IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.5.2023
COM(2023) 625 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tas-Slovakkja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tas-Slovakkja
{SWD(2023) 625 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tas-Slovakkja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tas-Slovakkja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih identifikat is-Slovakkja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2023 tas-Slovakkja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.
(3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.
(4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni, Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030, strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.
(5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (recovery and resilience plans, RRPs) tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(6)Ir-Regolament REPowerEU adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.
(7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija mġedda, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE. Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.
(8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investimenti. Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu lill-Istati Membri b’aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju, filwaqt li jistabbilixxu reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiżguraw li l-Istati Membri jwettqu l-impenji meħuda fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju. L-objettiv huwa li tiġi konkluża l-ħidma leġiżlattiva fl-2023.
(9)Fid-29 ta’ April 2021 is-Slovakkja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovakkja. Il-ħruġ tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li s-Slovakkja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura. Fis-26 ta’ April 2023, is-Slovakkja ppreżentat RRP nazzjonali modifikat lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 21c tar-Regolament (UE) 2021/241. Ir-RRP modifikat iqis ukoll il-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata f’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 u jinkludi talba motivata lill-Kummissjoni biex temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 peress li s-Slovakkja qieset li l-RRP parzjalment ma għadux jista’ jinkiseb minħabba ċirkostanzi oġġettivi.
(10)Fis-27 ta’ April 2023, is-Slovakkja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2023 u, fis-27 ta’ April 2023, il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tagħha, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tas-Slovakkja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għas-Slovakkja fl-24 ta’ Mejju 2023. Huwa vvaluta l-progress tas-Slovakkja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovakkja. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Ivvaluta wkoll il-progress tas-Slovakkja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(12)Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għas-Slovakkja u ppubblikat ir-riżultati tagħha. Hija kkonkludiet li s-Slovakkja mhix qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati mal-kompetittività, l-akkomodazzjoni, id-dejn tal-unitajiet domestiċi u l-bilanċ estern qed jiżdiedu, iżda b’mod ġenerali jidhru li huma inklużi fil-futur qrib u huma mistennija li jittaffew hekk kif il-kundizzjonijiet ekonomiċi jinnormalizzaw. L-ekonomija ntlaqtet b’mod qawwi mix-xokk tal-prezzijiet tal-enerġija bl-inflazzjoni tiżdied b’rata mgħaġġla. L-inflazzjoni bażika u t-tkabbir tal-kost ta’ unità lavorattiva huma ferm ogħla mill-medja taż-Żona tal-Euro. Filwaqt li huma mbassra li jinnormalizzaw, hemm ir-riskju li l-pressjoni fuq il-kompetittività tal-kostijiet tista’ tieħu ż-żmien biex tingħeleb, u li domanda domestika qawwija se tkompli tpoġġi pressjonijiet fuq il-kontijiet esterni. Il-kont kurrenti ddeterjora b’mod sinifikanti fl-2022 minħabba prezzijiet ogħla tal-importazzjoni tal-enerġija kif ukoll tnaqqis sinifikanti fl-esportazzjonijiet netti ta’ prodotti mhux tal-enerġija. Id-defiċit tal-kont kurrenti huwa mbassar li jitjieb ftit iżda li jibqa’ kbir fl-2023 u l-2024, minkejja t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija. Madankollu, ir-riskji esterni għas-sostenibbiltà huma vvalutati li huma limitati fil-futur qrib. Id-defiċits tal-gvern huma mbassra li jkunu sinifikanti din is-sena u li jmiss u li se jikkoreġu mill-2024. Il-prezzijiet tad-djar jidhru li huma kemxejn sopravalutati wara bosta snin ta’ tkabbir qawwi. Dan seħħ flimkien ma’ self għoli, li issa qed ikessaħ, u żieda qawwija fid-dejn tal-unitajiet domestiċi, li flimkien jippreżentaw xi riskju għall-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, is-settur bankarju għadu kapitalizzat sew, profittabbli ħafna u jirreġistra self improduttiv baxx. Huma meħtieġa sforzi kontinwi biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet ekonomiċi tas-Slovakkja. B’mod partikolari, id-domanda eċċessiva għandha tiġi riformulata biex tappoġġa l-korrezzjoni tad-defiċit tal-kont kurrenti u d-differenzjali tal-inflazzjoni ewlenija fil-konfront tal-bqija taż-Żona tal-Euro. Dan jista’ jinkiseb billi jiġu żgurati konsolidazzjoni fiskali adegwata u miżuri biex jiġi indirizzat id-dejn tal-unitajiet domestiċi, filwaqt li tinżamm l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni permezz ta’ tassazzjoni fuq il-proprjetà u miżuri li jappoġġaw il-provvista tal-akkomodazzjoni.
