European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/875

14.5.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/875

tat-13 ta’ Mejju 2025

li tiddetermina d-data li fiha jibdew l-operazzjonijiet tas-Servizz ta’ Tqabbil Bijometriku kondiviż skont ir-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 72(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/817, flimkien mar-Regolament (UE) 2019/818, jistabbilixxi qafas biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-fruntieri, il-viża, il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni.

(2)

Dak il-qafas jinkludi għadd ta’ komponenti tal-interoperabbiltà, inkluż is-Servizz ta’ Tqabbil Bijometriku kondiviż. Is-servizz ta’ Tqabbil Bijometriku kondiviż jaħżen mudelli bijometriċi, miksuba mid-data bijometrika maħżuna fir-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità u s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Dan il-komponent jippermetti li jsiru tfittxijiet f’diversi sistemi ta’ informazzjoni tal-UE billi tiġi ppreżentata data bijometrika.

(3)

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818, il-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) lestew l-arranġamenti legali u tekniċi meħtieġa biex jimplimentaw ir-regoli l-ġodda biex jippermettu l-ħażna ta’ mudelli bijometriċi u t-tiftix fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas tal-Interoperabbiltà.

(4)

F’konformità mar-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818, il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-data li fiha jibdew l-operazzjonijiet tas-Servizz ta’ Tqabbil Bijometriku kondiviż, wara verifika tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 72(2) tar-Regolament (UE) 2019/817 u fl-Artikolu 68(2) tar-Regolament (UE) 2019/818. Skont l-Artikolu 72(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 68(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/818, dik id-data għandha tiġi stabbilita li tkun fi żmien 30 jum mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(5)

Il-Kummissjoni vverifikat li l-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa għat-tħaddim tas-Servizz ta’ Tqabbil Bijometriku kondiviż ġew adottati (3); li l-eu-LISA ddikjarat it-tlestija b’suċċess ta’ test komprensiv tas-Servizz ta’ Tqabbil Bijometriku kondiviż, li twettaq f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri; li l-eu-LISA nnotifikat li hija vvalidat l-arranġamenti tekniċi u legali għall-ġbir u t-trażmissjoni tad-data bijometrika rilevanti; li l-eu-LISA ddikjarat it-tlestija b’suċċess ta’ test komprensiv tal-mekkaniżmi u l-proċeduri awtomatizzati għall-kontroll tal-kwalità tad-data, l-indikaturi komuni tal-kwalità tad-data u l-istandards minimi tal-kwalità tad-data rilevanti għas-Servizz ta’ Tqabbil Bijometriku kondiviż, li hija wettqet f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Id-dikjarazzjonijiet mill-eu-LISA ġew ippreżentati lill-Kummissjoni sad-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(6)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi ddeterminata d-data li fiha jibdew l-operazzjonijiet tas-Servizz ta’ Tqabbil Bijometriku kondiviż.

(7)

Minħabba li l-Kummissjoni għandha tiddetermina data futura li fiha jibdew l-operazzjonijiet tas-Servizz ta’ Tqabbil Bijometriku kondiviż, ma hemmx bżonn ta’ xi perjodu ta’ żmien intermedju bejn id-data tal-pubblikazzjoni u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha.

(8)

Peress li r-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 jibnu fuq l-acquis ta’ Schengen, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk hija marbuta b’din id-Deċiżjoni.

(9)

Din id-Deċiżjoni ma tikkostitwixxix żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li qed tieħu sehem fihom l-Irlanda, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4). Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(11)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (7) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(12)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (9) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(13)

Fir-rigward ta’ Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-operazzjonijiet tas-Servizz ta’ Tqabbil Bijometriku kondiviż skont ir-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 għandhom jibdew fid-19 ta’ Mejju 2025.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/817/oj.

(2)   ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/818/oj.

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26.8.2021 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tal-prestazzjoni u l-arranġamenti prattiċi għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-servizz kondiviż ta’ tqabbil bijometriku skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (UE) 2019/817 (C(2021) 6159); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26.8.2021 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tal-prestazzjoni u l-arranġamenti prattiċi għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-servizz kondiviż ta’ tqabbil bijometriku skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (UE) 2019/818 (C(2021) 6169); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-16.9.2021 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tal-proċedura ta’ kooperazzjoni fir-rigward ta’ inċidenti ta’ sigurtà li għandhom jew li jista’ jkollhom impatt fuq l-operat tal-komponenti tal-interoperabbiltà jew fuq id-disponibbiltà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data, skont l-Artikolu 43(5) tar-Regolament (UE) 2019/817 (C(2021) 6663); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-16.9.2021 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tal-proċedura ta’ kooperazzjoni fir-rigward ta’ inċidenti ta’ sigurtà li għandhom jew li jista’ jkollhom impatt fuq it-tħaddim tal-komponenti tal-interoperabbiltà jew fuq id-disponibbiltà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data, skont l-Artikolu 43(5) tar-Regolament (UE) 2019/818 (C(2021) 6664).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).

(5)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/439(1)/oj.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/437/oj).

(7)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/178(1)/oj.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/146/oj).

(9)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/350/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/875/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)