IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.3.2025
COM(2025) 127 final
2025/0065(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tat-Tieni Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali - Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni” jew l-“UE”) fir-rigward tan-notifika tad-differenzi fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dwar l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati relatati mal-ħarsien ambjentali.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-ICAO u l-Ftehim ta’ Pariġi
Il-Konvenzjoni ta’ Chicago (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago” jew il-“Konvenzjoni”) għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u ffurmat l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”, International Civil Aviation Organization).
L-ICAO hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti li telabora standards, prattiki u politiki globali għat-trasport internazzjonali bl-ajru ċivili fil-qasam tas-sikurezza, is-sigurtà, in-navigazzjoni bl-ajru, l-ambjent, il-faċilitazzjoni u l-kwistjonijiet ekonomiċi.
L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (l-“Istati Membri tal-UE”) huma stati kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur fl-ICAO.
Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards Internazzjonali u Prattiki Rakkomandati
.
Il-Ftehim ta’ Pariġi ġie adottat mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f’Diċembru 2015. L-objettiv tiegħu huwa li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali taħt 2 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, u li jkompli l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C.
L-Istati Membri kollha tal-UE u l-Unjoni huma partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi.
2.2.CORSIA – Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago
It-tieni edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati, il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA, Carbon Offsetting and Reduction Scheme for International Aviation) ġiet adottata mill-Kunsill tal-ICAO fil-228 Sessjoni tiegħu f’Marzu 2023, wara l-adozzjoni tal-Emenda 1 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
It-tieni edizzjoni saret applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2024.
Il-kwistjoni koperta mill-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago hija kompetenza tal-Unjoni u għalhekk hija implimentata fl-Istati Membri tal-UE permezz tad-dritt tal-Unjoni.
F’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-istati kontraenti tal-ICAO għandhom l-obbligu li jinnotifikaw lill-ICAO bid-differenzi bejn ir-regolamenti jew il-prattiki tagħhom u dawk stabbiliti mill-istandard internazzjonali korrispondenti.
Skont il-gwida tal-ICAO, hemm tliet kategoriji differenti ta’ differenzi li jistgħu jiġu ffajlati permezz tas-Sistema tal-Iffajlar Elettroniku tad-Differenzi (EFOD, Electronic Filing of Difference): Aktar eżiġenti jew taqbeż l-Istandard jew il-Prattika Rakkomandata tal-ICAO (SARP, Standard or Recommended Practice) (Kategorija A). Din il-kategorija tapplika meta r-regolament nazzjonali jkun aktar eżiġenti mill-SARP korrispondenti jew jimponi obbligu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness li mhuwiex kopert minn SARP. Din hija ta’ importanza partikolari meta stat kontraenti tal-ICAO jeħtieġ standard ogħla li jaffettwa l-operazzjoni ta’ inġenji tal-ajru ta’ stati kontraenti oħra tal-ICAO fit-territorju tiegħu u fuqu. Differenti fin-natura jew f’termini ta’ mezzi oħra ta’ konformità (Kategorija B). Din il-kategorija tapplika meta r-regolament nazzjonali jkun ta’ natura differenti mill-SARP korrispondenti tal-ICAO, jew meta r-regolament nazzjonali jvarja fil-prinċipju, it-tip, jew is-sistema mill-SARP korrispondenti, mingħajr ma neċessarjament jimponi obbligu addizzjonali; u inqas protettiva jew parzjalment implimentata/mhux implimentata (Kategorija C). Din il-kategorija tapplika meta r-regolament nazzjonali jkun inqas protettiv mill-SARP korrispondenti; jew meta l-ebda regolament nazzjonali ma jkun ġie promulgat biex jindirizza l-SARP korrispondenti, kompletament jew parzjalment.
3.Pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-UE u l-Istati Membri tagħha
3.1Konformità mal-obbligi tal-EU ETS
L-UE timplimenta sistema reġjonali għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (l-“EU ETS”). L-EU ETS hija sistema ta’ limitu u skambju li ilha tkopri l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-attivitajiet tal-avjazzjoni mill-2012. Din tillimita l-limitu massimu globali tal-emissjonijiet u tippermetti lill-emittenti jixtru u jbigħu kwoti biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom, u b’hekk jippromwovu tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet.
Fl-2023, ġiet adottata d-Direttiva (UE) 2023/958 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE. Din saħħet l-EU ETS għall-emissjonijiet mil-linji tal-ajru l-kbar kollha li jtiru fiż-ŻEE, lejn l-Iżvizzera u lejn ir-Renju Unit. Inkludiet ukoll dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq CORSIA għall-emissjonijiet minn linji tal-ajru bbażati fiż-Żona Ekonomika Ewropea.
Skont l-Artikolu 25a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, kull sena, il-Kummissjoni tadotta lista ta’ stati, għajr il-pajjiżi taż-ŻEE, l-Iżvizzera u r-Renju Unit, li huma kkunsidrati li qed japplikaw l-iskema CORSIA. Dawn kienu, primarjament, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/622 għall-2023 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2850 għall-2024.
Il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kumpens għall-fini tal-CORSIA u aġġornat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet.
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 28c ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika xierqa tal-emissjonijiet għall-fini tal-implimentazzjoni tal-CORSIA. L-ewwel att ta’ dan it-tip kien ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603.
Wara l-adozzjoni ta’ dawn l-atti differenti, għad hemm differenzi bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni rilevanti tagħha u l-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li għandhom implikazzjonijiet għal kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jimplimentaw il-CORSIA.
Din id-Deċiżjoni taġġorna d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/2027, li pprevediet li d-differenzi inizjali jiġu nnotifikati. In-notifika inizjali tad-differenzi ddikjarat li jeżistu differenzi kemm għar-rekwiżiti ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika kif ukoll għar-rekwiżiti ta’ kumpens.
Is-suġġett tal-att previst jikkonċerna qasam li għalih l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva bis-saħħa tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE minħabba li l-att previst jikkonċerna qasam ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet li huwa fil-biċċa l-kbira kopert mir-regoli tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva dwar l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, ir-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar, ir-Regolament dwar l-Akkreditazzjoni u l-Verifika.
3.2Konformità mar-rekwiżiti skont il-CORSIA
3.2.1 Amministrazzjoni
Skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, kull operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jimmonitorja u jirrapporta l-emissjonijiet għat-titjiriet kollha li jitwettqu minn dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru matul il-perjodu ta’ rapportar u li għalihom huwa responsabbli l-operatur tal-inġenji tal-ajru. Il-punt 1.2.6 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jipprevedi eċċezzjoni li mhijiex inkluża fid-Direttiva 2003/87/KE: operatur tal-inġenji tal-ajru sussidjarju kollu kemm hu li jkun irreġistrat legalment fl-istess Stat jista’ jiġi ttrattat flimkien ma’ sidu, bħala operatur wieħed ikkonsolidat ta’ inġenju tal-ajru. Ir-regoli tal-EU ETS jirrikjedu li kull operatur tal-inġenji tal-ajru jkollu l-pjan ta’ monitoraġġ tiegħu u jirrapporta l-emissjonijiet tiegħu skont il-proċedura standard, jiġifieri separatament minn operaturi tal-inġenji tal-ajru oħra anke jekk ikunu kompletament proprjetà tagħhom.
