Official Journal L 356 , 30/12/1998 P. 0001 - 0006
Ir-Regolament (KE) Nru 2818/98 tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l-1 ta' Diċembru, 1998 dwar l-applikazzjoni ta' riservi minimi (BĊE/1998/15) IL-KUNSILL REGOLATORJU TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn "il quddiem imsejjaħ l-Istatut"), u partikolarment l-Artikolu 19.1 tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta' Novembru, 1998, dwar l-applikazzjoni ta' riservi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew [1], Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta' Novembru, 1998, dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet [2], Billi l-Artikolu 19.1 ta' l-Istatut jgħid illi, jekk il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jiddeċiedi li istituzzjonijiet ta' kreditu, stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti, ikun jeħtiġilhom li jkollhom riservi minimi, dawn għandhom jinżammu f'kontijiet mal-BĊE u ma' banek ċentrali nazzjonali parteċipanti; billi hu meqjus xieraq li dawn ir-riservi għandhom jinżammu f'kontijiet ma' banek ċentrali nazzjonali parteċipanti; Billi, biex l-istrument ta' riservi minimi jkun effettiv jeħtieġ li jkun hemm ukoll indikazzjonijiet speċifiċi dwar il-kalkulazzjoni u l-manutenzjoni tal-ħtiġijiet ta' riserva u dwar ir-regoli ta' rappurtaġġ u verifika; Billi, biex il-passiv interbankarju jkun eskluż mill-bażi ta' riserva, kull tnaqqis standard li jkun applikat għal passiv, bi skadenza fi żmien sentejn, fil-kategorija ta' titoli ta' debitu u ta' titoli tas-suq monetarju, għandu jkun ibbażat fuq il-proporzjon makro relattiv għaż-żona ta' l-ewro bejn l-istock ta' strumenti rilevanti maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu u miżmuma minn istituzzjonijiet oħra ta' kreditu u mill-BĊE u minn banek ċentrali nazzjonali parteċipanti oħra, min-naħa l-waħda, u, min-naħa l-oħra, l-ammont totali mhux imħallas ta' dawk l-istrumenti maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament: - "Stat Membru parteċipanti" tfisser Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea li jkun adotta l-munita unika skond it-Trattat, - "bank ċentrali nazzjonali parteċipanti" tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru parteċipanti, - "istituzzjoni" tfisser kull entità fi Stat Membru parteċipanti li l-BĊE, skond l-Artikolu 19.1 ta' l-Istatut, jista' jordnalu jżomm riservi minimi, - "kont ta' riserva" tfisser il-kont ta' istituzzjoni ma' bank ċentrali nazzjonali parteċipanti, li l-bilanċ tiegħu ta' tmiem il-jum ikun jgħodd biex jissodisfa l-ħtieġa ta' riserva ta' l-istituzzjoni, - "ħtieġa ta' riserva" tfisser il-ħtieġa li istituzzjonijiet iżommu riservi minimi f'kontijiet ta' riserva ma' banek ċentrali nazzjonali parteċipanti, - "proporzjon ta' riserva" tfisser il-perċentwali speċifikat fl-Artikolu 4 għal kull oġġett partikolari fil-bażi ta' riserva, - "perjodu ta' manutenzjoni" tfisser il-perjodu li matulu titqies il-konformità mal-ħtieġa ta' riserva u li għalih dawn ir-riservi minimi għandhom jinżammu f'kontijiet ta' riserva, - "bilanċ ta' tmiem il-jum" tfisser il-bilanċ fil-mument li fih ikunu finalizzati l-attivitajiet ta' pagamenti u dħul relatati ma' l-eventwali aċċess għall-faċilitajiet eżistenti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), - "jum tan-negozju