Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tad-Danimarka
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(2)Ir-Regolament REPowerEU, adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina b’mod gradwali d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Id-Danimarka żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet ta’ qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività. Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ fatturi identifikati tal-kompetittività.
(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2024, li fih ma identifikatx lid-Danimarka bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.
(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Jinkludi wkoll ir-Regolament emendat (KE) Nru 1467/97 dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva emendata 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 snin jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, il-perkors tan-nefqa netta jenħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 2024/1263, inklużi r-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitpoġġa jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u d-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li jeħtieġ jippreżentaw u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 2024/1263, tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji referenzjarji u informazzjoni teknika, meta applikabbli). L-Istati Membri jenħtieġ li jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati nazzjonali oħrajn, kif xieraq.
(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(7)Fit-30 ta’ April 2021, id-Danimarka ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għad-Danimarka, li ġiet emendata fid-9 ta’ Novembru 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li d-Danimarka laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(8)Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għad-Danimarka. Huwa vvaluta l-progress tad-Danimarka fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u qies l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tad-Danimarka. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tad-Danimarka fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fl-ilħuq tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fl-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(9)Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, is-surplus tal-gvern estiż tad-Danimarka naqas minn 3,3 % tal-PDG fl-2022 għal 3,1 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 29,8 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 29,3 % fi tmiem l-2023.
(10)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda li d-Danimarka tieħu azzjoni biex fl-2023 tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali ġenerali, filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Id-Danimarka ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Id-Danimarka ngħatat ukoll ir-rakkomandazzjoni li tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali kienet espansjonarja, bi 2,4 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonali ta’ dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 1,8 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonali ta’ dħul) kien xprunat minn benefiċċji soċjali ogħla u żidiet permanenti fil-pagi tas-settur pubbliku. It-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kienx konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE kienet tammonta għal 0,2 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 3,2 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,1 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Id-Danimarka ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE. Id-Danimarka ffinanzjat investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-espansjoni tat-tisħin distrettwali minn sorsi rinnovabbli, it-twettiq ta’ rinnovazzjonijiet enerġetiċi ta’ bini pubbliku, l-espansjoni tal-konnettività tal-enerġija fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana, il-produzzjoni tal-idroġenu fuq il-bażi tal-elettriku ekoloġiku u l-provvista ta’ konnessjonijiet veloċi tal-internet lill-unitajiet domestiċi.
(11)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 2,6 % fl-2024 u 1,4 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,0 % fl-2024 u 1,9 % fl-2025.
(12)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta surplus tal-gvern ta’ 2,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 26,5 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis tas-surplus fl-2024 jirrifletti prinċipalment konsum ogħla tal-gvern, kemm ir-remunerazzjoni kif ukoll konsum ieħor. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun espansjonarja, b’0,3 % tal-PDG, fl-2024.
(13)Nefqa li tammonta għal inqas minn 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, l-istess bħal fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tad-Danimarka.
(14)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda li d-Danimarka żżomm pożizzjoni fiskali soda fl-2024. Waqt l-eżekuzzjoni tal-baġits tagħhom għall-2023 u t-tħejjija tal-baġits tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali tad-Danimarka huwa pproġettat li jkun 2,4 % tal-PDG fl-2024, minn 3,6 % fl-2023, u b’hekk ogħla mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (MTO, medium-term budgetary objective) tal-pajjiż li jkollu bilanċ strutturali ta’ -0,5 % tal-PDG. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill.
(15)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li d-Danimarka tieħu azzjoni biex telimina gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ġodda jew kontinwi ta’ appoġġ, jenħtieġ li d-Danimarka tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u tippreserva l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat għal 0,5 % tal-PDG fl-2023 u pproġettat għal 0,1 % fl-2024 u 0,1 % fl-2025. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma proġettati li jiġu eliminati gradwalment malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill.
(16)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li d-Danimarka tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jibqa’ stabbli għal 3,2 % tal-PDG fl-2024, minn 3,2 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill. Min-naħa l-oħra, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tibqa’ stabbli għal 0,2 % tal-PDG fl-2024.
(17)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta surplus tal-gvern ta’ 1,4 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tas-surplus fl-2025 jirrifletti prinċipalment konsum ogħla tal-gvern, inkluża n-nefqa militari. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż mistenni jonqos għal 25,1 % sa tmiem l-2025.