(13)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tas-Slovakkja naqas minn 5,4 % tal-PDG fl-2021 għal 2,0 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 61,0 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 57,8 % fi tmiem l-2022. Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ippubblikat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE; ir-rapport iddiskuta s-sitwazzjoni baġitarja tas-Slovakkja, billi d-defiċit tal-gvern estiż tagħha huwa ppjanat li jaqbeż it-3 % tal-PDG fl-2023. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat. F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2023; min-naħa tagħha, il-Kummissjoni iddikjarat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Jenħtieġ li s-Slovakkja tqis dan fl-eżekuzzjoni tal-baġit tagħha għall-2023 u fit-tħejjija tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2024.
(14)Il-bilanċ tal-gvern estiż ntlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri li jżidu n-nefqa kienu jinkludu benefiċċji għall-unitajiet domestiċi l-aktar esposti għal inflazzjoni għolja, żieda ta’ darba fil-benefiċċji tat-tfal, pagament ta’ darba tal-‘erbatax-il pensjoni’, bonus ta’ darba mħallas lill-impjegati kollha fis-settur pubbliku, u prezzijiet limitati tal-elettriku u tal-gass għall-kumpaniji mhux regolati. Il-kost ta’ dawn il-miżuri kien parzjalment ikkumpensat minn taxxi ġodda fuq profitti mhux mistennija tal-produtturi u l-fornituri tal-enerġija, jiġifieri l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà pprovduta skont ir-regolament tal-UE. Il-Kummissjoni tistma li l-kost baġitarju nett ta’ dawn il-miżuri huwa ta’ 0,2 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie affettwat ukoll mill-kost baġitarja tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna, li hija stmata għal 0,1 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, l-kost stmat tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 naqset għal 0,8 % tal-PDG fl-2022, minn 3,2 % fl-2021.
(15)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 is-Slovakkja żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment.
(16)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali fl-2022 kienet restrittiva, b’1,3 % tal-PDG li kienet xierqa f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, is-Slovakkja kompliet tappoġġa l-irkupru b’investimenti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,2 % tal-PDG fl-2022 (1,3 % tal-PDG fl-2021). It-tnaqqis fin-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE fl-2022 kien dovut għall-assorbiment baxx tal-fondi strutturali tal-UE u l-posponimenti tal-infiq realizzat mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Għalhekk, is-Slovakkja ppreservat l-investiment iffinanzjat nazzjonalment, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata min-nazzjon (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovda kontribuzzjoni restrittiva ta’ 1,3 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Għalhekk is-Slovakkja żammet biżżejjed taħt kontroll it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment.
(17)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa realistiku fl-2023 u minn hemm ’il quddiem. Il-gvern jipproġetta li l-PDG reali se jikber b'1,3 % fl-2023 u b’1,8 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali ogħla ta’ 1,7 % fl-2023 u 2,1 % fl-2024, prinċipalment minħabba rkupru aktar mgħaġġel milli mistenni fl-esportazzjonijiet hekk kif il-konġestjonijiet fil-katina tal-provvista huma mistennija li jisparixxu u l-perspettiva ekonomika tad-destinazzjonijiet ewlenin tal-esportazzjoni tas-Slovakkja tjiebet.
