SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

30 ta’ Jannar 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Enerġija – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Artikolu 3(1) – Obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-impriżi ta’ gass naturali – Protezzjoni tal-konsumaturi – Artikoli 40 u 41 – Kompetenzi tal-awtorità regolatorja – Ksur, minn impriża ta’ gass naturali, tal-obbligu tagħha ta’ trasparenza fil-konfront tal-klijenti – Kumulu ta’ sanzjonijiet għall-istess aġir li jikkostitwixxi ksur – Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat – Ne bis in idem – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fundamentali – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑205/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Engie România SA

vs

Autoritatea Naţională de Reglementare în Domeniul Energiei,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Jääskinen, M. Gavalec u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: R. Şereş, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ April 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Engie România SA, minn L. Chiurtu, N.-V. Dinu, R. Iancu, I. Katona u A. Radu, avocați,

–

għall-Autoritatea Naţională de Reglementare în Domeniul Energiei, minn G.-S. Niculescu, A.-M. Riling, C. Vernea u A. Zorzoană, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Rumen, minn R. Antonie, E. Gane, R. I. Haţieganu u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits u C. Kokkosi, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, L. Nicolae u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94), moqri fid-dawl tal-Artikoli 50 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Engie România SA (iktar ’il quddiem “Engie”), impriża tal-gass naturali, u l-Autoritatea Națională de Reglementare în Domeniul Energiei (l-Awtorità Nazzjonali li Tirregola l-Enerġija, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“ANRE”), dwar proċess verbal, imfassal minn din tal-aħħar, li jikkonstata u jissanzjona ksur amministrattiv imputat lil Engie.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑Karta

3

L-Artikolu 50 tal-Karta, intitolat “Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”, jipprovdi:

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni [Ewropea] b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

4

L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

Id‑Direttiva 2009/73

5

Il-premessa 48 tad-Direttiva 2009/73 tipprovdi:

“L-interessi tal-konsumatur għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ din id-Direttiva u l-kwalità tas-servizz għandha tkun responsabilità ċentrali tal-impriżi tal-gass naturali. Id-drittijiet eżistenti tal-konsumaturi jeħtieġ li jiġu msaħħa u jiġu garantiti, u għandhom jinkludu trasparenza akbar. Il-ħarsien tal-konsumatur għandu jiżgura li l-klijenti kollha fil-kuntest tal-Komunità aktar wiesa’ jibbenefikaw minn suq kompetittiv. Id-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu infurzati mill-Istati Membri, jew fejn Stat Membru hekk jistipula, mill-awtoritajiet regolatorji.”

6

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

25.

‘klijent tad-dar’ tfisser klijent li jixtri l-gass naturali għall-konsum tiegħu fid-dar;

[…]

27.

‘klijent finali’ tfisser klijent li jixtri l-gass naturali għall-konsum tiegħu;

[…]”

7

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jaċċertaw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont meħud tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, impriżi tal-gass naturali jigu operati konformement mal-principji ta’ din id-Direttiva bi skop li jinkiseb suq tal-gass naturali li jkun kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli, u m’għandhomx jiddiskriminaw bejn dawn l-impriżi rigward id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

2.   Tenut kont sħiħ tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-[Artikolu 106 TFUE] tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku, li jistgħu jirrelataw għas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-fornitura, regolarità, kwalità u prezz tal-provvisti, u l-protezzjoni tal-ambjent, li jinkludi l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u protezzjoni tal-klima. […]

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi adegwati biex iħarsu l-klijenti finali, u għandhom, b’mod partikolari, jaċċertaw illi hemm salvagwardji adegwati għall-protezzjoni tal-klijenti vulnerabbli. […] Għandhom jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari rigward trasparenza rigward it-termini u l-kondizzjonijiet tal-appalti, informazzjoni ġenerali u mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni ta’ disputi. […] Rigward klijenti tad-dar, dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness I.

