|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/6673 |
15.12.2025 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2025/6673)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Danablu”
PGI-DK-0328-AM01 — 15.9.2025
1. Isem il-prodott
“Danablu”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☐ |
Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) |
|
☒ |
Indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) |
|
☐ |
Indikazzjoni ġeografika (IĠ) |
3. Settur
|
☒ |
Prodotti agrikoli |
|
☐ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Id-Danimarka
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Fødevarestyrelsen [L-Amministrazzjoni Veterinarja u Alimentari Daniża]
6. Kwalifika bħala emenda standard
Spjegazzjoni għaliex l-emenda taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard kif previst fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143:
L-emendi jikkonċernaw bidliet editorjali u aġġornamenti ta’ ebda importanza sostantiva.
L-applikazzjoni biex tiġi emendata l-indikazzjoni ġeografika protetta “Danablu” ma taqax taħt xi wieħed mit-tliet każijiet previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 li jikkostitwixxu emenda tal-Unjoni għall-prodotti agrikoli, jiġifieri:
|
(a) |
bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem; |
|
(b) |
riskju li titneħħa r-rabta maż-żona ġeografika msemmija fid-dokument uniku; |
|
(c) |
restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
L-emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Danablu” għalhekk huma kklassifikati bħala emenda standard skont it-tifsira tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143.
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
1. L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 1, “Isem”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
“Danablu 50+ jew Danablu 60+ (skont il-kontenut ta’ xaħam)”
ġiet emendata għal:
“Danablu”.
Raġuni: Emenda editorjali li tispeċifika li l-isem reġistrat għandu jidher waħdu, li jfisser li l-kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa ma għandux jiġi indikat flimkien mal-isem.
Din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
2. L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 2.1, “Kompożizzjoni”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
“Danablu 50+: Xaħam minimu fil-materja niexfa: 50 %; materja niexfa minima: 52 %
Danablu 60+: Xaħam minimu fil-materja niexfa: 60 %; materja niexfa minima: 56 %”
ġiet emendata għal:
“Id-Danablu jista’ jiġi prodott bil-livelli li ġejjin ta’ kontenut ta’ xaħam:
|
— |
Xaħam minimu fil-materja niexfa: 50 %; materja niexfa minima: 52 % |
|
— |
Xaħam minimu fil-materja niexfa: 60 %; materja niexfa minima: 56 %”. |
Raġuni: Emenda editorjali
Din l-emenda twassal għal bidla fis-subtaqsima “Kompożizzjoni” tat-Taqsima 3.2, “Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1”, tad-dokument uniku.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
3. L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 7, “Korp ta’ ċertifikazzjoni u spezzjoni”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
It-taqsima tħassret peress li l-informazzjoni dwar min huwa responsabbli biex jivverifika l-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma titqiesx rilevanti biex tiġi inkluża fl-ispeċifikazzjoni. Barra minn hekk, dak il-kompitu ma għadux jiġi ddelegat, iżda issa jitwettaq mill-Amministrazzjoni Veterinarja u Alimentari Daniża.
Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.
L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
4. L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 8, “Tikkettar”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
“Danablu (50+ jew 60+) u ‘Indikazzjoni Ġeografika Protetta’ jew ‘IĠP’ fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha. Jista’ jiżdied il-kliem ‘Danish Blue Cheese’ jew it-traduzzjonijiet tiegħu fil-verżjonijiet bil-lingwi uffiċjali kollha.”
ġiet emendata għal:
“Il-kliem ‘Danish Blue Cheese’ jew it-traduzzjonijiet tiegħu f’lingwi oħrajn jista’ jiżdied mat-tikketta. Il-kliem irid jidher separatament mill-isem protett iżda fl-istess kamp viżiv tiegħu.”
Raġuni: L-emenda tikkonċerna żewġ elementi: l-ewwel element huwa li l-kliem “Danablu (50+ jew 60+) u ‘Indikazzjoni Ġeografika Protetta’ jew ‘IĠP’ fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha” tħassar. Dik il-bidla hija parzjalment ir-riżultat tal-emenda Nru 1 u parzjalment tal-fatt li r-rekwiżit biex il-kliem “ ‘Indikazzjoni Ġeografika Protetta’ jew ‘IĠP’ fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha” jkun jista’ jiżdied mal-isem huwa żejjed peress li ġeneralment huwa applikabbli.
