KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fit-13 ta’ Jannar 2016 ( 1 )
Kawża C‑161/15
Abdelhafid Bensada Benallal
vs
État belge
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal smigħ — Motiv ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio — Prinċipju ta’ ekwivalenza — Rwol tal-qorti nazzjonali u tal-qorti tal-Unjoni — Ċittadin tal-Unjoni Ewropea — Ordni għat-tkeċċija mit-territorju — Abbuż ta’ dritt”
I – Introduzzjoni
|
1. |
Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż dak li jingħata smigħ qabel kull deċiżjoni tal-amministrazzjoni, għandu grad komparabbli mar-regoli ta’ ordni pubbliku tad-dritt intern b’mod li, minħabba l-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-qorti amministrattiva tal-aħħar istanza jkollha tiddeċiedi fuq aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt għas-smigħ imressaq għall-ewwel darba quddiemha, l-istess kif dan huwa permess taħt id-dritt intern għall-motivi ta’ ordni pubbliku? |
|
2. |
Din hija, fis-sustanza, id-domanda magħmula mill-Conseil d’État tal-Belġju fil-kuntest ta’ kawża bejn Abdelhafid Bensada Benallal, ta’ nazzjonalità Spanjola, u l-uffiċċju Belġjan tal-barranin, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ dan il-korp, tas-26 ta’ Settembru 2013, li ttemm il-permess ta’ residenza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u li tordnalu li jitlaq mit-territorju Belġjan. |
|
3. |
B’mod iktar preċiż, sena wara li ngħatalu permess ta’ residenza bħala ħaddiem impjegat, l-uffiċċju Belġjan tal-barranin adotta l-imsemmija deċiżjoni minħabba li deherlu li “l-persuna kkonċernata kienet tat informazzjoni qarrieqa li kienet determinanti biex jiġi rikonoxxut lilha d-dritt ta’ residenza tagħha mill-amministrazzjoni tal-komun ta’ Berchem-Sainte-Agathe [il-Belġju]. Fil-fatt, fir-rapport tiegħu tal-04.09.2013, [l-uffiċċju nazzjonali ta’ sigurtà soċjali] kkonkluda li l-persuni kollha ddikjarati mill-kumpannija ma għandhomx ikunu suġġetti [...] għas-sistema ġenerali tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema impjegati: ‘Diversi elementi preċiżi u konkordanti juru b’mod suffiċjenti fid-dritt in-nuqqas ta’ xogħol bħala ħaddiema impjegati tal-[imsemmija] kumpannija [...] u, konsegwentement, in-nuqqas ta’ kuntratt ta’ xogħol bejn il-persuni ddikjarati [...] u l-kumpannija’”. |
|
4. |
Fit-2 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għal annullament quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (qorti tal-kawżi tal-barranin) kontra d-deċiżjoni msemmija. Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva dwar il-motivazzjoni formali tal-atti amministrattivi, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-prinċipji ta’ prudenza u preċiżjoni, tal-prinċipju ta’ ġestjoni kuxjenzjuża, tal-prinċipju li l-amministrazzjoni hija marbuta li tiddeċiedi billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kawża kif ukoll tal-ksur tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 2 ). |
|
5. |
Fl-argument tiegħu biex jispjega dan l-uniku motiv, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sostna, inter alia, li d-deċiżjoni kkontestata kienet nieqsa mill-motivazzjoni. Huwa sostna, f’dan ir-rigward, li r-rapport tal-uffiċċju nazzjonali ta’ sigurtà soċjali li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata, la kien ġie mehmuż mad-deċiżjoni msemmija u lanqas riprodott fis-sustanza tiegħu fiha, u lanqas intbagħatlu qabel in-notifika ta’ dik id-deċiżjoni, b’mod li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx f’pożizzjoni li jifhem il-motivi tad-deċiżjoni meħuda kontrih. |
|
6. |
Dak ir-rikors kien ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers tat-30 ta’ April 2014. F’dik is-sentenza, din tal-aħħar irrilevat b’mod partikolari dan li ġej: “F’kull każ, il-Conseil ikkonstata li għaddiet kważi sena bejn meta r-rikorrent pproduċa l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu mal-kumpannija [...] u r-rapport tal-ispettur soċjali tal-[uffiċċju nazzjonali ta’ sigurtà soċjali] li wassal għat-teħid tad-deċiżjoni [kkontestata], perijodu li matulu r-rikorrent ma bagħat jew wassal ebda informazzjoni lill-konvenut dwar il-problemi invokati fir-rikors u li huwa kien ser jiltaqa’ magħhom fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu mal-imsemmija kumpannija. Issa, jekk ir-rikorrent deherlu li seta’ jinvoka l-elementi li jxekklu l-irtirar tal-permess ta’ residenza tiegħu, huwa kellu l-obbligu li jġibhom għall-konjizzjoni tal-konvenut, u mhux li dan tal-aħħar joqgħod jistieden lir-rikorrent sabiex jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward. Il-Conseil ifakkar fil-fatt li l-obbligu huwa tar-rikorrent li jġib il-provi li huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet inerenti għad-dritt li huwa kien qiegħed isostni jew biex iżomm dak id-dritt. Sa fejn ir-rikorrent ressaq talba biex tiġi attestata r-reġistrazzjoni tiegħu fil-Belġju bħala ħaddiem impjegat, huwa seta’/kellu leġittimament jistenna li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu (anki jekk dan ikun indipendentement minnu) iwassal għal konsegwenzi fuq ir-residenza tiegħu u jkun jaf li kien meħtieġ li jibgħat minn jeddu din l-informazzjoni lill-konvenut, tal-inqas għall-fajl amministrattiv. Fir-rigward tal-fatt li r-rikorrent ‘ma rċieva ebda avviż kif ġie affermat fl-investigazzjoni u li huwa ma kellux il-possibbiltà ta’ smigħ’, dan ma jxejjinx din il-konstatazzjoni peress li l-akkuża indirizzata lir-rikorrent tikkontempla s-smigħ tiegħu mill-ispettur soċjali responsabbli mir-rapport tal-uffiċċju nazzjonali ta’ sigurtà soċjali] tal-4 ta’ Settembru 2013 (liema smigħ, fil-fatt, ma huwiex ibbażat biss fuq dikjarazzjonijiet imma wkoll fuq konstatazzjonijiet oġġettivi li ebda waħda minnhom ma hija kkontestata mir-rikorrent) u ma tirrigwardax direttament id-deċiżjoni [kkontestata].” |
|
7. |
Fl-10 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella f’kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État, appell li jinvolvi b’mod partikolari l-aggravju li bih ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-uffiċċju Belġjan tal-barranin kellu jisimgħu qabel ma jadotta d-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jallega l-ksur tal-Artikoli 41 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-kontradittorju kif ukoll tal-prinċipju audi alteram partem. |
|
8. |
L-uffiċċju Belġjan tal-barranin jirrispondi b’mod partikolari li l-aggravju huwa inammissibbli, peress li tqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tal-kassazzjoni u ma huwiex ta’ ordni pubbliku. |
|
9. |
Il-Conseil d’État josserva li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq aggravju li ma ġiex invokat quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers. Issa, skont id-dritt Belġjan, il-Conseil d’État ma jistax jaċċetta l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju sakemm dan ma jkunx ta’ ordni pubbliku. Il-Conseil d’État jippreċiża li, fid-dritt intern, ir-regoli ta’ ordni pubbliku huma dawk li għandhom importanza fundamentali fl-ordinament ġuridiku Belġjan, bħalma huma r-regoli dwar il-kompetenzi tal-awtoritajiet amministrattivi, dwar il-kompetenza tal-qrati, dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jew ukoll dawk li jikkonċernaw ċerti drittijiet fundamentali. |
|
10. |
B’riferiment b’mod partikolari għas-sentenzi (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318) u Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615), il-Conseil d’État jistaqsi jekk il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż dak tas-smigħ, għandux post komparabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġix li wieħed jeżamina aggravju, li jitqajjem għall-ewwel darba fil-kassazzjoni, li jkun ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, kif dan hu permess fid-dritt intern fir-rigward tal-aggravji ta’ ordni pubbliku. |
|
11. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li [j]ikkonċerena r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt għal persuna li tinstema’ minn awtorità nazzjonali, qabel l-adozzjoni mill-awtorità ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffetwa b’mod negattiv l-interessi tal-persuna kkonċernata, [bħal] deċiżjoni [li] ttemm il-permess ta’ residenza tiegħu, [għandu l-istess importanza] fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea daqs dak [li għandhom] normi ta’ ordni pubbliku tad-dritt Belġjan [fid-dritt intern] u l-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li l-motiv [ibbażat fuq] ksur tal-prinċipju ġenerali tal-Unjoni Ewropea ta’ rispett għad-drittijiet tad-difiża, jista’ jiġi [mqajjem] għall-ewwel darba quddiem il-[Conseil d’État], li tiddeċiedi f’kassazzjoni, kif huwa permess taħt [id-dritt intern] [fir-rigward tal-motivi] ta’ ordni pubbliku?” |
