Brussell, 4.4.2023

COM(2023) 180 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-funzjonament tal-arranġamenti ta’ spezzjoni għar-riżorsi proprji tradizzjonali (2019-2021) skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 tat-30 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea


Sommarju Eżekuttiv

Kull tliet snin, il-Kummissjoni tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim tal-arranġamenti ta' spezzjoni għar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT). Dan ir-rapport jipprovdi dettalji dwar l-attivitajiet ta’ spezzjoni mwettqa fl- 2019 – 2021.

Minkejja l-isfidi bla preċedent li l-Istati Membri u l-Kummissjoni ffaċċjaw minħabba l-pandemija tal-COVID-19 matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni ħadet azzjonijiet notevoli fil-qasam tal-RPT li ġabu EUR 2.54 biljun addizzjonali għall-baġit tal-UE.

Il-Kummissjoni kkonċentrat l-azzjonijiet tagħha kontra tessuti u żraben sottovalutati b’mod frawdolenti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina importati fir-Renju Unit u fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni nediet proċediment ta’ ksur kontra r-Renju Unit, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) eventwalment iddeċidiet favur il-Kummissjoni (C-213/19). Dan il-każ storiku mhux biss iġib ammonti addizzjonali sinifikanti ta’ RPT għall-baġit tal-UE, iżda ġeneralment jipprovdi ċarezza dwar il-ġbir tar-RPT għall-futur. Barra minn hekk, l-Istati Membri tejbu b’mod konsiderevoli l-istrateġiji ta’ kontroll tagħhom f’dan il-qasam. Sabiex jitqies it-telf potenzjali tal-RPT f’dan ir-rigward, sal-31 ta’ Diċembru 2021, 21 Stat Membru għamlu disponibbli taħt riżerva ammonti addizzjonali ta’ EUR 1.473 biljun qabel is-sentenza tal-QĠUE.

B’rabta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fl-1 ta’ Jannar 2021, il-pagament tal-ammonti tal-RPT li jifdal dovuti mir-Renju Unit ġie żgurat b’suċċess f’konformità mal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Il-Kummissjoni żiedet l-azzjoni ad hoc immirata tagħha biex tipproteġi l-baġit tal-UE, pereżempju permezz ta’ awditu dokumentarju fuq l-importazzjonijiet ta’ pannelli u ċelloli solari ddikjarati li joriġinaw mill-Malażja u mit-Tajwan. Sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-Istati Membri għamlu disponibbli EUR 647 miljun ta’ RPT addizzjonali f’dan ir-rigward.

Barra minn hekk, l-attivitajiet annwali ta’ spezzjoni ppjanati kienu jinkludu s-suġġetti tal-Ġestjoni tal-kont A u l-kont B, Informazzjoni tariffarja vinkolanti, negozji kbar kif ukoll dazji anti-dumping u kumpensatorji. 

Barra minn hekk, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, diversi spezzjonijiet fuq il-post kellhom jitwettqu mill-bogħod skont is-sitwazzjoni partikolari fl-Istati Membri. Dan kien jeħtieġ li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jagħmlu sforzi kbar biex jibqgħu effiċjenti u effettivi. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni adattat l-istrateġija ġenerali tagħha ta’ ppjanar u twettiq tal-ispezzjonijiet, pereżempju billi introduċiet awditi dokumentarji addizzjonali u spezzjonijiet ad hoc, u mmirat b’mod aktar flessibbli x-xejriet u r-riskji emerġenti li jaffettwaw ir-RPT.

Fl-aħħar nett, ir-rapport jinkludi wkoll attivitajiet regolari oħra mwettqa biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE: is-segwitu tal-ittri tas-sejbiet preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-eżami tal-intitolamenti irrekuperabbli li tħassru mill-Istati Membri, it-trattament tal-iżbalji tal-Istati Membri, il-ġestjoni tal-bażi tad-data relatata mal-frodi u l-irregolaritajiet u l-assistenza lill-pajjiżi kandidati.



1.    INTRODUZZJONI

Mill-2019 sal-2021, ir-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) 1 b’valur ta’ aktar minn EUR 60 biljun saru disponibbli (netti), b’medja annwali ta’ madwar EUR 20 biljun.

L-ispezzjonijiet tal-RPT huma bbażati fuq ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 2 , imħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2021/768 tat-3 ta’ April 2021 3 .

Kull tliet snin, il-Kummissjoni tagħmel rapport 4 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim tal-arranġamenti ta' spezzjoni għar-RPT.

Dan ir-rapport jiddeskrivi u janalizza t-tħaddim tas-sistema ta’ spezzjoni għar-RPT għall-perjodu bejn l-2019 u l-2021 5 . Jiddeskrivi wkoll l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea fuq ir-RPT matul dan il-perjodu u jinkludi attivitajiet oħra mwettqa biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE:

-spezzjonijiet fuq il-post u awditi dokumentarji mmirati mwettqa mill-Kummissjoni fl-Istati Membri u s-segwitu tagħhom;

-is-segwitu tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-ittri tar-riżultati preliminari;

-l-eżami ta’ intitolamenti irrekuperabbli li jkunu ġew imħassra;

-it-trattament tal-iżbalji tal-Istati Membri li wasslu għat-telf tar-RPT;

-il-ġestjoni tal-bażi ta’ data dwar il-frodi u l-irregolaritajiet (OWNRES);

-l-assistenza għall-pajjiżi kandidati;

-kontribuzzjoni għall-emendar tar-Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni 6 .

L-attivitajiet imsemmija hawn fuq huma żgurati minn tim żgħir ta’ 15-il persuna. Madankollu, l-ispezzjonijiet fuq il-post u r-responsabbiltà ġeografika tal-Istati Membri huma kondiviżi minn seba’ spetturi ewlenin. It-tim jiżgura li r-RPT jinġabru fil-ħin u japplikaw b’mod korrett id-dispożizzjonijiet legali bejn l-Istati Membri b’mod konsistenti. It-tim jipprovdi wkoll pariri matul iż-żjarat ta’ spezzjoni u l-possibbiltà mill-inqas darbtejn fis-sena matul il-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv tar-Riżorsi Proprji biex jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni importanti.