Din ir-restrizzjoni, minbarra l-istandard fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandha tiġi ffajlata lill-ICAO taħt “Kategorija A - Aktar eżiġenti jew taqbeż l-Istandard jew il-Prattika Rakkomandata tal-ICAO (SARP)”. Dan jiskatta notifika skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, rigward il-Punt 1.2.6 tal-Kapitolu 1 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 68 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom l-obbligu li jissottomettu r-rapport annwali tagħhom dwar l-emissjonijiet lill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Marzu. Madankollu, il-punt 1.2.7 tal-Anness 16, il-Volum IV jipprevedi li l-istati kontraenti tal-ICAO u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jikkonformaw mal-iskeda ta’ żmien definita fl-Appendiċi 1. Għall-perjodi 2024-2026, 2027-2029, 2030-2032 u 2033-2035, l-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rapport ivverifikat dwar l-emissjonijiet lill-Istat hija t-30 ta’ April ta’ kull sena. Għaldaqstant, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jeħtiġilhom jissottomettu r-rapport annwali dwar l-emissjonijiet xahar qabel skont id-dritt tal-UE.
Din ir-restrizzjoni, minbarra l-istandard fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandha tiġi ffajlata lill-ICAO taħt “Kategorija A - Aktar eżiġenti jew taqbeż l-Istandard jew il-Prattika Rakkomandata tal-ICAO (SARP)”. Dan jiskatta notifika skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, rigward il-punt 1.5 tal-Kapitolu 1 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
3.2.2 Monitoraġġ, Rapportar u Verifika (MRV) tal-emissjonijiet annwali tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru.
L-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE jiddeskrivi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS. Minbarra t-titjiriet speċifikati fil-punt 2.1.1 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, it-titjiriet li ġejjin li jitilqu minn jew jaslu fi stat taż-ŻEE, huma eżentati wkoll mir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ: titjiriet skont ir-regoli tat-titjir viżwali, titjiriet għal riċerka xjentifika u ttestjar tal-inġenji tal-ajru u titjiriet ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku. L-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jeżenta biss it-titjiriet tal-Istat, militari, umanitarji, mediċi u tat-tifi tan-nar kif ukoll it-titjiriet qabel jew wara titjira umanitarja, medika jew tat-tifi tan-nar, dment li tali titjiriet ikunu twettqu bl-istess inġenju tal-ajru, u kienu meħtieġa biex jitwettqu l-attivitajiet umanitarji, mediċi jew tat-tifi tan-nar relatati jew, wara dan, biex l-inġenju tal-ajru jiġi ripożizzjonat għall-attività li jmiss tiegħu. Din l-eżenzjoni hija differenza addizzjonali li għandha tiġi ffajlata lill-ICAO taħt il-“Kategorija C - Implimentata parzjalment”. Dan jiskatta notifika skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, rigward il-punt 2.1.1 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
Skont l-Anness IV tad-Direttiva 2003/87/KE, hemm l-obbligu li jiġi rrapportat il-konsum reali tal-fjuwil għal kull titjira li jinkludi wkoll il-fjuwil ikkunsmat mill-unità ta’ potenza awżiljarja. Għalhekk, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jaqbżu l-limitu tal-emittenti żgħar tal-EU ETS għandhom l-obbligu li jużaw il-Metodu A jew il-Metodu B bħala l-Metodu ta’ Monitoraġġ tal-Użu tal-Fjuwil tagħhom biex jirrapportaw l-emissjonijiet annwali tagħhom ta’ CO2 minn titjiriet internazzjonali. Irid jintuża l-istess metodu kemm jekk it-titjiriet ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens kif ukoll jekk le.
Madankollu, fl-Appendiċi 2 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu jagħżlu Metodu ta’ Monitoraġġ tal-Użu tal-Fjuwil fost ħames metodi koperti fl-SARPs tal-ICAO, inklużi l-Metodu A u l-Metodu B. Barra minn hekk, skont il-Kapitolu 2 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu jagħżlu li jużaw il-Metodi ta’ Monitoraġġ tal-Użu tal-Fjuwil biss biex jirrapportaw titjiriet soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens u jużaw għodda għall-istima tal-emissjonijiet biex jirrapportaw titjiriet mhux soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens.
Dawn ir-restrizzjonijiet skont id-dritt tal-Unjoni, minbarra l-istandard fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandhom jiġu ffajlati lill-ICAO taħt il-“Kategorija A - Aktar eżiġenti jew taqbeż l-Istandard jew il-Prattika Rakkomandata tal-ICAO (SARP)”. Dawn jiskattaw notifika skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar il-punti 2.2.1.3.1, 2.2.1.3.2, 2.2.1.3.3, 2.2.1.3.4, 2.2.1.3.5 u 2.2.1.3.6 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li jippreżentaw derogi għal meta għandu jintuża Metodu ta’ Monitoraġġ tal-Użu tal-Fjuwil u meta għandhom jiġu sottomessi Pjanijiet ta’ Monitoraġġ tal-Emissjonijiet aġġornati.
Il-livell limitu tal-emittenti żgħar, kif previst fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, ivarja minn dak fl-SARPs tal-CORSIA. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li joperaw inqas minn 243 titjira għal kull perjodu għal tliet perjodi konsekuttivi ta’ 4 xhur u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li joperaw titjiriet b’emissjonijiet annwali totali ta’ inqas minn 25 000 tunnellata ta’ CO2 fis-sena jitqiesu bħala emittenti żgħar.
Din id-definizzjoni, minbarra l-istandard fl-Anness 16, il-Volum IV, il-punt 2.2.1.3.1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, hija differenza addizzjonali li għandha tiġi ffajlata lill-ICAO taħt il-“Kategorija A - Aktar eżiġenti jew taqbeż l-Istandard jew il-Prattika Rakkomandata tal-ICAO (SARP)”. Dan jiskatta notifika skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago rigward il-punt 2.2.1.3.1 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li tapplika għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru b’emissjonijiet tas-CO2 annwali ta’ aktar minn 50 000 tunnellata.
Skont l-Artikolu 52 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu l-obbligu li jissottometti l-pjan ta’ monitoraġġ tiegħu lill-awtorità kompetenti mhux aktar tard minn 4 xhur qabel ma jibda l-attivitajiet tal-avjazzjoni koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jwettqu tali attività għall-ewwel darba (li ma setgħetx tiġi prevista 4 xhur qabel l-attività), għandhom jissottomettu pjan ta’ monitoraġġ lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien żejjed, iżda mhux aktar tard minn 6 ġimgħat wara t-twettiq ta’ dik l-attività.