|
12. |
Din id-domanda kienet is-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet tal-Belġju u dak ta’ Franza kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, ħlief għar-rikorrent fil-kawża prinċipali li ma kienx irrappreżentat, ittrattaw il-każ oralment waqt is-seduta li nżammet fid-19 ta’ Novembru 2015. |
II – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
|
13. |
Din il-kawża toffri l-opportunità għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel numru ta’ kjarifiki dwar il-pożizzjoni tal-ġudikant fil-kawżi amministrattivi, b’mod partikolari dwar il-possibbiltà li dan tal-aħħar jiddikjara ammissibbli aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ li jitqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell jew li tali aggravju jitqajjem ex officio. |
|
14. |
Qabel ma ngħaddi biex neżamina ż-żewġ partijiet tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandhom isiru erba’ osservazzjonijiet preliminari. |
|
15. |
L-ewwel waħda minnhom tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kuntest ġuridiku u fattwali li wassal għall-kawża prinċipali u b’mod iktar partikolari għall-kunsiderazzjoni tal-Conseil d’État li l-aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ ġie ppreżentat biss għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell fil-kassazzjoni. Minn qari tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014 mogħtija mill-Conseil du contentieux des étrangers u li l-paragrafi rilevanti tagħha ġew riprodotti fil-punt 6 iktar ’il fuq, jidher li dik il-qorti interpretat l-uniku motiv imressaq quddiemha bħala li jinkludi, tal-inqas impliċitament, il-ksur li wettaq l-uffiċċju Belġjan tal-barranin tad-dritt għal smigħ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u dan qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Conseil du contentieux des étrangers afferma li jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali “deherlu li seta’ jinvoka l-elementi li jxekklu l-irtirar tal-permess ta’ residenza tiegħu, huwa kellu l-obbligu li jġibhom għall-konjizzjoni tal-konvenut, u mhux li din tal-aħħar toqgħod tistied[nu] sabiex jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward”. Jiġifieri, prima facie, jidher li ttieħdet pożizzjoni fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-ilment li, fil-kuntest tal-appel, seta’ jwassal lill-Conseil d’État sabiex sempliċement teżamina l-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-ewwel qorti, u, jekk ikun il-każ, tiċċensuraha ( 3 ). |
|
16. |
Dan premess, huwa ċar li, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 267 TFUE, l-interpretazzjoni magħmula mill-Conseil d’État dwar il-portata tar-rikors fl-ewwel istanza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali taqa’ esklużivament taħt l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, mingħajr indħil min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, din tal-aħħar għandha tqis bħala stabbilita l-konstatazzjoni li l‑aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, tqajjem biss fl-istadju tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
17. |
L-istess japplika (u din tikkostitwixxi t-tieni osservazzjoni tiegħi) fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dan l-aggravju taħt id-dritt intern, minkejja li ġiet ikkontestata mill-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Fil-fatt, fil-kuntest tar-rinviju preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tiddeċiedi fuq id-differenza li dak il-gvern jallega li teżisti fid-dritt intern bejn, min-naħa waħda, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kamp dixxiplinarju u kriminali li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ motivi ta’ ordni pubbliku li jistgħu jitqajmu ex officio u, min-naħa l-oħra, dak tad-dritt għal smigħ mill-awtorità amministrattiva qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, li ma hijiex ta’ ordni pubbliku u li għaldaqstant ma tistax tiġi eżaminata ex officio ( 4 ). |
|
18. |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Conseil d’État jinkludi r-rispett tad-dritt għal smigħ fid-drittijiet tad-difiża u jitlaq mill-premessa li dan id-dritt jista’ jiġi eżaminat ex officio fid-dritt intern, ħaġa li, fil-fatt, tiġġustifika preċiżament is-suġġett tad-domanda preliminari bbażata fuq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ekwivalenza. |
|
19. |
It-tielet osservazzjoni tiegħi tittratta l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-evalwazzjoni tal-uffiċċju Belġjan tal-barranin, ikkonfermata mill-Conseil du contentieux des étrangers, fejn jingħad, essenzjalment, li l-irtirar tal-permess ta’ residenza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kien immotivat minn użu abbużiv u frawdolenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. |
|
20. |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kkontesta din il-klassifikazzjoni li saret mill-uffiċċju Belġjan tal-barranin, fejn sostna li dan il-korp kiser l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Abbuż tad-drittijiet”, li permezz tiegħu, b’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu “jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-Direttiva f’każ ta’ abbuż jew frodi” u dan b’rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
21. |
Huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk, fil-każ li jiġi pprovat, tali użu abbużiv jew frawdolenti joħroġx mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jkun eżerċita waħda mil-libertajiet ta’ moviment iggarantita mit-Trattat FUE b’mod li d-domanda magħmula titlef ir-rilevanza tagħha. |
|
22. |
Fil-fatt, kif diġà kelli l-okkażjoni li nippreċiża fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (C‑83/13, EU:C:2014:201, punti 62 u 66), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx risposta nieqsa minn ambigwitajiet fir-rigward tal-kunċett dwar jekk l-abbuż ta’ dritt jikkostitwixxix regola li tista’ tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – f’liema każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju – jew jekk dan għandux jinftiehem, min-naħa l-oħra, bħala regola jew prinċipju li jippermetti li jiġi limitat l-eżerċizzju ta’ dritt (suġġettiv) mogħti permezz tal-imsemmija dispożizzjonijiet, ħaġa li tippermetti li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni tal-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt tal-Unjoni u li allura għandha tingħata risposta lid-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ). |
|
23. |
Mingħajr il-bżonn li jiġu mtennija hawnhekk l-argumenti li huma favur it-tieni teżi, intendi li naħseb li jekk il-projbizzjoni kontra l-abbuż ta’ dritt titqies li hija prinċipju li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dan ikun ifisser li jingħatalha, fir-rigward tal-libertajiet fundamentali ta’ moviment, l-istatus analogu għal dak ta’ regola ta’ raġuni (“rule of reason”), ħaġa li jidhirli li hija żbaljata u ftit li xejn xierqa. Fil-fatt, tali rikonoxximent iwassal biex jiġi vverifikat, f’kull każ, jekk sitwazzjoni partikolari tinvolvix sitwazzjoni ta’ abbuż ta’ dritt qabel ma dik is-sitwazzjoni titqies li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, tali relazzjoni bejn l-abbuż u d-dritt, li tipprivileġġa l-eżami tal-abbuż fuq dak tad-dritt, tippreġudika b’mod sostanzjali l-effett utli tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE ( 6 ). |
|
24. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 jikkonferma, fil-fehma tiegħi, li l-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt tikkostitwixxi prinċipju li jillimita d-drittijiet suġġettivi mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-individwi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija limitata biex tippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ dritt li qabel kien mogħti minn din tal-aħħar liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. |
|
25. |
Konsegwentement, sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali taqa’ sewwasew, fil-fehma tiegħi, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fil-mertu għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
|
26. |
Fl-aħħar nett, ir-raba’ kumment preliminari tiegħi jirrigwarda d-delimitazzjoni tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
|
27. |