(18)Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, il-gvern jistenna li l-proporzjon tad-defiċit tal-gvern estiż se jiżdied għal 6,3 % tal-PDG fl-2023. Iż-żieda fl-2023 tirrifletti prinċipalment il-miżuri adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll miżuri oħra bħaż-żieda tal-bonus tat-taxxa u l-benefiċċji għat-tfal, u l-introduzzjoni ta’ bonus tal-ġenituri. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied minn 57,8 % fl-aħħar tal-2022 għal 58,7 % fl-aħħar tal-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 6,1 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa konformi mal-proġettazzjoni tad-defiċit fil-Programm ta’ Stabbiltà. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż simili, ta’ 58,3 % fi tmiem l-2023.
(19)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 huwa mistenni li jkompli jiġi affettwat mill-miżuri fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu f’miżuri estiżi mill-2022, b’mod partikolari limitu massimu fuq il-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass għall-kumpaniji mhux regolati, u miżuri ġodda bħal limitu massimu fuq il-prezzijiet tal-provvista tal-elettriku, tal-gass u tat-tisħin għad-djar u għall-kumpaniji (żgħar) regolati. Il-kost ta’ dawn il-miżuri huwa parzjalment ikkumpensat minn taxxi fuq profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija, jiġifieri l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà marbuta mar-regolament tal-UE, l-imposta speċjali għall-kumpanija tal-kostruzzjoni tal-ġestjoni tal-ilma, u l-limitu fuq id-dħul għall-produtturi tal-elettriku bi profitti eċċessivi. Meta jitqies dan id-dħul, il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ huwa pproġettat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 2.0 % tal-PDG fl-2023. Fl-2023 il-miżuri ma jidhrux li huma mmirati lejn unitajiet domestiċi jew ditti l-iktar vulnerabbli, u ma jippreservawx bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. B’riżultat ta’ dan, l-ebda miżura ta’ appoġġ immirata ma għandha titqies fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjoni għall-2023 (meta mqabbla ma’ 0,2 % tal-PDG fl-2022). Il-kost baġitarju tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna huwa pproġettat li jonqos b’0,1 punt perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2022. Fl-aħħar nett, il-bilanċ tal-gvern tal-2023 huwa mistenni li jibbenefika mit-tneħħija gradwali tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 ta’ 0,8 % tal-PDG.
(20)Fit-12 ta’ Lulju 2022 il-Kunsill irrakkomanda li s-Slovakkja tieħu azzjoni biex fl-2023 tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni politika newtrali b’mod kumplessiv, filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Is-Slovakkja jenħtieġ li tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali f’sitwazzjoni li qiegħda tevolvi. Is-Slovakkja ngħatat ukoll ir-rakkomandazzjoni li tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(21)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pprojjettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun espansjonarja (6,2 % tal-PDG), fil-kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Din issegwi l-pożizzjoni fiskali restrittiva fl-2022 (1,3 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribut espansiv ta’ 4,4 % tal-GDP għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi l-kost imnaqqas tal-miżuri ta’ appoġġ immirati għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,2 % tal-PDG. Dan jinkludi wkoll il-kostijiet aktar baxxi biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (b’0,1 % tal-PDG). Għalhekk, il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali mhijiex dovuta għall-appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) huwa xprunat minn miżuri tal-enerġija mhux immirati, żidiet permanenti fil-pagi għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, u t-tnaqqis fir-rati tal-VAT fuq is-setturi tal-ikel u tad-divertiment. Fil-qosor, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali mhuwiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tammonta għal 2,8 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 punt perċentwali. Is-Slovakkja qed tippjana li tiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE u tipproġetta li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Hija tippjana li tiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-Istrateġija Nazzjonali għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni, bil-għan li żżid il-flessibbiltà u tqassar iż-żmien tax-xiri tas-servizzi u tinvolvi firxa usa’ ta’ fornituri, inklużi kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju.
(22)Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 4,7 % tal-PDG fl-2024. It-tnaqqis fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tneħħija gradwali tal-miżuri li jtaffu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż jiżdied għal 59,3 % fi tmiem l-2024. Fuq il-bażi tal-miżuri ta’ politika li jkunu magħrufin fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,8 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi mal-proġezzjoni tad-defiċit fil-programm. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż simili, ta’ 58,7 % fl-2024.