L-iskeda ta’ żmien stabbilita mill-SARPs hija differenti mid-Direttiva 2003/87/KE. L-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jipprevedi li l-istati kontraenti tal-ICAO u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jikkonformaw mal-iskeda ta’ żmien definita fl-Appendiċi 1. Is-sottomissjoni hija meħtieġa darba biss, sakemm ma tkunx teħtieġ rieżami. Parteċipanti ġodda għandhom jissottomettu pjanijiet ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet fi żmien 3 xhur minn meta jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-applikabbiltà. Għal operaturi tal-inġenji tal-ajru oħra (li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-applikabbiltà għall-ewwel darba mingħajr ma jikkwalifikaw bħala entranti ġodda), dawn għandhom jissottomettu l-pjanijiet tagħhom fi żmien 3 xhur.
Dawn ir-restrizzjonijiet, minbarra l-istandard fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandhom jiġu ffajlati lill-ICAO taħt il-“Kategorija A - Aktar eżiġenti jew taqbeż l-Istandard jew il-Prattika Rakkomandata tal-ICAO (SARP)”. Dawn jiskattaw notifika skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago rigward il-punti 2.2.2.1, 2.2.2.2 u 2.2.2.3 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
F’konformità mal-Artikolu 68 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u l-Artikolu 27(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru biss għandhom l-obbligu li jissottomettu kemm ir-rapport dwar l-emissjonijiet kif ukoll ir-rapport ta’ verifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv tagħhom. Il-punt 2.4.1.5 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jirrikjedi li kemm l-operatur tal-inġenji tal-ajru kif ukoll il-korp ta’ verifika jissottomettu b’mod indipendenti, kopja tar-rapport dwar l-emissjonijiet u r-rapport ta’ verifika assoċjat lill-Istat.
Din id-differenza mill-istandard fl-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandha tiġi ffajlata lill-ICAO taħt il-“Kategorija B – mezzi oħra ta’ konformità mal-Istandard jew il-Prattika Rakkomandata tal-ICAO (SARP)”. Dan jiskatta notifika skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago rigward il-punt 2.4.1.5 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
L-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti għall-“verifikaturi” akkreditati: persuna ġuridika jew entità ġuridika oħra li twettaq attivitajiet ta’ verifika skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067 u akkreditata minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067 jew persuna fiżika awtorizzata mod ieħor, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067, fiż-żmien li jinħareġ rapport ta’ verifika. Dan jimplika li r-rapport dwar l-emissjonijiet għandu l-obbligu li jiġi vverifikat minn verifikaturi bbażati fit-territorju taż-ŻEE, li mhuwiex kriterju fl-SARPs.
Din id-differenza mill-istandard fl-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandha tiġi ffajlata lill-ICAO taħt il-“Kategorija A - Aktar eżiġenti jew taqbeż l-Istandard jew il-Prattika Rakkomandata tal-ICAO (SARP)”. Dan jiskatta notifika skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago rigward il-punt 2.4.2.1 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
Fl-aħħar nett, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu l-obbligu li jimla l-lakuni fid-data f’konformità mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, billi juża valuri tad-data ta’ sostituzzjoni konservattivi jew data minn għodda għall-istima tal-emissjonijiet dment li l-lakuni fid-data ma jaqbżux il-5 % tat-titjiriet kollha rrapportati, jiġifieri t-titjiriet internazzjonali kollha. Jekk jaqbeż dan il-limitu, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu l-obbligu li jieħu azzjoni ta’ rimedju biex itejjeb il-metodoloġija ta’ monitoraġġ.
Din id-differenza, minbarra l-istandard fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandha tiġi ffajlata lill-ICAO taħt “Kategorija A - Aktar eżiġenti jew taqbeż l-Istandard jew il-Prattika Rakkomandata tal-ICAO (SARP)”. Dan jiskatta notifika skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago rigward il-punt 2.5.1.1 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li japplika limitu ta’ 5 % tat-titjiriet internazzjonali soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens.
3.2.3 Rekwiżiti ta’ kumpens
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879 jipprevedi l-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens rilevanti għall-emissjonijiet li jsiru mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2026.
Din il-formula ta’ kalkolu hija din li ġejja:
ORy = OEy * SGFy fejn:
ORy = ir-rekwiżiti tal-kumpens ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru fis-sena partikolari y;
OEy = l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-operatur tal-inġenji tal-ajru minn titjiriet internazzjonali koperti fis-sena partikolari y;
SGFy = Fattur ta’ Tkabbir tas-Settur.
Din il-formula ssegwi l-metodu ta’ kalkolu tal-SARPs, madankollu l-Artikolu 25a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE jirrikjedi l-pubblikazzjoni ta’ lista ta’ stati li jitqiesu li qed japplikaw l-iskema CORSIA. Dik il-lista tiġi aġġornata kull sena biex tirrikonoxxi stati ġodda voluntiera fil-CORSIA iżda tibqa’ differenti mil-lista tal-ICAO, peress li teskludi l-pajjiżi taż-ŻEE, l-Iżvizzera u r-Renju Unit minħabba li dawk l-istati japplikaw is-sistemi reġjonali tagħhom għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għal titjiriet fiż-ŻEE u titjiriet bejn il-pajjiżi taż-ŻEE u l-Iżvizzera u r-Renju Unit.
Dan ifisser li anke jekk l-Istati taż-ŻEE jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom lill-ICAO skont il-metodoloġija tal-SARPs, biex jiffaċilitaw il-kalkolu tal-Fattur ta’ Tkabbir tas-Settur, ma jikkalkulawx ir-rekwiżiti ta’ kumpens għal titjiriet soġġetti għas-sistemi reġjonali għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet.
L-applikazzjoni tas-sistemi reġjonali għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fuq titjiriet internazzjonali bejn l-Istati taż-ŻEE u dawk bejn iż-ŻEE u l-Iżvizzera u r-Renju Unit tobbliga lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jindirizzaw l-emissjonijiet minn dawn it-titjiriet. Mil-lat ambjentali, l-EU ETS hija strument aktar strett mill-CORSIA, peress li tindirizza mhux biss l-emissjonijiet li jaqbżu l-linja bażi tal-CORSIA, iżda sehem ħafna akbar tal-emissjonijiet totali.
Fl-2022, l-emissjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni fiż-ŻEE tal-EU ETS ammontaw għal 49,1 Mt ta’ CO2. L-għadd totali ta’ kwoti maħruġa kien ta’ madwar 27 miljun. L-allokazzjoni bla ħlas ammontat għal 23,1 miljun kwota u madwar 3,7 miljun kwota tal-avjazzjoni ġew irkantati fl-2022. Għalhekk, aktar minn 50 % tal-emissjonijiet ġew indirizzati fl-2022, u l-istrettezza tal-EU ETS se tkompli tiżdied bit-tneħħija gradwali tal-kwoti bla ħlas għas-settur tal-avjazzjoni matul il-perjodu 2024-2026, bi tnaqqis ta’ 25 % fl-2024, tnaqqis ta’ 50 % fl-2025 u l-eliminazzjoni tal-allokazzjoni bla ħlas mill-2026.