Din tal-aħħar tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż dak tad-dritt tal-persuna kkonċernata għal smigħ mill-amministrazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u mhux kif jinsab stabbilit fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ġiet ukoll invokata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fl-appell tiegħu fil-kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État. |
|
28. |
L-applikabbiltà tal-Artikolu 41 tal-Karta għall-Istati Membri fil-każijiet meta huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri meta l-miżuri nazzjonali li huma jadottaw jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt ( 7 ), tibqa’ suġġetta għall-kontroversji. |
|
29. |
Għalkemm id-“dritt għal amministrazzjoni tajba” ikkontemplat f’dak l-artikolu jinkludi, fil-paragrafu 2(a), “id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament”, id-dispożizzjonijiet tiegħu huma diretti biss, skont il-paragrafu 1 tiegħu, għall-“istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”. |
|
30. |
F’numru ta’ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan il-kliem li l-Artikolu 41(2) tal-Karta ma japplikax għall-Istati Membri ( 8 ), ħaġa li wasslitha biex teżamina d-domandi magħmula f’uħud minn dawn is-sentenzi fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, li d-dritt għal smigħ jifforma parti integrali minnu ( 9 ). |
|
31. |
Madankollu, skont linja ta’ ġurisprudenza oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 41 tal-Karta jista’ japplika għall-miżuri tal-Istati Membri meta dawn tal-aħħar jimplementaw id-dritt tal-Unjoni ( 10 ), fejn hija kkonstatat li din id-dispożizzjoni kienet ta’ “applikazzjoni ġenerali” ( 11 ). |
|
32. |
Kif fakkart fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CO Sociedad de Gestion y Participación et (C‑18/14, EU:C:2015:95, nota ta’ qiegħ il-paġna 48), l-Artikolu 51(1) tal-Karta jobbliga lill-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Karta “meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw għaldaqstant id-dispożizzjonijiet tal-Karta, inkluż id-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tagħha. Fil-fatt, interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 41 tal-Karta, li tikkonsisti fl-esklużjoni tal-applikabbiltà tagħha għall-Istati Membri, twassal għall-ammissjoni li d-dritt għal smigħ previst fl-imsemmi Artikolu 41 jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-Artikolu 51 tagħha, li jipprevedi l-applikabbiltà tad-“dispożizzjonijiet tal-Karta” kollha għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2031, punt 56), ma huwiex “koerenti [...] li l-kliem tal-Artikolu 41 tal-Karta jista’ b’dan il-mod jintroduċi eċċezzjoni għar-regola stabbilita bl-Artikolu 51 ta’ din, li tippermetti lill-Istati Membri li ma japplikawx artikolu tal-Karta, anki jekk ikunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni”. |
|
33. |
Fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni kkontestata li biha l-uffiċċju Belġjan tal-barranin irtira l-permess ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni u ordnalu jitlaq mit-territorju tar-Renju tal-Belġju tikkostitwixxi bla ebda dubju miżura li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li għandha bħala suġġett, b’mod iktar preċiż, l-implementazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija permezz tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38. |
|
34. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għaldaqstant terġa’ tifformula d-domanda magħmula b’mod li tirrispondi għaliha mill-aspett tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta iktar milli dwar dak tal-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż dak tas-smigħ, ħaġa li jidhirli li fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti hija l-iktar soluzzjoni xierqa. |
|
35. |
Magħmula dawn il-kjarifiki, ir-risposta għad-domanda magħmula tinqasam, fil-fehma tiegħi, f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk, kif tgħid il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tiddependix mill-fatt li r-rispett tad-dritt għal smigħ ikollu grad komparabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma’ dak li huwa jgawdi fid-dritt intern biex ikun jista’ jiġi eżaminat ex officio. Fit-tieni lok, u jekk dan ikun il-każ, ikun irid jiġi vverifikat jekk id-dritt għal smigħ jikkostitwixxix regola ta’ ordni pubbliku li tista’ tiġi eżaminata ex officio mill-qorti tal-Unjoni, ħaġa li tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-ksur ta’ dan id-dritt għandux jiġi kklassifikat bħala ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. |
B – Fuq l-applikazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta ’ ekwivalenza b’mod li r-regola tad-dritt tal-Unjoni jkollha grad komparabbli ma ’ dawk tad-dritt intern li jistgħu jiġu eżaminati ex officio
|
36. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat diversi drabi li d-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kwalunkwe persuna l-possibbiltà li jsemma’, b’mod utli u effettiv, l-fehma tiegħu matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha ( 12 ). |
|
37. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li jiġi rrispettat id-dritt għal smigħ japplika wkoll meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix b’mod espliċitu tali rekwiżit proċedurali ( 13 ) u jaqa’ fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta huma jadottaw miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 14 ). |
|
38. |
F’sitwazzjoni fejn la l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ u lanqas il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ rispett ta’ dan id-dritt ma jkunu stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-konsegwenzi jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali, sa fejn, minn naħa, l-miżuri adottati f’dan ir-rigward ikunu tal-istess natura bħal dawk li jibbenefikaw minnhom l-individwi f’sitwazzjonijiet komparabbli rregolati mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 15 ). |
|
39. |
F’dan il-każ, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, għalkemm fl-Artikolu 31 tagħha, id-Direttiva 2004/38 tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni kkonċernati jkollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji kontra deċiżjonijiet ta’ tkeċċija mit-territorju ( 16 ), min-naħa l-oħra hija ma tikkontemplax id-dritt ta’ dawn il-persuni għal smigħ mill-amministrazzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, qabel l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni. |
|
40. |
Konsegwentement, kif tajjeb qalet il-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet li taħthom għandu jiġi eżerċitat id-dritt għal smigħ huma rregolati mid-dritt nazzjonali, u dan bis-saħħa tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, imma bl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
|
41. |
Wieħed jifhem faċilment għaliex il-qorti tar-rinviju assolutament ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-prinċipju ta’ effettività. |
|
42. |
Effettivament, il-fatt li l-qorti amministrattiva tal-aħħar istanza ma tistax teżamina ex officio jew għandha tiċħad bħala inammissibbli aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ imressaq għall-ewwel darba quddiemha, bl-ebda mod ma jfisser li r-regoli ta’ proċedura interni jrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli li wieħed jinvoka l-ksur ta’ tali dritt quddiem il-qrati nazzjonali. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, dak li huwa importanti, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa li l-partijiet jingħataw opportunità ġenwina li jressqu motiv ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali ( 17 ). Fi kliem ieħor, dan il-prinċipju ma jeżiġix li l-qorti nazzjonali tagħmel tajjeb għan-nuqqas jew ommissjoni tal-partijiet sakemm dawn tal-aħħar kellhom possibbiltà ġenwina, skont ir-regoli ta’ proċeduri interni, li jinvokaw motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Kif ċertament huwa l-każ hawnhekk, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali bbenefika wkoll mir-rappreżentanza ta’ avukat mal-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività ma timponix dmir fuq il-qrati nazzjonali li jeżaminaw ex officio motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, indipendentement mill-importanza ta’ dak id-dritt għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 18 ). |
|
43. |
Ċertament hija iktar delikata l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza jkollux din il-konsegwenza għall-qorti tar-rinviju. |
