|
1.7.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 170/2 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1050
tat-30 ta' Ġunju 2015
li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-26 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran. |
|
(2) |
Fl-24 ta' Novembru 2013, iċ-Ċina, Franza. il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, appoġġati mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, laħqu ftehim mal-Iran dwar Pjan ta' Azzjoni Konġunt li jistabbilixxi approċċ għall-kisba ta' soluzzjoni komprensiva fit-tul għall-kwistjoni nukleari Iranjana. Ġie miftiehem li l-proċess li jwassal għal din is-soluzzjoni komprensiva jinkludi, bħala l-ewwel pass, miżuri inizjali maqbula b'mod reċiproku li għandhom jittieħdu miż-żewġ naħat għal perijodu ta' sitt xhur u rinnovabbli bi qbil komuni. |
|
(3) |
Bħala parti minn dan l-ewwel pass, l-Iran iwettaq għadd ta' miżuri volontarji kif speċifikat fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt. Bħala kumpens għal dan, jitwettqu għadd ta' miżuri volontarji li jinkludu, għall-Unjoni, is-sospensjoni tal-miżuri restrittivi li jirrigwardaw il-projbizzjoni rigward il-forniment ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni u ta' trasport taż-żejt mhux maħdum Iranjan, il-projbizzjoni rigward l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport ta' prodotti petrokimiċi Iranjani u rigward il-forniment ta' servizzi relatati u l-projbizzjoni rigward il-kummerċ fid-deheb u fil-metalli prezzjużi mal-Gvern tal-Iran, il-korpi pubbliċi tiegħu u l-Bank Ċentrali tal-Iran, jew persuni u entitajiet li jaġixxu f'isimhom. Is-sospensjoni ta' dawk il-miżuri restrittivi ikollha durata ta' sitt xhur u matul dan il-perijodu l-kuntratti rilevanti għandhom jiġu eżegwiti. |
|
(4) |
Barra minn hekk, il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt jipprevedi wkoll żieda b'għaxar darbiet tal-limiti ta' awtorizzazzjoni fir-rigward tat-trasferimenti ta' fondi lejn l-Iran u mill-Iran. |
|
(5) |
Fl-20 ta' Jannar 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/21/PESK (2) li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-miżuri restrittivi tal-Unjoni li jinsabu fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt. |
|
(6) |
Fid-19 ta' Lulju 2014, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, ftehmu mal-Iran biex tiġi estiża l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt sal-24 ta' Novembru 2014. |
|
(7) |
Fil-21 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/480/PESK (3) li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK sabiex jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-miżuri restrittivi tal-Unjoni li jinsabu fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt. |
|
(8) |
Fl-24 ta' Novembru 2014, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bl-appoġġ tal-koordinatur u n-negozjatur tal-UE għall-grupp E3/UE+3 fin-negozjati nukleari mal-Iran, qablu mal-Iran sabiex tiġi estiża l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt sat-30 ta' Ġunju 2015. |
|
(9) |
Fil-25 ta' Novembru 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/829/PESK (4) li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK sabiex jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-miżuri restrittivi tal-Unjoni li jinsabu fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt. |
|
(10) |
Fit-2 ta' April 2015, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, laħqu soluzzjonijiet dwar il-parametri ewlenin ta' Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt, li poġġew il-bażi għat-test finali, inklużi d-dettalji tekniċi tiegħu, li għandu jintlaħaq qbil dwaru sat-30 ta' Ġunju 2015. |
|
(11) |
Fit-30 ta' Ġunju 2015, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, ftehmu mal-Iran biex tiġi estiża l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt sas-7 ta' Lulju 2015 sabiex ikun hemm żmien biżżejjed biex jitkomplew in-negozjati bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt. |
|
(12) |
Is-sospensjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni speċifikati fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt għandha għalhekk tiġi estiża sas-7 ta' Lulju 2015. Il-kuntratti rilevanti ikollhom jiġu eżegwiti sa dik id-data. |
|
(13) |
Id-Deċiżjoni 2010/413/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 26a tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 26a
1. Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3a(1) għandha tiġi sospiża sas-7 ta' Lulju 2015 sa fejn din tirrigwarda t-trasport taż-żejt mhux maħdum Iranjan.
2. Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3a(2) għandha tiġi sospiża sas-7 ta' Lulju 2015 sa fejn din tirrigwarda l-forniment ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mal-importazzjoni, ix-xiri, jew it-trasport taż-żejt mhux maħdum Iranjan.
3. Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3b għandha tiġi sospiża sas-7 ta' Lulju 2015.
4. Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 4c għandha tiġi sospiża sas-7 ta' Lulju 2015 sa fejn din tirrigwarda d-deheb u l-metalli prezzjużi.
5. L-Artikolu 10(3)(a), (b) u (c) huwa sostitwit bil-punti li ġejjin sas-7 ta' Lulju 2015:
|
‘(a) |
trasferimenti dovuti għal transazzjonijiet fir-rigward ta' oġġetti tal-ikel, il-kura tas-saħħa, it-tagħmir mediku, jew għal finijiet agrikoli jew umanitarji ta' inqas minn EUR 1 000 000, kif ukoll trasferimenti fir-rigward ta' rimessi personali, ta' inqas minn EUR 400 000, għandhom isiru mingħajr ebda awtorizzazzjoni minn qabel. It-trasferiment għandu jiġi nnotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jekk ikun ta' aktar minn EUR 10 000; |
|
(b) |
trasferimenti dovuti għal transazzjonijiet fir-rigward ta' oġġetti tal-ikel, il-kura tas-saħħa, it-tagħmir mediku, jew għal finijiet agrikoli jew umanitarji ta' aktar minn EUR 1 000 000, kif ukoll trasferimenti fir-rigward ta' rimessi personali, ta' aktar minn EUR 400 000, għandu jkollhom l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija; |
|
(c) |
kwalunkwe trasferiment ieħor ta' aktar minn EUR 100 000 għandu jkollu l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija.’. |
6. L-Artikolu 10(4)(b) u (c) huwa sostitwit bil-punti li ġejjin sas-7 ta' Lulju 2015:
|
‘(b) |
kwalunkwe trasferiment ieħor ta' inqas minn EUR 400 000 għandu jsir mingħajr ebda awtorizzazzjoni minn qabel. It-trasferiment għandu jiġi nnotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jekk ikun ta' aktar minn EUR 10 000; |
|
(c) |
kwalunkwe trasferiment ieħor ta' aktar minn EUR 400 000 għandu jkollu l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-awtorizzazzjoni għandha titqies li tkun mogħtija fi żmien erba' ġimgħat sakemm il-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat ma tkunx oġġezzjonat f'dak il-perijodu ta' żmien. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni miċħuda.’. |
7. Il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 18b għandhom jiġu sospiżi sas-7 ta' Lulju 2015.
8. Il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 20(1)(b) u (c) u fl-Artikolu 20(2) fir-rigward tal-Ministeru taż-Żejt, elenkati fl-Anness II, għandhom jiġu sospiżi sas-7 ta' Lulju 2015, sa fejn ikun neċessarju għall-eżekuzzjoni, sas-7 ta' Lulju 2015, ta' kuntratti għall-importazzjoni jew ix-xiri ta' prodotti petrokimiċi Iranjani.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ġunju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
E. RINKĒVIČS
(1) ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/21/PESK tal-20 ta' Jannar 2014 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 15, 20.1.2014, p. 22).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/480/PESK tal-21 ta' Lulju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 215, 21.7.2014, p. 4).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/829/PESK tal-25 ta' Novembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 338, 25.11.2014, p. 1).