Brussell, 24.5.2023

COM(2023) 615 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Litwanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Litwanja

{SWD(2023) 615 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Litwanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Litwanja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih identifikat lil-Litwanja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2023 tal-Litwanja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.

(3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.

(4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti 5 biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Huwa għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni, Il-kompetittività fit-tul tal-UE: Inħarsu lil hinn mill-2030 6 , strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.

(5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)Ir-Regolament REPowerEU 7 adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

(7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 8 . Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet li reġa’ hemm kawża tal-prezzijiet tal-enerġija, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE 9 . Hija rrakkomandat li jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

(8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investimenti. Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu lill-Istati Membri b’aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju, filwaqt li jistabbilixxu wkoll reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiżguraw li l-Istati Membri jwettqu l-impenji li jieħdu fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju. L-objettiv huwa li tiġi konkluża l-ħidma leġiżlattiva fl-2023.

(9)Fl-14 ta’ Mejju 2021, il-Litwanja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fl-20 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Litwanja 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Litwanja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(10)Fis-27 ta’ April 2023, il-Litwanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2023, u fit-28 ta’ April 2023 il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2023, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Litwanja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għal-Litwanja 11 fl-24 ta’ Mejju 2023. Huwa vvaluta l-progress tal-Litwanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022 u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Litwanja. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Litwanja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(12)Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għal-Litwanja u ppubblikat ir-riżultati tagħha 12 . Hija kkonkludiet li l-Litwanja mhijiex qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, dan l-aħħar il-vulnerabbiltajiet relatati mal-kompetittività tal-prezzijiet, il-bilanċi esterni u l-iżviluppi fil-prezzijiet tad-djar żdiedu, iżda b’mod ġenerali jidher li fil-preżent huma kkontrollati. L-ekonomija kienet affettwata b’mod qawwi mix-xokk tal-prezz tal-enerġija bl-inflazzjoni tiżdied b’rata mgħaġġla; madankollu, il-kompetittività tal-Litwanja hija pproġettata li tirkupra bil-mod hekk kif il-prezzijiet tal-enerġija qed jonqsu. Il-kont kurrenti ddeterjora b’mod sinifikanti fl-2022 minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni tal-enerġija iżda huwa mbassar li jersaq qrib il-bilanċ din is-sena. Għall-ġejjieni, id-defiċits ħfief fil-kont kurrenti mhux se jikkompromettu s-sostenibbiltà esterna minħabba l-pożizzjoni soda tal-istokk tagħha. Madankollu, il-pressjonijiet minħabba l-inflazzjoni u l-pagi, jekk persistenti, jirriskjaw li jdgħajfu l-kompetittività tal-Litwanja, b’mod partikolari billi l-inflazzjoni bażika hija ferm ogħla mill-medja taż-Żona tal-Euro. Il-prezzijiet tad-djar żdiedu b’mod qawwi mill-pandemija, iżda ma hemm l-ebda evidenza ta’ sopravalutazzjoni u l-prezzijiet issa qed jimmoderaw minħabba ż-żidiet fir-rati tal-imgħax u r-reċessjoni ekonomika li għaddejja bħalissa. Barra minn hekk, id-dejn tal-unitajiet domestiċi huwa baxx, u s-settur bankarju huwa kapitalizzat sew, profittabbli ħafna u jirreġistra self improduttiv baxx. It-tfassil tal-politika huwa ġeneralment favorevoli, għalkemm xi politiki jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati r-riskji mill-vulnerabbiltajiet identifikati. F’dan ir-rigward, huma importanti li jibqgħu għaddejjin politiki fiskali u makroprudenzjali kontroċikliċi, li jiġu msaħħa meta jkun meħtieġ. Fl-istess ħin, aktar enfasi fuq it-trawwim tal-kompetizzjoni fis-suq domestiku u l-politiki biex jiżdiedu l-kwalità u l-kwantità tal-provvista tax-xogħol jistgħu jgħinu fil-ġestjoni tal-pressjonijiet minħabba l-prezzijiet u l-ispiża tal-unità lavorattiva.

