|
29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 241/147 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2101
tat-28 ta’ Settembru 2023
li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fluworur tas-sulfuril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
|
(1) |
Il-fluworur tas-sulfuril ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ġie għalhekk meqjus bħala approvat skont dak ir-Regolament soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE. |
|
(2) |
Fit-28 ta’ Ġunju 2017, ġew sottomessi applikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-fluworur tas-sulfuril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 (“l-applikazzjonijiet”). |
|
(3) |
Fl-14 ta’ Frar 2018, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tal-Iżvezja infurmat lill-Kummissjoni li skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, kienet iddeċidiet li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjonijiet. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għandha twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha. |
|
(4) |
L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tista’, skont il-każ, tirrikjedi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex issir l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li b’kollox ma jistax ikun itwal minn 180 jum, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data mitluba jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali. |
|
(5) |
Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) trid tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tissottomettiha lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(6) |
Skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1479 (3), id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fluworur tas-sulfuril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 ġiet posposta għat-30 ta’ Ġunju 2021, li kienet tikkorispondi mad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fluworur tas-sulfuril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/84/KE (4), sabiex ikun hemm biżżejjed ħin għall-eżami tal-applikazzjoni. |
|
(7) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/713 (5) pposponiet ulterjorment id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fluworur tas-sulfuril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 għall-31 ta’ Diċembru 2023 sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjonijiet. |
|
(8) |
Fl-20 ta’ Jannar 2023, l-Aġenzija rċeviet ir-rakkomandazzjonijiet mingħand l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-fluworur tas-sulfuril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18. |
|
(9) |
Konsegwentement, minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk huwa xieraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta ulterjorment għal perjodu ta’ żmien biżżejjed biex ikun jista’ jiġi finalizzat l-eżami tal-applikazzjonijiet. Filwaqt li jitqiesu l-limiti ta’ żmien għat-tħejjija u għas-sottomissjoni mill-Aġenzija tal-opinjonijiet tagħha u biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni tal-fluworur tas-sulfuril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(10) |
Wara l-posponiment ulterjuri tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, il-fluworur tas-sulfuril jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-fluworur tas-sulfuril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/713 hija posposta għall-31 ta’ Diċembru 2024.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1479 tat-3 ta’ Ottubru 2018 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (ĠU L 249, 4.10.2018, p. 16).
(4) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/84/KE tat-28 ta’ Lulju 2009 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-fluworid tas-sulfuril bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 67).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/713 tad-29 ta’ April 2021 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 (ĠU L 147, 30.4.2021, p. 21).