Brussell, 4.4.2023

COM(2023) 180 final

ANNESS

tar-

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U IL-KUNSILL

dwar il-funzjonament tal-arranġamenti ta’ spezzjoni għar-riżorsi proprji tradizzjonali (2019–2021) skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 tat-30 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea


Is-sitwazzjoni attwali dettaljata tal-każijiet ta’ ksur fil-qasam tar-riżorsi proprji tradizzjonali.

·Il-każ Nru 2021/2081 rigward ir-Rumanija: L-Istat Membru huwa meqjus finanzjarjament responsabbli għat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li seħħ fil-Ġermanja minħabba r-rilaxx frawdolenti ta’ 126 proċedura ta’ tranżitu mid-dwana Rumena. Il-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta' intimazzjoni fit-12/11/2021.

·Il-każ Nru 2020/2235 rigward is-Slovakkja: L-Istat Membru huwa meqjus finanzjarjament responsabbli għat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li seħħ fil-Ġermanja minħabba r-rilaxx frawdolenti ta’ 216 proċedura ta’ tranżitu mid-dwana Slovakka. Il-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta' intimazzjoni fit-18/2/2021. L-Istat Membru għamel disponibbli taħt riżerva l-ammont prinċipali 30/10/2017, iżda jirrifjuta li jħallas l-imgħax mitlub 22/12/2017.

·Il-każ Nru 2018/2351 rigward il-Polonja: L-Istat Membru huwa meqjus finanzjarjament responsabbli għat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li seħħ fil-Ġermanja minħabba r-rilaxx frawdolenti ta’ 333 proċedura ta’ tranżitu mid-dwana Pollakka. Il-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta' intimazzjoni fl- 14/05/2020. L-Istat Membru għamel disponibbli l-ammont prinċipali taħt riżerva fit-23/12/2021.

·Il-każ Nru 2017/2001 rigward il-Belġju: L-Istat Membru rrifjuta li jagħmel disponibbli riżorsi proprji tradizzjonali f’każijiet fejn id-dazji doganali ġew rimborżati jew rimessi għal importazzjonijiet barra l-perjodu definit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni REM 28/01 u/jew barra l-iskadenza għat-talbiet ta’ ripagament jew rimessa fil-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni fid-19/7/2018 u ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali fit-18/2/2021. L-ammont prinċipali tħallas f’Novembru 2021.

·Il-każ Nru 2015/2121 rigward il-Belġju: L-Istat Membru rrifjuta li jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li rriżulta min-nuqqas tiegħu li jirkupra ammont ta’ dazji doganali li ġie minn tranżitu frodulenti. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni fid-19/7/2018 u opinjoni motivata fil-25/7/2019. L-ammont prinċipali tħallas fit-3/12/2021. Għadhom għaddejjin diskussjonijiet dwar ammont pendenti ta’ kapital marbut mal-applikazzjoni ħażina tar-rata ta’ ritenzjoni (spejjeż tal-ġbir).

·Il-każ Nru 2017/2154 rigward il-Belġju: L-Istat Membru rrifjuta li jagħmel disponibbli r-riżorsi proprji tradizzjonali billi ma rkuprax id-differenza fid-dazji doganali li kienu dovuti f’każijiet li fihom l-awtoritajiet kienu aċċettaw informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi għat-tewm preżervat minflok tewm frisk, li mhuwiex konformi mal-Kodiċi Doganali Komunitarju. Il-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta' intimazzjoni fid-09/11/2018. L-ammont prinċipali tħallas fis-7/11/2019 kif ukoll l-imgħax fit-30/6/21. Il-każ ingħalaq fis-6/4/2022.

Kawżi tal-Qorti

·Il-każ C-213/19 rigward ir-Renju Unit: Ir-Renju Unit ma ħax il-miżuri xierqa biex jipprevjeni l-importazzjonijiet ta’ volumi kbar ta’ tessuti u żraben ċarament sottovalutati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dan irriżulta f’telf kbir ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li r-Renju Unit irrifjuta li jagħmel disponibbli. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors tagħha lill-Qorti fit-8/3/2019 u l-Qorti tat is-sentenza tagħha fit-8/3/2022 favur il-Kummissjoni. Sa Frar 2023 ir-Renju Unit għamel l-ammonti kollha dovuti disponibbli (EUR 1.57 biljun f’kapital u EUR 1.4 biljun f’imgħax).

·Il-każ C-304/18 rigward l-Italja: L-Istat Membru rrifjuta li jikkumpensa t-telf tar-riżorsi proprji kkawżat min-nuqqas ta’ miżuri xierqa għall-irkupru ta’ ammont ta’ dazji doganali stabbiliti u rreġistrat fil-kontijiet. Din il-kawża hija marbuta ma’ dik ta’ kawża ta’ tħassir IT(07)08-917 rigward il-kuntrabandu tas-sigaretti. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali fis-7/5/2018. Il-Qorti ddikjarat il-ksur fis-sentenza tagħha fil-11/7/2019. Hija kkonfermat li d-deċiżjonijiet doganali meħuda huma infurzabbli immedjatament mill-awtoritajiet doganali u l-preżentazzjoni ta’ appell ma twassalx għas-sospensjoni tal-infurzar ta’ tali deċiżjoni. L-ammont prinċipali mħallas. L-ittra li titlob il-ħlas tal-imgħax intbagħtet f’Lulju 2022.

·Il-każ C-395/17 rigward in-Netherlands: L-Istat Membru rrifjuta li jikkumpensa t-telf tar-riżorsi proprji kkawżat minn ħruġ mhux dovut ta’ ċertifikati ta' EUR 1 minn Curaçao u Aruba, territorji taħt is-sovranità tiegħu. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali fil-5/7/2017. Il-Qorti kkonfermat ir-responsabbiltà tan-Netherlands fis-sentenza tagħha fil-31/10/2019. L-ammont prinċipali tħallas fl-2019 u, wara kjarifiki addizzjonali, l-imgħax fl-2023.

·Il-każ C-391/17 rigward ir-Renju Unit: Ir-Renju Unit irrifjuta li jikkumpensa t-telf tar-riżorsi proprji kkawżat minn ħruġ mhux dovut ta’ ċertifikati ta’ esportazzjoni mill-Anguilla, territorju taħt is-sovranità tiegħu. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali fit-3/7/2017. Il-Qorti kkonfermat ir-responsabbiltà tar-Renju Unit il-ksur fis-sentenza tagħha fil-31/10/2019. L-ammont prinċipali tħallas fil-5 ta’ Mejju 2020 kif ukoll l-imgħax fis-26 ta’ Frar 2021. Il-każ ingħalaq fid-9/2/2022.