2.    IL-QAFAS U L-METODOLOĠIJA TAL-ISPEZZJONIJIET RPT

2.1.    Il-qafas regolatorju u operazzjonali tar-RPT

Il-ġbir tar-RPT huwa ddelegat lill-Istati Membri skont il-liġi tal-UE. Huma jridu jagħmlu d-dazji doganali miġbura m’mod awtonomu disponibbli 7 għall-baġit tal-UE u jżommu rata fissa ta’ 25 % tal-ammonti kollha tar-RPT li saru disponibbli għall-Kummissjoni 8 bħala kumpens għall-kost tal-ġbir, indipendentement mill-ispejjeż realment imġarrba. L-Istati Membri huma meħtieġa jagħmlu l-kontrolli huma nfushom u li jirrapportaw lill-Kummissjoni.

Madankollu, il-Kummissjoni żżomm setgħat ta’ spezzjoni sinifikanti f’dan il-qasam. F’dan il-kuntest, l-ispezzjonijiet fuq il-post u dawk remoti huma għodod importanti biex jissorveljaw is-sistema għall-ġbir tar-RPT billi jagħmlu diversi tipi ta’ verifiki 9 fuq ir-regolamenti u d-dokumenti tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni hija wkoll rikjesta li tirrispondi għall-osservazzjonijiet li jsiru mill-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Annwali tagħha, rapporti speċjali jew ittri dwar il-konstatazzjonijiet preliminari kif ukoll għall-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jsiru mill-Parlament Ewropew tul il-proċedura ta' kwittanza rigward l-implimentazzjoni tal-baġit. Il-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri japplikaw ir-regolamenti tal-UE korrettament u tirrapporta lill-awtorità baġitarja.

L-attivitajiet ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni għandhom tliet għanijiet ewlenin:

-Li jżommu kondizzjonijiet ekwivalenti bejn l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi, irrispettivament minn fejn tiġi żdoganata l-merkanzija fl-UE biex jiġu prevenuti d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

-Li jiżguraw li r-RPT jkunu stabbiliti fil-ħin u jittejjeb l-irkupru tar-RPT. Il-Kummissjoni trid taċċerta ruħha li l-Istati Membri jimxu mar-responsabbiltajiet tagħhom f’dak li jirrigwarda l-ġbir tar-RPT u t-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni tispezzjona l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri rigward l-irkupru tar-RPT inkluż notifika f’waqtha tad-dejn doganali u l-proċeduri ta’ infurzar meqjusa meħtieġa;

-Li jinformaw lill-awtorità baġitarja u b’riżultat ta’ dan jirċievu kwittanza pożittiva. Abbażi tas-sejbiet tal-ispezzjoni, il-Kummissjoni tivvaluta l-effettività u d-diliġenza tal-Istati Membri fir-rigward tal-istabbiliment, il-ġbir u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-RPT, titlob li jittieħdu miżuri biex jiġi rrimedjat kwalunkwe nuqqas u fl-aħħar mill-aħħar tista’ tirrapporta lill-awtorità baġitarja.

Barra minn hekk, l-ispezzjonijiet jikkontribwixxu biex jiżguraw it-tħaddim tajjeb tal-Unjoni Doganali, il-protezzjoni tal-produtturi tal-UE u l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-UE biex jiġu evitati l-lakuni li l-frodaturi jistgħu jieħdu vantaġġ minnhom jew jiċċirkomvjenu d-dazji dovuti.

Is-sejbiet tal-ispezzjonijiet jipprovdu input importanti għall-politika tad-dħul tad-DĠ Baġit fir-rigward tal-qafas regolatorju tar-riżorsi proprji attwali u futuri possibbli. Dawn is-sejbiet huma kondiviżi wkoll ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni (id-DĠ Taxud u l-OLAF) biex jgħinuhom jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati fuq livell ta’ politika.

Deċiżjoni ġdida dwar ir-Riżorsi Proprji 10 u r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 li jistabbilixxu miżuri ta’ implimentazzjoni japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021. Barra minn hekk, l-iżvilupp kontinwu tal-faċilitazzjoni u s-simplifikazzjonijiet tal-kummerċ jeħtieġ adattament regolari tal-kontrolli tal-RPT imwettqa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.

2.2.    L-objettivi u l-metodoloġija tal-ispezzjonijiet fuq il-post u dawk remoti tar-RPT

L-għan ġenerali tal-ispezzjonijiet tar-RPT huwa biex tinkiseb assigurazzjoni li l-proċeduri tal-Istati Membri jimxu mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u li l-interessi finanzjarji tal-UE huma protetti kif xieraq u b’mod omoġenju kull fejn tiġi żdoganata l-merkanzija. Kull sena, l-ispezzjonijiet jiffukaw fuq suġġetti doganali u kontabilistiċi speċifiċi. Dan jappoġġa l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tal-proċeduri fis-seħħ fl-Istati Membri biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE b’mod konsistenti.

L-ispezzjonijiet fuq il-post tal-Kummissjoni huma ppjanati bħala parti minn programm ta’ spezzjoni annwali li huwa bbażat fuq analiżi tar-riskju u li fih is-suġġetti li għandhom jiġu spezzjonati fi Stat Membru wieħed jew aktar. Dawn l-ispezzjonijiet jitwettqu bl-użu ta’ proċeduri standardizzati u jinvolvu l-użu ta’ għodod tal-awditjar imfassla apposta biex jiġi żgurat li l-ispezzjonijiet jitwettqu b’mod konsistenti. Matul l-2020 u l-2021, bosta mill-ispezzjonijiet fuq il-post ippjanati kellhom jitwettqu mill-bogħod, minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Is-suġġetti tal-ispezzjoni jistgħu jiġu proposti mhux biss internament iżda wkoll mill-Istati Membri jew minn servizzi oħra tal-Kummissjoni (eż. id-DĠ Taxud, l-OLAF). Tkompli l-kooperazzjoni ulterjuri ma’ servizzi oħra waqt l-abbozzar tal-għodod tal-awditjar u permezz tal-parteċipazzjoni attiva tad-DĠ Taxud fiż-żjarat ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, id-DĠ Taxud, l-OLAF u s-Servizz Legali huma kkonsultati wkoll u jipprovdu kummenti qabel ma r-rapporti ta’ spezzjoni jiġu ppreżentati fil-Kumitat Konsultattiv dwar ir-RPT. Dan l-approċċ jiżgura konsistenza fis-servizzi kollha tal-Kummissjoni u trattament ugwali tal-Istati Membri kollha.