Sa mill-inqas il-31 ta’ Diċembru 2026, dawn l-emissjonijiet koperti mill-iskemi reġjonali għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u b’hekk mhux koperti minn obbligu ta’ kumpens tal-CORSIA għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fiż-ŻEE jikkonċernaw titjiriet bejn il-pajjiżi taż-ŻEE u dawk bejn iż-ŻEE u l-Iżvizzera u r-Renju Unit.
B’paragun ma’ dan, jekk ir-rekwiżiti ta’ kumpens tal-CORSIA kellhom japplikaw għal titjiriet diġà koperti mill-EU ETS, dawn jammontaw għal 5 Mt CO2 għall-2024 abbażi tal-immudellar AERO-MS.
Il-kopertura tat-titjiriet bejn il-pajjiżi taż-ŻEE u dawk bejn iż-ŻEE u l-Iżvizzera u r-Renju Unit hija għalhekk aktar stretta minn perspettiva ambjentali.
Din ir-restrizzjoni, minbarra l-istandard fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandha tiġi ffajlata lill-ICAO taħt “Kategorija A - Aktar eżiġenti jew taqbeż l-Istandard jew il-Prattika Rakkomandata tal-ICAO (SARP)”. Dan jiskatta notifika skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago rigward il-punt 3.1.4 u 3.2.1 tal-Kapitolu 3 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879, meta s-somma tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operatur tal-inġenji tal-ajru fit-3 snin ta’ perjodu ta’ konformità partikolari (OR1 + OR2 + OR3) tkun inqas minn 3 000 tunnellata ta’ CO2, l-Istati Membri taż-ŻEE jistgħu, fuq talba mill-operatur tal-inġenji tal-ajru, ma jikkalkulaw l-ebda rekwiżit ta’ kumpens għal dak il-perjodu għal dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru. Filwaqt li fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-operatur tal-inġenji tal-ajru li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-punt 3.4.2 tagħha ma għandu l-ebda rekwiżit ta’ kumpens iżda jista’ jagħżel li jikkumpensa dawk l-emissjonijiet b’mod volontarju. L-unika differenza hija li minflok ma jagħżel li jipparteċipa b’mod volontarju, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu l-possibbiltà li jagħżel li ma jipparteċipax.
Din ir-restrizzjoni, minbarra l-istandard fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandha tiġi ffajlata lill-ICAO taħt “Kategorija A - Aktar eżiġenti jew taqbeż l-Istandard jew il-Prattika Rakkomandata tal-ICAO (SARP)”. Dan jiskatta notifika skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, rigward il-punt 3.4.2 tal-Kapitolu 3 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
3.2.4 Unitajiet Eliġibbli
F’konformità mal-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE dwar l-attivitajiet tal-proġetti, il-krediti jridu jkunu konformi ma’ ċertu għadd ta’ kriterji sabiex jitqiesu eliġibbli għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ kumpens għall-CORSIA.
Skont l-Artikolu 11a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jelenkaw l-unitajiet eliġibbli għall-konformità mal-CORSIA għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru taż-ŻEE. Dawn jinkludu unitajiet meqjusa eliġibbli mill-Kunsill tal-ICAO, jekk joriġinaw minn Stati li jipparteċipaw fil-CORSIA u li huma parti għall-Ftehim ta’ Pariġi.
Din ir-restrizzjoni, minbarra l-istandard fil-punt 4.2.1 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandha tiġi ffajlata lill-ICAO taħt “Kategorija A - Aktar eżiġenti jew taqbeż l-Istandard jew il-Prattika Rakkomandata tal-ICAO (SARP)”. Dan jiskatta notifika skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dwar il-punt 4.2.1 tal-Kapitolu 4 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li tispeċifika: “L-Unitajiet ta’ Emissjonijiet Eliġibbli CORSIA huma biss dawk l-unitajiet deskritti fid-dokument tal-ICAO intitolat “Unitajiet ta’ Emissjonijiet Eliġibbli CORSIA”, li jissodisfaw il-Kriterji tal-Eliġibbiltà tal-Unitajiet ta’ Emissjonijiet CORSIA li jinsabu fid-dokument tal-ICAO intitolat “Kriterji tal- Eliġibbiltà tal-Unitajiet ta’ Emissjonijiet CORSIA”.
Minbarra r-rekwiżiti msemmija hawn fuq, l-Artikolu 11a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jipprevedi l-aċċettazzjoni ta’ żewġ tipi oħra ta’ krediti:
·krediti awtorizzati mill-partijiet għal ftehimiet skont il-paragrafu 5 tad-Direttiva 2003/87/KE;
·krediti maħruġa fir-rigward ta’ proġetti fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/87/KE.
B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 11a(5) jirreferi għal ftehimiet konklużi ma’ pajjiżi terzi, li jispeċifikaw il-livelli ta’ użu. Sal-lum, ma hemm l-ebda ftehim bħal dan ma’ pajjiżi terzi.
L-Artikolu 11a(1)[d] jirreferi għal krediti maħruġa fir-rigward ta’ proġetti fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/87/KE. Sal-lum, ma hemm l-ebda proġett skont l-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/87/KE.
Minħabba li dawk il-krediti għadhom ma ġewx awtorizzati jew maħruġa, l-ICAO ma għandhiex għalfejn tiġi infurmata minnufih dwar id-differenza possibbli fid-dritt tal-Unjoni, li għadha ma mmaterjalizzatx fil-prattika.
L-Istati Membri tal-UE huma obbligati jipprovdu notifika immedjata lill-ICAO ladarba l-awtorizzazzjoni jew il-ħruġ ta’ dawn il-krediti jkun legalment possibbli. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill kif xieraq b’nota ta’ informazzjoni u l-Istati Membri tal-UE għandhom jinnotifikaw minnufih lill-ICAO skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago bid-differenzi li jirriżultaw mill-punt 4.2.1 tal-Kapitolu 4 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, skont l-Artikolu 3(13) u l-Artikolu 3(14) ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill. Dawn id-differenzi se jiġu ttikkettati bħala differenza tal-Kategorija B, “Mezzi oħra ta’ konformità” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi).
3.3Rapportar tad-Differenza lill-Kummissjoni
Wara l-iffajljar tad-differenzi lill-ICAO, u mhux aktar tard minn xahrejn wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-Istati Membri tal-UE se jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-differenzi ffajlati. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ikunu ġew irrispettati.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1. Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti għall-ftehim.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jkollhom il-kapaċità li jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-UE”.