[…]”

8

L-Artikolu 40 tal-istess direttiva, bit-titolu “Objettivi ġenerali tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprovdi:

“Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 41, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali relevanti oħra, inklużi l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom:

[…]

g)

li jiżguraw li l-klijenti jibbenefikaw permezz tal-funzjonament effiċjenti tas-suq nazzjonali tagħhom, u li tiġi promossa kompetizzjoni effettiva kif ukoll li jgħinu biex tkun żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur;

[…]”

9

L-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtorità regolatorja”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

[…]

i)

jissorveljaw il-livell ta’ trasparenza, inklużi l-prezzijiet bl-ingrossa, u jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza min-naħa tal-impriżi tal-gass naturali;

[…]

o)

jgħin biex jiġi żgurat, flimkien ma’ awtoritajiet rilevanti oħra, li l-miżuri tal-protezzjoni tal-konsumatur, inklużi dawk stabbiliti fl-Anness I, huma effettivi u infurzati;

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħatawlhom is-setgħat li jippermettulhom iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 6 b’mod effiċjenti u mingħajr dewmien. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom għall-anqas dawn is-setgħat:

a)

li jimponu deċiżjonijiet obbligatorji fuq l-impriżi tal-gass naturali;

b)

li jwettqu investigazzjonijiet fil-funzjonament tas-swieq tal-gass, u li jiddeċiedu u jimponu kwalunkwe miżura neċessarja u proporzjonata għall-promozzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq. […];

[…]

d)

li jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi tal-gass naturali li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva jew kwalunkwe deċiżjoni relevanti legalment obbligatorja tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-Aġenzija, jew li jipproponu lil qorti kompetenti li timponi dawn is-sanzjonijiet. […];

[…]”

10

L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri dwar il-protezzjoni tal-konsumatur”, jistabbilixxi, fil-punt 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur […], il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jiżguraw li l-klijenti:

[…]

c)

jirċievu informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli u dwar it-termini u l-kondizzjonijiet standard, fir-rigward tal-aċċess għal u l-użu tas-servizzi tal-gass;

[…]”

Id‑dritt Rumen

Il‑Liġi Nru 363/2007

11

Il-Legea nr. 363/2007 privind combaterea practicilor incorecte ale comercianților în relația cu consumatorii și armonizarea reglementărilor cu legislația europeană privind protecția consumatorilor (il-Liġi Nru 363/2007 dwar il-Ġlieda Kontra l-Prattiki Żleali tan-Negozjanti fir-rigward tal-Konsumaturi u l-Armonizzazzjoni tal-Leġiżlazzjoni mal-Leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi), tal‑21 ta’ Diċembru 2007 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 899, tat‑28 ta’ Diċembru 2007) tittrasponi fid-dritt Rumen id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).

Il‑Liġi Nru 123/2012

12

Skont l-Artikolu 143(1)(k) tal-Legea energiei electrice și a gazelor naturale nr. 123/2012 (il-Liġi Nru 123/2012 dwar l-Elettriku u l-Gass Naturali), tal‑10 ta’ Lulju 2012 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 485, tas‑16 ta’ Lulju 2012), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali:

“Il-fornitur tal-gass naturali għandu, b’mod partikolari, l-obbligi li ġejjin:

[…]

k)

jibgħat lill-klijenti finali informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet/tariffi mitluba, skont il-każ, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet ġenerali għall-aċċess għas-servizzi li huwa joffri u għall-użu ta’ dawn is-servizzi.”

13

Il-punt 24bis tal-Artikolu 194 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Jikkostitwixxu ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet fis-settur tal-gass naturali l-fatti li ġejjin: […] in-nuqqas ta’ osservanza mill-parteċipanti fis-suq tal-gass naturali tal-obbligi li huma għandhom skont l-Artikolu 143(1), l-Artikolu 144bis u l-Artikolu 145(4)(g).”

14

Skont il-punt 2(c) tal-Artikolu 195(1) tal-imsemmija liġi, dan il-ksur huwa punibbli b’multa li tibda minn 20000 u titla’ sa 400000 lei rumeni (RON) (madwar EUR 4000 sa madwar EUR 80000).

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

Fl‑14 ta’ Settembru 2021, permezz ta’ proċess verbal ta’ konstatazzjoni u ta’ sanzjoni ta’ ksur amministrattiv, l-Autoritatea Națională pentru Protecția Consumatorilor (l-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“ANPC”) imputat lil Engie prattiki kummerċjali qarrieqa u aggressivi fl-eżerċizzju tal-attività ekonomika tagħha, abbażi tal-Liġi Nru 363/2007. Permezz tiegħu, hija kkonstatat li Engie kienet qarrqet bil-konsumaturi billi nnotifikathom unilateralment b’tibdil fil-prezz iffissat fl-offerta inizjali wara terminu ta’ tliet xhur, minkejja li dan il-prezz kien validu għal perijodu ta’ tnax-il xahar.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, din l-awtorità ordnat lil Engie twaqqaf dawn il-prattiki, tissospendi l-attività tagħha sal-waqfien tagħhom u ma tbiddilx il-prezz tal-gass naturali pprovdut lill-klijenti residenzjali.

