Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C-473/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Hof van Cassatie (Il-Belġju), permezz ta' Deċiżjoni tat-22 ta' Ottubru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-9 ta' Novembru 2004, fil-proċedura

Plumex

vs

Young Sports NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský (Relatur), A. La Pergola, S. von Bahr u A. Borg Barthet, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

– għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

– għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk, bħala aġent,

– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill, bħala aġent,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,  minn A.‑M. Rouchaud-Joët u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 4 sa 11 u 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU L 160, p. 37, iktar 'il quddiem "ir-Regolament").

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' rikors imressaq mill-kumpannija Plumex kontra r-rifjut, minħabba skadenza ta' terminu, mill-hof van beroep te Gent, ta' appell minn deċiżjoni ta' Qorti ta' l-Ewwel Istanza li ddeċidiet fuq kawża bejnha u l-kumpannija Young Sports NV.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3. Skond it-tieni premessa tar-Regolament, il-funzjonament xieraq fis-suq intern jeħtieġ li jkunu mtejba u mħaffa t-trażmissjoni bejn l-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għall-finijiet tan-notifika jew tal-komunikazzjoni.

4. Ir-Regolament għandu bħala għan it-titjib ta' l-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji billi jistabbilixxi l-prinċipju ta' trażmissjoni diretta tad-dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji.

5. Dan huwa applikabbli, skond l-Artikolu 1(1) tiegħu, fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali meta dokument ġudizzjarju jew extraġudizzjarju jkun irid jiġi trażmess minn Stat Membru wieħed lejn ieħor sabiex jiġi nnotifikat jew ikkomunitat hemmhekk.

6. Il-Kapitolu II tar-Regolament fih dispożizzjonijiet li jipprovdu diversi mezzi ta' trażmissjoni u ta' notifika jew komunikazzjoni ta' l-atti ġudizzjarji. Dan huwa maqsum f'żewġ sezzjonijiet.

7. L-ewwel sezzjoni ta' dan il-kapitolu, li tiġbor l-Artikoli 4 sa 11, tirrigwarda l-ewwel metodu ta' trażmissjoni u ta' notifika (iktar 'il quddiem in-"notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji"), u li f'dan il-kuntest dokument ġudizzjarju li għandu jiġi nnotifikat jiġi trażmess fl-ewwel lok direttament u fl-iqsar żmien bejn l-aġenziji nnominati mill-Istati Membri, imsejħa "aġenziji li jitrażmettu" u "aġenziji li jirċievu", Sussegwentement, l-aġenzija li tirċievi għandha hija stess tinnotifika d-dokument jew tara li jiġi kkomunikat dan id-dokument, jew skond il-liġijiet ta' l-Istat Membru mitlub, jew skond il-mod partikolari mitlub mill-entità li tittrażmetti, sakemm dan il-mod ma jkunx inkompatibbli mal-liġi ta' dak l-Istat Membru.

8. Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament, il-formalitajiet kollha meħtieġa għan-notifika jew għall-komunikazzjoni tad-dokument għandhom ikunu effettwati fl-iqsar żmien.

9. It-tieni sezzjoni tal-kapitolu tar-Regolament tipprovdi: "[m]ezzi oħra ta' trasmissjoni u notifika [jew komunikazzjoni] ta' dokumenti ġudizzjarji", jiġifieri t-trażmissjoni b'mezzi konsolari jew diplomatiċi (Artikolu 12), in-notifika jew komunikazzjoni b'aġenti diplomatiċi jew konsolari (Artikolu 13), in-notifika jew il-komunikazzjoni bil-posta (Artikolu 14) u t-talba diretta tan-notifika jew komunikazzjoni (Artikolu 15).

10. Aktar preċiżament, fir-rigward tan-notifika jew komunikazzjoni bil-posta, l-Artikolu 14 tar-Regolament jgħid:

"1. Kull Stat Membru għandu jkun liberu li jagħmel notifika [jew komunikazzjoni] ta' dokumenti ġudizzjarji direttament bil-posta lill-persuni li jabitaw fi Stat Membru ieħor.