4.1.2. Applikabilità f’dan il-każ
L-ICAO hija korp stabbilit permezz ta’ ftehim internazzjonali, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Chicago.
L-adozzjoni tat-tieni edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago hija vinkolanti għall-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
In-notifika tad-differenzi li għandha ssir mill-Istati Membri tal-UE għandha effetti legali minħabba li tista’ tinfluwenza kif se jiġu implimentati l-istandards tal-ICAO mill-Istati Membri, fi kwistjoni koperta minn regoli komuni.
Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
F’konformità mal-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 191 TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-kisba, fost l-oħrajn, tal-objettivi li ġejjin: il-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali biex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.
4.2.1. Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva tad-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2. Applikabilità f’dan il-każ
In-notifika tad-differenzi li għandha ssir mill-Istati Membri tal-UE għandha effetti legali minħabba li tista’ tinfluwenza kif se jiġu implimentati l-istandards tal-ICAO mill-Istati Membri, fi kwistjoni koperta minn regoli komuni.
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrelataw mal-politika dwar it-tibdil fil-klima, fil-kuntest tal-avjazzjoni internazzjonali.
Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.
4.3.Konklużjonijiet
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2025/0065 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tat-Tieni Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali - Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni”) li għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization).
(2)L-Istati Membri tal-Unjoni (l-“Istati Membri tal-UE”) huma stati kontraenti ta’ dik il-Konvenzjoni u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO.
(3)Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati Internazzjonali (“SARPs”, International Standards and Recommended Practices).
(4)Il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ġiet konkluża f’Diċembru 2015 bl-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi li l-objettiv tiegħu huwa li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali b’ferm inqas minn 2 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, u li jkompli l-isforzi biex jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 °C. Jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għall-ksib ta' dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet, inkluża l-avjazzjoni internazzjonali.
(5)Fl-2016, id-39 Assemblea Ġenerali tal-ICAO ddeċidiet li tiżviluppa mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq biex l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali jiġu limitati għal-livelli tagħhom tal-2020. Il-pożizzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915.
(6)Il-Kunsill tal-ICAO, fl-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu, adotta l-ewwel edizzjoni tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni: l-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali - Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (“CORSIA”, Carbon Offsetting and Reduction Scheme for International Aviation).
(7)Il-Kunsill tal-ICAO, fil-228 Sessjoni tiegħu, adotta l-Emenda 1 għall-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li tirriżulta mill-emendi proposti mill-Kumitat għall-Ħarsien Ambjentali mill-Avjazzjoni u mill-eżitu tar-rieżami perjodiku tal-CORSIA tal-2022. It-tieni edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago li rriżultat saret applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2024.
(8)Minħabba li hemm ċerti differenzi bejn id-dritt tal-Unjoni u t-tieni edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jenħtieġ li tiġi stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni dwar in-notifika tad-differenzi skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
(9)In-notifika li ġejja tad-differenzi li jirriżultaw hija proposta f’dan l-istadju minħabba li ġiet adottata l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-CORSIA fl-UE.
(10)Kif ikkomunikat lis-Segretarjat tal-ICAO, u rikonoxxut mis-Segretarjat, l-emissjonijiet annwali ta’ CO2 għall-pari ta’ Stati kollha rrapportati mill-Istati Membri lis-Segretarjat tal-ICAO bħala soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens huma mingħajr preġudizzju għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens u l-kwantità ta’ Unitajiet Eliġibbli CORSIA li għandhom jiġu kkanċellati biex tintwera l-konformità.
(11)L-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni jkopri devjazzjonijiet minn standards u proċeduri internazzjonali. F’konformità mat-termini tiegħu, kwalunkwe stat kontraenti tal-ICAO li jsibha imprattikabbli li jikkonforma fl-aspetti kollha ma’ kwalunkwe standard jew proċedura internazzjonali bħal din, jew li jġib ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu stess f’konformità sħiħa ma’ kwalunkwe standard jew proċedura internazzjonali wara l-emenda ta’ din tal-aħħar, jew li jqis li huwa meħtieġ li jiġu adottati regolamenti jew prattiki li jvarjaw fi kwalunkwe aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, jeħtieġ li jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.
(12)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 innotifikat id-differenzi bejn id-Direttiva 2003/87/KE u l-ewwel edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Dawn japplikaw kemm għar-rekwiżiti ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika (MRV) kif ukoll għar-rekwiżiti ta’ kumpens u għadhom validi.
(13)Bl-adozzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603, fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika (MRV) tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq, l-Unjoni tapplika r-rekwiżiti tal-MRV skont l-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. L-applikazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti tal-MRV tiggarantixxi l-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-pari ta’ stati fil-Kapitolu 3, il-punt 3.1 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. B’konsegwenza ta’ dan, il-Fattur ta’ Tkabbir Settorjali mhuwiex affettwat minn xi differenza fl-implimentazzjoni tal-Volum IV tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago mill-Istati taż-ŻEE.
(14)Fl-2023, id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill emendat id-Direttiva 2003/87/KE. Wieħed mill-objettivi tagħha kien li ssegwi l-implimentazzjoni tal-CORSIA fl-Unjoni Ewropea.
(15)Id-Direttiva 2003/87/KE tapplika irrispettivament min-nazzjonalità tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u tapplika mingħajr distinzjoni għal titjiriet fl-Istati Membri tal-UE u/jew il-pajjiżi taż-ŻEE jew bejniethom.
(16)L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/87/KE jipprevedi l-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru.
(17)Fid-9 ta’ Lulju 2024, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1879 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens għall-fini tal-CORSIA (ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879”).
(18)Skont l-Artikolu 25a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, kull sena, il-Kummissjoni tadotta lista ta’ stati, għajr il-pajjiżi taż-ŻEE, l-Iżvizzera u r-Renju Unit, li huma kkunsidrati li qed japplikaw l-iskema CORSIA. F’konformità mad-Direttiva 2003/87/KE, ir-rekwiżiti ta’ kumpens se jiġu kkalkulati għall-operaturi bbażati fl-Istati Membri tal-UE għat-titjiriet kollha bejn l-istati li jipparteċipaw fil-CORSIA, bl-eċċezzjoni ta’ titjiriet fiż-ŻEE u bejn iż-ŻEE u l-Iżvizzera u r-Renju Unit. Jenħtieġ li din id-differenza tiġi kkomunikata lill-ICAO.
(19)Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879, l-operaturi żgħar għandhom l-obbligu li jagħżlu li ma jipparteċipawx fl-obbligi li jikkumpensaw għall-emissjonijiet, filwaqt li l-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jeżentahom b’mod awtomatiku u jistgħu jagħżlu li jipparteċipaw. Jenħtieġ li din id-differenza tiġi kkomunikata lill-ICAO.