ta' bank ċentrali nazzjonali" tfisser kull jum li fih kull bank ċentrali nazzjonali parteċipanti partikolari jkun miftuħ biex jagħmel operazzjonijiet tal-politika monetarja ta' l-SEBĊ, - "residenti" tfisser kull persuna naturali jew ġuridika li jkollha r-residenza tagħha fi Stat Membru parteċipanti skond l-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru, 1998, dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew [3], - "miżuri ta' riorganizzazzjoni" tfisser miżuri maħsuba biex jippriservaw jew ireġġgħu lura għal aħjar is-sitwazzjoni finanzjarja ta' istituzzjoni u li jistgħu jaffettwaw id-drittijiet eżistenti ta' terzi, inklużi miżuri li bihom jista' jkun hemm is-sospensjoni ta' pagamenti, miżuri ta' sospensjoni ta' rinfurzar jew riduzzjoni ta' krediti, - "proċeduri ta' stralċ" stralċ' tfisser proċeduri ta' konkors dwar istituzzjoni li neċessarjament jinvolvu intervent mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtorità oħra kompetenti ta' Stat Membru parteċipanti biex ikunu realizzati assi taħt is-superviżjoni ta' dawk l-awtoritajiet, inklużi każi li fihom il-proċedimenti jintemmu b'konkordat jew b'miżura oħra analoga. Artikolu 2 Istituzzjonijiet soġġetti għall-ħtiġijiet ta' riserva 1. Il-kategoriji ta' istituzzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għal ħtiġijiet ta' riserva: (a) istituzzjonijiet ta' kreditu kif imfissra fl-ewwel sub-inċiż ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE [4], minbarra banek ċentrali nazzjonali parteċipanti; (b) fergħat ta' istituzjonijiet ta' kreditu kif imfissra fl-ewwel sub-inċiż ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE, minbarra banek ċentrali nazzjonali parteċipanti; dawn jinkludu fergħat ta' istituzzjonijiet ta' kreditu li l-uffiċċju prinċipali tagħhom mhux reġistrat u lanqas ma jinsab fi Stat Membru parteċipanti. Fergħat ta' istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti u li jkunu jinsabu barra minn Stati Membri parteċipanti ma jkunux soġġetti għal ħtiġijiet ta' riserva. 2. Il-BĊE jista' jeżenta lill-istituzzjonijiet li ġejjin minn ħtiġijiet ta' riserva fuq bażi mhux diskriminatorja: (a) istituzzjonijiet li huma soġġetti għal proċeduri ta' stralċ jew miżuri ta' riorganizzazzjoni; (b) istituzzjonijiet li għalihom l-għan tas-sistema ta' riserva minima ta' l-SEBĊ ma jintlaħaqx bl-imposizzjoni fuqhom ta' ħtiġijiet ta' riserva. Meta tiġi biex tiddeċiedi fuq eżenzjoni bħal din, il-BĊE għandu jqis wieħed jew iktar minn dawn il-kriterji: (i) l-istituzzjoni tkun qed tagħmel funzjonijiet b'għanijiet speċjali; (ii) l-istituzzjoni ma tkunx qed teżerċita funzjonijiet bankarji attivi f'kompetizzjoni ma' istitituzzjonijiet oħra ta' kreditu; (iii) l-istituzzjoni jkollha d-depożiti kollha tagħha mħollija għal għanijiet li għandhom x'jaqsmu ma' għajnuna għal żvilupp reġjonali u/jew internazzjonali. 