17

Fil‑11 ta’ Ottubru 2021, l-ANRE fasslet proċess verbal ta’ konstatazzjoni u ta’ sanzjoni ta’ ksur amministrattiv (iktar ’il quddiem il-“proċess verbal tal-ANRE”). Fih hija kkonstatat li Engie kienet, bħala fornitur awtorizzat ta’ gass naturali, kisret b’mod partikolari l-obbligu tagħha ta’ trasparenza, stabbilit fl-Artikolu 143(1)(k) tal-Liġi Nru 123/2012, li jittrasponi fid-dritt Rumen id-Direttiva 2009/73, u imponitilha sensiela ta’ multi amministrattivi fl-ammont totali ta’ RON 800000 (madwar EUR 160000). Din l-awtorità qieset li Engie kienet, minn naħa, wettqet irregolaritajiet fir-rigward tal-kontenut ta’ ċerti offerti ta’ gass naturali u, min-naħa l-oħra, ma kinitx uriet b’mod suffiċjenti d-dritt li hija kienet irriżervat li sussegwentement tibdel il-prezz tal-provvista ta’ gass naturali li jinsab fil-kuntratti konklużi mal-klijenti tagħha.

18

Għalhekk, l-ANRE ordnat lil Engie tikkomunika lit-tnax-il klijent finali identifikati fil-proċess verbal tal-ANRE biż-żamma tal-prezz fiss tal-gass naturali li hija kienet intrabtet bih fl-offerta preliminari tal-kuntratt u tannulla l-addenda mibgħuta lil dawn il-klijenti. Barra minn hekk, hija ordnat lil Engie tidentifika l-klijenti finali kollha li aċċettaw offerti standard bi prezz fiss validu għall-perijodu previst f’dawn l-offerti u li lilhom intbagħtu sussegwentement komunikazzjonijiet u addenda li jżidu l-prezz tal-gass naturali pprovdut qabel tmiem dan il-perijodu, tikkomunika lil dawn il-klijenti ż-żamma tal-prezz fiss tal-gass, konformement mal-imsemmija offerti, u tannulla dawn l-addenda.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Engie ppreżentat rikors quddiem il-Judecătoria Sectorului 4 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tar-Raba’ Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija) kontra l-proċess verbal tal-ANRE. Dan ir-rikors ġie miċħud, bħala infondat, permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2022.

20

Engie appellat minn din is-sentenza quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest), li hija l-qorti tar-rinviju.

21

Din il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-ANRE tistax teżiġi minn impriża tal-gass naturali, li fil-konfront tagħha hija tallega ksur tal-obbligu tagħha ta’ trasparenza fir-rigward tal-konsumaturi, li hija tapplika prezz differenti mill-prezz tas-suq iddeterminat abbażi tal-prinċipju ta’ ffissar tal-prezz b’mod liberu li, skont l-imsemmija qorti, jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73.

22

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li kemm l-ANRE kif ukoll l-ANPC ikkonstataw l-istess fatt, fejn l-ewwel awtorità kklassifikatu bħala “ksur tal-obbligu ta’ trasparenza” stabbilit fl-Artikolu 143(1)(k) tal-Liġi Nru 123/2012, filwaqt li t-tieni waħda, bħala “prattika kummerċjali qarrieqa u aggressiva fil-konfront tal-konsumaturi”, fis-sens tal-Liġi Nru 363/2007. Min-naħa l-oħra, hija tikkonstata li kemm l-ANRE kif ukoll l-ANPC imponew fuq Engie, permezz ta’ atti distinti, l-istess obbligu ta’ kumpens, jiġifieri dak li tmur lura għall-prezz iffissat mill-offerta “standard f’April 2021”, li kien nettament inqas mill-prezz tax-xiri tal-gass naturali fis-suq liberu.