(13)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 13 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Litwanja naqas minn 1,2 % tal-PDG fl-2021 għal 0,6 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 43,7 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 38,4 % fi tmiem l-2022.

(14)Il-bilanċ tal-gvern estiż intlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, miżuri bħal dawn li jnaqqsu d-dħul kienu jinkludu kumpensi tal-VAT għat-tisħin distrettwali għall-unitajiet domestiċi, filwaqt li miżuri bħal dawn li jżidu n-nefqa kienu jinkludu limiti massimi tal-prezzijiet għat-tariffi tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u dawk mhux domestiċi u għat-tariffi tal-gass naturali għall-konsumaturi domestiċi, u sussidji lil kumpaniji li joperaw f’setturi affettwati minn prezzijiet għoljin tal-enerġija. Il-Kummissjoni tistma li l-ispiża baġitarja netta ta’ dawn il-miżuri hija ta’ 1,3 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie affettwat ukoll mill-ispiża baġitarja tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna, li hija stmata għal 0,3 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, l-ispiża stmata tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 naqset għal 0,4 % tal-PDG fl-2022, minn 0,6 % fl-2021.

(15)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 il-Litwanja 14 żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll lil-Litwanja biex tikkontrolla t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali.

(16)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 15 fl-2022 kienet restrittiva, b’0,9 % tal-PDG, li kienet xierqa f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, il-Litwanja kompliet tappoġġa l-irkupru b’investimenti ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,1 % tal-PDG fl-2022 (1,3 % tal-PDG fl-2021). L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni newtrali għall-pożizzjoni fiskali 16 . Il-Litwanja, għalhekk, ippreservat l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazjonali (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovda kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,9 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Għalhekk, il-Litwanja żammet biżżejjed taħt kontroll it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali.

(17)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa realistiku. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber b’0,5 % fl-2023 u bi 3,0 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta l-istess tkabbir tal-PDG reali ta’ 0,5 % fl-2023 u tkabbir tal-PDG reali aktar baxx ta’ 2,7 % fl-2024, prinċipalment minħabba tkabbir ipproġettat relattivament aktar baxx fil-konsum u fl-investiment fl-2024.

(18)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, il-gvern jistenna li l-proporzjon tad-defiċit tal-gvern estiż se jiżdied għal 2,2 % tal-PDG fl-2023. Iż-żieda fl-2023 tirrifletti prinċipalment miżuri li jżidu l-infiq li għandhom l-għan li jappoġġaw unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx (bħal żidiet fil-benefiċċji soċjali u l-pensjonijiet), kif ukoll stima ta’ dħul aktar baxx mit-taxxa u mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (bħala sehem tal-PDG). Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos minn 38,4 % fi tmiem l-2022 għal 37,8 % fi tmiem l-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 1,7 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa aktar baxx mid-defiċit previst fil-Programm ta’ Stabbiltà, prinċipalment minħabba proġettazzjoni ogħla ta’ dħul mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u proġettazzjonijiet kemxejn aktar baxxi tal-infiq tal-gvern fuq il-konsum intermedju u fuq l-investiment. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon aktar baxx tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 37,1 % fi tmiem l-2023. Id-differenza hija dovuta għal defiċit tal-gvern ipproġettat aktar baxx.

(19)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 huwa mistenni li jkompli jiġi affettwat mill-miżuri adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu f’miżuri estiżi mill-2022 (b’mod partikolari: limiti fuq il-prezzijiet għat-tariffi tal-elettriku u tal-gass naturali għall-konsumaturi tal-unitajiet domestiċi u mhux tal-unitajiet domestiċi). L-ispiża baġitarja netta tal-miżuri ta’ appoġġ hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,7 % tal-PDG fl-2023 17 . Jidher li l-miżuri fl-2023 mhumiex immirati lejn l-aktar entitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli, u ma jħarsux is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda u tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija. B’riżultat ta’ dan, ma hemm l-ebda miżura ta’ appoġġ immirata li għandha titqies fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjoni għall-2023. L-ispiża baġitarja tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna hija pproġettata li tibqa’ stabbli meta mqabbla mal-2023, fil-livell ta’ 0,3 % tal-PDG.