3. Il-BĊE għandu jippubblika lista ta' istituzzjonijiet soġġetti għal ħtiġijiet ta' riserva. Il-BĊE għandu wkoll jippubblika lista ta' istituzzjonijiet eżenti minn ħtiġijiet ta' riserva tiegħu għal raġunijiet li ma jkollhomx x'jaqsmu ma' miżuri ta' riorganizzazzjoni. Istituzzjonijiet jistgħu joqogħdu fuq dawn il-listi meta jiġu biex jiddeċiedu jekk il-passiv tagħhom ikunx dovut lil istituzzjoni oħra li hija wkoll tkun soġġetta għal ħtiġijiet ta' riserva. Dawn il-listi mhumiex determinanti dwar jekk istituzzjonijiet ikunux soġġetti għal ħtiġijiet ta' riserva skond l-Artikolu 2. Artikolu 3 Bażi tar-riserva 1. Il-bażi ta' riserva ta' istituzzjoni għandha tinkludi l-passiv (kif imfisser fil-qafas ta' rappurtaġġ ta' l-istatistika monetraja u bankarja ta' l-BĊE, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 2819/98 tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l-1 ta' Diċembru, 1998, dwar il-bilanċ konsolidat tas-settur ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/1998/16)) [5] li jirriżulta mill-aċċettazzjoni ta' fondi, jiġifieri: (a) depożiti; (b) titoli ta' debitu maħruġa; (ċ) titoli tas-suq monetarju. 2. ll-passiv li ġej għandu jkun eskluż mill-bażi ta' riserva: passiv li huwa dovut lil kull istituzzjoni oħra li ma tidhirx fil-lista bħala eżenti mis-sistema ta' riserva minima ta' l-SEBĊ skond l-Artikolu 2(3) u l-passiv dovut lill-BĊE jew lil bank ċentrali nazzjonali parteċipanti. Għall-applikzzjoni ta' din id-dispożizzjoni, l-istituzzjoni għandha tkun tista' tagħti prova lill-bank ċentrali nazzjonali parteċipanti rilevanti ta' l-ammont attwali tal-passiv tagħha dovut lil kull istituzzjoni oħra li ma tidhirx fil-lista bħala eżenti mis-sistema ta' riserva minima ta' l-SEBĊ, u tal-passiv tagħha dovut lill-BĊE jew lil bank ċentrali nazzjonali parteċipanti sabiex ikunu esklużi mill-bażi ta' riserva. Jekk din il-prova ma tkunx tista' tinġieb għal titoli ta' debitu maħruġa bi skadenza miftiehma fi żmien sentejn, l-istituzzjoni tista' tapplika tnaqqis standard mill-bażi ta' riserva għall-ammont mhux imħallas tat-titoli ta' debitu tagħha maħruġa bi skadenza miftiehma fi żmien sentejn. Jekk din il-prova ma tkunx tista' tinġieb għal titoli tas-suq monetaju, l-istituzzjoni tista' tapplika tnaqqis standard mill-bażi ta' riserva għall-ammont mhux imħallas tal-passiv tagħha tat-titoli tas-suq monetarju. L-ammont ta' dan it-tnaqqis standard għandu jkun ippubblikat mill-BĊE bl-istess mod bħal pubblikazzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 2(3). 3. Il-bażi ta' riserva dwar perjodu partikolari ta' manutenzjoni għandu jkun ikkalkulat mill-istituzzjoni skond l-aħħar tagħrif maħruġ li għandu jkun rappurtat mill-istituzzjoni lill-bank ċentrali nazzjonali parteċipanti rilevanti qabel il-bidu tal-perjodu ta' manutenzjoni rilevanti kif imfisser fil-qafas ta' rappurtaġġ ta' l-istatistika monetarja u bankarja tal-BĊE, li hija stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 2819/98. Artikolu 4 Proporzjonijiet ta' riserva 1. Proporzjon ta' riserva ta' 0 % għandu japplika għall-kategoriji ta' passiv li ġejjin (kif imfissra fil-qafas ta' rappurtaġġ ta' l-istatistika monetarja u bankarja tal-BĊE, li hija stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 2819/98 (a) depożiti bi skadenza miftiehma ta' iktar minn sentejn; (b) depożiti li jinfdew permezz ta' avviż wara sentejn; (ċ) repos; (d) titoli ta' debitu maħruġa bi skadenza miftiehma ta' iktar minn sentejn. 2. Proporzjon ta' riserva ta' 2,0 % għandu japplika għal passiv ieħor kollu inkluż fil-bażi tar-riserva. Artikolu 5 Kalkulazzjoni tal-ħtiġijiet ta' riserva 1. L-ammont ta' riservi minimi li għandhom jinżammu minn kull istituzzjoni għal perjodu partikolari ta' manutenzjoni għandu jkun ikkalkulat billi jkunu applikati l-proporzjonijiet ta' riserva għal kull oġġett rilevanti tal-bażi ta' riserva għal dak il-perjodu, kif imfisser fl-Artikolu 4. 