It-tieni element huwa li s-sentenza “Jista’ jiżdied il-kliem ‘Danish Blue Cheese’ jew it-traduzzjonijiet tiegħu fil-verżjonijiet lingwstiċi uffiċjali kollha.” inbidlet b’riżultat tal-emenda ta’ hawn fuq u ġie speċifikat li l-kliem addizzjonali, fejn inkluż, irid jidher separatament mill-isem reġistrat iżda fl-istess kamp viżiv tiegħu.
Din l-emenda twassal għal bidla fit-Taqsima 3.6, “Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar”, tad-dokument uniku.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
5. L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 9, “Rekwiżiti nazzjonali”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
Dik it-taqsima tħassret.
Raġuni: Ma hemm l-ebda rekwiżit nazzjonali speċifiku.
Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.
L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
6. L-emenda tikkonċerna l-isem u l-indirizz tal-grupp ta’ produtturi
L-isem u l-indirizz tal-assoċjazzjoni tal-produtturi ġew aġġornati, iżda l-bqija tat-taqsima tibqa’ l-istess.
Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.
L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
DOKUMENT UNIKU
“Danablu”
Nru tal-UE: PGI-DK-0328-AM01 — 15.9.2025
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet
“Danablu”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Id-Danimarka
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
• 04 – PRODOTTI TAL-ĦALIB; BAJD TAL-GĦASAFAR; GĦASEL NATURALI; PRODOTTI TAJBIN GĦALL-IKEL ĠEJJIN MILL-ANNIMALI, LI MHUMIEX SPEĊIFIKATI JEW INKLUŻI BANDA OĦRA
0406 – Ġobon u baqta
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
Ġobon b’vina blu, bi kwantità massima ta’ xaħam jew kwantità ogħla mill-kwantità massima, nofsu iebes għal artab, maturat b’moffa blu, prodott mill-ħalib tal-baqra Daniża.
Kompożizzjoni:
Id-“Danablu” jista’ jiġi prodott bil-livelli ġejjin ta’ kontenut ta’ xaħam:
|
1. |
Xaħam minimu fil-materja niexfa: 50 %; materja niexfa minima: 52 % |
|
2. |
Xaħam minimu fil-materja niexfa: 60 %; materja niexfa minima: 56 % |
Forma u piż (ġobna sħiħa):
|
1. |
Ċilindriku u ċatt, dijametru ta’ madwar 20 cm, piż ta’ madwar 3 kg |
|
2. |
Rettangulari, tul ta’ madwar 30 cm, wisa’ ta’ madwar 12 cm, piż ta’ madwar 4 kg |
Wiċċ:
Ta’ kulur abjad għal jagħti fl-isfar ċar jew jagħti fil-kannella ċar. Ma għandux saff ta’ lega sinifikanti jew tkabbir ta’ moffa. Jista’ jkun ħarira mgħarraq biss fin-nofs. L-uċuħ jista’ jkollhom toqob viżibbli. Ebda’ kisi bix-xama’ tal-paraffina jew bl-emulsjoni tal-plastik.
Qoxra:
Bħala tali ma għandux qoxra, iżda b’saff ta’ barra impermeabbli u kemxejn sod. L-uċuħ jista’ jkollhom toqob viżibbli. L-uċuħ u l-ġnub iridu jkunu sħaħ, uniformi u regolari.
Kulur:
Abjad għal jagħti fl-isfar ċar, ma jagħtix fil-griż, mhux immuffat iżżejjed, bil-moffa madwar il-ġobna kollha mqassma b’mod ekwu f’disinn ta’ mużajk ta’ vini blu fl-aħdar ta’ moffa fil-perforazzjonijiet, fit-toqob u fix-xquq. Il-mużajk jista’ jonqos lejn it-tarf tal-ġobna. Il-perforazzjonijiet ma jridx ikollhom xi saff ta’ lega jew tkabbir ta’ moffa barranija.