23

Din il-qorti titlob għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 50 u l-Artikolu 52(1) u (3) tal-Karta fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Liġi Nru 363/2007 u tal-Liġi Nru 123/2012, sabiex tiċċara l-applikabbiltà ta’ dan l-Artikolu 50 “f’każ ta’ piena doppja għall-istess fatti fuq bażijiet legali differenti”.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Allegat ksur tal-obbligu ta’ trasparenza li jaqa’ fuq il-fornituri tal-gass naturali fir-relazzjoni tagħhom mal-konsumaturi domestiċi u li huwa traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ksur li huwa meqjus bħala reat amministrattiv f’din il-leġiżlazzjoni, jista’ jwassal ukoll lill-awtorità nazzjonali kompetenti tobbliga lil fornitur ta’ gass naturali japplika fir-relazzjoni tiegħu mal-konsumaturi prezz, impost permezz ta’ mezzi amministrattivi, li ma jieħux inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ffissar tal-prezz b’mod liberu fis-suq tal-gass naturali, prinċipju li huwa stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 2009/73]?

2)

L-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq fornitur tal-gass naturali kemm mill-awtorità tal-protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll mill-awtorità regolatorja tal-enerġija, permezz tal-ħruġ ta’ żewġ rapporti distinti ta’ reati li jimponu l-istess miżuri fuq il-fornitur (duplikazzjoni ta’ atti amministrattivi li jimponu miżuri), tista’ titqies bħala restrizzjoni ġġustifikata tal-prinċipju [dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat], fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [50] tal-[Karta], jew jikser dan [id-dritt]?

Tali kumulu ta’ atti minn awtoritajiet differenti li jimponu l-istess miżuri, ibbażati fuq fatti identiċi, josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità?”

Fuq it‑talba għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura

25

Wara l-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil‑11 ta’ Lulju 2024, Engie talbet, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Awwissu 2024, il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jitressqu argumenti legali addizzjonali li, fil-fehma tagħha, jista’ jkollhom influwenza deċiżiva fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, u b’hekk irendu neċessarju li jiġu ċċarati l-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fil-ġurisprudenza relatata ma’ din id-dispożizzjoni.

26

Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

27

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li Engie ma ssemmi ebda fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti f’din il-kawża. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi u li l-imsemmija kawża ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

Fuq l‑ammissibbiltà

29

L-ANRE u l-Gvern Rumen jinvokaw l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda, minħabba li din hija bbażata fuq evalwazzjonijiet fattwali li ma jikkorrispondux għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-proċess verbal tal-ANRE la jimponi prezz speċifiku ta’ provvista ta’ gass naturali lill-klijenti ta’ Engie, u lanqas ma jissanzjonawha minħabba l-prezz applikat. Huwa sempliċement jordnalha tistabbilixxi mill-ġdid il-prezz tal-provvista tal-gass applikat qabel il-ksur allegat tal-obbligu ta’ trasparenza fir-rigward tal-klijenti tagħha.

30

Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija biss awtorizzata tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-informazzjoni utli għas-soluzzjoni tal-kawża li tkun tressqet quddiemha. Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tqiegħed f’dubju l-evalwazzjonijiet fattwali li fuqhom it-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes, C‑291/16, EU:C:2017:990, punti 21 u 22).

31

Barra minn hekk, id-domandi preliminari li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73 li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba għandhom relazzjoni diretta mal-kawża prinċipali, li tikkonċerna miżuri imposti minn awtorità regolatorja nazzjonali fuq impriża tal-gass naturali, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt Rumen. Barra minn hekk, din it-talba tinkludi biżżejjed elementi sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-portata ta’ dawn id-domandi u tkun tista’ tingħata risposta utli għalihom.

33

Minn dan isegwi li din id-domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2009/73 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità regolatorja nazzjonali għall-enerġija, meta tikkonstata li fornitur ta’ gass naturali naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ trasparenza tiegħu fir-rigward tal-klijenti tiegħu, fl-okkażjoni tal-modifika tal-prezz tal-provvista ta’ dan il-prodott, timponi fuq dan il-fornitur l-obbligu li jżomm il-prezz iffissat fil-kuntratti inizjalment konklużi ma’ dawn il-klijenti.

35

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73 jipprovdi li l-Istati Membri, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-gass naturali jiġu operati konformement mal-prinċipji ta’ din id-direttiva, bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-gass naturali, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw fir-rigward tad-drittijiet jew tal-obbligi ta’ dawn l-impriżi.