(23)Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Il-Kummissjoni tassumi wkoll it-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Dan jiddependi fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija.
(24)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jitlob titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv ta’ terminu medju ta’ 0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment. Meta jitqiesu konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali, u l-ħtieġa li l-iżbilanċ jitnaqqas għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD, ikun xieraq titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 0,7 % tal-PGD għall-2024. Sabiex jiġi żgurat tali titjib, it-tkabbir fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 jenħtieġ li ma jaqbiżx il-5,7 %, kif rifless f’din ir-rakkomandazzjoni. Dan se jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-inflazzjoni bażika, li hija ferm ogħla mill-medja taż-Żona tal-Euro, u li jista’ jwassal għal telf fil-kompetittività jekk ikun persistenti, u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna.
Fl-istess ħin, il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li jifdal (attwalment stmati mill-Kummissjoni għal 2 % tal-PDG fl-2023) għandhom jitneħħew gradwalment, jiddependu fuq l-iżviluppi tas-suq tal-enerġija u jibdew minn dawk l-inqas immirati, u l-iffrankar relatat għandu jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, dan iwassal għal tkabbir fin-nefqa primarja netta taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata għall-2024.
Barra minn hekk, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 mhuwiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jekk dan jiġi kkonfermat, ikun xieraq li jkun hemm inqas tkabbir fin-nefqa primarja netta fl-2024.
(25)Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment tikber għal 2,5 % fl-2024, li hija taħt ir-rata ta’ tkabbir rakkomandata. L-aġġustament ipproġettat fit-tbassir tal-Kummissjoni huwa inqas mill-iffrankar mit-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija, li huwa dovut għal miżuri ta’ nefqa permanenti bħal kumpens ogħla tal-impjegati pubbliċi, il-pakkett tal-familja inkluż bonus tat-taxxa u żieda fil-benefiċċji tat-tfal, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ bonus tal-ġenituri skont ir-riforma tal-pensjonijiet.
(26)Skont il-programm, l-investiment tal-gvern huwa mistenni li jonqos minn 5,1 % tal-PDG fl-2023 għal 4,0 % tal-PDG fl-2024. L-investiment aktar baxx jirrifletti investiment aktar baxx iffinanzjat mill-UE, jiġifieri permezz tal-Fondi Strutturali. Il-programm jirreferi għal riformi u investimenti, li huma mistennija jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dawn jinkludu riforma approvata reċentement li tintroduċi limiti massimi tan-nefqa u riforma tal-pensjonijiet, li huma wkoll parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
(27)Il-programm ta’ Stabbiltà jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Skont il-programm, il-miri tal-gvern jipproġettaw li l-iżbilanċ jilħaq 3,2 % tal-PGD fl-2025 u 2,2 % fl-2026. Id-defiċit tal-gvern huwa għalhekk mistenni li jaqa’ taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % fl-2026.