(20)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 18 li l-Litwanja tieħu azzjoni biex tara li fl-2023 it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni politika newtrali b’mod kumplessiv 19 , filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Litwanja jenħtieġ li tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali f’sitwazzjoni li qiegħda tevolvi. Il-Litwanja kienet irrakkomandata wkoll biex tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

(21)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun espansjonarja (- 0,8 % tal-PDG), fil-kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Din issegwi l-pożizzjoni fiskali restrittiva fl-2022 (+0,9 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezjonarji ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,4 % tal-GDP għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Fil-qosor, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tammonta għal 2,0 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 punti perċentwali 20 . Għalhekk, il-Litwanja qed tippjana li tiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, u huwa pproġettat li tippreserva l-investiment l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Hija tippjana li tiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-investiment fl-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli lokali, u l-installazzjoni tal-infrastruttura tal-ħżin tal-elettriku, li se tiffaċilita l-isforzi tal-Litwanja biex tiskonnettja mill-grilja tal-elettriku, li topera b’mod sinkroniku mas-sistemi Russi u Belarussi. Dawn l-investimenti huma ffinanzjati parzjalment mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE.

(22)Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 1,7 % tal-PDG fl-2024. It-tnaqqis fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tneħħija gradwali tal-miżuri adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG jonqos għal 37,7 % fi tmiem l-2024. Fuq il-bażi tal-miżuri ta’ politika li jkunu magħrufin fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 1,4 % tal-PDG għall-2024. Dan huwa aktar baxx mill-proporzjon tad-defiċit ipproġettat fil-programm, prinċipalment minħabba nefqa tal-gvern aktar baxxa fuq il-konsum intermedju u PDG nominali aktar b’saħħtu. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 36,6 % fi tmiem l-2024.

(23)Il-programm ta’ Stabbiltà jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Il-Kummissjoni tassumi wkoll it-tneħħija gradwali ta’ kważi l-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-enerġija (spiża netta ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2024). Dawn l-istimi jiddependu fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija.

(24)Fil-programm, il-Litwanja qed tippjana li tilħaq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju - bilanċ baġitarju strutturali ta’ - 1,0 % tal-PDG 21 - fl-2023 u li żżommu matul il-bqija tal-perjodu tal-programm. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2023, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li jkun ta’ -0,6 % tal-PDG fl-2023 u ta’ -0,3 % tal-PDG fl-2024, ogħla mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Il-politika fiskali prudenti fl-2024 se tikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-inflazzjoni bażika, li hija ferm ogħla mill-medja taż-Żona tal-Euro, u li tista’ twassal għal telf fil-kompetittività jekk dan ikun persistenti.

(25)Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tikber għal 2,7 % fl-2024.

(26)Skont il-programm, l-investiment tal-gvern huwa mistenni li jonqos minn 4,0 % tal-PDG fl-2023 għal 3,9 % tal-PDG fl-2024. L-investiment aktar baxx jirrifletti investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali aktar baxx u investiment iffinanzjat mill-UE.

(27)Il-programm ta’ Stabbiltà jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Fil-Programm, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 1,4 % tal-PDG fl-2025 u għal 0,9 % sal-2026. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu tal-programm. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied minn 37,7 % fi tmiem l-2024 għal 38,6 % sa tmiem l-2026.