|
44. |
Dan il-prinċipju jimplika li l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet intiżi biex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati taħt id-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili tad-dritt intern ( 19 ). |
|
45. |
Għaldaqstant, minn dan wieħed jista’ loġikament jiddeduċi li, meta r-regoli ta’ proċeduri interni jagħtu lill-qorti nazzjonali l-fakultà jew jimponulha d-dmir li teżamina ex officio motiv ibbażat fuq id-dritt nazzjonali, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi, b’xi mod awtomatiku, li din il-fakultà jew dan l-obbligu jkopru wkoll il-motivi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni. |
|
46. |
Dan l-approċċ huwa meħud ukoll, f’dan il-każ, mill-Gvern Franċiż. Dan il-gvern jirrileva, essenzjalment, li, jekk il-qorti tar-rinviju tidentifika l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal smigħ bħala motiv ta’ ordni pubbliku li jista’ jitqajjem għall-ewwel darba fil-kassazzjoni quddiemha fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt intern, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar ir-rispett tad-dritt għal smigħ jista’ jgawdi mill-istess regoli quddiem dik l-istess qorti. Waqt is-seduta, dan il-gvern ippreċiża li, bis-saħħa tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, ma hemm ebda bżonn, u dan b’kuntrast għal dak li qalet il-qorti tar-rinviju, li jiġi vverifikat jekk in-nuqqas tad-dritt għal smigħ taħt id-dritt tal-Unjoni huwiex ta’ natura ta’ ordni pubbliku. |
|
47. |
Jekk wieħed jaqbel ma’ dan is-suġġeriment, li huwa wkoll attraenti, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun finalment pjuttost faċli. |
|
48. |
Dan is-suġġeriment – u r-riformulazzjoni tad-domanda preliminari ssuġġerita fis-seduta minn dan l-istess gvern, li tirriżulta minnha – tkun madankollu qiegħda tinjora l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 20 ), li twassal biex ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju tkun ħafna iktar kumplessa. |
|
49. |
Din il-ġurisprudenza teżiġi fil-fatt li jiġi vverifikat jekk ir-regola inkwistjoni għandhiex, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, “post” bejn wieħed u ieħor daqs dak li jibbenefikaw minnu r-regoli li jistgħu jew għandhom jitqajmu ex officio fid-dritt intern mill-qorti nazzjonali. |
|
50. |
Huwa b’dan il-mod li fis-sentenza van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punti 29 sa 31), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li tistabbilixxi miżuri biex tiġi miġġielda l-marda tal-ilsien u d-dwiefer għandhom “pożizzjoni komparabbli fi ħdan l-ordinament ġuridiku [tal-Unjoni]” bħall-motivi bbażati fuq il-ksur tar-regoli ta’ ordni pubbliku fid-dritt Olandiż li jitqiesu, essenzjalment, bħal dawk li jirrigwardaw il-kompetenzi tal-awtoritajiet amministrattivi u l-ammissibbiltà tar-rikors. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għaldaqstant li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza ma timplikax, f’din il-kawża, li l-qorti nazzjonali hija obbligata tipproċedi ex officio għal stħarriġ tal-legalità tal-atti amministrattivi kkontestati quddiemha abbażi tal-kriterji bbażati fuq id-direttiva inkwistjoni. Fil-punt 32 ta’ din l-istess sentenza, il-qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li, għalkemm id‑dispożizzjonijiet tad-direttiva jaqgħu taħt il-politika tas-saħħa pubblika, huma ġew invokati, “essenzjalment sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi privati tal-individwi” li kienu suġġetti għall-miżuri ta’ kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer. |
|
51. |
Iktar reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ġabret din il-ġurisprudenza bħala li tfisser li l-“prinċipju ta’ ekwivalenza [...] jitlob li l-kundizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali sabiex tiġi mistħarrġa ex officio regola tad-dritt [tal-Unjoni] ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw l-applikazzjoni ex officio ta’ regoli tal-istess grad tad-dritt nazzjonali” ( 21 ). |
|
52. |
Għaldaqstant, skont din il-ġurisprudenza, il-portata tal-eżami ex officio ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni tiddependi mill-ekwivalenza jew mill-grad identiku li jkollha dik ir-regola fid-dritt tal-Unjoni meta mqabbla ma’ dawk li l-qorti nazzjonali hija awtorizzata teżamina ex officio fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern. |
|
53. |
Fi kliem ieħor, jekk ir-regoli ta’ proċedura interni jippermettu lill-qorti nazzjonali teżamina ex officio regoli interni “vinkolanti” bħal fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punti 13, 14 u 22) u Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punti 57, 58 u 60), dik il-qorti jkollha teżamina ex officio regoli tad-dritt tal-Unjoni li jkollhom natura vinkolanti ekwivalenti, u dan kif kien sar mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
54. |
Għalkemm ir-regoli ta’ proċedura interni huma iktar rigorużi u jissuġġettaw l-eżami ex officio ta’ motiv għall-kundizzjoni li r-regola ta’ dritt nazzjonali li tkun inkisret trid tkun ta’ ordni pubbliku, motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu wkoll, biex jibbenefika minn trattament ekwivalenti mill-qrati nazzjonali, ikun ibbażat fuq ksur ta’ regola li tgawdi minn “post komparabbli” jew tal-“istess grad” fid-dritt tal-Unjoni. |
|
55. |
Min-naħa l-oħra, it-teżi li ddefenda l-Gvern Franċiż tidher li tagħti marġni wiesa’ wisq lill-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, anki fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, prinċipju li huwa intiż li jnaqqas l-imsemmija awtonomija u li l-portata tiegħu għandha tkun iddefinita mid-dritt tal-Unjoni. |
|
56. |
Issa, il-mertu tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa preċiżament li tistabbilixxi l-pedamenti tad-definizzjoni ta’ motiv ta’ ordni pubbliku fid-dritt tal-Unjoni b’mod li tevita li l-applikazzjoni tar-regola tal-Unjoni kkonċernata tkun tista’ tvarja biss skont kif tiġi kklassifikata fid-dritt intern. |
|
57. |
Bir-rispett kollu lejn il-Gvern Franċiż, dan il-ħsieb huwa, fil-fehma tiegħi, koerenti mas-soluzzjoni adottata fis-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punti 24, 31, 37 u 41). Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE tal-lum) kellu l-istess valur bħar-regoli tad-dritt intern ta’ ordni pubbliku tal-Istat Membru inkwistjoni u, għaldaqstant, li l-prinċipju ta’ ekwivalenza kien jimponi fuq il-qorti nazzjonali li tilqa’ talba għal annullament ta’ sentenza ta’ arbitraġġ li hija kien jidhrilha li tmur kontra dan l-artikolu, peress li dik il-qorti kellha, skont ir-regoli ta’ proċedura interni, tilqa’ talba għal annullament ibbażata fuq il-ksur tar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku u minkejja li, skont id-dritt intern, il-fatt li sentenza ta’ arbitraġġ kienet tmur kontra r-regoli tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ma kienx, b’mod inġenerali, jitqies li huwa ta’ ordni pubbliku. |
|
58. |
Fi kliem ieħor, għalkemm l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri hija aċċettata, din l-awtonomija ma tistax tkun estiża sabiex tinkludi d-definizzjoni jew il-klassifikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-kategorija tar-regoli ta’ ordni pubbliku. |
|
59. |
Għaldaqstant nikkunsidra li, kif ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Gvern Belġjan sostnew u eżaminaw in concreto fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja twassal biex jiġi investigat jekk ir-rispett tad-dritt għal smigħ għandux, fid-dritt tal-Unjoni, grad identiku jew komparabbli għar-regoli ta’ ordni pubbliku tad-dritt intern. |
C – Fuq in-natura ta ’ ordni pubbliku tar-rispett tad-dritt għal smigħ fid-dritt tal-Unjoni
|
60. |
Quddiem il-qorti tal-Unjoni, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza hija pprojbita, bl-eċċezzjoni għal xi waħda minn dawn il-każijiet: meta dawn il-motivi jkunu bbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura ( 22 ) meta huma, fir-realtà, jkunu jikkostitwixxu biss elaborazzjoni ta’ motiv imressaq qabel jew meta jkunu bbażati fuq ksur ta’ regola ta’ ordni pubbliku ( 23 ). |
|
61. |
Fir-rigward tal-aħħar punt, l-Artikolu 150 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, ex officio tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza llum stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha l-obbligu teżamina ex officio l-motivi ta’ ordni pubbliku ( 24 ). |
|
62. |
