|
10.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 182/8 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/763
tad-9 ta’ Ġunju 2020
li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għall-fosfat trikalċiku (E 341 (iii))
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. |
|
(2) |
Dawk l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jiġu aġġornati f’konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni. |
|
(3) |
Fit-28 ta’ Settembru 2018, tressqet applikazzjoni għall-emenda ta’ speċifikazzjonijiet li jikkonċernaw l-addittiv tal-ikel: il-fosfat trikalċiku (E 341(iii)). L-applikazzjoni tqiegħdet għad-disponibbiltà tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008. |
|
(4) |
L-ispeċifikazzjonijiet attwali tal-Unjoni jistabbilixxu li l-fosfat trikalċiku (E 341(iii)) jinkiseb min-newtralizzazzjoni tal-aċidu fosforiku bl-idrossidu tal-kalċju. L-applikant qed jitlob li n-newtralizzazzjoni bil-karbonat tal-kalċju tiġi inkluża bħala alternattiva. |
|
(5) |
Skont l-applikant, l-idrossidu tal-kalċju jiġi prodott permezz tal-kalċinazzjoni tal-karbonat tal-kalċju, li jista’ jiġi evitat jekk il-karbonat tal-kalċju jintuża direttament bħala l-materjal tal-bidu. L-applikant isostni li l-vantaġġ ewlieni bl-użu tal-karbonat tal-kalċju direttament huwa t-tnaqqis tal-enerġija tal-produzzjoni meħtieġa, li jirriżulta fi proċess ta’ produzzjoni aktar sostenibbli. Skont l-applikant, iż-żewġ proċessi tal-produzzjoni jwasslu għall-istess prodott finali, il-fosfat trikalċiku (E 341 (iii)), jiġifieri ma fihomx impuritajiet oħra għajr dawk speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 231/2012. |
|
(6) |
L-applikazzjoni ġiet diskussa mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti Governattivi dwar l-Addittivi. Filwaqt li qieset l-informazzjoni pprovduta mill-applikant u l-feedback li wasal minn dak il-Grupp ta’ Ħidma, il-Kummissjoni qieset li l-emenda proposta lill-ispeċifikazzjonijiet għall-fosfat trikalċiku (E 341 (iii)) mhix mistenni li jkollha effett fuq is-saħħa tal-bniedem. |
|
(7) |
Billi l-użu tal-karbonat tal-kalċju bħala alternattiva għall-idrossidu tal-kalċju fil-proċess tal-produzzjoni tal-fosfat trikalċiku (E 341 (iii)) jikkostitwixxi aġġornament tal-lista tal-Unjoni, li mhux mistenni jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem, ma hemmx għalfejn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel f’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 u l-ispeċifikazzjonijiet jenħtieġ li jiġu emendati. |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1)
ANNESS
Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, fl-entrata għall-“E 341 (iii) fosfat trikalċiku”, id-definizzjoni tinbidel b’dan li ġej:
|
“Definizzjoni |
Il-fosfat trikalċiku jikkonsisti f’taħlita varjabbli ta’ fosfati tal-kalċju miksuba min-newtralizzazzjoni tal-aċidu fosforiku bl-idrossidu tal-kalċju jew bil-karbonat tal-kalċju u għandu l-kompożizzjoni approssimattiva ta’ 10CaΟ·3P2O5·Η2O” |