European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/101

31.1.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/101

tas-27 ta’ Novembru 2024

li jaġġusta l-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament tal-Fond Speċjali tal-Qgħad stabbiliti skont l-Artikoli 28a u 96 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 112 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 28a u 96 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal,

Wara li kkonsultat mar-rappreżentanti tal-persunal mill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 28a(11) u l-Artikolu 96(11) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra, il-Kummissjoni ppreżentat rapport (2) dwar il-qagħda finanzjarja tas-sistema ta’ assigurazzjoni kontra l-qgħad favur l-ex aġenti temporanji jew aġenti kuntrattwali u l-assistenti parlamentari akkreditati li jsibu ruħhom mingħajr impjieg wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Dak ir-rapport juri li meta jitqies il-bilanċ akkumulat tal-Fond tal-Qgħad matul il-perjodu eżaminat, huwa meħtieġ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn persunal temporanju, persunal bil-kuntratt u assistenti parlamentari akkreditati għall-Fond fl-interess tal-bilanċ tal-iskema.

(3)

L-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-assigurazzjoni tal-qgħad jinvolvi valutazzjoni ta’ fatturi kumplessi tal-politika ekonomika u tar-riżorsi umani.

(4)

L-Artikolu 28a(7) u l-Artikolu 96(7) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea jenħtieġu għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kontribuzzjonijiet previsti fl-Artikolu 28a(7) u fl-Artikolu 96(7) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea huma aġġustati għal 0.51 % billi dawn id-dispożizzjonijiet jiġu emendati kif ġej:

(1)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 28a(7) tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Dik il-konribuzzjoni għandha tkun stabbilita bħala 0,51 % tas-salarju bażiku tal-persuna kkonċernata wara li jitnaqqas benefiċċju standard ta’ EUR 1 585,45 u mingħajr ma jkunu kkunsidrati l-koeffiċjenti tal-korrezzjoni pprovduti fl-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal.”

(2)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 96(7) tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Dik il-konribuzzjoni għandha tkun stabbilita bħala 0,51 % tas-salarju bażiku tal-persuna kkonċernata wara li jitnaqqas benefiċċju standard ta’ EUR 1 189,08 u mingħajr ma jkunu kkunsidrati l-koeffiċjenti tal-korrezzjoni pprovduti fl-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1968/259(1)/oj.

(2)  Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Rapport tal-2017–2022 dwar il-qagħda finanzjarja tas-sistema ta’ assigurazzjoni kontra l-qgħad favur l-ex aġenti temporanji jew aġenti kuntrattwali u l-assistenti parlamentari akkreditati li jsibu ruħhom mingħajr impjieg wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea (COM(2024) 54 tas-6 ta’ Frar 2024).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/101/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)