(20)F’konformità mad-Direttiva 2003/87/KE, l-unitajiet eliġibbli CORSIA huma dawk iddeterminati mill-Kunsill tal-ICAO, dment li joriġinaw minn stat li jimplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi u li jipparteċipa fil-CORSIA. Jenħtieġ li din id-differenza tiġi kkomunikata lill-ICAO.
(21)Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067, ir-rapport dwar l-emissjonijiet u r-rapport ta’ verifika indipendenti ma għandhomx għalfejn jiġu trażmessi direttament mill-verifikatur lill-awtoritajiet nazzjonali, għall-kuntrarju tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li jirrikjedi trażmissjoni diretta. Jenħtieġ li din id-differenza tiġi kkomunikata lill-ICAO.
(22)Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom l-obbligu li jużaw data ta’ sostituzzjoni għal massimu ta’ 5 % tat-titjiriet irrapportati kollha tagħhom. L-Anness 16, il-Volum IV jillimita dan għal 5 % tat-titjiriet soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens. Jenħtieġ li din id-differenza tiġi kkomunikata lill-ICAO.
(23)Skont id-Direttiva 2003/87/KE, minbarra t-titjiriet speċifikati fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, it-titjiriet li ġejjin huma eżentati wkoll mir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ: titjiriet skont ir-regoli tat-titjir viżwali, titjiriet għal riċerka xjentifika u ttestjar tal-inġenji tal-ajru u titjiriet ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku. Jenħtieġ li din id-differenza tiġi kkomunikata lill-ICAO.
(24)Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li mhumiex eliġibbli biex jużaw għodod għall-istima tal-emissjonijiet għandhom l-obbligu li jużaw il-Metodu A jew il-Metodu B bħala l-Metodi ta’ Monitoraġġ tal-Użu tal-Fjuwil tagħhom. Huma għandhom l-obbligu li jużaw l-istess metodi biex jirrapportaw it-titjiriet kollha, inklużi titjiriet li mhumiex soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens. Jenħtieġ li din id-differenza tiġi kkomunikata lill-ICAO.
(25)Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, iż-żmien meta operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jissottometti Pjan ta’ Monitoraġġ tal-Emissjonijiet aġġornat f’każ ta’ bidla sinifikanti huwa iqsar minn dak previst mis-SARPs. Jenħtieġ li din id-differenza tiġi kkomunikata lill-ICAO.
(26)F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, kull operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jkollu l-pjan ta’ monitoraġġ distint tiegħu stess u jissottometti rapporti separati, irrispettivament minn jekk huwiex sussidjarju jew entità kompletament proprjetà ta’ operatur ieħor tal-inġenji tal-ajru. Jenħtieġ li din id-differenza tiġi kkomunikata lill-ICAO.
(27)Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, l-iskadenza tar-rapportar għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru hija l-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, għas-sottomissjoni tad-data dwar l-emissjonijiet mis-sena kalendarja preċedenti, filwaqt li s-SARPs tal-CORSIA jirrikjedu s-sottomissjoni sat-30 ta’ April ta’ kull sena. Jenħtieġ li din id-differenza tiġi kkomunikata lill-ICAO.
(28)F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jissottometti l-pjan ta’ monitoraġġ tiegħu: (i) mill-inqas 4 xhur qabel il-bidu tal-attivitajiet tal-avjazzjoni koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, jew (ii) mingħajr dewmien żejjed wara l-bidu ta’ tali attivitajiet, iżda mhux aktar tard minn 6 ġimgħat wara. Jenħtieġ li din id-differenza tiġi kkomunikata lill-ICAO.
(29)Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067, ir-rapport dwar l-emissjonijiet għandu l-obbligu li jiġi vverifikat minn verifikaturi akkreditati mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni ta’ wieħed mill-istati taż-Żona Ekonomika Ewropea, filwaqt li l-SARPs tal-CORSIA ma fihomx tali restrizzjoni. Jenħtieġ li din id-differenza tiġi kkomunikata lill-ICAO.
(30)Sal-lum ma hemm l-ebda krediti awtorizzati minn partijiet għal ftehimiet skont il-paragrafu 5 tad-Direttiva 2003/87/KE, u lanqas ma hemm krediti maħruġa fir-rigward ta’ proġetti fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/87/KE. Ma hemm l-ebda differenza fil-prattika. Mal-awtorizzazzjoni ta’ krediti minn proġetti f’konformità mal-ftehimiet konklużi ma’ pajjiżi terzi jew il-ħruġ ta’ krediti minn proġetti amministrati minn Stati Membri tal-UE li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li mhumiex diġà koperti mid-Direttiva 2003/87/KE, jew it-tnejn li huma, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-ICAO bid-differenzi li tali krediti jistgħu jintużaw għall-konformità mal-CORSIA.
(31)F’każ bħal dan jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Kunsill kif xieraq b’nota ta’ informazzjoni u jenħtieġ li l-Istati Membri tal-UE jinnotifikaw minnufih lill-ICAO.
(32)L-Istati Membri tal-UE jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-differenzi li ffajljaw lill-ICAO ladarba jiġu ffajlati, mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att.
(33)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO, peress li l-adozzjoni tat-tieni edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV hija vinkolanti għall-Istati Membri skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
(34)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed fir-rigward tad-differenzi li għandhom jiġu ffajlati fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago għandha tkun din li ġejja: kull Stat Membru għandu jagħti l-ispjegazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 u għandu jimla d-differenzi fis-Sistema tal-Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi tal-ICAO, skont il-kundizzjonijiet deskritti fil-paragrafi 1-15 tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Għandha tingħata l-ispjegazzjoni li ġejja għad-differenzi li ġejjin:
“Fir-rigward tal-kumpens, jeżistu differenzi bejn id-Direttiva 2003/87/KE u r-regoli dettaljati adottati mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-CORSIA min-naħa l-oħra. Ir-regoli tal-Unjoni Ewropea applikabbli f’dan ir-rigward fl-[20 ta’ Diċembru 2024] jinsabu prinċipalment fid-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva (UE) 2023/958, id-Direttiva (UE) 2023/959 u d-Deċiżjoni Nru 334/2023 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.
Id-differenzi nnotifikati minn [Stat Membru] fi [data] skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 jibqgħu validi.”
Artikolu 3
1.Differenza relattiva għall-punti 3.1.4 u 3.2 tal-Kapitolu 3 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Rekwiżiti ta’ Kumpens tas-CO2”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mad-Direttiva 2003/87/KE, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li l-emissjonijiet minn titjiriet operati minn operaturi bbażati fi [Stat Membru], fiż-Żona Ekonomika Ewropea jew minn titjiriet operati miż-Żona Ekonomika Ewropea lejn u mill-Iżvizzera jew mir-Renju Unit mhumiex soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens. L-emissjonijiet minn dawn it-titjiriet mhumiex inklużi fil-kalkolu tal-varjabbli OE fil-punt 3.2.1. għall-operaturi amministrati minn [Stat Membru].”