(28)Is-sistema tat-taxxa tas-Slovakkja turi l-potenzjal li tiġi riformata biex tingħata spinta lill-effiċjenza ekonomika, tippromwovi s-sostenibbiltà ambjentali u fiskali, u titjieb l-ekwità. Il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol huwa partikolarment għoli għal dawk bi dħul baxx meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-UE. B’kuntrast ma’ dan, it-tassazzjoni ambjentali u fuq il-proprjetà ma tintużax sal-potenzjal kollu tagħha. Il-bidla fit-taħlita tat-taxxa tista’ tappoġġa t-tkabbir u tgħin ukoll fl-inkoraġġiment tat-tranżizzjoni ekoloġika u tas-sostenibbiltà ambjentali. Minkejja l-intensità għolja ta’ enerġija tal-ekonomija, id-dħul mit-taxxi ambjentali kien ta’ 2,5 % fl-2021, qrib il-medja tal-UE. L-imposti ambjentali relatati mal-ġestjoni tal-iskart u t-tniġġis tal-arja ma jixprunawx biżżejjed l-użu tar-riżorsi effiċjenti u ma jnaqqsux il-kostijiet għall-ambjent u għas-soċjetà. It-taxxi u l-imposti ambjentali mhumiex indiċjati, u dan tul iż-żmien inaqqas id-dħul ekoloġiku. It-taxxi tat-triq u l-ħlasijiet ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi ma jirriflettux b’mod suffiċjenti l-intensità tal-emissjonijiet. B’mod ġenerali, is-sehem tat-tassazzjoni fuq it-trasport tad-dħul totali mit-taxxa huwa biss ta’ 0,58 % (il-medja tal-UE hija ta’ 1 %). Dwar it-tassazzjoni fuq il-proprjetà, id-dħul mit-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà kien relattivament baxx fl-2021 (0,5 % tal-PDG meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’1,2 %). Is-Slovakkja bħalissa ma għandhiex biżżejjed data biex tippermetti li l-bażi għat-taxxa fuq il-proprjetà tiġi aġġornata u indiċjata f’konformità mal-valuri tas-suq, għalkemm dan jista’ wkoll irażżan parzjalment id-domanda qawwija kontinwa għall-akkomodazzjoni u t-tkabbir qawwi relatat fil-prezzijiet tad-djar. Barra minn hekk, aktar sforzi biex jiġu ssimplifikati t-taxxi u titjieb il-konformità mar-regoli tat-taxxa jistgħu jżidu d-dħul pubbliku u min-naħa tagħhom jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali u jtejbu l-ġustizzja. Fl-2020, id-diskrepanza fil-konformità tat-taxxa tal-VAT fis-Slovakkja kompliet ix-xejra ’l isfel tagħha. Dan naqas minn 15 % fl-2019 għal 13,9 % tad-dħul totali mistenni mill-VAT fl-2020 iżda xorta għadu ogħla mill-medja tal-UE (9,1 %). Aktar titjib fl-amministrazzjoni tat-taxxa, inkluż fil-fatturazzjoni elettronika, fil-prospetti tat-taxxa mimlijin minn qabel u aktar diġitalizzazzjoni jistgħu jgħinu biex ikompli jitnaqqas it-telf fis-sistema tat-taxxa.
(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovakkja sa issa kienet miexja sew, madankollu qed tiffaċċja xi sfidi fil-futur. Is-Slovakkja ppreżentat żewġ talbiet għal pagament, li jikkorrispondu għall-istadji importanti u l-miri tat-30 fil-pjan u li jirriżultaw fi żborż ġenerali ta’ EUR 1,11 biljun. Is-Slovakkja kienet fost l-Istati Membri bl-iktar progress mgħaġġel fl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, iżda ostakli potenzjali minħabba ostakli fil-kapaċità amministrattiva, flimkien mal-ħtieġa li tibda taħdem fuq miżuri addizzjonali tal-kapitolu REPowerEU ppreżentat mis-Slovakkja bħala parti mir-reviżjoni tal-pjan tagħha fis-26 ta’ April 2023, jappellaw għal enfasi msaħħa fuq l-implimentazzjoni. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tas-Slovakkja fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.
(30)Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tas-Slovakkja fl-2022. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fis-Slovakkja.
(31)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, is-Slovakkja tiffaċċa għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika.