Mill-2020, il-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet ad hoc addizzjonali u awditi dokumentarji b’mod orjentat lejn il-ħtiġijiet fejn jiġu identifikati riskji partikolari. Dawn l-awditi fl-uffiċċju mmirati jitwettqu l-aktar mill-bogħod (eż. awditu fl-uffiċċju fuq il-pannelli solari li beda fl-2021).

3.    SPEZZJONIJIET TAR-RPT IMWETTQA MILL-KUMMISSJONI TUL IL-PERJODU 2019 – 2021

Tul il-perjodu 2019 – 2021, il-Kummissjoni wettqet 56 spezzjoni li wasslu għal 168 konstatazzjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2021/768. It-tabella 1 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ spezzjoni għal kull Stat Membru matul il-perjodu rrapportat.

Mill-168 riżultanza nnutata, mill-inqas 118 minnhom kellhom impatt finanzjarju dirett (70,2 %) u 43 kellhom impatt regolatorju (25,6 %).

Kemm kwistjonijiet kontabilistiċi kif ukoll dawk doganali jiġu vvalutati matul l-ispezzjonijiet.

Tabella 1. Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ spezzjoni 2019-2021

Stat Membru

Ġestjoni tal-kont A & B

Ħlasijiet lura u każijiet separati tal-kont B

Informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi

Negozji kbar

Valur doganali

Pannelli solari

ADD/CVD

2020

2021

2019-2021

2019

2019

2019-2021

2021

2021

AT

 

x

x

x

x

 

BE

x

 

x

X

x

x

 

BG

x

 

x

x

x

 

HR

 

x

x

x

 

 

CY

 

x

x

x

 

 

CZ

x

 

x

x

x

 

DK

 

x

x

x

x

 

EE

 

x

x

x

x

 

FI

 

x

x

x

x

 

FR

x

 

x

x

x

x

x

DE

x

 

x

x

x

Spezzjoni 2018

x

EL

x

 

x

x

x

x

HU

x

 

x

x

x

x

 

IE

 

x

x

x

x

 

IT

x

 

x

x

x

x

x

LV

 

x

x

x

x

 

LT

 

x

x

x

x

 

LU

 

x

x

x

x

 

MT

x

 

x

x

x

 

NL

x

 

x

x

x

Spezzjoni 2018

x

PL

x

 

x

x

x

x

PT

x

 

x

x

x

x

 

RO

x

 

x

x

 

 

SK

x

 

x

x

 

 

SI

 

x

x

x

x

 

ES

x

 

x

x

x

x

SE

x

 

x

x

x

 

UK

x

 

x

x

x

Spezzjoni 2018

 

Total

28

28

6

2

28

21

7

3.1.    Kwistjonijiet ta’ kontabilità

Matul l-2020 – 2021, twettqu spezzjonijiet dwar l-affidabbiltà tal-kont A u B 11 u dikjarazzjonijiet relatati fl-Istati Membri kollha u fir-Renju Unit. Il-konklużjoni kienet li l-proċeduri biex jiġu stabbiliti dawn id-dikjarazzjonijiet kienu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE u żguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Is-sejbiet ikkomunikati wara dawn l-ispezzjonijiet fost l-oħrajn jikkonċernaw inkonsistenzi bejn iż-żewġ kontijiet, dewmien fl-istabbiliment u n-notifika tad-djun doganali, entrati żbaljati fiż-żewġ kontijiet, mili skorrett tad-dikjarazzjonijiet u l-annessi tagħhom, u tneħħijiet tard mill-kont B.

Il-ġestjoni tal-kont A u l-kont B ġiet spezzjonata fl-Istati Membri kollha bħala t-tieni suġġett ta’ spezzjoni flimkien mas-suġġett doganali ewlieni. L-ispezzjonijiet f'dan il-qasam matul il-perjodu 2019 — 2021 kkonfermaw li l-parti l-kbira tal-iżbalji kienu ta' darba u li l-iżbalji sistematiċi kienu l-eċċezzjoni. L-Istati Membri assumew il-konsegwenzi finanzjarji li rriżultaw mill-konstatazzjonijiet innutati.

Is-sitwazzjoni ġenerali tjiebet minħabba l-konsiderazzjoni mogħtija mill-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni għal dawn is-suġġetti u għal aktar titjib fis-sistemi elettroniċi tal-kontabilità fl-Istati Membri li jnaqqsu r-riskju ta’ żbalji relatati ma’ intervent manwali. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikomplu jsaħħu l-isforz tagħhom biex jiżguraw il-ġestjoni diliġenti tal-kontijiet A u B u jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa mil-liġi biex jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet ikunu kompluti, ċari u trasparenti.

3.2.    Kwistjonijiet doganali 2019 - 2021

Għall-ispezzjonijiet, jingħażlu s-suġġetti doganali bl-ogħla riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

Tul dan il-perjodu ta’ tliet snin, l-ispezzjonijiet iffukaw fuq:

-l-istrateġija ta’ kontroll fil-qasam tal-valur doganali (2019, 2020, 2021);

-l-informazzjoni tariffarja vinkolanti (2019);

-l-istrateġija ta’ kontroll tan-negozji l-kbar (2019, 2021);

-l-istrateġija ta’ kontroll għal dazji anti-dumping u kumpensatorji (2021).