Il-parteċipazzjoni fl-iskemi reġjonali għall-iskambju tobbliga lill-operaturi minn [Stat Membru] jindirizzaw dawn l-emissjonijiet.
Dawn l-iskemi reġjonali għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet li jkopru dawk l-emissjonijiet jirriżultaw f’livell ogħla ta’ strettezza ambjentali mill-CORSIA, għax ikopru sehem akbar tal-emissjonijiet minn titjiriet bejn l-Istati taż-ŻEE u titjiriet bejn iż-ŻEE u r-Renju Unit u l-Iżvizzera.
Is-sistema tal-Unjoni Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet kif stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tapplika għall-operaturi tal-linji tal-ajru irrispettivament min-nazzjonalità tal-operatur tal-linja tal-ajru, filwaqt li tiżgura trattament ugwali fuq ir-rotot fir-rigward tal-obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti tal-ETS.”
Din id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A, “Aktar eżiġenti jew taqbeż l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u “Differenza Sinifikanti”.
2.Differenza relattiva għall-punt 3.4.2 tal-Kapitolu 3 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Rekwiżiti ta’ Kumpens tas-CO2”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru b’inqas minn 3 000 tunnellata tar-rekwiżit ta’ kumpens finali għall-perjodu ta’ konformità ta’ 3 snin għandhom rekwiżit ta’ kumpens. Madankollu, dawk l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu jitolbu lill-Istat biex ikunu eżentati mir-rekwiżiti ta’ kumpens. Dan huwa differenti mill-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li bih l-operatur tal-inġenji tal-ajru li jkun jissoddisfa l-kundizzjonijiet tal-punt 3.4.2 ma jkollux rekwiżiti ta’ kumpens iżda jista’ jagħżel li jikkumpensa dawk l-emissjonijiet b’mod volontarju.”
Din id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A, “Aktar eżiġenti jew jaqbżu l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u mhux “Differenza Sinifikanti”.
3.Differenza relattiva għall-punt 4.2.1 tal-Kapitolu 4 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Kanċellazzjoni ta’ Unitajiet ta’ Emissjonijiet Eliġibbli CORSIA”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li minbarra l-kriterji inklużi fid-dokument tal-ICAO intitolat “Kriterji ta’ Eliġibbiltà tal-Unitajiet tal-Emissjonijiet CORSIA”, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin biex l-unitajiet jitqiesu eliġibbli għall-konformità mal-CORSIA għall-operaturi amministrati minn [Stat Membru].
(a)L-unitajiet iridu joriġinaw minn Stat li huwa Parti għall-Ftehim ta’ Pariġi fil-ħin tal-użu.
(b)L-unitajiet iridu joriġinaw minn Stat parteċipanti fil-kumpens tal-CORSIA.
Dan jirriżulta f’livell ogħla ta’ strettezza ambjentali.”
Din id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A, “Aktar eżiġenti jew taqbeż l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u “Differenza Sinifikanti”.
4.Differenza relattiva għall-punt 2.4.1.5 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Monitoraġġ, Rapportar u Verifika (MRV) tal-emissjonijiet annwali ta’ CO2 tal-Operatur tal-Ajruplan”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Artikolu 68 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u l-Artikolu 27(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067, [l-Istat Membru] jinnotifika lill-ICAO li r-rapport dwar l-emissjonijiet kif ukoll ir-rapport ta’ verifika korrispondenti jiġu sottomessi lill-Istat mill-operatur tal-inġenji tal-ajru biss. Dan huwa ekwivalenti għar-rekwiżit fil-punt 2.4.1.5 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, Volum IV fejn barra minn hekk, il-korp ta’ verifika jeħtieġ li jissottometti, b’mod indipendenti, kopja tar-Rapport dwar l-Emissjonijiet u r-Rapport ta’ Verifika assoċjat lill-Istat.”
Din id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija B “Mezzi oħra ta’ konformità” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u mhux “Differenza Sinifikanti”.
5.Differenza relattiva għall-punt 2.1.1 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Monitoraġġ, Rapportar u Verifika (MRV) tal-emissjonijiet annwali ta’ CO2 tal-Operatur tal-Ajruplan”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li minbarra l-eżenzjonijiet stabbiliti fil-punti 2.1.1 u 2.1.3 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati mhux se japplikaw għat-titjiriet li ġejjin li jitilqu miż-ŻEE jew li jaslu fiha:
(a)Kwalunkwe titjira mwettqa esklussivament skont ir-regoli tat-titjir viżwali kif definiti fl-Anness 2 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago;
(b)titjiriet imwettqa esklussivament għall-fini ta’ riċerka xjentifika jew tal-iċċekkjar, l-ittestjar jew iċ-ċertifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru jew tat-tagħmir kemm jekk jinsab fl-ajru kif ukoll ibbażat fuq l-art;
(c)titjiriet imwettqa fil-qafas tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.”
Din id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija C, “Implimentata parzjalment fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi)” u mhux “Differenza Sinifikanti”.
6.Differenza relattiva għall-punti 2.2.1.3.1, 2.2.1.3.2 u 2.2.1.3.6 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Monitoraġġ, Rapportar u Verifika (MRV) tal-emissjonijiet annwali ta’ CO2 tal-Operatur tal-Ajruplan”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li joperaw inqas minn 243 titjira għal kull perjodu għal tliet perjodi konsekuttivi ta’ 4 xhur u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li joperaw titjiriet b’emissjonijiet annwali totali ta’ inqas minn 25 000 tunnellata ta’ CO2 fis-sena għandhom jitqiesu bħala emittenti żgħar. [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jaqbżu l-limitu tal-emittenti ż-żgħar għandhom jużaw il-Metodu A jew il-Metodu B bħala Metodu ta’ Monitoraġġ tal-Użu tal-Fjuwil.”
“F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jużaw il-metodu ta’ Monitoraġġ tal-Użu tal-Fjuwil magħżul għat-titjiriet irrapportati kollha tagħhom, inkluż għal titjiriet internazzjonali mhux soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens.”
“F’konformità mad-Direttiva 2003/87/KE, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-2.1.1 u tat-2.1.3 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, wara l-1 ta’ Jannar 2021 għall-ewwel darba mingħajr ma jikkwalifikaw bħala parteċipant ġdid u li mhumiex emittenti żgħar, għandhom jużaw direttament Metodu ta’ Monitoraġġ għall-Użu tal-Fjuwil.”
Din id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A, “Aktar eżiġenti jew jaqbżu l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u mhux “Differenza Sinifikanti”.
7.Differenza relattiva għall-punti 2.5.1.1 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Monitoraġġ, Rapportar u Verifika (MRV) tal-emissjonijiet annwali ta’ CO2 tal-Operatur tal-Ajruplan”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu juża data ta’ sostituzzjoni għall-perjodu ta’ żmien rispettiv ikkalkulat f’konformità mal-metodu alternattiv definit fil-pjan ta’ monitoraġġ dment li n-nuqqasijiet fid-data ma jaqbżux il-5 % tat-titjiriet kollha rrapportati. Jekk jiġu identifikati lakuni fid-data għal aktar minn 5 % tat-titjiriet annwali, l-operatur jeħtieġlu jinforma lill-awtorità kompetenti u jieħu azzjoni korrettiva biex itejjeb il-ġbir tad-data.”