36

Minkejja li ma jirriżulta espressament minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/73 li l-prezz ta’ provvista tal-gass naturali għandu jiġi ffissat esklużivament permezz tal-offerta u tat-talba, dan ir-rekwiżit jitnissel mill-għan innifsu u mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva li għandha l-għan li twettaq suq intern tal-gass naturali kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv fejn il-konsumaturi kollha jistgħu jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u fejn il-fornituri kollha jistgħu jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

L-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jippermetti madankollu lill-Istati Membri jimponu fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass “obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku” li jistgħu b’mod partikolari jirrigwardaw il-“prezz tal-provvisti”. Tali miżuri għandhom jiġu adottati fl-interess ekonomiku ġenerali u għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorju, verifikabbli, sabiex jiġi żgurat li l-impriżi tal-gass tal-Unjoni jkollhom aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali, filwaqt li jittieħed “kont sħiħ” tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE u b’mod partikolari tal-Artikolu 106 ta’ dan it-Trattat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 21 u 22).

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/73 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu lill-klijenti finali, fis-sens tal-punt 27 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-trasparenza tat-termini u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratti kif ukoll l-informazzjoni ġenerali. F’dak li jirrigwarda, tal-inqas, il-klijenti residenzjali, fis-sens tal-punt 25 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk previsti fl-Anness I tal-istess direttiva.

39

Skont il-punt 1(c) ta’ dan l-anness, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/73 għandhom jiggarantixxu li l-klijenti jirċievu informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikati, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għas-servizzi tal-gass u l-użu ta’ dawn is-servizzi, sabiex ikunu jistgħu, konformement mal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari, jeżerċitaw id-dritt li jirtiraw mill-kuntratt jew li jikkontestaw il-bidla fil-prezz tal-provvista (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Stadtwerke Neuwied, C‑765/18, EU:C:2020:270, punt 29).

40

Għal dan l-għan, konformement mal-Artikolu 41(1)(i) u (o) tad-Direttiva 2009/73 l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha l-kompitu li tiżgura l-osservanza tal-obbligi ta’ trasparenza mill-impriżi tal-gass naturali u tikkontribwixxi sabiex tiggarantixxi, b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, l-effiċjenza u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inkluż dawk stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

41

Barra minn hekk, mill-Artikolu 40(g) tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li l-awtorità regolatorja nazzjonali hija obbligata tieħu, fil-kuntest tal-kompiti u tal-kompetenzi tagħha ddefiniti fl-Artikolu 41 ta’ din id-direttiva, il-miżuri kollha raġonevoli sabiex tiżgura li l-klijenti jibbenefikaw mill-funzjonament effikaċi tas-swieq nazzjonali u sabiex tikkontribwixxi sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi, li l-interessi tagħhom huma fil-qalba tal-imsemmija direttiva, kif tipprovdi l-premessa 48 tagħha.

42

Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 41(4) tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu jistgħu jieħdu, b’mod partikolari, deċiżjonijiet vinkolanti fir-rigward tal-impriżi tal-gass naturali (punt (a)), iwettqu investigazzjonijiet dwar il-funzjonament tas-swieq tal-gass, jadottaw u jimponu l-miżuri proporzjonati u neċessarji sabiex jippromwovu kompetizzjoni effettiva u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq (punt (b)), kif ukoll jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi tal-gass naturali li ma josservawx l-obbligi tagħhom taħt din id-direttiva (punt (d)).

43

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ANRE kkonstatat ksur, minn Engie, tal-obbligu ta’ trasparenza tagħha, imsemmi fl-Artikolu 143(1)(k) tal-Liġi Nru 123/2012, minħabba li din il-kumpannija ma kinitx informat b’mod suffiċjenti lill-klijenti tagħha bis-setgħa li hija kienet qiegħda tirriżerva li tbiddel il-prezz tal-provvista ta’ gass naturali li tinsab fil-kuntratti konklużi magħhom, abbażi ta’ “offerta standard”, matul il-perijodu inizjali ta’ tnax-il xahar. Konsegwentement, l-ANRE, minn naħa, imponiet multa fuq Engie u, min-naħa l-oħra, obbligatha, bħala miżura korrettiva, terġa’ lura għall-prezz iffissat fix-xahar ta’ April 2021 fil-kuntest tal-kuntratt inizjali.