(28)Id-dħul mit-taxxa tal-Litwanja bħala sehem mill-PDG huwa ferm inqas mill-medja tal-UE, u jillimita l-finanzjament disponibbli għan-nefqa pubblika fuq il-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali u s-servizzi pubbliċi ġenerali. Id-diskrepanza tal-VAT (id-differenza bejn id-dħul mistenni mill-VAT u l-ammont miġbur) għadha waħda mill-ogħla fl-UE, minkejja li l-istimi preliminari juru li din setgħet naqset b’mod sinifikanti fl-2021. Fl-2021, id-dħul mit-taxxi fuq il-proprjetà, li huwa fost it-taxxi l-inqas detrimentali għat-tkabbir, ammonta biss għal 0,3 % tal-PDG, madwar seba’ darbiet inqas mill-medja tal-UE. Il-Litwanja ġabret nofs il-medja tal-UE minn taxxi fuq l-introjtu korporattiv (bħala sehem tal-PDG), kellha xi wħud mill-aktar taxxi baxxi fuq it-trasport fl-UE u hija waħda mill-ftit Stati Membri mingħajr taxxa annwali fuq il-karozzi.   L-infiq pubbliku fuq il-protezzjoni soċjali żdied fl-2015-2021, iżda għadu ferm taħt il-medja tal-UE. Dan jissarraf f’livelli relattivament baxxi u kopertura limitata tal-benefiċċji soċjali, bil-pensjonijiet tal-irtirar fost l-aktar baxxi fl-UE meta mqabbla mal-introjti tal-impjiegi. In-nefqa fuq is-servizzi pubbliċi ġenerali hija partikolarment baxxa, u tirċievi kważi nofs il-finanzjament (bħala perċentwal tal-PDG) mill-medja tal-UE. Ir-riżorsi finanzjarji inadegwati għall-kura tas-saħħa jirriżultaw fi żminijiet twal ta’ stennija u livelli għoljin ta’ ħtiġijiet mhux issodisfati għall-kura medika, spejjeż għoljin mill-but għall-pazjenti, u l-inabbiltà li jiġu offruti salarji kompetittivi lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa. Fl-2021-2023 il-Litwanja introduċiet diversi miżuri tan-nefqa permanenti ewlenin (bħal żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku, pensjonijiet u benefiċċji soċjali oħra), li mhumiex akkumpanjati minn miżuri ta’ finanzjament korrispondenti, li jista’ jkun ta’ sfida għas-sostenibbiltà fiskali tal-Litwanja fuq perjodu twili ta’ żmien.

(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Litwanja tinsab fi stadju avvanzat. Fit-30 ta’ Novembru 2022, il-Litwanja ppreżentat l-ewwel talba għal pagament, u l-Kummissjoni adottat valutazzjoni pożittiva għal 31 minn 33 stadju importanti li jkopru sitta mis-seba’ komponenti tal-pjan, filwaqt li żewġ stadji importanti relatati mar-riformi tat-taxxa ġew ivvalutati bħala mhux issodisfati b’mod sodisfaċenti. Għalhekk, il-Kummissjoni attivat il-proċedura ta’ “sospensjoni tal-pagamenti” li tagħti lil-Litwanja żmien addizzjonali biex tissodisfa dawn l-istadji importanti, filwaqt li rċeviet pagament parzjali ta’ EUR 542,3 miljun (nett mill-prefinanzjament) marbut mal-istadji importanti li ġew issodisfati b’mod sodisfaċenti. Bħala riżultat ta’ ċirkostanzi oġġettivi relatati maż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-materjali tal-kostruzzjoni, u r-restrizzjonijiet fil-katina tal-provvista minħabba l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Litwanja biħsiebha tippreżenta modifiki għall-pjan, kif ukoll kapitolu REPowerEU biex taċċellera d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. F’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2021/241, fit-30 ta’ Marzu 2023, il-Litwanja esprimiet l-intenzjoni tagħha li titlob EUR 1 800 000 000 ta’ appoġġ ta’ self addizzjonali bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Litwanja fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

(30)Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Litwanja fl-2022. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fil-Litwanja.

(31)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Litwanja tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mas-sistema tas-saħħa, is-servizzi soċjali u l-akkomodazzjoni soċjali, l-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika.