2. Kull istituzzjoni għandha tingħata żjieda ta' 100000 EUR, li għandha titnaqqas mill-ammont ta' riserva, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11. Artikolu 6 Żamma ta' riserva 1. Istituzzjoni għandha żżomm ir-riservi minimi tagħha f'kont ta' riserva wieħed jew iktar mal-bank ċentrali mazzjonali ta' kull Stat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita skond il-bażi ta' riserva tagħha f'dak l-Istat Membru. Kontijiet ta' riserva għandhom jidhru bħala Euro. Kontijiet ta' ħlas ta' istituzzjonijiet ma' banek ċentrali nazzjonali parteċipanti jistgħu jintużaw bħala kontijiet ta' riserva. 2. Istituzzjoni tkun issodisfat il-ħtieġa ta' riserva tagħha jekk il-bilanċ medju ta' tmiem il-jum fuq il-kontijiet ta' riserva tagħha matul il-perjodu ta' manutenzjoni ma jkunx inqas mill-ammont imfisser skond l-Artikolu 5 għal dak il-perjodu. 3. Jekk istituzzjoni jkollha iktar minn stabbiliment wieħed fi Stat Membru parteċipanti, l-uffiċċju reġistrat jew l-uffiċċju prinċipali, jekk ikun jinsab f'dak l-Istat Membru, għandu jkun responsabbli li jisgura li l-ħtieġa ta' riserva ta' l-istituzzjoni tkun sodisfatta. Jekk l-istituzzjoni ma jkollhiex uffiċċju reġistrat jew uffiċċju prinċipali f'dak l-Istat Membru, hija għandha tgħid liema fergħa f'dak l-Istat Membru hija responsabbli li tisgura li l-ħtieġa ta' riserva ta' l-istituzzjoni tkun sodisfatta. Ir-riservi kollha ta' dawn l-istabbilimenti jgħoddu flimkien biex jissodisfaw il-ħtieġa kollha ta' riserva f'dak l-Istat Membru. Artikolu 7 Perjodu ta' manutenzjoni Il-perjodu ta' manutenzjoni għandu jkun ta' xahar wieħed, li jibda mill-24 jum ta' kull xahar u jintemm fit-23 jum tax-xahar ta' wara. Artikolu 8 Rinumerazzjoni 1. Ir-rimunerazzjoni għaż-żamma ta' riservi meħtieġa tkun skond il-medja, mifruxa fuq il-perjodu ta' manutenzjoni, tar-rata ta' l-SEBĊ (peżata skond l-għadd ta' jiem) għall-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament skond il-formola li ġejja: = · · · 100 360 Fejn: Rt = rimunerazzjoni li għandha titħallas għal żamma ta' riservi meħtieġa għall-perjodu ta' manutenzjoni "t" Ht = żamma ta' riservi meħtieġa għall-perjodu ta' manutenzjoni "t" nt = għadd ta' jiem fil-perjodu ta' manutenzjoni "t" i = il-"i" jum tax-xahar tal-perjodu ta' manutenzjoni "t" MRi = rata marġinali ta' imgħax għall-operazzjonijiet ewlenin l-aktar riċenti ta' rifinanzjament matul il-jum tax-xahar "i". 2. Ir-rimunerazzjoni għandha titħallas fit-tieni jum ta' negozju ta' bank ċentrali nazzjonali wara t-tmiem tal-perjodu ta' manutenzjoni li għaliħ ir-rimunerazzjoni tkun tħallset. Artikolu 9 Responsabbiltà għall-verifika Id-dritt għall-verifika ta' l-eżattezza u l-kwalità tat-tagħrif li l-istituzzjonijiert jipprovdu biex juru li jkunu konformi mal-ħtiġijiet ta' riserva, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2531/98 dwar l-applikazzjoni ta' riservi minimi, għandu jkun eżerċitat mill-banek ċentrali nazzjonali parteċipanti mingħajr preġudjizzju għad-dritt tal-BĊE li jeżerċita dan id-dritt huwa nnifsu. Artikolu 10 Żamma indiretta ta' riservi minimi permezz ta' intermedjarju 1. Istituzzjoni tista' tapplika għall-permess biex iżżomm ir-riservi minimi tagħha kollha permezz ta' intermedjarju li jkun residenti fl-istess Stat Membru. L-intermedjarju għandu jkun istituzzjoni, soġġetta għal ħtieġa ta' riserva, li ġeneralment tmexxi parti mill-amministrazzjoni (p.e. kontroll tat-teżor) ta' l-istituzzjoni li għaliha tkun qiegħda taġixxi bħala intermedjarju, flimkien maż-żamma ta' riservi minimi. 