Struttura:
Fetħiet u xquq fiżiċi spazjati mferrxin u mqassmin b’mod ekwu (fetħiet għall-baqta) u perforazzjonijiet. Il-massa tista’ tkun eħxen lejn it-tarf tal-ġobna. Mingħajr toqob li jirriżultaw mill-fermentazzjoni.
Konsistenza:
Maħlula iżda mhux li titfarrak, ġeneralment ratba, tista’ titqatta’ u tindilek, b’sawra kemxejn aktar soda u iqsar lejn it-truf tal-ġobna.
Riħa u togħma:
Togħma pura u pikkanti qawwija kkaratterizzata mit-tkabbir pur tal-moffa blu. It-togħma tista’ tkun qawwija u xi ftit mielħa u qarsa, b’noti kemxejn morri.
Żmien ta’ maturazzjoni:
Tal-inqas 5 ġimgħat
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
Id-“Danablu” jiġi prodott esklużivament minn ħalib miż-żona ġeografika.
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-passi kollha fil-produzzjoni jridu jseħħu fiż-żona ġeografika.
3.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Mal-isem jista’ jiżdied il-kliem “Danish Blue Cheese” jew it-traduzzjonijiet tiegħu f’lingwi oħrajn. Il-kliem irid jidher separatament mill-isem reġistrat iżda fl-istess kamp viżiv tiegħu.
4. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Id-Danimarka
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Iż-żona ġeografika
F’konformità mar-riċetta oriġinali, id-“Danablu” jiġi prodott esklużivament mill-ħalib tal-baqra Daniża.
L-element essenzjali fil-produzzjoni tad-“Danablu” li jillimitah għaż-żona ġeografika tad-Danimarka huwa l-għarfien espert tradizzjonali u l-għarfen prattiku li għandhom il-produtturi tal-ġobon Daniżi. Dawn il-ħiliet uniċi jiżguraw li d-“Danablu” prodott jibqa’ jkollu l-kwalitajiet tradizzjonali ta’ dan il-ġobon.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Id-“Danablu” huwa ġobon b’vina blu, bi kwantità massima ta’ xaħam jew kwantità ogħla mill-kwantità massima, nofsu iebes għal artab, prodott mill-ħalib tal-baqra Daniża. Il-ħalib jiġi omoġenizzat u pasturizzat jew soġġett għal trattament bis-sħana, li jagħti lill-ġobon togħma qawwija u pikkanti u sawra li titqatta’ faċilment u titfarrak ftit. Id-“Danablu” għandu togħma qawwija meta mqabbel ma’ ġobniet b’vina blu oħrajn. Il-qoxra hija bajda u ma għandhiex moffa tidher u mikroorganiżmi oħrajn.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DOP) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott (għall-IĠP)
Fl-UE u lil hinn minnha, id-“Danablu” huwa magħruf bħala speċjalità ta’ oriġini Daniża prodotta minn materja prima Daniża. Dik ir-reputazzjoni nkisbet permezz ta’ inizjattivi leġiżlattivi u x-xogħol tal-produtturi matul l-aħħar 60 sena biex jiżguraw il-kwalità tal-prodott u jippreżervaw il-karatteristiċi tradizzjonali partikolari tiegħu.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, università Amerikana kisbet privattiva għall-omoġenizzazzjoni tal-ħalib tal-ġobon u ppruvat tintaxxa l-ġobon Daniż li jsir mill-ħalib omoġenizzat. Dan ma rnexxiex peress li seta’ jintwera li dan il-metodu kien ġie introdott 20 sena qabel minn Marius Boel fid-Danimarka. Jidher li l-ġobon kien jokkupalu ħsibijietu – ftit jew wisq konxjament – anke meta kien għadu tifel peress li ta’ età zgħira ħafna kien għamel għadd ta’ esperimenti interessanti fuq kulturi ta’ vina blu fir-razzett tal-familja tiegħu f’Salling, fejn kienu jiġu prodotti l-butir u l-ġobon. Huwa kien innota li l-ġobniet xi kultant kienu jimmuffaw, u sforz il-kurżità, daqhom. Boel skopra li l-ġobniet, fi kliemu stess, kellhom “togħma partikolari u pikkanti”. Allura ħa ftit moffa mill-ġobniet u kkultivaha fuq il-ħobż. Wara dak, nixxef u farrak il-ħobż u żied dan it-trab mal-baqta friska. Kien ittieħed l-ewwel pass biex isir il-ġobon “Danablu”.