Fl-2019, l-2020 u l-2021, l-istrateġija ta’ kontroll fil-qasam tal-valur doganali baqgħet riskju sinifikanti għall-finanzjament tal-Istati Membri u għall-baġit tal-UE, kif muri mill-ispezzjonijiet preċedenti tal-RPT u l-investigazzjonijiet tal-OLAF 12 . Dan ġie vvalutat jew segwit b’mod sħiħ matul l-ispezzjonijiet tal-44 fl-Istati Membri kollha u fir-Renju Unit. Ġeneralment, l-istrateġiji ta’ kontroll fl-Istati Membri tjiebu b’mod konsiderevoli: jiġu stabbiliti l-profili tar-riskju xierqa għall-valur doganali, u f’każ ta’ dubju jittieħdu garanziji qabel ir-rilaxx tal-merkanzija, u l-kontrolli qabel u wara r-rilaxx ikunu ġew imsaħħa. B’riżultat ta’ dan, l-impatt negattiv ta’ importazzjonijiet sottovalutati ta’ tessuti u żraben mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina tnaqqas b’mod sinifikanti madwar l-UE kollha.

Din ix-xejra pożittiva ħafna hija kkonfermata minn analiżi ta’ data reċenti dwar l-importazzjoni:

F’Marzu 2014, ladarba l-OLAF implimenta operazzjoni doganali konġunta (JCO) Snake immirata lejn l-importazzjonijiet ta’ tessuti u żraben sottovalutati, il-volum tal-importazzjonijiet naqas fl-Istati Membri, iżda xorta żdied fir-Renju Unit. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-importazzjonijiet sottovalutati kkonċentraw fir-Renju Unit sa Ottubru 2017 meta r-Renju Unit finalment beda jimplimenta l-miżuri mitluba (Operazzjoni Swift Arrow). Filwaqt li wara l-volum regolari tal-importazzjonijiet baqa’ stabbli, l-importazzjonijiet sottovalutati prattikament sparixxew fir-Renju Unit (Tabella 1).

Madankollu, dan irriżulta f’effett konsegwenzjali hekk kif l-importazzjonijiet potenzjalment sottovalutati mxew lejn Stati Membri oħra fl-2018 (Tabella 2). Għalhekk, l-ispezzjonijiet imwettqa fl-2018–2021 ikkonċentraw mhux biss fuq il-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-UE, iżda affermaw mill-ġdid ukoll il-parir u l-gwida għall-Istati Membri biex jindirizzaw is-sottovalutar b’mod effettiv u jevitaw aktar riperkussjonijiet possibbli.

Kif muri fit-Tabella 2, l-ispezzjonijiet tal-RPT fuq is-sottovalutar kellhom impatt estremament pożittiv fuq it-tnaqqis tal-volumi ta’ importazzjonijiet sottovalutati madwar l-UE u b’hekk naqqsu b’mod effettiv it-telf tal-RPT imġarrab għall-baġit tal-UE.

Tabella 1: Importazzjonijiet ta’ tessuti u żraben sottovalutati li jikkonċentraw fir-Renju Unit

Tabella 2. Volumi ta’ importazzjoni potenzjalment sottovalutati (f’miljuni ta’ kg)

Fl-2019, l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi (BTI) ġiet spezzjonata f’sitt Stati Membri. L-ispezzjonijiet kellhom l-għan li jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-UE għall-ħruġ u l-użu ta’ deċiżjonijiet dwar il-BTI. In-nuqqasijiet identifikati ma kinux jinvolvu konsegwenzi finanzjarji sinifikanti għall-baġit tal-UE. In-nuqqasijiet kienu prinċipalment relatati man-nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi preskritti, l-użu tal-kodiċi tal-istatus skorrett, in-nuqqas ta’ kontrolli doganali relatati ma’ BTIs invalidati, livell baxx ta’ kontrolli qabel u wara r-rilaxx tal-merkanzija fir-rigward tal-BTIs, komunikazzjoni insuffiċjenti bejn is-servizzi, u differenzi reġjonali fil-kwalità tal-kontrolli.

Fl-2019 u l-2021, l-istrateġija ta’ kontroll għan-negozji l-kbar kienet ikkontrollata f’żewġ Stati Membri u r-riżultati kienu jew parzjalment sodisfaċenti jew mhux sodisfaċenti. Għalkemm dan it-tip ta’ negozju huwa importanti għall-ekonomiji tal-Istati Membri u huma kkunsidrati bħala aktar affidabbli, għandhom ikunu soġġetti wkoll għal ċertu livell ta’ kontroll jew monitoraġġ mill-awtoritajiet doganali fl-Istati Membri kollha. In-nuqqasijiet kienu relatati mal-analiżi tar-riskju, il-kontrolli baxxi ħafna jew ineżistenti ta’ qabel ir-rilaxx u ta’ wara r-rilaxx u n-nuqqas ta’ superviżjoni interna fi ħdan l-organizzazzjoni doganali nazzjonali.

Fl-2021, l-istrateġija ta’ kontroll għal dazji anti-dumping u kumpensatorji (ADD/CVD) ġiet spezzjonata fi tmien Stati Membri. Is-sistemi ta’ kontroll jitqiesu bħala parzjalment jew ġeneralment sodisfaċenti. In-nuqqasijiet ewlenin kienu relatati man-nuqqas ta’ implimentazzjoni jew l-implimentazzjoni tardiva tal-profili tar-riskju, il-kontrolli mhux konsistenti, l-istabbiliment tardiv u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dazji anti-dumping definittivi (inkluż li jsiru definittivi), dewmien jew nuqqas ta’ stabbiliment ta’ ADD/CVD wara informazzjoni riċevuta mill-OLAF u rata żbaljata ta’ ADD/CVD applikata. L-Istati Membri bħalissa qed jimplimentaw it-titjib fis-sistemi ta’ kontroll tagħhom mitlub mir-rapporti ta’ spezzjoni, li se jikkontribwixxi għal aktar protezzjoni tan-negozji bbażati fl-UE.

3.3.    Strateġija ta’ infurzar għall-importazzjonijiet sottovalutati

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Istati Membri kollha bil-fehma tagħha li l-ammonti ta’ dazji doganali stabbiliti u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE fir-rigward ta’ tessuti u żraben mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina setgħu ma kinux korretti minħabba s-sottovalutar. Konsegwentement, il-Kummissjoni introduċiet riżerva mhux kwantifikabbli relatata mat-telf stmat tal-RPT fl-2018.

Wara l-ispezzjonijiet fuq l-istrateġija ta’ kontroll fil-qasam tal-valur doganali lill-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni bagħtet ittri, fis-7 ta’ Mejju 2021, fejn infurmat lil kull Stat Membru dwar l-istimi preliminari tat-telf tal-RPT f’dan ir-rigward.