(32)Ir-riżultati tas-saħħa fil-Litwanja juru waħda mill-aktar stennija tal-għomor baxxa fl-UE. Il-livelli ta’ mortalità li tista’ tiġi evitata u ttrattata fil-Litwanja għadhom għoljin meta mqabbla mal-medja tal-UE. Il-Litwanja għandha livell għoli ta’ ammissjonijiet fl-isptarijiet li jistgħu jiġu evitati u l-ogħla rata ta’ mortalità mis-suwiċidju fl-UE. Dan jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-effettività tal-kura tas-saħħa u l-ħtieġa għal aktar miżuri preventivi fl-approċċ tal-kura tas-saħħa Litwana. L-isfidi fis-settur tal-kura tas-saħħa huma aggravati minn nuqqas ta’ ħaddiema, nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u distribuzzjoni mhux uniformi tal-professjonisti tas-saħħa, li jillimitaw l-aċċess għall-kura tas-saħħa primarja u l-għoti tagħha. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Litwanja jinkludi miżuri sinifikanti bħal riforma li se tittrasforma n-network tal-isptarijiet u s-servizzi mediċi ta’ emerġenza, kif ukoll investiment fl-immodernizzar tal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u l-bini ta’ infrastruttura għal ċentri fil-qasam tal-mard infettiv. Ladarba jiġu implimentati, dawn il-miżuri huma mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati wħud mill-isfidi ewlenin. Madankollu, lil hinn mill-miżuri inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex tissaħħaħ aktar il-kura primarja u tiġi estiża l-kura preventiva, inkluż biex is-sistema tal-kura tas-saħħa ssir aktar reżiljenti.

(33)L-ippjanar u t-twassil tas-servizzi soċjali huma mxekkla min-nuqqas tal-muniċipalitajiet li jinvolvu biżżejjed lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-integrazzjoni ineffettiva tal-assistenza soċjali u t-taħriġ vokazzjonali fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, speċjalment fir-rigward tal-persuni qiegħda. Il-Litwanja kisbet xi progress billi lestiet proġetti pilota f’ċerti muniċipalitajiet dwar il-forniment ta’ servizzi integrati għall-persuni qiegħda u nħarġet rakkomandazzjoni lill-muniċipalitajiet kollha biex japplikaw il-metodoloġija ta’ dawn il-proġetti fil-programmi ta’ promozzjoni tal-impjiegi tagħhom mill-2023. Filwaqt li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, l-impatt tiegħu għad irid jiġi osservat u huma meħtieġa aktar sforzi. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri sinifikanti bħal riforma tal-iskema tal-introjtu minimu u s-sistema tal-benefiċċji tat-taxxa flimkien maż-żieda fil-kopertura tal-assigurazzjoni tal-qgħad. Dawn huma mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati wħud mill-isfidi ewlenin tal-protezzjoni soċjali ladarba jiġu implimentati. Madankollu, lil hinn mill-miżuri inklużi fil-pjan, huma meħtieġa aktar sforzi biex jittejbu l-ippjanar u t-twassil tas-servizzi soċjali.

(34)L-aċċess għall-akkomodazzjoni soċjali huwa limitat fil-Litwanja. Madwar 9 700 familja (kważi 19 000 persuna) kienu qed jistennew akkomodazzjoni soċjali fi tmiem l-2022, biż-żmien medju ta’ stennija ta’ 5,85 snin. Il-kwalità ġenerali tal-akkomodazzjoni soċjali għadha baxxa. Għalkemm il-Litwanja wettqet xi miżuri ta’ riforma dwar l-akkomodazzjoni soċjali, inkluż l-introduzzjoni tad-dritt li tingħata prijorità lill-familji b’ġenitur wieħed, iż-żieda tal-limiti tal-introjtu u tal-assi meta tiġi vvalutata l-eliġibbiltà u ż-żieda ta’ dispożizzjonijiet speċjali f’każ ta’ emerġenza jew kwarantina nazzjonali, bħalissa hemm nuqqas ta’ strateġija ġenerali dwar kif jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet kroniċi u tiżdied il-kwalità tal-akkomodazzjoni soċjali.