(32)Il-progress mis-Slovakkja fit-tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra fil-biċċa l-kbira waqaf f’dawn l-aħħar snin. Il-pajjiż jibqa’ ekonomija strutturalment intensiva fl-enerġija b’dipendenza għolja fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. L-intensità tal-enerġija primarja tas-Slovakkja kienet ta’ madwar 80 % ogħla mill-medja tal-UE fl-2020, filwaqt li l-konsum finali tal-enerġija tagħha żdied bi 13,5 % bejn l-2015 u l-2021. Is-Slovakkja kisbet xi progress fid-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet tal-enerġija fl-2022, iżda l-miżuri għall-iffrankar tal-gass ma ġewx implimentati biżżejjed. Il-konsum tal-gass naturali tas-Slovakkja naqas b’1 % fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-ħames snin preċedenti, ferm inqas mill-mira ta’ tnaqqis ta’ 15 %. Is-Slovakkja hija mħeġġa ssaħħaħ l-isforzi biex tnaqqas temporanjament id-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024. Is-sehem tal-importazzjonijiet tal-gass naturali mir-Russja tnaqqas minn 85 % għal madwar 50 % mis-sajf tal-2022. Filwaqt li r-riformi inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza wasslu għal żieda sinifikanti fil-kapaċità disponibbli għall-konnessjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mal-grilja fis-Slovakkja, sehem żgħir biss tal-kapaċità libera ntuża biex jiġu konnessi installazzjonijiet rinnovabbli ġodda. Użu aktar mgħaġġel ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jgħin jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi u titnaqqas id-dipendenza tas-Slovakkja fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili (inkluż mir-Russja), u b’hekk jittaffa r-riskju tal-faqar enerġetiku fi prezzijiet volatili tal-enerġija. Il-kapaċità installata kumulattiva tal-enerġija solari u eolika kienet ta’ madwar 7 % tal-kapaċità installata totali fl-2022, it-tieni l-aktar livell baxx fl-UE.
(33)Is-Slovakkja ppromulgat riformi fil-qasam tat-tfassil tas-suq u tal-appoġġ għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-2022, bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha, iżda miżuri ulterjuri jippermettu introduzzjoni aktar rapida ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari għar-riħ, għax-xemx, għall-ġeotermali, għall-bijometan u għall-idroġenu. Dawn jinkludu s-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi u amministrattivi, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ “punti uniċi ta’ servizz” amministrattivi u żoni “go-to” għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Is-Slovakkja tibbenefika jekk il-proċeduri għall-aċċess għall-grilja tal-enerġija rinnovabbli jsiru aktar effiċjenti, b’mod partikolari permezz tar-riforma tas-sistema ta’ riżerva tal-kapaċità, billi l-konnessjoni mal-grilja ssir inqas ta’ piż amministrattiv, u billi jiġu riveduti t-tariffi għall-konnessjoni mal-grilja, f’konformità mal-parametri referenzjarji u l-aħjar prattika tal-UE. Biex takkomoda l-volum dejjem akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli intermittenti, is-Slovakkja għandha potenzjal kbir biex timmodernizza n-networks tal-elettriku tagħha (kemm fil-livell ta’ trażmissjoni kif ukoll ta’ distribuzzjoni), tibni faċilitajiet ġodda għall-ħżin tal-elettriku u tavvanza bil-ħolqien tal-qafas regolatorju għall-idroġenu rinnovabbli. Aktar progress fl-iżvilupp tas-setturi tal-enerġija ġeotermali u tal-bijometan jissostitwixxi l-gass naturali, li jintuża b’mod wiesa’ bħala sors ta’ enerġija fis-sistemi ta’ tisħin distrettwali u fejn l-użu ta’ sorsi ta’ sħana rinnovabbli jibqa’ sottożviluppat.
(34)Filwaqt li s-Slovakkja qed tagħmel progress fl-effiċjenza enerġetika tal-bini residenzjali bħala riżultat tal-investiment ambizzjuż tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tal-Fond ta’ Koeżjoni, huwa meħtieġ aktar sforz, speċjalment fir-rinnovazzjonijiet profondi ta’ bini mhux residenzjali pubbliku u privat, flimkien ma’ miżuri ta’ rinnovazzjoni mmirati lejn il-faqar enerġetiku u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli. Is-Slovakkja tibbenefika jekk tindirizza diversi ostakli biex taċċellera r-rinnovazzjonijiet tal-bini u tattira aktar investiment privat, jiġifieri billi: (i) tadatta tal-iskemi ta’ rinnovazzjoni; (ii) tipprovdi assistenza teknika; (iii) tiżviluppa l-approċċ ta’ “punt uniku ta’ servizz”; (iv) tiġbor data rilevanti dwar l-enerġija dwar il-bini pubbliku biex jgħin fil-prijoritizzazzjoni tal-investiment; u (v) ittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi differenti u l-programmi ta’ finanzjament. Huwa meħtieġ sforz addizzjonali biex jiġi indirizzat strutturalment il-faqar enerġetiku, b’mod partikolari permezz ta’ skemi ddedikati ta’ rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni u assistenza teknika u amministrattiva li tirrifletti l-ħtiġijiet tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli, flimkien ma’ riformi u investiment fl-akkomodazzjoni soċjali. Biex is-Slovakkja tkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, se tkun meħtieġa ambizzjoni akbar fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u fiż-żieda tal-miri għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika.