Din id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A, “Aktar eżiġenti jew jaqbżu l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u mhux “Differenza Sinifikanti”.
8.Id-differenza li ġejja għandha tapplika għall-punti 2.2.1.3.3, 2.2.1.3.4 u 2.2.1.3.5 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Monitoraġġ, Rapportar u Verifika (MRV) tal-emissjonijiet annwali ta’ CO2 tal-Operatur tal-Ajruplan”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Artikolu 55(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li jekk l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jaqbeż il-limitu tal-emittenti żgħar f’sena partikolari (y), l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jissottometti Pjan ta’ Monitoraġġ tal-Emissjonijiet aġġornat mingħajr dewmien żejjed sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-Awtorità tal-CORSIA ta’ [Stat Membru].”
Din id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A, “Aktar eżiġenti jew jaqbżu l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u mhux “Differenza Sinifikanti”.
9.Id-differenza li ġejja għandha tapplika għall-punt 1.2.6 tal-Kapitolu 1 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Amministrazzjoni”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“Skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li kull operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jkollu l-pjan ta’ monitoraġġ tiegħu u jirrapporta separatament, anki jekk ikun sussidjarju kollu kemm hu ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru ieħor, kif previst fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.”
Din id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A, “Aktar eżiġenti jew jaqbżu l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u mhux “Differenza Sinifikanti”.
10.Id-differenza li ġejja għandha tapplika għall-punt 1.5 tal-Kapitolu 1 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Amministrazzjoni”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Artikolu 68 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li l-iskadenza tar-rapportar għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru hija l-31 ta’ Marzu u mhux it-30 ta’ April ta’ kull sena, għas-sottomissjoni tal-emissjonijiet tas-sena kalendarja preċedenti, kif previst fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.”
Din id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A, “Aktar eżiġenti jew jaqbżu l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u mhux “Differenza Sinifikanti”.
11.Id-differenza li ġejja għandha tapplika għall-punti 2.2.2.1, 2.2.2.2 u 2.2.2.3 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Monitoraġġ, Rapportar u Verifika (MRV) tal-emissjonijiet annwali ta’ CO2 tal-Operatur tal-Ajruplan”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Artikolu 52 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jissottomettu l-pjan ta’ monitoraġġ mhux aktar tard minn 4 xhur qabel ma jibdew l-attivitajiet tal-avjazzjoni koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE jew mingħajr dewmien żejjed wara l-bidu tal-attivitajiet tal-avjazzjoni u mhux aktar tard minn 6 ġimgħat wara dan. Din l-iskeda ta’ żmien tvarja mill-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago fejn parteċipanti ġodda għandhom jissottomettu pjanijiet ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet fi żmien 3 xhur minn meta jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-applikabbiltà tagħha. Barra minn hekk, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-applikabbiltà għall-ewwel darba (mingħajr ma jikkwalifikaw bħala entranti ġodda), għandhom jissottomettu l-pjanijiet tagħhom fi żmien 3 xhur.”
Din id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A, “Aktar eżiġenti jew jaqbżu l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u mhux “Differenza Sinifikanti”.
12.Id-differenza li ġejja għandha tapplika għall-punt 2.4.2.1 tal-Kapitolu 2 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Monitoraġġ, Rapportar u Verifika (MRV) tal-emissjonijiet annwali ta’ CO2 tal-Operatur tal-Ajruplan”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067, u minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2.4.2.1 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li r-rapport dwar l-emissjonijiet għandu jiġi vverifikat minn verifikaturi akkreditati f’konformità ma’ dan ir-Regolament u minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni ta’ wieħed mill-istati taż-Żona Ekonomika Ewropea.”
Din id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A, “Aktar eżiġenti jew jaqbżu l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u mhux “Differenza Sinifikanti”.
13.Differenza relattiva għall-punt 4.2.1 tal-Kapitolu 4 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Kanċellazzjoni ta’ Unitajiet ta’ Emissjonijiet Eliġibbli CORSIA”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li minbarra l-unitajiet approvati mill-Kunsill tal-ICAO u f’konformità ma’ [it-tielet differenza dwar il-kriterji ta’ unitajiet addizzjonali], l-unitajiet li ġejjin jistgħu jintużaw mill-operaturi rreġistrati fi [Stat Membru] biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-CORSIA:
Krediti li nħarġu fir-rigward ta’ proġetti fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/87/KE. Dawn ikunu krediti maħruġa fir-rigward ta’ proġetti amministrati mill-Istati Membri tal-UE li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mhux koperti mill-EU ETS. Dawn ma għandhomx iwasslu għal dikjarazzjoni doppja jew ifixklu l-implimentazzjoni ta’ miżuri oħra ta’ politika mmirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet mhux koperti mid-Direttiva 2003/87/KE.”
Din id-differenza għandha tiġi nnotifikata meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/87/KE jiġu ssodisfati, u dawn il-krediti jinħarġu. Meta tiġi ffajlata din id-differenza, għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija B “Mezzi oħra ta’ konformità” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u mhux “Differenza Sinifikanti”.
14.Differenza relattiva għall-punt 4.2.1 tal-Kapitolu 4 tal-Anness 16, Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), “Kanċellazzjoni ta’ Unitajiet ta’ Emissjonijiet Eliġibbli CORSIA”, bid-Dettalji tad-Differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li minbarra l-unitajiet approvati mill-Kunsill tal-ICAO u f’konformità ma’ [it-tielet differenza dwar il-kriterji ta’ unitajiet addizzjonali], l-unitajiet li ġejjin jistgħu jintużaw mill-operaturi rreġistrati fi [Stat Membru] biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-CORSIA:
Krediti li ġew awtorizzati minn partijiet għal ftehimiet skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE. Dawn ikunu krediti awtorizzati fir-rigward ta’ ftehimiet konklużi bilateralment ma’ pajjiżi terzi [speċifika l-ftehim].”
Din id-differenza għandha tiġi nnotifikata meta l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE jiġu ssodisfati u dawn il-krediti jinħarġu. Meta tiġi ffajlata din id-differenza, għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija B “Mezzi oħra ta’ konformità” fis-Sistema EFOD (Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi), u mhux “Differenza Sinifikanti”.
15.Bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 13 u 14, kull Stat Membru għandu jiffajlja d-differenzi f’dan l-Artikolu mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill b’dan hekk kif il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Paragrafi 13 u 14 jimmaterjalizzaw permezz ta’ nota ta’ informazzjoni. L-Istati Membri tal-UE għandhom wara dan jinnotifikaw minnufih lill-ICAO.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil- jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,