2. L-applikazzjoni għall-permess għandha tkun indirizzata lill-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni li tagħmel l-applikazzjoni. L-applikazzjoni għandha jkollha magħha kopja tal-ftehim bejn l-intermedjarju u l-applikant li fih iż-żewġ partijiet jiddikjaraw il-kunsens tagħhom għall-arranġament. Il-ftehim għandu jispeċifika wkoll jekk l-istituzzjoni li tagħmel l-applikazzjoni tixtieqx li jkollha aċċess għal faċilitajiet eżistenti u operazzjonijiet tas-suq miftuħ ta' l-SEBĊ. Il-ftehim għandu jkollu perjodu ta' preavviż ta' mill-inqas tnax-il xahar. Jekk dawn il-kondizzjonijiet ikunu sodisfatti, il-bank ċentrali nazzjonali parteċipanti msemmi hawn fuq jista' jagħti permess għall-perjodu ta' żmien li matulu il-ftehim imsemmi iktar 'il fuq ikun fis-seħħ bejn il-partijiet, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu. Dan il-permess għandu jibda jseħħ mill-bidu ta' l-ewwel perjodu ta' manutenzjoni wara l-ħruġ tal-permess. 3. L-intermedjarju għandu jżomm dawn ir-riservi minimi skond il-kondizzjonijiet ġenerali tas-sistema ta' riservi minimi ta' l-SEBĊ. L-intermedjarju, flimkien ma' l-istituzzjonijiet li għalihom ikun qiegħed jagħmilha ta' intermedjarju, għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-ħtiġijiet ta' riserva tagħhom. Fin-nuqqas, il-BĊE jista' jimponi kull sanzjoni applikabbli fuq l-intermedjarju, fuq l-istituzzjoni li għaliha jkun qiegħed jagħmilha ta' intermedjarju, jew fuq it-tnejn, skond il-gravità tan-nuqqas ta' konformità. 4. Il-BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali parteċipanti rilevanti jistgħu, f'kull żmien, jirtiraw permess għaż-żamma indiretta ta' riservi minimi, jekk istituzzjoni li żżomm ir-riservi tagħha indirettament permezz ta' intermedjarju, jew l-intermedjarju nnifsu, jonqsu li jikkonformaw ma' l-obbligazzjonijiet tagħhom skond is-sistema ta' riservi minimi ta' l-SEBĊ, jekk il-kondizzjonijiet għaż-żamma indiretta ta' riservi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu ma jkunux sodisfatti iktar jew għal raġunijiet ta' prudenza li jkollhom x'jaqsmu ma' l-intermedjarju. Jekk il-permess ikun irtirat għal raġunijiet ta' prudenza li jkollhom x'jaqsmu ma' l-intermedjarju, l-irtirar jista' jkollu effett immedjat. Mingħajr ħsara għall-ħtiġijiet tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, kull irtirar għal raġunijiet oħra għandu jkollu effett mat-tmiem tal-perjodu ta' manutenzjoni eżistenti. Istituzzjoni li żżomm ir-riservi tagħha permezz ta' intermedjarju, jew l-intermedjarju nnifsu, jistgħu, f'kull żmien, jitolbu biex il-permess ikun irtirat. Biex l-irtirar ikollu effett jeħtieġ li jkun hemm avviż minn qabel mill-bank ċentrali nazzjonali parteċipanti rilevanti. 5. L-istituzzjoni li żżomm ir-riservi minimi tagħha permezz ta' intermedjarju u l-intermedjarju nnifsu għandhom ikunu mgħarrfa kull meta jkun irtirat permess għal raġunijiet oħra minbarra dawk ta' prudenza mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel it-tmiem tal-perjodu ta' manutenzjoni li fih il-permess ma jibqax ikollu iktar effett. 