|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/2842 |
8.5.2024 |
P9_TA(2023)0380
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Beata Mazurek
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Novembru 2023 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Beata Mazurek (2023/2023(IMM))
(C/2024/2842)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Beata Mazurek, imressqa fit-13 ta’ Diċembru 2022 mis-Sezzjoni Kriminali XIV tal-Qorti Distrettwali ta’ Varsovie-Mokotów b’rabta mal-proċediment kriminali insegwitu ta’ tressiq ta’ att ta’ prosekuzzjoni privata, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-13 ta’ Frar 2023, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rinunzja ta’ Beata Mazurek għad-dritt li tinstema’, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fil-21 ta’ Ottubru 2008, fid-19 ta’ Marzu 2010, fis-6 ta’ Settembru 2011, fis-17 ta’ Jannar 2013 u fid-19 ta’ Diċembru 2019 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) u l-Artikolu 108 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, kif ukoll l-Artikolu 7b(1) u l-Artikolu 7c(1) tal-Liġi tal-Polonja tad-9 ta’ Mejju 1996 dwar it-twettiq tad-dmirijiet ta’ membru tal-parlament u senatur Pollakki, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0347/2023), |
|
A. |
billi fit-13 ta’ Diċembru 2022 l-imħallef tas-Sezzjoni Kriminali XIV tal-Qorti Distrettwali ta’ Varsovie-Mokotów bagħat talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Beata Mazurek, eletta fil-Polonja, li ġie adit b’dan permezz ta’ individwu minħabba post ippubblikat fuq il-kont ta’ Twitter tal-Partit Dritt u Ġustizzja li allegatament fih kontenut li jinċita l-mibegħda nazzjonali, etnika, razzjali u reliġjuża; billi fis-17 ta’ Novembru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Varsovie-Mokotów ġiet adita b’dan l-att ta’ prosekuzzjoni ppreżentat mir-rappreżentant tal-prosekuzzjoni sussidjarja; billi r-rappreżentant talab ukoll lill-qorti biex tgħaddi lill-Parlament Ewropew it-talba tiegħu għal awtorizzazzjoni biex jinbdew proċedimenti kriminali kontra Beata Mazurek; |
|
B. |
billi l-imsemmija talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ntbagħtet mill-awtorità ġudizzjarja skont l-Artikolu 9(12), tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew; iżda minkejja dan qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu jirrikjedi li kwalunkwe talba għat-tneħħija tal-immunità ssir minn “awtorità kompetenti ta’ Stat Membru” u li ż-żewġ kunċetti mhumiex identiċi; billi t-tifsira tat-terminu “awtorità kompetenti ta’ Stat Membru” hija ddeterminata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli; billi, fil-każ tal-Polonja, għandha ssir referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7b(1) tal-Liġi Pollakka tad-9 ta’ Mejju 1996 dwar l-eżekuzzjoni tad-dmirijiet ta’ membru tal-parlament u senatur Pollakki, li jipprevedi li talba għal awtorizzazzjoni biex jinbdew proċeduri kriminali kontra membru tal-parlament jew senatur fil-każ ta’ reat suġġett ta’ azzjoni penali għandha ssir permezz tal-Prosekutur Ġenerali; billi, f’dan il-każ, it-talba ġiet indirizzata lill-Prosekutur Ġenerali, li, madankollu, irrinvija t-talba għar-raġuni li l-“prosekuzzjoni privata” kienet tinkludi wkoll “prosekuzzjoni sussidjarja” u li t-tressiq ta’ talba għal immunità ta’ membru tal-parlament kienet tidħol fil-kompetenza tal-qorti adita; |
|
C. |
billi r-rappreżentant tal-prosekuzzjoni sussidjarja talab lill-Qorti l-awtorizzazzjoni biex jinbdew proċedimenti kriminali kontra Beata Mazurek, fost l-oħrajn, abbażi tal-Artikolu 256(2) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk; |
|
D. |
billi fis-17 ta’ Ottubru 2018 ġie ppubblikat messaġġ elettorali intitolat “Bezpieczny samorząd” (muniċipalità sigura) fuq il-midja soċjali, fuq il-kont ta’ Twitter tal-Partit Dritt u Ġustizzja fl-ambitu tal-elezzjonijiet muniċipali li saru fil-21 ta’ Ottubru 2018 fil-Polonja; billi għat-tixrid tiegħu kkontribwiet, fost oħrajn, Beata Mazurek; billi l-post allegatament appella għall-mibegħda kontra l-immigranti Musulmani; |
|
E. |
billi Beata Mazurek hija waħda mill-persuni f’sitwazzjoni simili ta’ akkuża għall-allegat reat inkwistjoni, bl-unika differenza tkun li attwalment tgawdi l-immunità bħala Membru tal-Parlament Ewropew; billi għalhekk wieħed għandu jżomm f’moħħu li Beata Mazurek mhijiex l-unika persuna li tista’ tiġi akkużata fil-każ inkwistjoni; |
|
F. |
billi Beata Mazurek ġiet eletta fil-Parlament Ewropew insegwitu tal-elezzjonijiet tas-26 ta’ Mejju 2019; |
|
G. |
billi l-allegat reat ma jikkonċernax opinjonijiet jew voti mitfugħa minn Beata Mazurek fil-qadi ta’ dmirijietha bħala deputat tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; f’dan il-każ, it-talba għat-tneħħija tal-immunità tikkonċerna fatti li jirrigwardaw attivitajiet ta’ natura lokali qabel il-kisba tal-istatus u, konsegwentement, l-immunità bħala Membru tal-Parlament Ewropew; |
|
H. |
billi l-għan tal-immunità parlamentari huwa li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji relatati ma’ attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li huma inseparabbli minn dawn l-attivitajiet; |
|
I. |
billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom; |
|
J. |
billi, skont l-Artikolu 105(2) u l-Artikolu 108 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja tat-2 ta’ April 1997, kif ukoll l-Artikolu 7(1), (2) u (4), l-Artikolu 7b(1) u l-Artikolu 7c(1) tal-Liġi tad-9 ta’ Mejju 1996 dwar il-qadi tad-dmirijiet ta’ Membru tal-Parlament u ta’ Senatur (2), Membru ma jistax jiġi intervistat bħala suspettat jew jitqies kriminalment responsabbli mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Parlament Ewropew; |
|
K. |
billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta’ proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala “akkużat” (3); |
|
L. |
billi f’dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-intenzjoni wara l-proċediment legali tista’ tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta’ Membru u b’hekk lill-Parlament Ewropew; |
|
1. |
jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ Beata Mazurek; |
|
2. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja u lil Beata Mazurek. |
(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
(2) Ġurnal Uffiċjali 2022.1339, verżjoni kodifikata.
(3) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2842/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)