B’mod illustrattiv biss, huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ex officio, inkluż fl-istadju tal-appell, motivi ta’ inammissibbiltà ta’ rikors ( 25 ) jew l-eżawriment tal-oġġett tiegħu ( 26 ), il-kompetenza tal-awtur ta’ att tal-Unjoni ( 27 ), dik tal-qorti adita ( 28 ), l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali ( 29 ), kif ukoll in-nuqqas jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni ta’ dak l-att ( 30 ). Għaldaqstant, dawn kienu motivi li huma marbutin mal-legalità esterna tal-atti. |
|
63. |
Min-naħa l-oħra, bħala qorti tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li teżamina ex officio motivi fil-mertu, ibbażati fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi tat-trattat jew ta’ atti tal-Unjoni ( 31 ), li tqajmu għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li ma tantx taċċetta li teżamina ex officio motivi bbażati fuq il-legalità interna tal-atti ( 32 ). |
|
64. |
Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma identifikat b’mod astratt il-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk motiv huwiex ta’ ordni pubbliku jew le. |
|
65. |
Huwa minnu li ma huwiex faċli li tali motiv jiġi ddefinit peress li jiddependi, finalment, fuq il-valuri fundamentali tal-ordinament ġuridiku kkunsidrat, fuq ir-rwoli li jkollhom il-partijiet, fuq ir-regoli ta’ proċedura applikabbli kif ukoll fuq it-tip ta’ qorti (partikolarment ċivili jew amministrattiva) adita u fuq il-grad tagħha (qorti tal-mertu jew qorti ta’ kassazzjoni) ( 33 ). |
|
66. |
Madankollu, fir-rigward tal-ordinament ġuridiku u tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, hemm ċerti elementi bbażati fuq il-ġurisprudenza li jippermettu li wieħed jidentifika b’ċerta preċiżjoni dawn il-kriterji. |
|
67. |
Kif diġà kelli l-okkażjoni li nenfasizza f’konklużjonijiet preċedenti ( 34 ), jiena naqbel, f’dan ir-rigward, maż-żewġ kriterji li stabbilixxa l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punti 141 u 142 ta’ dawn il-konklużjonijiet fil-kawża Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:172). |
|
68. |
Dan ifisser, għaldaqstant, li jrid jiġi evalwat, minn naħa, jekk ir-regola miksura hijiex intiża li sservi għan jew valur fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jekk hija għandhiex rwol sinjifikattiv fit-twettiq ta’ dak l-għan jew ta’ dak il-valur u, min-naħa l-oħra, jekk dik ir-regola ġietx stabbilita fl-interess ta’ terzi jew tal-kollettività inġenerali, u mhux sempliċement fl-interess tal-persuni direttament ikkonċernati ( 35 ). |
|
69. |
Evidentement, l-ewwel kriterju għandu jitqies issodisfatt. Fil-fatt, ir-rispett tad-dritt għal smigħ f’kull proċedura amministrattiva jifforma parti integrali minn dak tad-drittijiet tad-difiża li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali (u fundamentali) tad-dritt tal-Unjoni ( 36 ). Skont l-Artikolu 2 TUE, l-Unjoni hija partikolarment ibbażata fuq il-valuri tar-rispett tal-Istat tad-dritt u fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, fejn ir-rispett ta’ dawn tal-aħħar jikkostiwixxi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kundizzjoni għal-legalità tal-atti tal-Unjoni ( 37 ) u “prinċipju kostituzzjonali” tat-trattat ( 38 ). Iktar u iktar, peress li l-Artikolu 6(1) TUE jafferma li l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, li jinkludu dak imsemmi fl-Artikolu 41 tagħha, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jżid li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri, jifformaw parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali. |
|
70. |
Ir-rispett tad-dritt għal smigħ iservi għaldaqstant ta’ valur essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jiġifieri dak tal-konnessjoni, ta’ natura kostituzzjonali, ta’ dan tal-aħħar mar-rispett tad-drittijiet u libertajiet rikonoxxuti lill-individwi, stabbiliti b’mod partikolari fil-Karta. |
|
71. |
Min-naħa l-oħra, biex jiġi stabbilit jekk ir-rispett tad-dritt għal smigħ jissodisfax it-tieni kriterju, jiġifieri jekk dan ġiex maħluq fl-interess ġenerali iktar milli sempliċement fl-interess tal-persuni direttament ikkonċernati, huwa iktar diffiċli. |
|
72. |
Fid-dawl tad-dikotomija magħmula mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bejn motivi dwar il-legalità esterna, li jistgħu jiġu eżaminati ex officio, u dawk li jirrigwardaw il-legalità interna, li l-eżami tagħhom ex officio jidher li huwa eskluż, għandu jiġi vverifikat jekk il-ksur tad-dritt għal smigħ jistax jaqa’ taħt ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri, fil-fehma tiegħi, bħala ksur ta’ rekwiżit essenzjali ta’ proċedura intrinsikament marbuta mal-formazzjoni jew l-espressjoni tal-volontà tal-awtorità li tadotta l-att inkwistjoni, b’mod li jaltera ipso jure s-sustanza tiegħu ( 39 ). |
|
73. |
Din il-kundizzjoni tal-ksur tar-rispett tad-dritt għal smigħ, li tinvolvi l-eżami ex officio ta’ tali lment, ġiet adottata diversi drabi mill-Qorti Ġenerali kif ukoll mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. |
|
74. |
Huwa b’dan il-mod li l-Qorti Ġenerali eżaminat ex officio n-nuqqas tal-Kummissjoni li tistieden lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li pparteċipaw f’akkordju milli jippreżentaw osservazzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva fuq l-eventwali eżerċizzju tas-setgħa li timponilhom multi ( 40 ) u dak li tisma’ lill-impriżi qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-maħfra jew in-nuqqas ta’ rkupru ta’ dazji fuq l-importazzjoni ( 41 ). Min-naħa tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku aċċetta b’mod partikolari li jista’ jeżamina ex officio n-nuqqas tal-amministrazzjoni li titlob lil uffiċjal biex jagħti l-fehma tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ riklassifikazzjoni fil-grad tal-persuna kkonċernata ( 42 ), dak li tagħti lill-aġent il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dokument ta’ evalwazzjoni li fuqu l-amministrazzjoni tkun bi ħsiebha tibbaża ruħha biex tiċħad lil dak l-aġent il-benefiċċju ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ( 43 ) jew dak li ma tismax lil aġent qabel ir-rifjut tal-amministrazzjoni li ġġeddidlu l-kuntratt għal żmien determinat ( 44 ). |
|
75. |
Din il-linja ta’ ġurisprudenza bl-ebda mod ma tiġġustifika r-raġunijiet li jwasslu biex il-ksur tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt għal smigħ, jiġi kklassifikat bħala li jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
76. |
Min-naħa l-oħra, din il-linja ta’ ġurisprudenza tibbaża ruħha kważi sistematikament fuq żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s-sentenzi Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, EU:C:1991:189, punt 14) u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67). |
|
77. |
Madankollu, dawn iż-żewġ sentenzi ma jidhirlix li jsostnu l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali u mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. |
|
78. |
Dan huwa perfettament ċar għal dak li jikkonċerna s-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67). Fil-fatt, din ma tirrigwardax ir-rispett tad-dritt għal smigħ, imma l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa paċifiku li dan jaqa’ fil-fatt taħt il-kategorija ta’ forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE ( 45 ). |
|
79. |
Is-sentenza Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, EU:C:1991:189), min-naħa tagħha, kienet tikkonċerna rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas assistenza finanzjarja mill-Fond Soċjali Ewropew għal programmi ta’ taħriġ u gwida professjonali magħmula fil-Portugall, assistenza li kienet ibbenefikat minnha s-soċjetà Interhotel. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli kienet tipprovdi espliċitament li, f’sitwazzjoni bħalma kienet ta’ dik il-kawża, il-Kummissjoni setgħet, b’mod partikolari, tnaqqas l-assistenza finanzjarja biss wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Wara li fakkret li hija kienet awtorizzata teżamina ex officio l-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar kienet naqset milli tiġbor minn qabel l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Portugiża. |
|
80. |
Din il-konklużjoni tista’, prima facie, tħalli lil wieħed jaħseb li hija tikkorrobora l-linja ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżaminata iktar ’il fuq. |
|
81. |