Sal-31 ta’ Diċembru 2021, wara l-ittra ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni iżda qabel is-sentenza tal-Qorti fil-kawża C-213/19, 21 Stat Membru għamlu disponibbli taħt riżerva ammonti addizzjonali ta’ RPT li jammontaw għal aktar minn EUR 1.473 biljun.

Il-metodu statistiku li l-Kummissjoni xtaqet tapplika biex tistma t-telf tal-RPT kien jiddependi fuq l-eżitu tal-proċediment ta’ ksur miftuħ kontra r-Renju Unit, li wassal għas-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2022 (C-213/19, il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit). Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja approvat il-metodu statistiku tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni pproċediet u se tkompli tipproċedi fl-2022 u fl-2023 biex tistma t-telf tal-RPT, f’konformità mas-sentenza tal-Qorti fil-kawża C‑213/19.

3.4.    Pannelli solari

Fl-2018 u l-2019, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu spezzjonijiet tal-RPT f’10 Stati Membri biex jivvalutaw l-istrateġija ta’ kontroll tagħhom fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli solari u komponenti ewlenin iddikjarati li joriġinaw mill-R.P. taċ-Ċina, il-Malażja u t-Tajwan u soġġetti għal miżuri ta’ difiża tal-kummerċ (dazji anti-dumping u kumpensatorji).

Minħabba nuqqas rikorrenti identifikat fi tlieta minn dawn l-ispezzjonijiet immirati u relatat mal-interpretazzjoni ħażina tat-terminu kkonsenjat minn skont ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/184 u 2016/185 tal-11 ta’ Frar 2016 13 , id-DĠ Baġit estenda l-ambitu tal-kontrolli tiegħu għall-Istati Membri kollha li jimportaw l-istess prodotti fil-perjodu mit-30 ta’ Mejju 2015 sat-3 ta’ Settembru 2018 14 . Għal dan l-għan, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ġunju 2021, id-DĠ Baġit informa lil 21 Stat Membru 15 dwar it-telf potenzjali tal-RPT li jirriżulta mill-interpretazzjoni ħażina msemmija għall-importazzjonijiet ta’ pannelli u ċelloli solari ddikjarati li joriġinaw mill-Malażja u mit-Tajwan. Sal-31 ta’ Diċembru 2021, disa’ Stati Membri għamlu disponibbli aktar minn EUR 647 miljun.

Is-segwitu ta’ dan in-nuqqas għadu għaddej.

Fl-aħħar nett, permezz ta’ dawn l-attivitajiet ta’ spezzjoni, kuntatti mal-Istati Membri u bosta preżentazzjonijiet, il-Kummissjoni ċċarat aktar it-tifsira tat-terminu kkonsenjat minn minqux fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan ikkontribwixxa għal kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri u għal aktar protezzjoni tal-kumpaniji bbażati fl-UE minn tali importazzjonijiet.

4.    SEGWITU GĦALL-ISPEZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

4.1.    Aspetti regolatorji

L-Istati Membri huma mitluba jieħdu miżuri kull meta jinstabu difetti jew lakuni fir-regolamenti nazzjonali jew fid-dispożizzjonijiet amministrattivi matul l-ispezzjonijiet, sabiex iġibuhom konformi mar-rekwiżiti tal-UE u jarmonizzaw l-istabbiliment u l-ġbir tal-RPT fost is-27 Stat Membru kollha. Dan l-allinjament regolatorju huwa kisba ewlenija tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. Is-sejbiet huma wkoll indikatur ewlieni għall-problemi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fl-applikazzjoni tar-regolamenti doganali u tar-riżorsi proprji, u jinfurmaw l-isforz kontinwu tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-qafas regolatorju.

4.2.    L-eżitu tat-tilwim

L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali u l-proċeduri ta’ xi Stati Membri mhumiex dejjem konformi mar-rekwiżiti tal-Kummissjoni. Meta t-tilwima ma tkunx tista’ tiġi solvuta, il-Kummissjoni tniedi proċeduri ta’ ksur 16 .

Tul il-perjodu 2019 – 2021, ġew imnedija, tkomplew jew ingħalqu għaxar proċeduri ta’ ksur (ara l-anness għad-dettalji). L-aktar waħda prominenti fosthom hija l-kawża li nfetħet kontra r-Renju Unit (C-213/19) b’rabta mas-sottovalutar tat-tessuti u ż-żraben li rriżutaw f’telf enormi ta’ riżorsi proprji li r-Renju Unit irrifjuta li jagħmel disponibbli.

4.3.    Aspetti finanzjarji

Għall-perjodu 2019 – 2021 tħallsu intitolamenti addizzjonali li jammontaw għal aktar minn EUR 2.54 biljun 17 lill-Kummissjoni prinċipalment minħabba l-istrateġija ta’ infurzar fir-rigward tas-sottovalutar tat-tessuti u ż-żraben, u tal-pannelli solari. Dawn huma relatati wkoll ma’ osservazzjonijiet oħra li saru fir-rapporti ta’ spezzjoni, attivitajiet oħra ta’ spezzjoni u bħala riżultat tas-segwitu tas-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri u d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri ta’ ksur tal-RPT.

L-imgħax għall-pagament tard imħallas mill-Istati Membri matul dan il-perjodu kien ta’ EUR 137 miljun.

5.    MIŻURI GĦAT-TITJIB TAL-IRKUPRU TAR-RIŻORSI PROPRJI TRADIZZJONALI

Barra mill-ispezzjonijiet fuq il-post fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha bosta mezzi oħra li jippermettulha li tissorvelja l-irkupru tar-RPT.