(35)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-manifattura, l-iskjerament u ż-żamma ta’ teknoloġiji żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet netti. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Is-Slovakkja għandha wieħed mill-ogħla ishma ta’ impjiegi fil-manifattura tal-karozzi u fl-industrija tal-azzar fl-UE, setturi affettwati ħafna mit-tranżizzjoni ekoloġika. Fl-istess ħin, fl-2022, ġew irrapportati nuqqasijiet ta’ ħaddiema għal 24 okkupazzjoni li jeħtieġu ħiliet ekoloġiċi, inklużi ħaddiema tal-iżolament, plamers u fitters tal-pajpijiet, kif ukoll elettriċisti tal-bini u relatati. Dan jitlob lievi ta’ politika effettivi biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika f’firxa wiesgħa ta’ setturi, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja.
(36)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(37)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ fuq bażi wiesgħa għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu investiment pubbliku għoli u jippromwovu l-investiment privat biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet; (iv) itejbu l-ambjent tan-negozju u jiżguraw li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju, immirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika; u (v) jippreservaw l-istabbiltà makrofinanzjarja u jimmonitorjaw ir-riskji filwaqt li jkomplu jaħdmu fuq it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Għas-Slovakkja, ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u l-ħames rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2023 u fl-2024 is-Slovakkja tieħu azzjoni biex:
1.Tnaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sa tmiem l-2023, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Jekk iż-żidiet mġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u tippreserva l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.
Tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment fl-2024 għal mhux aktar minn 5,7 %.
Tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-RRF u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Għall-perjodu lil hinn mill-2024, tkompli ssegwi strateġija fiskali fuq terminu medju ta’ konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, biex tinkiseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.
Tagħmel it-taħlita tat-taxxa aktar effiċjenti u aktar ta’ appoġġ għal tkabbir inklużiv u sostenibbli, inkluż billi tiġi sfruttata t-tassazzjoni ambjentali u fuq il-proprjetà. Tkompli ssaħħaħ il-konformità mat-taxxa, inkluż billi tkompli tiddiġitalizza l-amministrazzjoni tat-taxxa.
Tnaqqas ir-riskji relatati mad-dejn tal-unitajiet domestiċi billi tappoġġa l-provvista tad-djar u l-espansjoni tas-suq tal-kiri.
2.Iżżomm il-momentum fl-implimentazzjoni kostanti tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u tiffinalizza malajr l-addendum, inkluż il-kapitolu REPowerEU, bil-ħsieb li tibda malajr l-implimentazzjoni tiegħu. Tkompli l-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
3.Tnaqqas id-dipendenza tal-ekonomija fuq il-fjuwils fossili, b’mod partikolari fuq il-gass naturali fl-industrija u t-tisħin, u tiddiversifika l-importazzjonijiet ta’ fjuwils fossili. Taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari għall-gassijiet eoliċi, solari, ġeotermali u rinnovabbli, f’konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà rilevanti. Tissimplifika l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi u amministrattivi għall-użu ta’ sorsi rinnovabbli, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ żoni ta’ “one-stop-shops” u “go-to”. Timmodernizza n-network tal-elettriku u tagħmel il-proċeduri għall-konnessjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-grilja aktar effiċjenti u inqas għaljin. Taċċellera u tinċentiva rinnovazzjonijiet profondi ta’ bini pubbliku u privat, jindirizzaw il-faqar enerġetiku permezz ta’ rinnovazzjonijiet tal-akkomodazzjoni għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u żżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-provvista u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President