44

Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali miżuri, li l-għażla tagħhom taqa’, kif jirriżulta mill-punti 35 u 42 ta’ din is-sentenza, taħt il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri, jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, konformement mal-Artikoli 40 u 41 tad-Direttiva 2009/73, intiżi li jiggarantixxu t-trasparenza tat-termini u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratti konklużi mal-konsumaturi. Għaldaqstant, dawn il-miżuri huma intiżi li jiżguraw l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

45

Barra minn hekk, il-miżura dwar l-istabbiliment mill-ġdid tal-prezz iffissat fil-kuntratt inizjali ta’ provvista ma hijiex ta’ natura li tikser ir-rekwiżit, imfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li l-prezz tal-provvista ta’ gass naturali jiġi ffissat permezz tal-offerta u tad-domanda. Fil-fatt, permezz ta’ din il-miżura, l-awtorità regolatorja nazzjonali ma użatx il-prerogattivi tagħha sabiex tiffissa prezz fil-kuntratti tal-provvista tal-gass, iżda hija ġiegħlet lill-fornitur jistabbilixxi mill-ġdid, f’dawn il-kuntratti, prezz li kien ġie miftiehem, bi ftehim komuni, bejn il-fornitur u l-klijent ikkonċernat.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2009/73 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li awtorità regolatorja nazzjonali għall-enerġija, meta tikkonstata li fornitur ta’ gass naturali naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ trasparenza tiegħu fir-rigward tal-klijenti tiegħu, fl-okkażjoni tal-modifika tal-prezz tal-provvista ta’ dan il-prodott, timponi fuq dan il-fornitur l-obbligu li jżomm il-prezz iffissat fil-kuntratti inizjalment konklużi ma’ dawn il-klijenti.

Fuq it‑tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li fornitur ta’ gass naturali jiġi impost, abbażi ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti li jittrasponu, rispettivament, id-Direttiva 2009/73 u d-Direttiva 2005/29, żewġ sanzjonijiet għal fatti identiċi.

48

Skont l-Artikolu 50 tal-Karta “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”. Dan id-dritt fundamentali, espressjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 25, u tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 50 tal-Karta ma huwiex limitat biss għall-azzjonijiet u s-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali iżda jestendi – indipendentement minn tali klassifikazzjoni fid-dritt nazzjonali – għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li huma ta’ natura kriminali minħabba n-natura stess tal-ksur jew il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li tista’ tiġi imposta fuq il-persuna kkonċernata (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punti 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-grad ta’ severità għandu jiġi evalwat skont il-piena massima prevista mid-dispożizzjonijiet rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft (C‑27/22, EU:C:2023:663, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Il-kriterju dwar in-natura stess tal-ksur jimplika li jkollu jiġi vverifikat li s-sanzjoni inkwistjoni jkollha, b’mod partikolari, għan punittiv, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li hija jkollha wkoll għan preventiv. Fil-fatt, huwa fin-natura stess tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ifittxu kemm ir-repressjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-aġir illegali. Għall-kuntrarju, miżuri li sempliċement jikkumpensaw id-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma humiex ta’ natura kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft (C‑27/22, EU:C:2023:663, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan il-każ, fost il-miżuri msemmija fil-punti 16 u 43 ta’ din is-sentenza, jidher, minn naħa, li l-miżura korrettiva li timponi lill-fornitur jerġa’ lura għall-prezz iffissat fix-xahar ta’ April 2021 fil-kuntest tal-kuntratt inizjali tikkostitwixxi miżura li a priori hija limitata sabiex tikkumpensa d-dannu kkawżat mill-ksur inkwistjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

52

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq Engie mill-ANPC u mill-ANRE, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-punt 24bis tal-Artikolu 194 u mill-punt 2(c) tal-Artikolu 195(1) tal-Liġi Nru 123/2012, ksur tal-obbligu ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 143(1)(k) ta’ din il-liġi huwa punibbli b’multa ta’ bejn RON 20000 u RON 400000. Fuq din il-bażi u fid-dawl tad-diversi ksur amministrattiv li bih ġiet ikkritikata Engie, l-ANRE kkundannatha għal multa fl-ammont totali ta’ RON 800000 (madwar EUR 160000). Barra minn hekk, il-Gvern Rumen u Engie ppreċiżaw, fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom, li l-ANPC ikkundannat lil Engie għal multa fl-ammont ta’ RON 150000 (madwar EUR 30000).

53

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-elementi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha kif ukoll tal-ammonti massimi previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti applikati għal Engie mill-ANPC u mill-ANRE, dawn is-sanzjonijiet humiex suffiċjentement severi sabiex jiġu kklassifikati bħala “sanzjonijiet ta’ natura kriminali”.

54

Fit-tieni lok, l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess fatti jkunu msemmija mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”) (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 28).