5.1.    L-eżami ta’ intitolamenti irrekuperabbli li jkunu ġew imħassra

L-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jagħmlu r-RPT disponibbli, ħlief meta l-irkupru jkun impossibbli skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014:

-raġunijiet ta' force majeure;

-għal raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom; jew

-minħabba d-differiment tal-entrata fil-kontijiet jew tan-notifika tad-dejn doganali sabiex ma tiġix ippreġudikata investigazzjoni kriminali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

F'konformità mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-UE, l-Istati Membri jridu jirrapportaw lill-Kummissjoni ammonti irrekuperabbli ta’ RPT li jeċċedu l-EUR 100 000 (rapporti dwar it-tħassir) li jqisu li mhumiex responsabbli għalihom. Sussegwentement, il-Kummissjoni tagħti l-kummenti tagħha fuq kull rapport. L-għan tal-eżami mill-Kummissjoni tar-rapporti tat-tħassir huwa li jivvaluta l-grad ta’ diliġenza muri mill-Istati Membri fit-twettiq tal-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu d-dazji doganali li jirrappreżentaw ir-RPT, u biex jirkuprawhom mill-operaturi ekonomiċi.

Għal ammonti taħt il-livell limitu tar-rapportar, il-Kummissjoni tivvaluta kampjuni ta’ każijiet waqt spezzjonijiet fuq il-post bħala kwistjoni ta’ rutina minħabba li m’hemmx rekwiżit separat ta’ rapportar.

Sabiex tgħin lill-Istati Membri jevalwaw ir-responsabbiltà finanzjarja potenzjali tagħhom għal ammonti ta’ RPT irrekuperabbli, il-Kummissjoni ħarġet dokument ta' ħidma — il-Kompendju — bil-kriterji li ntużaw biex jiġu vvalutati r-rapporti tat-tħassir. Dan tal-aħħar ġie kkomunikat lill-Istati Membri kollha għall-ewwel darba fil-qafas tal-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (KKRP) tas-6 ta’ Diċembru 2012. L-aħħar verżjoni riveduta tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2018, li qieset it-tibdil fil-leġiżlazzjoni tal-UE u l-każistika rilevanti dwar ir-RPT, ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri kollha fil-lingwi uffiċjali rispettivi tagħhom fl-1 ta’ Ġunju 2018.

Għal kull każ rilevanti, l-Istati Membri jridu jħejju rapport strutturat u jibagħtuh lill-Kummissjoni permezz ta’ bażi ta’ data multilingwi jisimha WOMIS (Write-Off Management and Information System). Il-WOMIS, aġġornata regolarment, tippermetti ġestjoni effiċjenti u sigura tar-rapporti tal-Istati Membri.

Is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni (Baġit, Taxud, OLAF u s-Servizz Legali) jivvalutaw ir-rapport u jipprovdu kummenti lill-Istat Membru. Dawn il-kummenti jikkonċernaw il-ġustifikazzjoni li Stat Membru jista’ jinvoka biex ma jagħmilx ir-RPT jikkorrispondu għad-dazji doganali irrekuperabbli disponibbli għall-Kummissjoni.

Tul il-perjodu 2019-2021, ġew ikkomunikati 106 rapporti tat-tħassir lill-Kummissjoni, li kienu jinvolvu ammont totali ta’ EUR 87.4 miljun. Fl-istess perjodu 18 , il-Kummissjoni qieset li għal 76 rapport, li kienu jinvolvu EUR 40.7 miljun, li it-telf tar-RPT ma setax jiġi attribwit lill-Istati Membri. F’181 każ, li kienu jinvolvu EUR 101.1 miljun il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-ammonti kienu irrekuperabbli minħabba raġunijiet attribwibbli tal-anqas parzjalment lill-Istati Membri kkonċernati. F’9 każijiet, ir-rapportar lill-Kummissjoni tqies skorrett jew prematur (EUR 1.3 miljun).

Sabiex jiġi vvalutat jekk it-telf tar-RPT jistax jiġi attribwit lill-Istat Membru, tkun meħtieġa analiżi bir-reqqa tal-elementi tar-rapport. Fil-15 ta’ Settembru 2022, sa 154 rapport ta’ tħassir (EUR 163.7 miljun) relatati mas-snin 2009 sa 2021 kienu għadhom qed jiġu eżaminati, parzjalment sakemm tintalab informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru rispettiv.

5.2.    It-trattament tal-iżbalji tal-istabbiliment li wasslu għal telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali

Il-Kummissjoni segwiet l-iżbalji amministrattivi identifikati mwettqa mill-Istati Membri għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-UE tul il-perjodu 2019-2021 (każijiet misjuba waqt spezzjonijiet fuq il-post u dawk remoti, deċiżjonijiet nazzjonali ta’ ripagament jew ta' riammissjoni minħabba żbalji amministrattivi, tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pagamenti volontarju mill-Istati Membri minħabba żbalji amministrattivi li għalihom assumew ir-responsabbiltà finanzjarja għat-telf ta’ RPT, ammonti irrekuperabbli mħassra rrifjutati taħt EUR 100 000, eċċ.). B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri għamlu disponibbli EUR 423 miljun matul il-perjodu 2019-2021, b’żieda mal-ammonti miġbura għall-istrateġija ta’ infurzar għall-importazzjonijiet sottovalutati (il-punt 3.3) u għall-pannelli solari (il-punt 3.4).

5.3.    Il-bażi ta’ data OWNRES

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 19 u Nru 2021/768, l-Istati Membri jridu jibagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar każijiet ta' frodi u irregolaritajiet li jinvolvu intitolamenti ta' iktar minn EUR 10 000. Din l-informazzjoni tiġi rrapportata permezz tal-bażi ta’ data OWNRES, li hija ġestita u mantnuta mill-Kummissjoni.

OWNRES tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja biex timmonitorja l-irkupru u biex tħejji l-ispezzjonijiet tagħha fuq il-post u rieżamijiet tal-awditjar fl-uffiċċju. Dan jintuża wkoll mill-OLAF għal diversi analiżijiet u għall-monitoraġġ tas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet finanzjarji tiegħu li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet tal-OLAF. Id-data rrappurtata hija vvalutata fid-dettall fir-rapporti annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Il-ġlieda kontra l-frodi u fir-Rapport annwali dwar il-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali.

Fl-2018, il-formola għar-rappurtar ta’ frodi u irregolaritajiet ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2018/195 20 . Il-bażi tad-data OWNRES ġiet aġġornata biex tirrifletti dawk il-bidliet.

