European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5005

11.9.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/5005)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Caballa de Andalucía”

Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-ES-0281-AM01 — 12.6.2025

1.   Isem il-prodott

“Caballa de Andalucía”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

IĠP

☐

DOP

☐

IĠ

3.   Settur

☑

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Spanja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Isem

Dirección General de Industrias, Innovación y Cadena Agroalimentaria de la Consejería de Agricultura, Pesca, Agua y Desarrollo Rural de la Junta de Andalucía [id-Direttorat Ġenerali għall-Industrija Agroalimentari, l-Innovazzjoni u l-Katina tal-Provvista tal-Ikel tal-Ministeru Reġjonali tal-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ilma u l-Iżvilupp Rurali tal-Gvern tal-Komunità Awtonoma tal-Andalusija]

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-emenda approvata taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard kif previst fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143, peress li ma tinkludix bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem, ma hemmx ir-riskju li tannulla r-rabta stabbilita maż-żona ġeografika u ma tinvolvix restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Titjib fil-formulazzjoni tad-deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni

Deskrizzjoni

Emenda tat-Taqsima E, “DESKRIZZJONI TAL-METODU TA’ PRODUZZJONI”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

(a)

Il-formulazzjoni tal-punt (c), “Tisjir”, tjiebet billi ġie speċifikat li jridu jsiru kontrolli tal-ilma fil-bidu tal-ġurnata u fuq l-ilma tat-tisjir, u issa tinqara kif ġej:

“Il-melħ irid jinħall f’ilma frisk jagħli, li jvarja skont id-daqs u l-karatteristiċi tal-ħut. Il-valuri pH u Cl tal-ilma tat-tisjir użat iridu jiġu vverifikati fil-bidu tal-ġurnata li fiha jissajjar il-ħut, sabiex jiġi evitat li jinqabżu l-valuri awtorizzati massimi (pH < 9,5 u Cl < 0,8 mg/l).”

(b)

Il-kliem fil-punt (g), “Sterilizzazzjoni”, ittejjeb biex jiġi ċċarat li l-analiżijiet iridu jsiru permezz ta’ kampjunar, mingħajr ma l-frekwenza titħalla għall-interpretazzjoni, u issa tinqara kif ġej:

“L-inkubazzjoni u t-testijiet analitiċi jridu jsiru permezz ta’ kampjunar biex tiġi vverifikata l-effettività tal-proċess.”

☐

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Aġġornament tal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-awtorità kompetenti

Deskrizzjoni

L-informazzjoni fit-Taqsima G, “VERIFIKA TAL-KONFORMITÀ MAL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġiet aġġornata. L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

Test emendat:

“Il-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott qabel il-prodott jitqiegħed fis-suq issir f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli.

L-awtorità kompetenti deżinjata bħala responsabbli għall-kontrolli hija d-Direttorat Ġenerali għall-Industrija Agroalimentari, l-Innovazzjoni u l-Katina tal-Provvista tal-Ikel tal-Ministeru Reġjonali tal-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ilma u l-Iżvilupp Rurali tal-Gvern tal-Komunità Awtonoma tal-Andalusija, C/ Tabladilla, s/n, 41071 Sevilla; tel. +34 955032278; faks +34 955032112;

indirizz elettroniku: dgiica.capadr@juntadeandalucia.es

Informazzjoni dwar il-korpi responsabbli għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tista’ tinstab fl-indirizz li ġej: https://lajunta.es/5fq00 jew mill-paġna ewlenija tal-Ministeru Reġjonali tal-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ilma u l-Iżvilupp Rurali (https://juntadeandalucia.es/organismos/agriculturapescaaguaydesarrollorural.html), billi wieħed isegwi l-perkors ta’ navigazzjoni li ġej: ‘Temas’/‘Industrias, Innovación y Cadena Agroalimentaria’/‘Calidad Agroalimentaria’/‘Denominaciones de calidad’/‘Productos derivados de la pesca’ [‘Suġġetti’/‘Industrija agroalimentari, innovazzjoni u l-katina tal-provvista tal-ikel’/‘Kwalità agroalimentari’/‘Deżinjazzjonijiet tal-kwalità’/‘Prodotti derivati mill-ħut’].

Dawn għandhom l-inkarigu speċifiku li jivverifikaw il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq.”

☐

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Titjib fil-formulazzjoni tad-deskrizzjoni tat-tikkettar.

Dekrizzjoni

It-Taqsima H, “TIKKETTAR”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.6, “Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku ġew emendati.