2. Xi [Kull] Stat Membru jista' jispeċifika, bi qbil ma' l-Artikolu 23(1), il-kundizzjonijiet li bihom hu jaċċetta n-notifika [jew il-komunikazzjoni] ta' dokumenti uffiċjali bil-posta."

11. Jirriżulta mill-komunikazzjonijiet ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (ĠU 2001, C 151, p. 4), kif emendati b'mod partikolari permezz ta' l-ewwel aġġornament tagħhom (ĠU 2001, C 202, p. 10), li r-Repubblika Portugiża aċċettat in-notifiki u l-komunikazzjonijiet bil-posta, sakemm dawn isiru permezz ta' ittra reġistrata bir-riċevuta tan-notifika u jkollhom traduzzjoni magħhom.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12. Jirriżulta mill-Artikolu 1051 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Belġjan li t-terminu sabiex jitressaq appell huwa ta' xahar min-notifika tad-deċiżjoni.

13. Skond din l-istess dispożizzjoni, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 55 ta' dan il-Kodiċi, meta waħda mill-partijiet li lilha tkun ġiet innotifikata deċiżjoni fil-Belġju la jkollha indirizz, la residenza u lanqas indirizz għan-notifika, it-terminu għal appell jiġi pprorogat 30 ġurnata, meta hija toqgħod f'pajjiż ieħor ta' l-Ewropa li ma jkunx wieħed mill-pajjiżi li jmissu mal-Belġju u r-Renju Unit.

14. L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 40 ta' l-istess Kodiċi jipprovdi li, għal dawk li m'għandhomx, fil-Belġju, la indirizz, la residenza u lanqas indirizz għan-notifika magħruf, il-kopja ta' l-att tiġi maħruġa mill-Marixxal tal-Qorti permezz ta' ittra reġistrata, bl-indirizz tagħhom jew tar-residenza tagħhom barra l-pajjiż u n-notifika tkun ikkunsidrata mwettqa bil-preżentazzjoni ta' l-att lid-Dipartiment tal-posta taħt riċevuta skond il-forom previsti f'dan l-Artikolu.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15. Plumex, kumpannija reġistrata taħt id-dritt Portugiż li għandha l-uffiċċju tagħha fil-Portugal, ġiet innotifikata fl-indirizz tagħha f'dan l-Istat Membru b'deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Ewwel Istanza Belġjana, mogħtija f'kawża bejn din il-kumpannija u Young Sports NV. Din in-notifika ġiet effettwata fl-istess ħin bl-intervent ta' aġenziji u bil-posta.

16. Fis-17 ta' Diċembru 2001, Plumex ressqet appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-hof van beroep. Dan ta' l-aħħar ċaħad l-appell peress li kkunsidra li t-terminu ta' l-appell kif previst fl-Artikolu 1051 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Belġjan kien skada fil-11 ta' Diċembru 2001, minħabba li t-terminu kien beda jiddekorri fil-ġurnata ta' l-ewwel notifka validament effettwata, f'dan il-każ bil-posta.

17. Plumex ressqet appell kontra d-deċiżjoni ta' rifjut quddiem il-Hof van Cassatie, li fiha sostniet li r-regolament kellu jiġi interpretat fis-sens li n-notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji kienet tikkostitwixxi l-mezz prinċipali ta' notifika li tipprevali fuq dik tal-posta. Għaldaqstant, it-terminu ta' appell kellu jiġi kkalkulat mid-data ta' din in-notifika prinċipali – li saret wara n-notifka bil-posta – minħabba li din ta' l-aħħar m'għandhiex ħlief natura sekondarja.

18. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jirrinvija d-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

"1) In-notifika msemmija fl-Artikoli 4 sa 11 inklużi hija l-mezz prinċipali ta' notifika u n-notifika magħmula direttament bil-posta, imsemmija fl-Artikolu 14, hija mezz sussidjarju ta' notifika fis-sens li l-ewwel mezz jieħu preċedenza fuq it-tieni mezz meta t-tnejn jitwettqu skond id-dispożizzjonijiet legali?