Madankollu, il-punti 15 sa 17 tas-sentenza Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, EU:C:1991:189) ifakkru mhux biss li l-obbligu tas-smigħ tal-Istat Membru kkonċernat jirriżulta b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tar-regolament Komunitarju inkwistjoni, imma jenfasizzaw fuq kollox ir-“rwol ċentrali” u “l-importanza tar-responsabbiltajiet li [l-Istat Membru] jassumi fil-preżentazzjoni u l-kontroll tal-finanzjament tal-programmi ta’ taħriġ” li jimplikaw li l-possibbiltà ta’ dan li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva għat-tnaqqis tal-assistenza finanzjarja tikkostitwixxi “formalità sostanzjali” li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha twassal għan-nullità tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
82. |
Fil-fehma tiegħi, hija n-natura ċentrali tar-rwol u l-importanza tar-responsabbiltajiet tal-Istat Membru fil-qasam inkwistjoni li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikklassifika l-ksur tal-konsultazzjoni obbligatorja tal-Istat Membru kkonċernat, li wara kollox hija prevista espressament mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, bħala ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali. Din il-konsultazzjoni tista’, finalment, titqies li hija espressjoni partikolari tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jew, fi kliem ieħor, tal-bilanċ istituzzjonali fi ħdan l-Unjoni. Konsegwentement, wieħed jista’ jifhem kompletament li l-ksur ta’ tali konsultazzjoni minn qabel jista’ jitqies li jippreġudika regola li sservi għan jew valur fundamentali tal-Unjoni, li ġiet stabbilita fl-interess ġenerali u li, għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżaminaha ex officio. |
|
83. |
Din hija r-raġuni wkoll għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li persuna ġuridika tista’ tipprevalixxi ruħha mill-ksur tad-drittijiet tal-Istat Membru, li jisboq is-sempliċi ksur tad-drittijiet suġġettivi ta’ dan tal-aħħar u li twassal għan-nullità ipso jure tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 46 ). |
|
84. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li jkun perikoluż li mis-sentenza Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, EU:C:1991:189) tinstilet affermazzjoni ġenerali li l-ksur tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari dak tad-dritt għal smigħ tal-persuni ġuridiċi u fiżiċi f’kull proċedura amministrattiva, ikun jikkostitwixxi ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li għandha tiġi eżaminata ex officio mill-qorti tal-Unjoni. |
|
85. |
Jidhirli li din hi prudenza li tinsab imsaħħa minn tliet fatturi deċiżivi oħra. |
|
86. |
L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja, sal-lum, qatt ma estendiet l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, EU:C:1991:189) lil hinn mis-sitwazzjonijiet li jinvolvu l-osservanza tal-garanziji proċedurali rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni lill-Istati Membri ( 47 ). |
|
87. |
Sussegwentement, f’deċiżjoni f’kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala ġdid u għaldaqstant inammissibbli motivi li tqajmu fl-istadju tar-replika quddiem il-Qorti Ġenerali jew għall-ewwel darba quddiemha, li kienu bbażati jew fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tal-persuni ġuridiċi jew fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq matul il-proċedimenti amministrattivi magħmula mill-Kummissjoni fil-qasam tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 48 ). |
|
88. |
Dan ifisser neċessarjament li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li tali motivi, anki jekk ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ motivi ta’ ordni pubbliku li għandhom jiġu eżaminati ex officio mill-qorti tal-Unjoni. |
|
89. |
Fl-aħħar nett, il-konsegwenza tal-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, jiġifieri l-annullament ipso jure tal-att ikkonċernat, ma tantx taqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li ksur tad-dritt għal smigħ iwassal għan-nullità tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti ( 49 ). |
|
90. |
Kif turi s-sentenza G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38), din il-ġurisprudenza tapplika b’mod sħiħ fil-kuntest tal-ksur tad-dritt għal smigħ matul il-proċedura amministrattiva tal-estensjoni tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba t-tkeċċija tiegħu, skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 50 ). Fil-fatt, għalkemm din id-direttiva hija silenzjuża fir-rigward tal-konsegwenzi li jkun hemm f’każ ta’ ksur ta’ tali dritt u li, għaldaqstant, huma l-Istati Membri li, fil-prinċipju, għandhom jirregolaw dawn il-konsegwenzi fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, x’aktarx minħabba dan l-aħħar prinċipju, li jekk il-ksur tad-dritt għal smigħ jiġi ssanzjonat bl-annullament awtomatiku ta’ deċiżjoni għall-estensjoni tad-detenzjoni, dan jirriskja li jippreġudika l-effett utli tad-direttiva ( 51 ). |
|
91. |
Id-“dritt tal-Unjoni”, li bbażat ruħha fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, jidher għaldaqstant li jeskludi li l-ksur tad-dritt għal smigħ jista’ jwassal għall-annullament awtomatiku tal-att adottat wara l-proċedura amministrattiva kkontestata, ħaġa li wkoll hija l-konsegwenza loġika jekk il-ksur ta’ dan id-dritt kellu jiġi kklassifikat bħala ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. |
|
92. |
Il-linja ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma hijiex, barra minn hekk, univoka f’dan ir-rigward. Fil-fatt, għalkemm fl-imsemmija sentenzi, dawn iż-żewġ qrati aċċettaw il-klassifikazzjoni tad-dritt għal smigħ bħala li huwa forma proċedurali sostanzjali, f’uħud minn dawn il-kawżi, biex jippruvaw jibqgħu mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għadha kif ġiet iċċitata, huma investigaw madankollu jekk fl-assenza ta’ tali ksur, il-proċedura amministrattiva setgħetx twassal għal riżultat differenti ( 52 ). Issa, kif ġie indikat diġà, il-konstatazzjoni mill-qorti tal-Unjoni dwar il-ksur ta’ (veru) forma proċedurali sostanzjali ma teħtieġx tali evalwazzjoni peress li l-att amministrattiv inkwistjoni jkun null ipso jure. |
|
93. |
Fl-istat attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli għaldaqstant li l-ksur tad-dritt għal smigħ matul proċedura amministrattiva ma jikkostitwixxix ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, li l-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata teżamina ex officio ( 53 ). |
|
94. |
Fil-fehma tiegħi, din l-evalwazzjoni tista’ tiġi kkontestata biss kieku l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tagħti valur ikbar lill-“permeabbiltà” li tidher li teżisti bejn ir-rispett tad-dritt għal smigħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-amministrazzjoni, u, għaldaqstant, li tgħaqqad dan id-dritt b’mod iktar ċar u deċiżiv mal-prinċipju, li huwa ta’ interess ġenerali, ta’ amministrazzjoni tajba ( 54 ). |
|
95. |
Huwa minnu li dan l-approċċ li, essenzjalment, iddefendietu l-Kummissjoni waqt is-seduta, isib ċertu sostenn fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
96. |
Fil-fatt, fis-sentenzi Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punti 47 u 48) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 37 u 38), il-Qorti tal-Ġustizzja assoċjat id-dritt għal smigħ mal-għan li jiġi żgurat li l-awtorità kompetenti titpoġġa f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod utli, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni sabiex tippermetti lil dik l-awtorità li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod iddettaljat. B’dan il-mod il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-motivazzjoni tal-att amministrattiv tikkostitwixxi l-“korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża”. |
|
97. |
Barra minn hekk, l-argument imressaq mill-Kummissjoni fis-seduta jidher ukoll li huwa koerenti biżżejjed mal-inklużjoni espliċita tar-rispett tad-dritt għal smigħ, flimkien mal-obbligu li għandha l-amministrazzjoni biex timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha, fil-lista ta’ drittijiet li jaqgħu taħt id-“dritt għal amministrazzjoni tajba” stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta. |
|
98. |
Madankollu, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevita kull sinkretiżmu, fejn tħallat in-natura u l-portata tad-dritt għal smigħ tal-persuni ma’ dawk tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-amministrazzjoni. |
|
99. |