Ir-rekwiżit biex jiġi inkluż il-kliem “Indicación Geográfica Protegida” [“indikazzjoni ġeografika protetta”] tħassar u ġie inkluż il-logo tal-bord regolatorju.

Test preċedenti:

“Fuq it-tikketta individwali ta’ kull produttur li jikkumerċjalizza l l-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta ‘Caballa de Andalucía’ irid jidher b’mod prominenti l-kliem ‘Indicación Geográfica Protegida’ (Indikazzjoni Ġeografika Protetta), l-isem ‘Caballa de Andalucía’ u l-logo tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-imballaġġ tal-‘Caballa de Andalucía’ preservati kollha koperti mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta jrid ikollu l-logo tal-IĠP li ġej.”

Test emendat:

“It-tikketta individwali ta’ kull produttur li jikkumerċjalizza l-prodott kopert mill-indikazzjoni ġeografika protetta ‘Caballa de Andalucía’ trid turi b’mod prominenti l-isem ‘Caballa de Andalucía’ u s-simbolu tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-imballaġġ tal-‘Caballa de Andalucía’ preservati kollha koperti mill-indikazzjoni ġeografika protetta jrid juri l-logo tal-bord regolatorju li jidher hawn taħt.”

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Tħassir tar-rekwiżiti leġiżlattivi

Deskrizzjoni

It-Taqsima I, “REKWIŻITI LEĠIŻLATTIVI”, tħassret mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott. L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

☐

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Caballa de Andalucía”

Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-ES-0281-AM01 — 12.6.2025

1.   Isem/Ismijiet

“Caballa de Andalucía”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

DOP

☑

IĠP

☐

IĠ

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Spanja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

16 — PREPARATI TA’ LAĦAM, TA’ ĦUT JEW TA’ KRUSTAĊJI, MOLLUSKI JEW INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN, JEW TA’ INSETTI

03 — ĦUT U KRUSTAĊJI, MOLLUSKI U INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN

1604 20 90 — Ta’ ħut ieħor

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Fletti tal-kavall preservati, naturali jew fiż-żejt taż-żebbuġa, prodotti bl-użu ta’ metodi mhux industrijali.

Il-fletti huma prodott ta’ kwalità għolja b’kulur abjad jagħti fil-griż, sawra kompatta, lixxa u mmerrqa, riħa pjaċevoli u togħma karatteristika ħafna ta’ ħut żejtni.

Jiġu kkummerċjalizzati tliet varjetajiet tal-fletti tal-kavall preservati, li jvarjaw fil-mezz likwidu użat: żejt taż-żebbuġa, żejt tal-ġirasol jew ilma tat-tisjir. Dawn jiġu ppakkjati f’laned tondi jew rettangolari jew f’vażetti tal-ħġieġ.

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

Il-materja prima użata hija ħut tal-ispeċi Scomber japonicus u Scomber colias, li għandhom ġisem tawwali f’forma ta’ fus, imnieħer għall-ponta u pendunkulu kawdali rqiq. Għandhom żewġ pinen dorsali separati b’mod ċar u r-ras u l-ġisem tagħhom huma miksija bi qxur żgħar. Huma ta’ kulur blu jagħti fl-aħdar, b’linji u tikek suwed dojoq u mmewġin, filwaqt li żaqqhom u ġenbhom huma ta’ lewn isfar jagħti fil-fidda b’tikek griżi jagħtu fil-blu. Normalment huma ta’ daqs bejn 20 cm u 30 cm.

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

Il-metodi ta’ produzzjoni mhux tradizzjonali ilhom jintużaw fl-Andalusija sa minn żmien il-qedem. Il-kavall jitqaxxar bl-idejn mingħajr l-użu ta’ sustanzi kimiċi, b’hekk jiġi żgurat prodott ta’ kwalità għolja b’kulur abjad jagħti fil-griż li jippreserva l-karatteristiċi kollha tiegħu.

Il-ħut jitqiegħed esklużivament f’ilma mmellaħ (b’inqas minn wieħed fil-mija melħ) jew fiż-żejt taż-żebbuġa jew tal-ġirasol.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

—

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

It-tikketta individwali ta’ kull produttur li jikkumerċjalizza l-prodott kopert mill-indikazzjoni ġeografika protetta “Caballa de Andalucía” trid turi b’mod prominenti l-isem “Caballa de Andalucía” u s-simbolu tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-imballaġġ tal-“Caballa de Andalucía” preservati kollha koperti mill-indikazzjoni ġeografika protetta jrid juri l-logo tal-bord regolatorju li jidher hawn taħt.

