7.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 240/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1113

tat-28 ta’ Ġunju 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, rigward l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101 tal-Ftehim ŻEE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101 (“il-Protokoll 37”) tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Biex il-Ftehim ŻEE jiffunzjona sew, il-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi estiż biex jinkludi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1971.

(5)

Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati tal-EFTA ser jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħidma tal-Bord ta’ Regolaturi tal-BEREC, il-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC u l-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-BEREC, iżda mhux ser ikollhom id-dritt tal-vot. Il-pożizzjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati tal-EFTA ser jiġu rreġistrati separatament meta l-BEREC joħroġ opinjoni. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ser tqis bis-sħiħ l-opinjonijiet adottati mill-BEREC.

(6)

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(7)

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tħassar, b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2020, id-Direttivi 2002/19/KE (5), 2002/20/KE (6) u 2002/21/KE (7), 2002/22/KE (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li kienu inkorporati fil-Ftehim taż-ŻEE u li konsegwentement għandhom jiġu revokati skont il-Ftehim taż-ŻEE b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2020.

(8)

Għalhekk, l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101 tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (9).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

M. do C. ANTUNES


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(5)  Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7).

(6)  Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21).

(7)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

(8)  Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51).

(9)  Ara dokument ST 9721/21 fuq http://register.consilium.europa.eu