 fir-rigward tal-produzzjoni ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhix bijoloġika u karburanti tal-karbonju riċiklat. Il-Kummissjoni vvalutat dik l-iskema u identifikat xi kwistjonijiet li jeħtieġu emenda. Fis-sottomissjoni mill-ġdid tagħha tal-24 ta’ Lulju 2024, l-iskema volontarja “REDcert-EU” indirizzat b’mod korrett il-kwistjonijiet u l-Kummissjoni sabet li l-iskema volontarja “REDcert-EU” tkopri b’mod adegwat ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 27(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1184 għall-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u tipprovdi data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u karburanti tal-karbonju riċiklat għall-finijiet tal-Artikolu 29a(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u hija konformi mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1185.

(5)

Fil-valutazzjoni tal-iskema volontarja “REDcert-EU”, il-Kummissjoni sabet li din kopriet b’mod adegwat il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa fl-Artikolu 29(2) sa (5) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Instab ukoll li l-iskema fiha data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-finijiet tal-Artikolu 29(10) ta’ dik id-Direttiva u tapplika metodoloġija tal-bilanċ tal-massa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) ta’ dik id-Direttiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li, fir-rigward tal-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, l-iskema tkopri b’mod adegwat ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 27(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1184. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni sabet ukoll li l-iskema tipprovdi data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u karburanti tal-karbonju riċiklat għall-fini tal-Artikolu 29a(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u hija konformi mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1185.

(6)

Fir-rigward tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa, l-iskema tkopri l-materja prima kollha, inkluż l-iskart u r-residwi u l-katina tal-kustodja kollha (għall-bijometan mill-unità tal-produzzjoni sal-punt tal-konsum). L-iskema tkopri wkoll it-tipi kollha ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u karburanti tal-karbonju riċiklat u tinkludi l-katina kollha ta’ kustodja. Għandha kopertura ġeografika globali.

(7)

Il-valutazzjoni tal-iskema “REDcert-EU” sabet li din tilħaq l-istandards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti u hija konformi fil-każ tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa u mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Annessi V u VI tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(8)

Barra minn hekk, l-iskema tapplika metodoloġija tal-bilanċ tal-massa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

Il-Kummissjoni vvalutat l-iskema u sabet li tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 (5).

(9)

Għal raġunijiet ta’ trasparenza u ċarezza, huwa xieraq li jiġu stabbiliti b’mod komprensiv il-kriterji kollha tas-sostenibbiltà u tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li l-iskema “REDcert-EU” titqies li tkopri b’mod adegwat. Għaldqastant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/605 titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Deċiżjoni.

(10)

L-informazzjoni li l-iskema volontarja “REDcert-EU” ġiet rikonoxxuta jenħtieġ li tkun disponibbli fit-taqsima fuq is-sit web Europa tal-Kummissjoni ddedikata għall-iskemi volontarji.

(11)

Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni f’waqtha tal-miżuri previsti fiha, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, il-Bijolikwidi u l-karburanti mill-Bijomassa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema volontarja “REDcert-EU” turi, fil-każ tal-karburanti awditjati taħt l-iskema, l-elementi li ġejjin:

(a)

il-konformità tal-konsenji tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (5) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(b)

fiha wkoll data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-fini tal-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u b’hekk tiżgura li t-tagħrif rilevanti kollu mogħti mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’il fuq fil-katina tal-kustodja jitgħadda lill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’l isfel f’din il-katina;

(c)

il-konformità tal-kunsinni ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika mal-Artikolu 27(6), l-ewwel sar-raba’ subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u l-kriterji rilevanti stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1184;

(d)

data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika għall-fini tal-Artikolu 29a(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u hija konformi mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1185:

(e)

il-konformità tal-operaturi ekonomiċi mal-obbligu li jdaħħlu informazzjoni preċiża fil-bażi tad-data tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-karburanti likwidi u gassużi rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat f’konformità mal-Artikolu 31a(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

Artikolu 2

Meta l-kontenut tal-iskema volontarja “REDcert-EU”, kif imressqa għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Ġunju 2021 u l-24 ta’ Lulju 2024, jinbidel b’mod li jista’ jaffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, l-iskema volontarja “REDcert-EU” għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn il-bidliet mingħajr dewmien.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-bidliet innotifikati bil-ħsieb li tistabbilixxi jekk l-iskema volontarja “REDcert-EU” għadhiex tkopri b’mod adegwat il-kriterji li għalihom ġiet rikonoxxuta.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/605 hija mħassra.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika sal-21 ta’ Diċembru 2029.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi metodoloġija tal-Unjoni li tistipula regoli dettaljati għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika (ĠU L 157, 20.6.2023, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1184/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1185 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi livell limitu minimu għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ fjuwils tal-karbonju riċiklat u billi jispeċifika metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn fjuwils rinnovabbli likwidi u gassużi għat-trasport ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn fjuwils tal-karbonju riċiklat (ĠU L 157, 20.6.2023, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1185/oj)

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/605 tat-8 ta’ April 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja “REDcert-EU” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat ĠU L 114, 12.4.2022, p. 191, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/605/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 tal-14 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-regoli biex jiġu verifikati l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 168, 27.6.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/996/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3194/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)