Image 1

L-imballaġġ kollu li fih jitqiegħed fis-suq il-kavall protett irid ikollu tikketta numerata maħruġa mill-bord regolatorju li titwaħħal fl-istadju tal-imballaġġ b’tali mod li ma tkunx tista’ terġa’ tintuża.

4.7.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Il-produzzjoni ssir fil-muniċipalitajiet ta’ Almería, Adra, Carboneras, Garrucha u Roquetas de Mar fil-provinċja ta’ Almería; Algeciras, Barbate, Cádiz, Chiclana de la Frontera, Chipiona, Conil, La Línea, Puerto de Santa María, Rota, Sanlúcar de Barrameda u Tarifa fil-provinċja ta’ Cádiz; Almuñécar u Motril fil-provinċja ta’ Granada; Ayamonte, Cartaya, Huelva, Isla Cristina, Lepe, Palos de la Frontera u Punta Umbría fil-provinċja ta’ Huelva; u Estepona, Fuengirola, Málaga, Marbella u Vélez-Málaga fil-provinċja ta’ Málaga.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta kawżali mal-oriġini ġeografika hija bbażata fuq:

☑

Ir-reputazzjoni

☑

Il-kwalità partikolari

☐

Karatteristiċi oħrajn.

Sommarju tar-rabta

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-kavall preservat jiġi prodott f’impjanti ta’ preservazzjoni li jinsabu fiż-żona ta’ produzzjoni ġeografika f’konformità mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, partikolarment fir-rigward ta’ metodi u proċeduri li jinvolvu pproċessar mhux industrijali li ilhom jintużaw sa minn żmien il-qedem u li jippermettu li jinżammu l-karatteristiċi naturali tal-ħut.

It-tqaxxir tal-ħut bl-idejn huwa stadju partikolarment importanti fil-proċess tal-produzzjoni u jsir minn ħaddiema tas-sengħa mħarrġa f’din l-operazzjoni li tradizzjonalment ingħaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-metodi mhux industrijali użati għall-produzzjoni tal-“Caballa de Andalucía” jippreservaw il-karatteristiċi naturali kollha tal-prodott, li jingħaraf minn sawra kompatta, lixxa u mmerrqa, riħa pjaċevoli u togħma karatteristika ħafna ta’ ħut żejtni.

L-ispeċi tal-kavall imsemmija hawn fuq tipprovdi l-materja prima għall-prodott, li għalkemm huwa tal-passa, normalment jinsab tul il-kosta taż-żona ġeografika speċifikata.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DOP) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott (għall-IĠP)

L-ispeċi tal-passa ilhom jiġu mistada fin-Nofsinhar ta’ Spanja għal 3 000 sena, sa minn meta l-Feniċji u t-Tartessjani bdew jaqbdu t-tonn, it-tonn frigat u l-kavall bi xbieki żgħar, bit-tartarun tal-borża rudimentali u bis-sunnara u x-xlief familjari.

Minbarra s-sajd, għandha tissemma wkoll l-importanza tal-industrija tal-ipproċessar għal dawn l-ispeċijiet tal-passa, li l-oriġini tagħhom imur lura għall-ewwel seklu Wara Kristu. It-tipi kollha ta’ tonn u kavall kienu jiġu pproċessati fil-fabbriki tul il-kosta tal-Andalusija. Il-fdalijiet famużi ta’ Baelo Claudia f’Bolonia (Tarifa), fejn għadhom jidhru t-tankijiet illum, huma biss eżempju wieħed.

Il-preservazzjoni tal-prodotti tas-sajd minn speċijiet maqbudin fiż-żona għalhekk hija tradizzjoni stabbilita fl-Andalusija li għadha teżisti sal-lum, bl-użu ta’ metodi mhux industrijali għall-produzzjoni ta’ prodott distintiv u ta’ kwalità għolja. Dan huwa preċiżament minħabba l-materja prima u l-metodu ta’ produzzjoni mhux industrijali użati, li jagħtuh il-proprjetajiet organolettiċi tiegħu u jagħmluh prodott sikur u ta’ kwalità għolja.

Is-settur tal-preservazzjoni mhux industrijali kien iddominat minn impriżi tal-familja żgħar u ta’ daqs medju, immaniġġjati jew mill-fundaturi jew mid-dixxendenti tagħhom, li għamilha possibbli li jinżammu l-metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali. It-tradizzjonijiet twal tal-industrija fl-Andalusija u l-esperjenza tal-produzzjoni mhux industrijali li ngħaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra jiggarantixxu forza tax-xogħol tas-sengħa.

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://lajunta.es/5jmhy


(1)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5005/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)