B’mod iktar preċiż, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-amministrazzjoni ċertament ma huwiex limitat għat-teħid inkunsiderazzjoni, minn din tal-aħħar, tal-osservazzjonijiet tal-persuni qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li taffettwahom negattivament. Kif essenzjalment jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkontribwixxi fuq kollox għat-twettiq ta’ għan iktar ġenerali, jiġifieri dak li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-att ikkontestat quddiemha ( 55 ). Huwa meta l-qorti tal-Unjoni ssib ruħha fl-impossibbiltà li teżerċita dan l-istħarriġ li jkun iġġustifikat, fil-fehma tiegħi, li dik il-qorti teżamina ex officio l-ksur ta’ tali obbligu. Il-fatt li individwu ma setax jagħmel utilment l-osservazzjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li twassal għal adozzjoni ta’ deċiżjoni li taffettwah negattivament jista’, fil-fatt, jaffettwa n-natura suffiċjentement elaborata ta’ dik il-motivazzjoni jekk mhux il-fondatezza tagħha ( 56 ). Madankollu, huwa ma jipprekludix sistematikament lill-qorti tal-Unjoni milli teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha ( 57 ). |
|
100. |
Għaldaqstant, jidhirli li l-argumenti tal-Kummissjoni ma humiex konvinċenti biżżejjed biex tiġi skartata x-xejra attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ matul proċedura amministrattiva ma jikkostitwixxix ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, li jappartjeni lill-kategorija ta’ motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata teżamina ex officio. Għaldaqstant, hija l-parti allegatament leża li għandha tinvoka l-ksur ta’ tali dritt quddiem il-qorti tal-Unjoni, mingħajr ma’ din tal-aħħar għandha tagħmel tajjeb għall-ommissjoni jew in-negliġenza ta’ din il-parti. |
III – Konklużjoni
|
101. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État tal-Belġju: “Ir-rispett tad-dritt ta’ persuna għal smigħ minn awtorità nazzjonali, qabel l-adozzjoni minn din l-awtorità ta’ kull deċiżjoni li tista’ tikkawżalha preġudizzju ma tokkupax, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, grad jew post ekwivalenti għal dawk li għandhom in-normi ta’ ordni pubbliku tad-dritt Belġjan fid-dritt intern, kif dawn in-normi ġew deskritti mill-qorti tar-rinviju. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jeżiġix li motiv, ibbażat fuq ksur tar-rispett tad-dritt għal smigħ imsemmi fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jitqajjem għall-ewwel darba quddiem qorti amministrattiva tal-aħħar istanza, li tiddeċiedi f’kassazzjoni, bħalma hija l-qorti tar-rinviju, jiġi ddikjarat ammissibbli u eżaminat fil-mertu.” |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.
( 3 ) Għal kull buon fini, infakkar li, f’kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa tagħha, taċċetta l-ammissibbiltà ta’ aggravju li joriġina minn evalwazzjoni li tkun tinsab fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li tkun ikkontestata quddiemha. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Areva et vs Il-Kummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punti 118 u 170 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 4 ) Hemm bżonn infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kemm-il darba li ma huwiex l-obbligu tagħha li tippronunzja ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, peress li dan ix-xogħol huwa esklużivament tal-qorti tar-rinviju? Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 5 ) Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “[h]ija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri prattiki abbużivi ta’ kummerċjanti” [ara s-sentenza Slancheva sila (C‑434/12, EU:C:2013:546 u l-ġurisprudenza ċċitata; enfasi miżjud minni)] u, konsegwentement, tat wieħed x’jifhem li l-kunċett ta’ abbuż (tad-dritt) jikkostitwixxi regola ta’ limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni [din il-kwalifika ddefendiha wkoll l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Halifax et (C‑255/02, EU:C:2005:200, punt 69)], mentri, min-naħa l-oħra, hija kkonstatat “li l-eventwali abbuż tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku [tal-Unjoni] skont id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jippreżupponi li l-persuna kkonċernata taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tat-trattat, billi tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tkun ikklassifikata bħala ‘ħaddiem’” [sentenza Ninni-Orasche (C‑413/01, EU:C:2003:600, punt 31; enfasi miżjud minni)] u eżaminat ukoll il-ġlieda kontra l-prattiki abbużivi abbażi tal-motivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet ta’ moviment [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 55) u SIAT (C‑318/10, EU:C:2012:415, punt 50)].
( 6 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (C‑83/13, EU:C:2014:201, punt 70).
( 7 ) Sentenza Åkerberg Fransson (C-617/10, EU:C:2013:105, punti 18 sa 21).
( 8 ) Ara s-sentenzi Cicala (C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 28), sentenza YS et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 67), Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 44) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 32 u 33).
( 9 ) Ara s-sentenzi Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 45) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 34).
( 10 ) Ara s-sentenza N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50). Ara wkoll, impliċitament, is-sentenza Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 29) li llimitat ruħha biex teskludi l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 41(2) tal-Karta għas-sitwazzjoni li wasslet għall-kawża prinċipali.
( 11 ) Sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 84).
( 12 ) Sentenzi M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87), Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 46) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 36).
( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 49) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 50) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 40).
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 35), Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 51) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 41).
( 16 ) Ara l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/38. Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 30 ta’ din jipprovdi wkoll li d-deċiżjonijiet li jillimitaw id-dritt tad-dħul u residenza għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub lill-persuna kkonċernata u jkunu mmotivati.
( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 41).
( 18 ) Idem.
( 19 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 28); Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 57) u Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 27).
( 20 ) Fis-seduta, il-Gvern Franċiż ma ħebiex l-iskumdità tiegħu fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza jew tal-inqas fir-rigward tat-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja.
( 21 ) Sentenza Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 49) u digriet Pohotovosť (C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 48) (enfasi miżjuda minni).
( 22 ) Ara l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja; Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll l-Artikolu 56(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
( 23 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑276/02, EU:C:2004:211, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawżi magħquda Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:215, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67), KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, EU:C:2011:810, punt 104) u s-sentenza Siemens et vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punt 321).
( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 35) u Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara s-sentenza Hassan u Ayadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑399/06 P u C‑403/06 P, EU:C:2009:748 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 56).
( 28 ) Ara s-sentenzi Planet vs Il-Kummissjoni (C‑564/13 P, EU:C:2015:124, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 37).
( 29 ) Sentenza Chronopost u La Poste/UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 48 u 49).
( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 34 u 35) u Mindo vs Il-Kummissjoni (C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat għalhekk li teżamina ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE minħabba n-nuqqas ta’ attribwibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni lill-Istat. Ara wkoll, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 97).