Sa tmiem l-2021, il-bażi ta’ data OWNRES kien fiha 121,199 21 każ ta’ frodi jew irregolarità (jew ‘miftuħin’ jew ‘magħluqin’) meta mqabbel ma’ 106,361 każ fil-bidu tal-2019. Din hija żieda ta’ madwar 13.95 % jew 14,838 każ ġdid irrappurtat fil-perjodu ta’ tliet snin 2019 – 2021.

Fil-qafas tal-laqgħat biannwali tal-KKRP li saru matul il-perjodu 2019–2021, il-Kummissjoni ppreżentat xi regoli aġġornati ta’ rappurtar dwar il-kuntrabandu li jiżguraw rappurtar aktar simplifikat f’Lulju 2019. F’Novembru 2020, l-Istati Membri ntalbu jirrieżaminaw u jaġġornaw il-każijiet magħżula fil-qafas ta’ eżerċizzju ta’ twissija (prinċipalment każijiet OWNRES irrappurtati mhux aġġornati jew mhux korretti). L-eżitu tal-eżerċizzju ġie ppreżentat matul il-laqgħa tal-KKRP li saret f’Lulju 2021. Barra minn hekk, matul il-laqgħa f’Ġunju 2020 ġiet ippreżentata verżjoni aġġornata tal-manwal tal-utent tal-OWNRES maħruġ f’April 2020.

5.4.    Miżuri ta’ monitoraġġ għall-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali

Il-Kummissjoni tipprovdi għajnuna teknika lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali biex dawn jiżviluppaw il-kapaċità amministrattiva u jistabbilixxu s-sistemi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-acquis fir-rigward tar-RPT mal-adeżjoni. Tevalwa wkoll l-istat ta’ tħejjija tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali f’dan is-sens.

F’dan il-qasam, il-ħidma teknika u l-assistenza fuq il-post ġew sospiżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-eżitu mhux ċert tan-negozjati dwar il-pakkett tar-riżorsi proprji propost mill-Kummissjoni f’Mejju 2018, li rriżultaw fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 li kienet tapplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021.

F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ieħor ta’ riżorsi proprji 22 biex tistabbilixxi tliet riżorsi proprji ġodda, li jenħtieġ li jiġġeneraw dħul għall-baġit tal-UE ekwivalenti għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Istrument ta’ Rkupru “NextGenerationEU”. Meta wieħed iqis l-evoluzzjoni kostanti tas-sistema tar-riżorsi proprji, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tipprovdix taħriġ għall-pajjiżi kandidati dwar is-sistema tar-riżorsi proprji li se tinbidel b’mod sostanzjali wara l-adozzjoni ta’ dak il-pakkett. Madankollu, xi pajjiżi bbenefikaw mill-għarfien espert tal-Istati Membri fil-qasam tar-riżorsi proprji permezz ta’ eżerċizzji ta’ ġemellaġġ jew proġetti oħra ffinanzjati mill-UE li jappoġġaw l-istabbiliment tas-sistema ta’ ġestjoni tar-riżorsi proprji tal-UE.

Fir-rigward tal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Albanija, f’Settembru 2019 sar skambju tekniku inizjali dwar l-acquis rilevanti tal-UE dwar ir-riżorsi proprji.

Il-Bożnija-Ħerzegovina (BiH), pajjiż kandidat minn Diċembru 2022, wieġbet għall-kwestjonarju tal-acquis tal-UE. Id-DĠ Baġit ta l-kontribut tiegħu f’April 2019 għall-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar is-sħubija fl-UE.

5.5.    Regolament Emendatorju dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni (MAR)

Ir-Regolament tal-Kunsill 609/2014 (Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni — MAR) huwa s-sinsla tal-qafas tar-riżorsi proprji, li jiżgura l-ħlas f’waqtu mill-Istati Membri tal-ammonti dovuti lill-baġit tal-UE.

Biex tkompli ttejjeb dan il-qafas, fl-2021 il-Kummissjoni pproponiet emenda komprensiva għal dan ir-Regolament. Din il-proposta indirizzat it-tħassib proċedurali tal-Istati Membri filwaqt li tissalvagwardja l-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-UE u tiżgura qafas ta’ dħul ġust u bbilanċjat.

Wara skambji estensivi mal-Istati Membri, ir-Regolament tal-Kunsill 2022/615 li jemenda l-MAR daħal fis-seħħ f’Marzu 2022.

6.    KONKLUŻJONI

Minkejja l-isfidi relatati mal-pandemija tal-COVID-19, ir-riżultati rreġistrati mill-2019 sal-2021 juru li l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni tar-RPT u s-segwitu sistematiku tan-nuqqasijiet osservati għadhom mezzi indispensabbli u effiċjenti biex jittejjeb l-irkupru tal-RPT u jipprovdu riassigurazzjoni li l-interessi finanzjarji tal-UE huma protetti b’mod adegwat (ikkonfermati wkoll minn żvilupp pożittiv bil-proċedura ta’ kwittanza peress li ma hemm l-ebda rakkomandazzjoni ġdida għall-Kummissjoni għal kwistjonijiet relatati mar-RPT).

L-ispezzjonijiet għadhom għodda ewlenija biex jarmonizzaw u jsaħħu l-konformità mar-regoli tal-UE. L-impatt finanzjarju tagħhom huwa sinifikanti, kif muri mill-ammont nett addizzjonali li sar disponibbli għall-baġit tal-UE ta’ madwar EUR 2.54 biljun matul l-2019-2021. Dan jirriżulta f’inċentivi sinifikanti biex l-Istati Membri jagħmlu r-RPT kollha disponibbli għall-baġit tal-UE fil-ħin. Barra minn hekk, l-ispezzjonijiet jikkontribwixxu biex jiġi żgurat li r-regoli doganali u tal-kontabilità jiġu applikati korrettament u b’hekk jipproteġu ulterjorment l-interessi finanzjarji tal-UE billi jipprovdu mekkaniżmu b’saħħtu biex jiġġieled u jipprevjeni distorsjonijiet dannużi tal-kompetizzjoni.