55

Fir-rigward tal-kundizzjoni “bis”, sabiex deċiżjoni ġudizzjarja tkun tista’ titqies bħala li tkun tat deċiżjoni b’mod definittiv dwar il-fatti sottomessi għal tieni proċedura, huwa neċessarju mhux biss li din id-deċiżjoni tkun saret definittiva, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, iżda wkoll li din tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta tali deċiżjoni teżisti, l-Artikolu 50 tal-Karta jeskludi li prosekuzzjoni kriminali għall-istess fatti tista’ tinbeda jew tinżamm fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft (C‑27/22, EU:C:2023:663, punt 59).

56

F’dan il-każ, il-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jinkludi elementi li jindikaw li s-sanzjoni imposta fuq Engie mill-ANPC ġiet ikkontestata quddiem il-qrati Rumeni u annullata definittivament minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din l-awtorità. Jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonferma dawn l-elementi, il-kundizzjoni “bis”, eżaminata fil-punt preċedenti, ma kinitx tkun issodisfatta.

57

Għall-kuntrarju, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li l-kundizzjoni “bis” kienet issodisfatta f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, li mill-kliem stess tal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li dan jipprojbixxi li jitressqu proċeduri kriminali kontra jew li tiġi ssanzjonata kriminalment l-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat. Il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess reat huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tinħeles jew tiġi kkundannata b’mod definittiv. Il-klassifikazzjoni ġuridika, fid-dritt nazzjonali, tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess ksur, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 31, 33 u 34).

58

Filwaqt li l-kundizzjoni “idem” teħtieġ li l-fatti materjali jkunu identiċi, l-Artikolu 50 tal-Karta ma huwiex intiż sabiex japplika meta l-fatti inkwistjoni jkunu biss simili. Fil-fatt, l-identiċità tal-fatti materjali tinftiehem bħala ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti li jirriżultaw minn avvenimenti li huma, essenzjalment, l-istess, sakemm jinvolvu l-istess awtur u jkunu marbuta b’mod inseparabbli bejniethom fiż-żmien u fl-ispazju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 36 u 37).

59

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li, wara l-proċeduri amministrattivi rispettivi, kemm l-ANRE kif ukoll l-ANPC ikkonstataw l-istess fatti, fejn li l-ewwel awtorità kklassifikathom bħala “ksur tal-obbligu ta’ trasparenza” stabbilit fl-Artikolu 143(1)(k) tal-Liġi Nru 123/2012, filwaqt li t-tieni waħda kklassifikathom bħala “prattika kummerċjali qarrieqa u aggressiva fil-konfront tal-konsumaturi”, fis-sens tal-Liġi Nru 363/2007.

60

Fit-tielet lok, limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali li wieħed ma jiġix ipproċessat jew ikkundannat darbtejn għall-istess reat, iggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta u, għaldaqstant, kumulu ta’ proċeduri jew ta’ sanzjonijiet kriminali jistgħu jkunu ġġustifikati abbażi tal-Artikolu 52(1) tagħha. Skont l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Skont it-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu biss jiġu stabbiliti limitazzjonijiet tal-imsemmija drittijiet u libertajiet jekk dawn ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

61

Fir-rigward, l-ewwel, tal-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta, dan il-kontenut huwa bħala prinċipju osservat meta d-dritt nazzjonali sempliċement jipprevedi l-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet skont leġiżlazzjonijiet differenti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 43). Dan huwa l-każ hawnhekk, peress li s-sanzjonijiet imposti fuq Engie ġew adottati abbażi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti li jittrasponu, rispettivament, id-Direttiva 2009/73 u d-Direttiva 2005/29.

62

Fir-rigward, it-tieni, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jeħtieġ li jitfakkar li dan jeżiġi li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li jkun xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija minn din il-leġiżlazzjoni. Għalhekk, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi adottata l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Kumulu ta’ sanzjonijiet jista’ jkun madankollu ġġustifikat meta l-proċeduri mibdija minn żewġ awtoritajiet differenti jkollhom għanijiet komplementari, li għandhom bħala suġġett aspetti differenti tal-istess aġir li jikkostitwixxi ksur. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu leġittimament jagħżlu tweġibiet ġuridiċi komplementari quddiem ċertu aġir dannuż għas-soċjetà permezz ta’ proċeduri differenti li jifformaw koerenza waħda b’mod li l-problema soċjali inkwistjoni tiġi indirizzata taħt l-aspetti differenti tagħha, bil-kundizzjoni li dawn it-tweġibiet ġuridiċi magħqudin ma jkunux jirrappreżentaw piż eċċessiv għall-persuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 49 u 50).