6. Mingħajr ħsara għall-obbligi individwali ta' rappurtaġġ ta' l-istatistika ta' l-istituzzjoni li żżomm riservi minimi tagħha permezz ta' intermedjarju, l-intermedjarju għandu jirrapporta dwar il-bażi ta' riserva b'dettalji biżżejjed biex il-BĊE ikun jista' jivverifika l-eżattezza u l-kwalità tagħhom, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9, u jistabbilixxi għalih u għal kull istituzzjoni li għaliha jaġixxi ta' intermedjarju il-ħtiġijiet rispettivi ta' riserva u l-fatti dwar iż-żamma ta' riserva. Dan it-tagħrif għandu jingħata lill-bank ċentrali nazzjonali parteċipanti li jkun qed iżomm ir-riservi minimi. L-intermedjarju għandu jagħti l-fatti msemmija iktar 'il fuq dwar il-bażi ta' riservi bl-istess frekwenza u skond l-iskadenzi kif stabbiliti fil-qafas ta' rappurtaġġ ta' l-istatistika monetarja u bankarja tal-BĊE, kif stipulat fir-Regolament (KE) No 2819/98. Artikolu 11 Riservi miżmuma fuq bażi konsolidata Istituzzjonijiet li jitħallew jirrappurtaw dwar statistika b'mod konsolidat għall-grupp (kif imfisser fil-qafas ta' rappurtaġġ ta' l-istatistika monetarja u bankarja ta' l-BĊE, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 2819/98), mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10, għandhom iżommu riservi minimi permezz ta' waħda mill-istituzzjonijiet fil-grupp li jkun jagħmilha ta' intermedjarju għal dawn l-istituzzjonijiet biss. L-istituzzjoni li tagħmilha ta' intermedjarju għall-grupp tista' tapplika lill-BĊE għal eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6 ta' l-Artikolu 10. Jekk l-applikazzjoni tagħha tkun aċċettata mill-BĊE, il-grupp kollu flimkien biss għandu jkollu d-dritt li jirċievi ż-żjieda msemmija fil-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 5. Artikolu 12 Jiem tan-negozju ta' bank ċentrali nazzjonali Jekk fergħa waħda jew iktar ta' bank ċentrali nazzjonali parteċipanti jkunu magħluqa f'jum tan-negozju ta' bank ċentrali nazzjonali minħabba btajjel lokali jew reġjonali, il-bank ċentrali nazzjonali parteċipanti rilevanti għandu jgħarraf lill-istituzzjonijiet minn qabel bl-arranġamenti li jkollhom isiru għal xogħol f'dawn il-friegħi. Artikolu 13 Dispożizzjonijiet transitorji 1. L-ewwel perijodu ta' manutenzjoni għandu jibda fl-l Jannar, 1999, u jintemm fit-23 Frar, 1999. 2. Il-bażi ta' riserva ta' istituzzjoni għall-ewwel perjodu ta' manutenzjoni għandu jkun imfisser b'rabta mat-titoli tal-karta tal-bilanċ fl-1 Jannar, 1999, kif rappurtata lill-banek ċentrali nazzjonali parteċipanti fil-qafas ta' rappurtaġġ ta' l-istatistika monetarja u bankarja tal-BĊE, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2819/98. Artikolu 14 Emendi għal dan ir-Rgolament Kull emenda għal dan ir-Regolament għandha tidħol fis-seħħ biss għall-perjodu kollu ta' manutenzjoni u għandha titħabbar qabel dan il-perjodu. Artikolu 15 Dispożizzjonijiet finali Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 Jannar, 1999. Magħmul fi Frankfurt am Main, 1 ta' Diċembru, 1998. Għan-nom tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE Il-President Willem F. Duisenberg [1] ĠU L 318, tas-27.11.1998, p. 1. [2] ĠU L 318, tas-27.11.1998, p. 4. [3] ĠU L 318, tas-27.11.1998, p. 8. [4] ĠU L 322, tas-17.12.1977, p. 30. [5] ĠU L 356, tas-30.12.1998, p. 7. --------------------------------------------------