(35)Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-Litwanja abbandunat b’suċċess l-importazzjonijiet tal-gass, taż-żejt, tal-elettriku u tal-faħam mir-Russja, billi ddirezzjonat mill-ġdid l-importazzjonijiet tal-enerġija permezz tat-terminal tal-gass naturali likwifikat (LNG, liquefied natural gass) fi Klaipėda, it-terminal taż-żejt fi Būtingė, l-interkonnessjoni tal-gass il-ġdida mal-Polonja, l-interkonnessjoni mtejba mal-Latvja, u l-interkonnessjonijiet tal-elettriku eżistenti mal-Polonja, il-Latvja u l-Iżvezja. Il-konsum tal-gass naturali tal-Litwanja naqas b’41 % fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-ħames snin preċedenti, lil hinn mill-mira ta’ tnaqqis ta’ 15 %, l-aktar minħabba t-tnaqqis fid-domanda għall-gass mill-industrija kimika tagħha, bħala riżultat tal-prezzijiet tal-enerġija li dejjem qed jogħlew. Il-Litwanja tista’ tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas temporanjament id-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024 22 . Madankollu, il-Litwanja għadha dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet għall-provvista tal-enerġija tagħha. Hija timporta madwar żewġ terzi tal-ħtiġijiet grossi tal-elettriku tagħha u kważi ż-żejt u l-gass kollu tagħha. Barra minn hekk, iż-żejt u l-gass jirrappreżentaw tliet kwarti tat-taħlita tal-enerġija tal-pajjiż.

(36)Id-domanda għolja għall-enerġija hija xprunata minn flotta kbira u qadima tat-trasport, bit-trasport pubbliku u l-ferroviji mhux użati biżżejjed, bi stokk kbir ta’ bini ineffiċjenti fl-enerġija u b’industriji intensivi ħafna fl-enerġija. L-industrija rrappreżentat 58 % tal-konsum totali tal-gass tal-Litwanja qabel il-kriżi tal-enerġija. Sforzi addizzjonali biex titnaqqas l-intensità enerġetika f’dawn is-setturi permezz tal-promozzjoni tat-trasformazzjoni industrijali, inklużi proċessi ta’ produzzjoni innovattivi u l-promozzjoni ulterjuri tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, innaqqsu id-dipendenza tal-Litwanja fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija. L-inċentivi biex jintgħażlu vetturi li jniġġsu anqas għadhom dgħajfa fil-Litwanja, filwaqt li s-sistema tat-trasport pubbliku hija frammentata u tbati minn nuqqas ta’ koordinazzjoni. Għalhekk, il-promozzjoni ta’ mezzi ta’ trasport li jniġġsu inqas tibqa’ prijorità. Fl-istess ħin, ir-rati ta’ rinnovazzjoni għall-bini b’aktar minn appartament wieħed għadhom baxxi wisq biex jintlaħqu l-miri tan-newtralità klimatika fis-settur sal-2050. Dan juri l-ħtieġa għal proċeduri u inċentivi mtejba għar-rinnovazzjoni u għall-appoġġ tal-kapaċità tas-settur privat li jmexxi proġetti ta’ rinnovazzjoni. Il-Litwanja għadha fost l-agħar pajjiżi fl-UE f’termini ta’ faqar enerġetiku, li jista’ jkompli jaggrava f’każ li timmaterjalizza żieda sostnuta oħra fil-prezzijiet tal-enerġija u jkompli għaddej il-pass kajman tar-rinnovazzjoni.

(37)In-network tal-elettriku Litwan, bħal dak ta’ Stati Membri Baltiċi oħra, jibqa’ espost billi huwa sinkronizzat mal-grilja tal-elettriku BRELL. Is-sinkronizzazzjoni reġjonali tal-grilja tal-elettriku mal-bqija tal-UE qed tagħmel progress iżda għad trid titlesta (hija mistennija li titlesta sal-2025). Għal dak il-għan, hija meħtieġa kooperazzjoni mal-Latvja u l-Estonja. Il-Litwanja qed iżżid il-ġenerazzjoni tal-enerġija domestika; hija ħadet passi biex tissimplifika l-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi u biex tippromwovi l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li rriżulta f’żidiet kbar fil-kapaċità tal-produzzjoni solari u tar-riħ bejn l-2020 u l-2021. Madankollu, żieda ulterjuri fl-ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra u żieda tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika se tkun meħtieġa biex il-Litwanja tkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.

(38)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-manifattura, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Mill-2015, ir-rata tal-postijiet tax-xogħol battala żdiedet fil-biċċa l-kbira tas-setturi ewlenin, bħall-kostruzzjoni (minn 0,8 % għal 1,5 % fl-2021) u l-manifattura (minn 1,4 % għal 1,8 % fl-2021). Madankollu, ir-rata fl-2021 kienet għadha taħt il-medja tal-UE ta’ 3,6 % u 1,9 %, rispettivament. F’dawn l-aħħar snin, fil-Litwanja ġew irrapportati nuqqasijiet ta’ ħaddiema għal 28 impjieg li jeħtieġu ħiliet jew għarfien speċifiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ ħaddiema ġie rrappurtat bħala fattur li llimita l-produzzjoni fl-industrija u l-kostruzzjoni fl-2022.