64

Kif tfakkar fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza, il-miżuri dwar it-trasparenza tat-termini u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratti konklużi mal-konsumaturi li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jadottaw, konformement mad-Direttiva 2009/73, huma intiżi li jiżguraw l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Għaldaqstant, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija miżuri jiżguraw it-twettiq ta’ suq intern tal-gass naturali kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv, li fih il-konsumaturi kollha jistgħu b’mod partikolari jagħżlu liberament, permezz ta’ din it-trasparenza, il-fornituri tagħhom.

65

Madankollu, mill-punt 1 tal-Anness I ta’ din id-direttiva jirriżulta li dawn il-miżuri huma bla ħsara għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. Għaldaqstant, huwa leġittimu li Stat Membru jissanzjona l-ksur, minn naħa, tal-leġiżlazzjoni settorjali li għandha bħala għan il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass naturali u, min-naħa l-oħra, fil-konfront tar-regoli applikabbli għall-prattiki kummerċjali żleali, imsemmija fid-Direttiva 2005/29, sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi f’dan is-settur (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 47).

66

Sabiex tiġi ddeterminata n-natura neċessarja ta’ tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, għandu jiġi evalwat jekk ikunux jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll il-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet, jekk iż-żewġ proċeduri jkunux tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat u qrib fiż-żmien u jekk is-sanzjoni imposta, skont il-każ, mal-ewwel proċedura fuq il-livell kronoloġiku tkunx ittieħdet inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni, b’tali mod li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tal-ksur imwettaq (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 51).

67

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex rari li kumpannija attiva fis-suq tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni tal-enerġija jkollha tikkonforma ruħha ma’ diversi leġiżlazzjonijiet settorjali li jfittxu għanijiet differenti jew komplementari u tista’, jekk ikun il-każ, tkun ikkonfrontata b’diversi sanzjonijiet għall-istess aġir, fuq il-bażi ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet settorjali.

68

F’dan il-każ, il-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja fih ħjiel ta’ konnessjoni ta’ żmien fil-qrib bejn iż-żewġ proċeduri amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u d-deċiżjonijiet meħuda fi tmiem dawn il-proċeduri, li waħda minnhom inbdiet fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni settorjali fil-qasam tal-enerġija u, l-oħra nbdiet fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda d-dritt għall-protezzjoni tal-konsumaturi, kif ukoll tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ikkonċernati, ħaġa li għandha tiġi wkoll ivverifikata mill-qorti tar-rinviju.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 50 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li fornitur ta’ gass naturali jiġi impost, abbażi ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti li jittrasponu, rispettivament, id-Direttiva 2009/73 u d-Direttiva 2005/29, żewġ sanzjonijiet li għandhom jiġu kklassifikati bħala “sanzjonijiet ta’ natura kriminali għal fatti identiċi”, bil-kundizzjoni:

–

li jkunu jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll li tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet kompetenti;

–

li ż-żewġ proċeduri jkunu tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat f’intervall ta’ żmien fil-qrib; u

–

li s-sanzjonijiet imposti kollha jkunu jikkorrispondu mal-gravità tal-ksur.

Fuq l‑ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li awtorità regolatorja nazzjonali għall-enerġija, meta tikkonstata li fornitur ta’ gass naturali naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ trasparenza tiegħu fir-rigward tal-klijenti tiegħu, fl-okkażjoni tal-modifika tal-prezz tal-provvista ta’ dan il-prodott, timponi fuq dan il-fornitur l-obbligu li jżomm il-prezz iffissat fil-kuntratti inizjalment konklużi ma’ dawn il-klijenti.

 

2)

L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li fornitur ta’ gass naturali jiġi impost, abbażi ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti li jittrasponu, rispettivament, id-Direttiva 2009/73 u d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), żewġ sanzjonijiet li għandhom jiġu kklassifikati bħala “sanzjonijiet ta’ natura kriminali għal fatti identiċi”, bil-kundizzjoni:

–

li jkunu jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll li tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet kompetenti;

–

li ż-żewġ proċeduri jkunu tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat f’intervall ta’ żmien fil-qrib; u

–

li s-sanzjonijiet imposti kollha jkunu jikkorrispondu mal-gravità tal-ksur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.