2) F'każ ta' akkumulu ta' notifiki, magħmula, minn naħa, skond l-Artikoli 4 sa 11 inklużi u, min-naħa l-oħra, direttament bil-posta skond l-Artikolu 14, it-terminu ta' l-appell jibda japplika fir-rigward tad-destinatarju tan-notifika fid-data tan-notifika li ssir skond l-Artikoli 4 sa 11 inklużi u mhux fid-data tan-notifika magħmula skond l-Artikolu 14?"

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19. Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk teżistix konnessjoni ġerarkika bejn il-mezz ta' notifika permezz ta' l-intervent ta' l-aġenziji u l-mezz ta' notifika bil-posta, b'mod li l-ewwel mezz jieħu preċedenza fuq it-tieni meta t-tnejn jiġu validament imwettqa.

20. Għandu l-ewwel nett jingħad li xejn fil-kitba tar-Regolament ma jindika li dan kien stabbilixxa ġerarkija bejn dawn il-metodi ta' notifika. Kemm il-premessi tiegħu, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jgħidux li mezz ta' trażmissjoni u ta' notifika, utilizzat skond il-modalitajiet tar-Regolament, ma jiġi attribwit grad inferjuri fir-rigward tal-metodu tan-notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji.

21. Minbarra dan, jirriżulta mill-ispirtu u mill-iskop tar-Regolament li dan huwa intiż sabiex jiggarantixxi t-twettiq effettiv tan-notifiki tad-dokumenti ġudizzjarji, filwaqt li jirrispetta l-interessi leġittimi tad-destinatarji tagħhom. Madankollu, jekk il-mezzi kollha ta' notifika previsti minn dan ir-Regolament jistgħu jassiguraw, bħala prinċipju, ir-rispett ta' dawn l-interessi, għandu jkun possibbli, fil-kunsiderazzjoni ta' dan l-iskop, li wieħed jirrikorri għal waħda jew għall-oħra, anki simultanjament għat-tnejn jew għal bosta minn dawn il-mezzi ta' notifika li jirriżultaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li jkunu l-aktar opportuni jew l-aktar xierqa.

22. Fid-dawl ta' dak li ntqal, għandu jiġi mwieġeb għall-ewwel domanda li r-Regolament ma jistabilixxi ebda ġerarkija bejn in-notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji u n-notifika bil-posta u li, konsegwentament, huwa possibbli li dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat permezz ta' wieħed jew l-ieħor ta' dawn iż-żewġ mezzi jew kumulattivament.

Fuq it-tieni domanda

23. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, għad-data ta' liema notifika hija għandha tirrerferi sabiex tiddetermina fir-rigward tad-destinatarju il-bidu tad-dekorrenza ta' terminu ta' proċedura marbut mat-twettiq ta' notifika f'każ ta' akkumulu tan-notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji u tan-notifika bil-posta.

24. Fis-sottomissjonijiet li huma ressqu lill-Qorti, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jesprimu dubji fuq il-kompetenza tal-Qorti sabiex tirrispondi għal din id-domanda sa fejn din tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali. Fil-fatt, meta Stat Membru jippermetti li ssir notifika ta' deċiżjoni ġudizzjarja b'metodi differenti, it-terminu ta' appell fil-liġi Belġjana jibda, bħala prinċipju, sa mill-ewwel notifika valida. Dan il-mument jiddetermina ruħu skond il-liġi ta' l-Istat li jirċievi u f'kull każ skond il-liġi interna.

25. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom jitressqu l-kawżi u li għandhom jieħdu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġurdika li għandhom jintervjenu sabiex jikkunsidraw, fir-rigward tal-karatteristiċi ta' kull kawża, in-neċessità ta' deċiżjoni preliminari sabiex ikunu fil-pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu lill-Qorti. Konsegwentement, peress illi id-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti hija, bħala regola ġenerali, obbligata li tiddeċiedi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38, u tat-22 ta' Mejju 2003, Korhonen et , C-18/01, Ġabra p. I-5321, punt 19).

26. Madankollu, it-tieni domanda kkunsidrat il-konnessjoni bejn il-metodi diversi ta' notifika previsti mir-Regolament u hija b'hekk tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.

27. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li tiddeċiedi.

28. Fuq il-mertu, mall-ewwel jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda li ma teżistix ġerarkija bejn in-notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji u dik bil-posta.

29. Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, sabiex id-dispożizzjonijet tar-Regolament rigward dawn il-metodi ta' notifika ma jitilfux is-sustanza tagħhom, l-effetti ġuridiċi kollha marbuta mat-twettiq validu ta' wieħed minnhom għandhom jiġu kkunsidrati independentement mir-riżultat sussegwenti ta' forom oħra ta' notifika.

30. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, skond it-tieni premessa tiegħu, ir-Regolament huwa intiż sabiex iħaffef it-trażmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji għan-notifika, u għaldaqstant, l-iżvolġiment tal-proċeduri ġudizzjarji. Madankollu, jekk, għall-finijiet tal-kalkolu ta' terminu ta' proċedura, l-ewwel waħda min-notifiki tad-dokument in kwistjoni tiġi kkunsidrata, id-destinatarju ta' dan id-dokument – li għalih japplika dan it-terminu – huwa obbligat li jaġixxi skond il-liġi l-aktar kmieni possibbli, li jista' jippermetti lill-qorti kompetenti li tiddeċiedi f'termini aktar qosra.

31. Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li, fil-każ ta' akkumulu ta' bosta notifiki effettwati skond ir-Regolament, għandha tiġi kkunsidrata dik li saret l-ewwel. Xejn f'dan ir-Regolament ma jipprekludi li tali approċċ jiġi applikat għall-konnessjonijiet bejn in-notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji u n-notifika bil-posta. Għaldaqstant, fil-każ ta' akkumulu ta' dawn iż-żewġ mezzi ta' notifika, għandu jsir riferiment, sabiex jiġi ddeterminat fir-rigward tad-destinatarju l-bidu tad-dekorrenza ta' terminu ta' proċedura marbuta mat-twettiq ta' notifika, għad-data tan-notifika bil-posta peress illi hija kienet seħħet l-ewwel.

32. Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma taffettwa l-interessi tad-destinatarju ta' dokument ġudizzjarju fil-każ fejn l-ewwel notifika valida tippermettilu li effettivament jieħu konoxxjenza ta' dan id-dokument u sabiex ikollu tul ta' żmien biżżejjed sabiex jaġixxi skond il-liġi. Madankollu, iċ-ċirkustanza li fiha huwa jiġi nnotifikat sussegwentement bl-istess dokument ġudizzjarju permezz ta' mezz ieħor ma jbiddel xejn mill-fatt li dawn l-eżiġenzi kienu diġà ġew irrispettati permezz tan-notifika inizjali.

33. Għaldaqstant, għandu jiġi mwieġeb għat-tieni domanda li, fil-każ ta' akkumulu ta' notifiki permezz ta' l-intervent ta' aġenziji jew ta' notifika bil-posta, sabiex jiġi ddeterminat fir-rigward tad-destinatarju l-bidu tad-dekorrenza ta' terminu ta' proċedura marbuta mat-twettiq ta' notifika, għandu jsir riferiment għad-data ta' l-ewwel notifika effettwata validament.

Fuq l-ispejjeż

34. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipal, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta' Mejju dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, għandu jiġi interpretat li ma jistabbilixxi ebda ġerarkija bejn il-mezz ta' trażmissjoni u tan-notifika previsti fl-Artikoli 4 sa 11 tiegħu u dak previst fl-Artikolu 14 tiegħu u li, konsegwentement, huwa possibbli li dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat permezz ta' wieħed jew l-ieħor ta' dawn iż-żewġ mezzi jew kumulattivament.

2) Ir-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat li, fil-każ ta' akkumulu tal-mezzi ta' trażmissjoni u ta' notifika previst fl-Artikoli 4 sa 11 tiegħu, u dak previst fl-Artikolu 14 tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat fir-rigward tad-destinatarju l-bidu tad-dekorrenza ta' terminu ta' proċedura marbuta mat-twettiq ta' notifika, għandu jsir riferiment għad-data ta' l-ewwel notifika effettwata validament.