( 32 ) Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina ex officio motiv, magħruf sew fid-dritt amministrattiv Franċiż, li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Valero Jordana vs Il-Kummissjoni (F‑104/05, EU:F:2008:13, punti 53 u 54), Putterie-De-Beukelaer vs Il-Kummissjoni (F‑31/07, EU:F:2008:23, punti 50 sa 62) u Vakalis vs Il-Kummissjoni (F‑38/10, EU:F:2011:43, punti 28, 29 u 38). It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jippreċiża f’din l-aħħar sentenza l-portata ta’ dan l-eżami inkwantu dan “jikser ir-rwol tiegħu li jistħarreġ il-legalità jekk huwa jastjeni milli jirrileva, anki fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni min-naħa tal-partijiet fuq dan il-punt, li d-deċiżjoni kkontestata quddiemu kienet ittieħdet abbażi ta’ norma li ma tistax tapplika fil-każ ineżami u jekk, sussegwentement, huwa jasal biex jiddeċiedi l-kwistjoni li jkollu quddiemu billi japplika huwa stess dik in-norma”. Fis-sentenza Wurster vs EIGE (F‑20/12 u F‑43/12, EU:F:2013:129, punt 90), din il-qorti kkunsidrat li l-eżami ex officio ta’ motiv li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni kontra l-eżami ex officio ta’ motivi ta’ legalità interna. Fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher għalhekk li tammetti wkoll, kif juru s-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, li dawn il-qrati jkunu obbligati f’ċerti każijiet, minħabba l-prinċipju ta’ effettività tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, li jqajmu ex officio motivi bbażati fuq il-legalità interna tal-atti.
( 33 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:172, punt 134).
( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni (C‑443/05 P, EU:C:2007:127, punti 102 u 103) u fil-kawża Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2009:553, punti 78 u 79).
( 35 ) Min-naħa l-oħra, ma naħsibx li l-kriterju tan-natura manifesta tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, deskritt fil-punt 143 tal-konklużjonijiet imsemmija tal-Avukat Ġenerali Jacobs, jirrigwarda, strettament, il-klassifikazzjoni ta’ motiv bħala motiv ta’ ordni pubbliku. Pjuttost huwa rekwiżit għall-eżistenza ta’ obbligu, tal-qorti, li tirrileva ex officio motiv ta’ ordni pubbliku. Ara, f’dan is-sens, Vesterdorf, B., “Le relevé d’office par le juge communautaire”, f’Une Communauté de droit: Festschrift für G. C. Rodríguez Iglesias, Nomos, 2003, p. 551, speċjalment p. 560-561.
( 36 ) Ara s-sentenzi Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 45) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 34).
( 37 ) Sentenzi Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 284) u Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806, punt 41).
( 38 ) Sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 285).
( 39 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Il-Kummissjoni vs ICI (C‑286/95 P, EU:C:1999:578, punt 22).
( 40 ) Sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni (T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 487).
( 41 ) Sentenzi Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni (T‑42/96, EU:T:1998:40, punt 88), Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni (T‑50/96, EU:T:1998:223, punt 71) u Kaufring et vs Il-Kummissjoni (T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, EU:T:2001:133, punti 134 u 135). B’riferiment għal din l-aħħar sentenza, l-Avukat Ġenerali Jacobs sostna wkoll li “hija ġurisprudenza stabbilita” li n-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura amministrattiva jikkostitwixxi l-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali li l-Qorti Ġenerali setgħet, anzi kellha, tirrileva ex officio [ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, EU:C:2005:106, punt 89)].
( 42 ) Sentenza Bui Van vs Il-Kummissjoni (F‑51/07, EU:F:2008:112, punti 77 u 78). Din l-evalwazzjoni ġiet impliċitament imma neċessarjament ikkonfermata fl-appell fil-punti 77 sa 81 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali Bui Van vs Il-Kummissjoni (T‑491/08 P, EU:T:2010:191) fejn, f’dawn iż-żewġ punti, ċaħdet l-appell inċidentali tal-Kummissjoni li kien ibbażat, b’mod partikolari, fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-obbligu tas-smigħ tal-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid.
( 43 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Hanschmann vs Europol (F‑27/09, EU:F:2010:58, punt 53) u Knöll vs Europol (F‑44/09, EU:F:2010:68, punt 59).
( 44 ) Ara s-sentenza EE vs Il-Kummissjoni (F‑55/14, EU:F:2015:66, punti 35 u 41).
( 45 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ipatau vs Il-Kunsill (C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 46 ) Li jista’ jispjega għaliex il-qorti tal-Unjoni taċċetta wkoll li l-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jinvoka l-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-Istat Membru li ta l-għajnuna u li tali ksur jista’ jiġi rilevat ex officio: ara, f’dan is-sens, is-sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni (T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punti 143 u 147).
( 47 ) Ara s-sentenzi Infortec vs Il-Kummissjoni (C‑157/90, EU:C:1992:243, punt 20), Foyer culturel du Sart-Tilman vs Il-Kummissjoni (C‑199/91, EU:C:1993:205, punt 34) u IRI vs Il-Kummissjoni (C‑334/91, EU:C:1993:211, punt 25). F’din ix-xejra ta’ ġurisprudenza tipparteċipa wkoll il-ġurisprudenza dwar il-“garanzija essenzjali mitluba mit-Trattat” tar-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża fil-qasam tal-konstatazzjoni ta’ nuqqas, fejn dan huwa neċessarju mhux biss biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat inkwistjoni, imma wkoll biex jiġi ggarantit li l-proċedura kontenzjuża eventwali jkollha bħala suġġett kwistjoni definita b’mod ċar, ħaġa li tispjega li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrileva ex officio l-ksur ta’ din il-garanzija, anki jekk l-Istat Membru jkun ħass li ma għandux jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu matul il-fażi prekontenzjuża. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑365/97, EU:C:1999:544, punti 23 u 35) u Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (C‑522/09, EU:C:2011:251, punt 16). L-analoġija bejn din il-ġurisprudenza u s-sentenza Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, EU:C:1991:189) kif ukoll il-possibbiltà li l-ksur ta’ dawn il-garanziji jiġi rrilevat ex officio ġew affermati b’mod espliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑160/08, EU:C:2010:230, punti 40 sa 42).
( 48 ) Dwar ir-rispett tad-dritt għal smigħ, ara s-sentenzi Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni (C‑395/96 P u C‑396/96 P, EU:C:2000:132, punti 99, 103, 104, 107 u 108), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 421 u 422) kif ukoll Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punti 86 sa 91). Fir-rigward tal-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, ara b’mod partikolari s-sentenza Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 128) u d-digrieti Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑421/11 P, EU:C:2012:60, punt 35) u Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑495/11 P, EU:C:2012:571, punt 33).
( 49 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 79) u G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 50 ) ĠU L 348, p. 98.
( 51 ) Sentenza G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 41).
( 52 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Bui Van vs Il-Kummissjoni (F‑51/07, EU:F:2008:112, punt 81) u Knöll vs Europol (F‑44/09, EU:F:2010:68, punt 70).
( 53 ) Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-proċess, li jista’ jwassal għall-annullament tal-att amministrattiv inkwistjoni jekk huwa jkun ippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u jista’ jkun regolarizzat matul il-proċedura ġudizzjarja, f’liema każ l-oneru tal-prova jikkonsisti f’li jintwera li d-dokumenti setgħu jintużaw għad-difiża ta’ dik il-persuna. Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punti 50 sa 52 u 57 u 58) u Siemens et vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punti 370-371).
( 54 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jirrifletti wkoll prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni: ara, b’mod partikolari, is-sentenza YS et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 55 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza FLS Plast vs Il-Kummissjonin (C‑243/12 P, EU:C:2014:2006, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 56 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Edison (C‑446/11 P, EU:C:2013:798, punt 54).
( 57 ) Għall kull buon fini, għandu jiġi ppreċiżat li l-qorti tal-Unjoni kkunsidrat inammissibbli motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li kien ġie ppreżentat jew b’mod tardiv quddiem il-qorti tal-ewwel istanza jew għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, rispettivament, is-sentenza Stadtsportverband Neuss vs Il-Kummissjoni (T‑137/01, EU:T:2003:232, punti 135 u 137) u s-sentenza Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punti 86 sa 91).