Fl-1927, Boel ipprova jagħmel ġobon mill-ħalib omoġenizzat, li kiseb minn maħleb f’Odense. Huwa kien ispirat mill-krema singola li għandha 9 % xaħam, minħabba li kienet omoġenizzata u kellha konsistenza kremuża minkejja l-kontenut ta’ xaħam relattivament baxx tagħha. L-esperimenti wasslu għal titjib sinifikanti fil-kwalità tal-ġobon, li żdied fil-kontenut ta’ xaħam tiegħu u kiseb togħma aktar pikkanti, b’kulur aktar abjad u kapaċità ta’ żamma tal-ilma mtejba. Wara malajr saret prattika komuni li l-ħalib tal-ġobon jiġi omoġenizzat fl-imħaleb li jipproduċu ġobon ta’ dan it-tip. Fis-snin 30, sar ukoll komuni li l-ħalib tal-ġobon jiġi ppasturizzat f’temperatura baxxa fl-imħaleb tal-ġobon Daniżi.
Għal diversi raġunijiet, id-domanda għall-ġobon b’vina blu Daniż żdiedet b’mod konsiderevoli madwar l-1930, u l-għadd ta’ produtturi żdied ukoll. Sabiex tinżamm il-kwalità, inbdew negozjati mal-Kap Spettur Lohse, il-Kap tas-Servizz ta’ Spezzjoni Statali, bl-għan li jiġu stabbiliti kontrolli regolari fuq il-ġobniet maħsubin għall-esportazzjoni. In-negozjati kkonkludew li l-ewwel kien meħtieġ li tiġi stabbilita assoċjazzjoni tal-produtturi li setgħet tiddiskuti d-dettalji tas-sistema ta’ spezzjoni. Għalhekk saret laqgħa fit-23 ta’ Ġunju 1934. Fil-laqgħa ġiet adottata d-deċiżjoni li tiġi stabbilita assoċjazzjoni tal-produtturi.
Fl-istess jum li ġiet stabbilita l-assoċjazzjoni, intlaħaq qbil mal-Ispettur Lohse li l-ewwel provi ta’ evalwazzjoni tal-ġobon kellhom isiru f’Odense fis-16 ta’ Lulju 1934. Wara tliet provi, ġew adottati kriterji għall-evalwazzjoni tal-qoxra, tal-istruttura, tal-kulur, tar-riħa u tat-togħma tal-ġobon u l-adegwatezza ġenerali tiegħu għall-esportazzjoni. F’Settembru 1934, l-assoċjazzjoni nediet in-negozjati mal-Ministeru tal-Agrikoltura u s-Servizz ta’ Spezzjoni Statali biex jistabbilixxu regoli dwar il-karatteristiċi tal-ġobon u dwar l-approvazzjoni biex l-imħaleb jipproduċu ġobniet għall-esportazzjoni. Wara n-negozjati, il-ministeru ħareġ ir-“regolamenti għall-evalwazzjoni tal-ġobniet tat-tip Roquefort fil-valutazzjonijiet tal-ġobon statali” tiegħu. Ir-regolamenti daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1936.
Fl-1952, l-isem tal-ġobon, “Danablu”, ġie stabbilit uffiċjalment permezz tad-Digriet Nru 80 tal-Ministeru tal-Agrikoltura tat-13 ta’ Marzu 1952 dwar l-ismijiet tal-ġobniet Daniżi. L-Att Nru 214 tas-16 ta’ Ġunju 1958 dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, eċċ. tal-ġobon inħareġ fl-1958. L-Att jistabbilixxi l-linji gwida għall-produzzjoni u għall-ispezzjoni. Ġew stabbiliti regolamenti sussegwenti f’digrieti mill-1963 u l-1969 li jispeċifikaw il-karatteristiċi tal-ġobniet.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6673/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)