Meta wieħed iħares ’il quddiem, l-evoluzzjoni tal-kummerċ internazzjonali u b’mod partikolari l-kummerċ elettroniku jirrappreżentaw sfidi ġodda. Dawn se jeħtieġu għodod adegwati ġodda u kollaborazzjoni saħansitra aktar mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, pereżempju biex jikkoordinaw kontrolli doganali bbażati fuq ir-riskju u jiżguraw ġbir effettiv tad-dazji doganali.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni kompliet tissimplifika l-azzjonijiet tagħha f’dawn l-aħħar snin biex tindirizza b’mod aktar effettiv l-isfidi li ġejjin, u se tkompli tagħmel dan bil-ħsieb li ttejjeb il-funzjonament tal-Unjoni Doganali.

(1)

Dazji doganali fuq prodotti impurtati minn pajjiżi terzi, flimkien mal-imposti fuq iz-zokkor. 

(2)

 Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea ĠU L 168, 7.6.2014, p. 29

(3)

 Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 tat-30 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014, ĠU L 165, 11.5.2021, p. 1.

(4)

 Skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014, u r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768. 

(5)

Ir-rapport jiffoka fuq il-kontrolli li saru mill-Istituzzjonijiet tal-UE (il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri). Huwa ma jkoprix il-kontrolli li saru mill-Istati Membri li r-riżultati tagħhom huma ppubblikati fir-rapport annwali mfassal skont l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(6)

 Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (Tfassil mill-ġdid) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39. Dan ir-regolament huwa magħruf bħala r- “Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni”.

(7)

 Bit-terminu ‘jagħlu disponibbli’, wieħed jirreferi għall-pagamenti li jsiru mill-Istati Membri fil-baġit tal-UE.

(8)

Matul is-snin, dan il-perċentwal inbidel minn 10 % għall-ammonti disponibbli qabel t-28 ta’ Frar 2001, għal 25 % għall-ammonti disponibbli bejn l-1 ta’ Marzu 2001 u t-28 ta’ Frar 2014, u għal 20 % għall-ammonti disponibbli bejn l-1 ta’ Marzu 2014 u t-28 ta’ Frar 2021. Għal ammonti li saru disponibbli wara l-1 ta’ Marzu 2021, il-perċentwal applikabbli huwa 25 %.

(9)

 Dwar ir-regolamenti: verifiki tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar is-sistema għall-ġbir tar-RPT. Dwar id-dokumenti: analiżi tad-dikjarazzjonijiet ta’ kontabilità u ta’ kull tip ta’ dokument u fajl ta’ kontabilità mill-Istati Membri, inkluż ir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-intitolamenti irrekuperabbli. Spezzjonijiet fuq il-post u mill-bogħod, awditi mhux fuq il-post: kontroll dwar il-konformità tas-sistemi nazzjonali u d-dokumenti sottostanti mal-leġiżlazzjoni tal-UE, kemm mill-perspettiva kontabilistika kif ukoll minn dik doganali. Dawn l-ispezzjonijiet isiru jew b’mod konġunt mal-Istati Membri kkonċernati.

(10)

 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1

(11)

L-Istati Membri jdaħħlu r-RPT f’wieħed minn żewġ kontijiet:

- il-kont normali (A) għal ammonti rkuprati jew garantiti (dawn l-ammonti jitħallsu lill-baġit tal-UE);

il-kont separat (B) għal ammonti li ma ġewx irkuprati jew ammonti garantiti li ġew ikkontestati. Ir-RPT li jikkorrespondu għal dazji doganali irrekuperabbli għandhom jiġu rtirati mill-kont separat wara perjodu definit. Tali ammonti ta’ RPT iridu jsiru disponibbli (imħallsa) simultanjament lill-Kummissjoni sakemm ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati minħabba forza maġġuri, għal raġunijiet oħrajn li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Istat Membru jew minħabba d-differiment tal-entrata fil-kontijiet jew in-notifika tad-dejn doganali sabiex ma tiġix preġudikata xi investigazzjoni kriminali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(12)

Ara t-Tmintax-il rapport annwali tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi għall-2017, u d-Dsatax-il rapport annwali tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi għall-2018.

(13)

     Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/184 tal-11 ta’ Frar 2016 li jestendi d-dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) ikkunsinjati mill-Malasja u t-Tajwan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Malasja u fit-Tajwan kif ukoll jekk le, ĠU L 37, 12.2.2016, p. 56 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/185 tal-11 ta’ Frar 2016 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew ikkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) ikkunsinnati mill-Malażja u mit-Tajwan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Malażja u fit-Tajwan kif ukoll jekk le, p. 76.

(14)

Il-validità tal-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ.

(15)

 Inklużi seba’ Stati Membri li qabel kienu soġġetti għal spezzjoni speċifika. Erba’ Stati Membri ma kinux irrappurtaw importazzjonijiet ta’ moduli u ċelloli solari matul il-perjodu taħt skrutinju.

(16)

L-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(17)

Dan in-numru jinkludi l-ammonti indikati taħt il-punti 3.3, 3.4 u 5.2 ta’ dan ir-rapport.

(18)

 Iċ-ċifri li ġejjin jinkludu wkoll rapporti li finalment ġew ivvalutati, u li kienu ġew ikkomunikati qabel l-2016.

(19)

 Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 fil-31 ta’ Diċembru 2020 

(20)

 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2018/195 tat-8 ta’ Frar 2018 li tistabbilixxi formoli għar-rapportar dwar frodi u irregolaritajiet li jaffettwaw l-intitolamenti għar-riżorsi proprji tradizzjonali u dwar spezzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014, ĠU L 36, 9.2.2018, p.33. 

(21)

 Dan jinkludi każijiet irrappurtati mir-Renju Unit. Ir-Renju Unit ħareġ mill-UE fl-31 ta’ Jannar 2020 u ma għadux membru tal-UE. Madankollu, ir-Renju Unit irid jirrapporta każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet kif miftiehem fl-Artikolu 136(2)(c) u (f) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ bejn ir-Renju Unit u l-UE. Dan l-obbligu ta’ rapportar idum sal-20 ta’ Frar 2026 kif stabbilit fl-Artikoli 50 u 136(3)(f) ta’ dak il-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(22)

. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ riżorsi proprji għall-Baġit tal-UE COM/2021/566 final tat-22 ta’ Diċembru 2021