(39)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 u l-opinjoni tiegħu 23 hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(40)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ fuq bażi wiesgħa għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet minħabba l-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu investiment pubbliku għoli u jippromwovu l-investiment privat biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet; (iv) itejbu l-ambjent tan-negozju u jiżguraw li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju, immirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika; u (v) jippreservaw l-istabbiltà makrofinanzjarja u jimmonitorjaw ir-riskji filwaqt li jkomplu jaħdmu fuq it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Għal-Litwanja, ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni u t-tielet rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro. 

B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2023 u fl-2024 il-Litwanja tieħu azzjoni biex:

1.Tnaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sa tmiem l-2023. Jekk żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, jiġi żgurat li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni ta’ unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli u li jiġu ppreservati l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.

Filwaqt li żżomm pożizzjoni fiskali soda fl-2024, tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-RRF u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għall-perjodu lil hinn mill-2024, tkompli ssegwi l-investiment u r-riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla u tippreserva pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.

Issaħħaħ l-adegwatezza tal-kura tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali u ttejjeb is-servizzi pubbliċi ġenerali.

2.Tkompli l-implimentazzjoni kostanti tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha u tiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni tiegħu malajr. Tipproċedi bl-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

3.Issaħħaħ il-kura primarja u tespandi l-kura preventiva, inkluż biex is-sistema tal-kura tas-saħħa ssir aktar reżiljenti. Ittejjeb l-ippjanar u t-twassil tas-servizzi soċjali. Ittejjeb l-aċċess għall-akkomodazzjoni soċjali u l-kwalità tagħha.

4.Tkompli tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u l-enerġija importata billi taċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari billi tiżgura kapaċità u aċċess suffiċjenti għall-grilja, tiżgura t-trasformazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni industrijali, iżżid l-użu tat-trasport pubbliku u sostenibbli u tagħmel il-bini aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, anke biex tnaqqas il-faqar enerġetiku. Tiżgura kapaċità suffiċjenti ta’ interkonnessjonijiet tal-elettriku biex iżżid is-sigurtà tal-provvista, filwaqt li tkompli s-sinkronizzazzjoni f’waqtha mal-grilja tal-elettriku tal-UE. Iżżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(4)    COM(2022) 780 final.
(5)    COM(2023) 62 final.
(6)    COM(2023) 168 final.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
(8)    COM(2023) 141 final.
(9)    COM(2022) 583 final.
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Litwanja (ST 10477/2021; ST 10477/2021 ADD 1).
(11)    SWD(2023) 615 final.
(12)    SWD(2023) 637 final.
(13)    Eurostat-Euro Indicators, 47/2023, 21.4.2023
(14)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Litwanja, ĠU C 304, 29.7.2021, p. 68.
(15)    Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bil-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali), bl-esklużjoni tal-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19 imma inkluża n-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħrajn tal-UE, apparagun tat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 1 fit-Tabelli Statistiċi Fiskali.
(16)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fil-livell nazzjonali pprovdiet kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 punti perċentwali tal-PDG.
(17)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-ispiża baġitarja annwali ta’ dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – fejn rilevanti – il-miżuri tan-nefqa kapitali.
(18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 tal-Litwanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Litwanja, ĠU C 334, 1.9.2022, p. 120. 
(19)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju (fuq medja ta’ 10 snin) tal-Litwanja, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 14,0 % f’termini nominali.
(20)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 punti perċentwali tal-PDG.
(21)    Il-bilanċ strutturali (bilanċ aġġustat ċiklikament nett minn miżuri ta’ darba u temporanji) ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni jindika defiċit strutturali ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2023 u 0,2 % fl-2024.
(22)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706.
(23)    Skont l-Artikoli 5(2) u 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.