(18)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tad-Danimarka permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ekwità soċjali. Sabiex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li d-Danimarka tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali, tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(19)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, id-Danimarka hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Id-Danimarka għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad fadal sfidi sinifikanti u jippersistu d-disparitajiet bejn ir-reġjun kapitali u l-bqija tal-pajjiż. Huwa importanti li titħaffef l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, u l-prijoritajiet maqbula fil-programmi għadhom rilevanti. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li tkompli tiġi appoġġata l-innovazzjoni li tikkontribwixxi għall-ekoloġizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni ulterjuri tas-soċjetà, filwaqt li jkomplu jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali, ekonomiċi u soċjali, u jitqiesu l-isfidi demografiċi. Barra minn hekk, jibqa’ kruċjali li jiġu promossi l-edukazzjoni vokazzjonali, it-taħriġ u l-attraenza tiegħu, kif ukoll li jittejbu l-ħiliet bażiċi tal-popolazzjoni adulta, inklużi dawk tal-migranti. Id-Danimarka tista’ tagħmel użu wkoll mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tagħti spinta lil aktar investimenti f’teknoloġiji li jappoġġaw it-tranżizzjoni doppja, kif ukoll l-investiment meħtieġ relatat biex jgħin fl-indirizzar tan-nuqqasijiet ta’ ħiliet u ta’ ħaddiema. Id-Danimarka tista’ tikkunsidra li tiffoka fuq teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi u l-ktajjen tal-valur relatati partikolarment fis-settur tal-enerġija, u fuq teknoloġiji diġitali għall-benefiċċju tan-nies u tal-SMEs. Dan jista’ jikkomplementa l-azzjonijiet li għaddejjin biex jgħinu lill-kumpaniji l-kbar jiżviluppaw teknoloġiji nodfa u jżidu r-rata ta’ kofinanzjament għall-SMEs.
(20)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, id-Danimarka tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mad-dekarbonizzazzjoni u s-sostenibbiltà tal-ekonomija.
(21)Id-Danimarka impenjat ruħha li tilħaq objettivi ambizzjużi tad-dekarbonizzazzjoni. Is-settur agrikolu Daniż huwa fost l-akbar sorsi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-pajjiż koperti mir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. Barra minn hekk, prattiki agrikoli intensivi qed jikkawżaw lixxivazzjoni eċċessiva ta’ nutrijenti u ilma tax-xeba’ mill-għelieqi, b’riperkussjonijiet serji fuq is-saħħa tal-ħamrija u fuq l-ekosistemi akkwatiċi u tal-baħar. Għalhekk, huwa essenzjali li s-settur agroalimentari jsir aktar sostenibbli biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi, kif ukoll biex jiġu restawrati l-bijodiversità u l-ekosistemi degradati. Fl-2023, l-agrikoltura Daniża u l-industriji relatati rreġistraw esportazzjonijiet netti ta’ madwar 2 % tal-PDG u l-attivitajiet agrikoli huma fiċ-ċentru tal-impjiegi u l-kompetittività f’reġjuni inqas popolati. Id-diskussjonijiet politiċi dwar l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-settur għadhom għaddejjin iżda, f’konformità mal-Pjan Strateġiku tal-PAK tad-Danimarka, huma meħtieġa aktar sforzi biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn agrikoltura sostenibbli, filwaqt li jiġu żgurati l-kompetittività u l-ekwità soċjali. Dan jista’ jintlaħaq billi, fost affarijiet oħra, jitkompla l-investiment f’teknoloġiji ekoloġiċi, jiġu inċentivati aktar it-tixrib mill-ġdid u t-tneħħija ta’ ħamrija b’livell għoli ta’ karbonju mill-produzzjoni, titnaqqas il-popolazzjoni tal-bhejjem, tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn prattiki organiċi u l-konsum ta’ ikel organiku, u jiġu estiżi żoni forestali u protetti.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li d-Danimarka tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:
1.Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju fil-ħin.
2.Tkompli bl-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħhom, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività.
3.Tagħmel aktar sforzi għal agrikoltura sostenibbli billi żżid il-miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni u l-azzjoni biex jitnaqqas it-telf tan-nutrijenti.